28.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 55/13 |
REGOLAMENT (UE) Nru 182/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Frar 2011
li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 291(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Fejn ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li jkunu jorbtu legalment, dawk l-atti għadhom jikkonferixxu s-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, jew, f’każijiet speċifiċi debitament ġustifikati u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill. |
(2) |
Huwa kompitu tal-leġiżlatur, f’osservanza sħiħa tal-kriterji stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li jiddeċiedi, fir-rigward ta’ kull att bażiku, jekk għandux jikkonferixxi jew le setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 291(2) ta’ dak it-Trattat. |
(3) |
Sa issa, l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni kien regolat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (2). |
(4) |
It-TFUE issa jirrikjedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. |
(5) |
Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-proċeduri għal tali kontroll ikunu ċari, effikaċi u proporzjonati għan-natura tal-atti ta’ implimentazzjoni u li dawn jirriflettu r-rekwiżiti istituzzjonali tat-TFUE kif ukoll l-esperjenzi miksuba u l-prattika komuni segwita fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
(6) |
F’dawk l-atti bażiċi, li jirrikjedu l-kontroll tal-Istati Membri għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni, huwa kunsiljabbli li, għall-fini ta’ tali kontroll, jiġu mwaqqfa kumitati komposti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppreseduti mill-Kummissjoni. |
(7) |
Fejn ikun il-każ, il-modalità ta’ kontroll għandha tinkludi rinviju lil kumitat ta’ appell li għandu jiltaqa’ fil-livell appositu. |
(8) |
Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni konformement ma’ waħda biss minn żewġ proċeduri, jiġifieri l-proċedura konsultattiva jew il-proċedura ta’ eżami. |
(9) |
Għall-finijiet ta’ aktar simplifikazzjoni, għandhom japplikaw regoli proċedurali komuni għall-kumitati, inklużi d-dispożizzjonijiet prinċipali relattivi għall-funzjonament tagħhom u għall-possibbiltà li tingħata opinjoni permezz tal-proċedura bil-miktub. |
(10) |
Għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddeterminaw il-proċedura li għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni. Għall-finijiet ta’ aktar konsistenza, ir-rekwiżiti proċedurali għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u l-impatt tal-atti ta’ implimentazzjoni li jkunu ser jiġu adottati. |
(11) |
Il-proċedura ta’ eżami għandha tapplika b’mod partikolari għall-adozzjoni ta’ atti ta’ ambitu ġenerali mfassla biex jimplimentaw atti bażiċi u atti ta’ implimentazzjoni speċifiċi li jkollhom impatt potenzjalment importanti. Dik il-proċedura għandha tiżgura li l-atti ma jistgħux jiġu adottati mill-Kummissjoni jekk dawn ma jkunux konformi mal-opinjoni tal-kumitat, ħlief f’ċirkostanzi li jkunu ferm eċċezzjonali, fejn ikunu jistgħu japplikaw għal perjodu ta’ żmien limitat. Il-proċedura għandha wkoll tiżgura li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrivedi l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni fejn ma tkun ingħatat ebda opinjoni mill-kumitat, b’kont meħud tal-fehmiet espressi fi ħdan il-kumitat. |
(12) |
Sakemm l-att bażiku jikkonferixxi setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni relatati ma’ programmi b’implikazzjonijiet baġitarji sostanzjali jew li jkunu diretti lejn pajjiżi terzi, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami. |
(13) |
Il-president tal-kumitat rilevanti għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat jew fil-kumitat ta’ appell u għandu jispjega l-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għall-emendi. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-fehmiet espressi fil-kumitat jew fil-kumitat ta’ appell fir-rigward tal-abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi. |
(14) |
Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b’mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b’mod li jevita konflitt ma’ xi pożizzjoni predominanti li tista’ tirriżulta fil-kumitat ta’ appell li tikkontesta l-adegwatezza ta’ att ta’ implimentazzjoni. |
(15) |
Il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każi l-oħra kollha jew fejn tkun ikkunsidrata aktar adatta. |
(16) |
Għandu jkun possibbli, fejn hekk ikun previst f’att bażiku, li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni li japplikaw immedjatament għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza. |
(17) |
Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati minnufih bil-proċedimenti tal-kumitat fuq bażi regolari. |
(18) |
Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill għandhom ikunu jistgħu fi kwalunkwe mument jindikaw lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħhom l-abbozz ta’ att implimentattiv jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku, b’kont meħud tad-drittijiet tagħhom relatati mal-eżami tal-legalità ta’ atti tal-Unjoni. |
(19) |
Għandu jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3). |
(20) |
Għandu jinżamm reġistru mill-Kummissjoni li jkun fih informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati. Konsegwentement, ir-regoli li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ dokumenti klassifikati li japplikaw għall-Kummissjoni għandhom japplikaw ukoll għall-użu tar-reġistru. |
(21) |
Id-Deċiżjoni 1999/468/KE għandha titħassar. Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn ir-reġim previst fid-Deċiżjoni 1999/468/KE u dan ir-Regolament, kwalunkwe referenza f’leġiżlazzjoni eżistenti għall-proċeduri previsti f’dik id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tiegħu, għandha tinftiehem bħala referenza għall-proċeduri korrispondenti previsti f’dan ir-Regolament. L-effetti tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jinżammu b’mod provviżorju għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li jirriferu għal dak l-Artikolu. |
(22) |
Is-setgħat tal-Kummissjoni, kif stabbiliti mit-TFUE, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-modalitajiet li għandhom japplikaw fejn att tal-Unjoni li jkun jorbot legalment (minn hawn ’il quddiem “att bażiku”) jidentifika l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni u jirrikjedi li l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni tkun suġġetta għall-kontroll mill-Istati Membri.
