5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 471/2012

tal-4 ta’ Ġunju 2012

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-Lisożima (E 1105) fil-birra

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista’ tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista’ ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-Lisożima (E 1105) bħala konservattiv fil-birra ġiet sottomessa u tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

(5)

Il-biċċa l-kbira tal-bireriji jippasterizzaw jew jiffiltraw b’mod sterili l-birer tagħhom biex jevitaw li dawn jitħassru mill-batterji waqt il-ħażna tal-birra qabel ma din tiġi kkunsmata. Fil-każ ta’ xi birer speċjali, bħall-birer li jiffermentaw minn fuq nett permezz tar-rifermentazzjoni, pereżempju il-birra kkundizzjonata fil-bettiegħa jew dik ikkundizzjonata fil-flixkun, dawn it-trattamenti ma jistgħux isiru minħabba li l-mikroorganiżmi vijabbli preżenti huma parti mill-proċess tal-manifattura ta’ dawk il-birer. Il-Lisożima (E 1105) ġiet ippruvata bħala aġent antibatterju xieraq għall-għanijiet tal-manifattura tal-birra u hija effettiva fit-trażżin tal-batterja tal-aċidu lattiku miżjud mal-birer lesti.

(6)

Il-Lisożima (E 1105) tappartjeni għall-grupp ta’ addittivi li għalih ma ġie speċifikat l-ebda konsum ta’ kuljum aċċettabbli (3). Dan jimplika li ma tirrappreżentax xi periklu għas-saħħa fil-livelli neċessarji biex jinkiseb l-effett teknoloġiku mixtieq. Għaldaqstant, jixraq li jiġi permess l-użu tal-Lisożima (E 1105) għall-konservazzjoni tal-birer li ma jiġux soġġetti la għall-pasterizzazzjoni u lanqas għall-filtrazzjoni sterili.

(7)

Skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/84/KE tas-27 ta’ Awwissu 2008 li tistabbilixxi kriterji speċifiċi ta’ purità f’addittivi tal-ikel għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (4), il-Lisożima (E 1105) tinkiseb mill-abjad tal-bajd tat-tiġieġ. Il-bajd u l-prodotti tagħhom huma elenkati fl-Anness IIIa għad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (5). Il-preżenza ta’ din l-enzima fil-birer jeħtieġ li tiġi indikata fuq it-tikketta skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva msemmija.

(8)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni qed tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr fejn l-aġġornament inkwistjoni mhux responsabbli minn effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-Lisożima (E 1105) bħala konservant fil-birra jikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhux responsabbli li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li tiġi mfittxija l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel.

(9)

Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemendaw l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-istabbiliment ta’ lista tal-Unjoni għall-addittivi tal-ikel (6), l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvata għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu, japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013. Biex jiġi permess l-użu tal-Lisożima (E 1105) fil-birer qabel dik id-data, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata data tal-applikazzjoni aktar bikrija fir-rigward ta’ dak l-addittiv tal-ikel.

(10)

Għaldaqstant, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Rapport mill-Kummissjoni dwar it-Teħid tal-Addittivi tal-Ikel Dijetetiku fl-Unjoni Ewropea, COM(2001) 542 finali.

(4)  ĠU L 253, 20.9.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(6)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-entrata li ġejja ddaħħlet fil-kategorija tal-ikel 14.2.1 “birra u xarbiet tax-xgħir” wara l-entrata għal E 962:

 

“E 1105

Lisożima

quantum satis

 

fil-birer li ma jkunux se jiġu suġġetti għall-pasturizzazzjoni jew il-filtrazzjoni sterili biss

Perjodu ta’ applikazzjoni:

Mill-25 ta' Ġunju 2012”