Artikolu 2
Għażla tal-proċeduri
1. Att bażiku jista’ jipprovdi għall-applikazzjoni tal-proċedura konsultattiva jew tal-proċedura ta’ eżami, b’kont meħud tan-natura jew l-impatt tal-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa.
2. Il-proċedura ta’ eżami tapplika b’mod partikolari, għall-adozzjoni ta’:
(a) |
atti ta’ implimentazzjoni ta’ ambitu ġenerali; |
(b) |
atti oħra ta’ implimentazzjoni relatati ma’:
|
3. Il-proċedura konsultattiva tapplika, bħala regola ġenerali, għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li ma jaqgħux fl-ambitu tal-paragrafu 2. Il-proċedura konsultattiva, iżda, tista’ tapplika għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 f’każijiet debitament ġustifikati.
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet komuni
1. Id-dipożizzjonijiet komuni f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president m’għandux jieħu sehem fil-votazzjoni fil-kumitat.
3. Il-president għandu jippreżenta lill-Kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.
Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, il-president għandu jsejjaħ laqgħa mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda lill-kumitat. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.
4. Sa meta l-kumitat jagħti opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi u l-president jista’ jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. Il-president għandu jinforma lill-kumitat dwar il-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għal emendi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk is-suġġerimenti li ngħataw appoġġ kbir fil-kumitat.
5. F’każijiet debitament ġustifikati, il-president jista’ jikseb l-opinjoni tal-kumitat permezz tal-proċedura bil-miktub. Il-president għandu jibgħat lill-membri tal-kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u għandu jistipula limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ opinjoni skont l-urġenza tal-materja. Kwalunkwe membru tal-kumitat li ma jikkontestax l-att ta’ implimentazzjoni jew li ma jastjenix espliċitament milli jivvota dwar dan qabel jiskadi dak il-limitu taż-żmien għandu jiġi meqjus li jkun qabel b’mod taċitu mal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
Sakemm ma jiġix previst b’mod ieħor fl-att bażiku, il-proċedura bil-miktub għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-president jiddeċiedi hekk jew membru tal-kumitat jitlob li jsir dan. F’każ bħal dan, il-president għandu jsejjaħ laqgħa tal-kumitat fi żmien raġonevoli.
6. L-opinjoni tal-kumitat għandha tiġi reġistrata fil-minuti. Il-membri tal-kumitat għandhom id-dritt li jitolbu li l-pożizzjoni tagħhom tkun reġistrata fil-minuti. Il-president għandu jibgħat il-minuti lill-membri tal-kumitat mingħajr dewmien.
7. Fejn applikabbli, il-modalità ta’ kontroll għandha tinkludi rinviju lil kumitat ta’ appell.
Il-kumitat ta’ appell għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.
Meta kwistjoni tiġi quddiem kumitat ta’ appell, dan għandu jiltaqa’ mhux qabel 14-il ġurnata mid-data tar-rinviju, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara dik id-data. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn mid-data tar-rinviju.
Il-kumitat ta’ appell għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.
Il-president għandu jistabbilixxi d-data tal-laqgħa tal-kumitat ta’ appell f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-kumitat, biex jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw livell xieraq ta’ rappreżentanza. Sal-1 ta’ April 2011, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ l-ewwel laqgħa tal-kumitat ta’ appell biex jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
Artikolu 4
Proċedura konsultattiva
1. Fejn tapplika l-proċedura konsultattiva, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ vot jekk ikun meħtieġ. Jekk il-kumitat jieħu vot, l-opinjoni għandha tingħata permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu.
2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat, billi jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-konklużjonijiet meħuda mid-diskussjonijiet fil-kumitat u mill-opinjoni li tkun ingħatat.
Artikolu 5
Proċedura ta’ eżami
1. Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) tat-TFUE, għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli.
2. Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta dak l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Fejn att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-istess kumitat fi żmien xahrejn mill-għoti tal-opinjoni negattiva, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar minn tali għoti lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni.
4. Fejn ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, ħlief fil-każijiet previsti fit-tieni subparagrafu. Fejn il-Kummissjoni ma tadottax l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, il-president jista’ jippreżenta lill-kumitati verżjoni emendata tiegħu.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fejn:
(a) |
dak l-att jikkonċerna t-tassazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sikurezza ta’ bnedmin, annimali jew pjanti, jew miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi, |
(b) |
l-att bażiku jipprevedi li l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni ma jistax jiġi adottat fejn ma tingħatax opinjoni, jew |
(ċ) |
tkun topponih maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tal-kumitat. |
Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu, fejn att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata ta’ dak l-att lill-istess kumitat fi żmien xahrejn mill-vot, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar mill-vot lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni.
5. B’deroga mill-paragrafu 4, il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-kumitat u maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu topponi l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha jkollha konsultazzjonijiet mal-Istati Membri. Mill-anqas erbatax-il ġurnata qabel u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-laqgħa tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-membri tal-kumitat bir-riżultati ta’ dawk il-konsultazzjonijiet u tippreżenta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell. B’deroga mill-Artikolu 3(7), il-kumitat ta’ appell għandu jiltaqa’ mhux qabel 14-il ġurnata minn u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skont l-Artikolu 6. Il-limiti ta’ żmien stipulati f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskadenzi stipulati fl-atti bażiċi rilevanti.
Artikolu 6
Rinviju lill-kumitat ta’ appell
1. Il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 5(1).
2. Sa meta tingħata opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat ta’ appell jista’ jissuġġerixxi emendi għall-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u l-president jista’ jiddeċiedi jekk jimmodifikahx jew le.
Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat ta’ appell.
Il-president għandu jinforma lill-kumitat ta’ appell dwar il-mod li bih ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għal emendi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ suġġerimenti għal emendi li ngħataw appoġġ kbir fil-kumitat ta’ appell.
3. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummisjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
4. B’deroga mill-paragrafu 3, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi, fin-nuqqas ta’ opinjoni pożittiva vvutata b’maġġoranza prevista fl-Artikolu 5(1), il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozzi tal-miżuri.
5. B’deroga mill-paragrafu 1, sal-1 ta’ Settembru 2012, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu.
Artikolu 7
L-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’każijiet eċċezzjonali
B’deroga mill-Artikolu 5(3) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4), il-Kummissjoni tista’ tadotta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni fejn dan ikun jeħtieġ li jiġi adottat mingħajr dewmien biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ tfixkil sinifikanti tas-swieq fil-qasam tal-agrikoltura jew riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 325 tat-TFUE.
F’tali każ il-Kummissjoni għandha immedjatament tippreżenta l-att ta’ implimentazzjoni adottat lill-kumitat ta’ appell. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni negattiva dwar l-att ta’ implimentazzjoni adottat, il-Kummissjoni għandha tħassar dak l-att immedjatament. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva jew ma jagħti l-ebda opinjoni, l-att ta’ implimentazzjoni għandu jibqa’ fis-seħħ.
Artikolu 8
Atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament
1. B’deroga mill-Artikoli 4 u 5, att bażiku jista’ jipprovdi li, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, għandu japplika dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li għandu japplika immedjatament, mingħajr il-preżentazzjoni tiegħu minn qabel lil xi kumitat, u li għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur sakemm l-att bażiku ma jipprevedix mod ieħor.
3. Mhux aktar tard minn 14-il ġurnata wara l-adozzjoni tiegħu, il-president għandu jippreżenta l-att imsemmi fil-paragrafu 2 lill-kumitat rilevanti sabiex jikseb l-opinjoni tegħu.
4. Fejn tkun tapplika l-proċedura ta’ eżami, fil-każ li li l-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni għandha minnufih tħassar l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2.
5. Fejn il-Kummissjoni tadotta miżuri anti-dumping jew kumpensatorji provviżorji, għandha tapplika l-proċedura prevista f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali miżuri wara li tikkonsulta jew, f’każijiet ta’ urġenza kbira, wara li tinforma, lill-Istati Membri. F’dan il-każ tal-aħħar, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara n-notifika lill-Istati Membri tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni.
Artikolu 9
Regoli ta’ proċedura
1. Kull kumitat għandu jadotta b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta tal-president tiegħu, abbażi ta’ regoli standard li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. Dawn ir-regoli standard għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Safejn jista’ jkun meħtieġ, il-kumitati eżistenti għandhom jadattaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom għar-regoli standard.
2. Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-kumitati.
Artikolu 10
Informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati
1. Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru tal-proċedimenti tal-kumitati li għandu jinkludi:
(a) |
lista tal-kumitati, |
(b) |
l-aġendi tal-laqgħat tal-kumitati, |
(c) |
is-sommarji ta’ entrati reġistrati, flimkien mal-listi tal-awtoritajiet u organizzazzjonijiet li għalihom jkunu jappartjenu l-persuni maħtura mill-Istati Membri bħala rappreżentanti tagħhom, |
(d) |
l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li dwarhom il-kumitati jintalbu li jagħtu opinjoni, |
(e) |
ir-riżultati tal-votazzjonijiet, |
(f) |
l-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni wara li tingħata l-opinjoni tal-kumitati, |
(g) |
informazzjoni li tikkonċerna l-adozzjoni tal-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, u |
(h) |
data ta’ statistika dwar il-ħidma tal-kumitati. |
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika wkoll rapport annwali dwar il-ħidma tal-kumitati.
3. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’konformità mar-regoli applikabbli.
4. Fl-istess mument li jintbagħtu lill-membri tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill id-dokumenti msemmija fil-punti (b), (d) u (f) tal-paragrafu 1 filwaqt li tinfurmahom ukoll bid-disponibbiltà ta’ dawn id-dokumenti.
5. Ir-referenzi għad-dokumenti kollha msemmija fil-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1 kif ukoll l-informazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi fir-reġistru.
Artikolu 11
Id-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Fejn att bażiku jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ fi kwalunkwe mument jindika lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tiegħu, l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha teżamina l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tqis il-pożizzjonijiet espressi, u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk ikollhiex l-intenzjoni li żżomm, temenda jew tirtira l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 12
Tħassir tad-Deċiżjoni 1999/468/KE
Id-Deċiżjoni 1999/468/KE hija b’dan imħassra.
L-effetti tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jinżammu għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li għalihom jagħmlu referenza.
Artikolu 13
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali: adattament tal-atti bażiċi eżistenti
1. Fejn atti bażiċi adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jipprovdu għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:
(a) |
fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament; |
(b) |
fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament; |
(ċ) |
fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament u l-att bażiku għandu jitqies li jistipula li, fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, kif previst fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4); |
(d) |
fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandu japplika l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament; |
(e) |
fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandhom japplikaw l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament. |
2. L-Artikoli 3 u 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-kumitati eżistenti kollha għall-finijiet tal-paragrafu 1.
3. L-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċeduri eżistenti li jagħmlu referenza għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.
4. Il-miżuri tranżizzjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu m’għandhomx jippreġudikaw in-natura tal-atti kkonċernati.
Artikolu 14
Arranġament tranżizzjonali
Dan ir-Regolament m’għandux jinċidi fuq proċeduri pendenti li fihom kumitat ikun diġà ta l-opinjoni tiegħu taħt id-Deċiżjoni 1999/468/KE.
Artikolu 15
Klawsola ta’ eżami
Sal-1 ta’ Marzu 2016, il-Kummnissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi adatti.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2011.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Frar 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
MARTONYI J.
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011.
(2) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(3) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
STQARRIJA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI
L-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva. Din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-Kummissjoni tista', bħal fil-prattika attwali, f'każijiet eċċezzjonali ħafna, tieħu kont ta' ċirkostanzi ġodda li rriżultaw wara l-votazzjoni u tiddeċiedi li ma tadottax abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, wara li tkun infurmat debitament lill-kumitat u l-leġislatur.
STQARRIJIET MILL-KUMMISSJONI
Il-Kummissjoni se tgħaddi biex teżamina l-atti leġiżlattivi kollha li jinsabu fis-seħħ u li ma ġewx adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, sabiex tivvaluta jekk jeħtieġx li dawk l-istrumenti jiġu adattati għar-reġim tal-atti ddelegati li ddaħħal permezz tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti xerqin mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mid-dati msemmijin fil-kalendarju indikattiv li jinsab anness ma' din id-dikjarazzjoni.
Waqt li jkun għaddej dan l-eżerċizzju ta' allinjament, il-Kummissjoni se żżomm lill-parlament Ewropew mgħarraf b'mod regolari dwar l-abbozzi ta' miżuri implimentattivi marbutin ma' dawn l-istrumenti li fil-ġejjieni għandhom isiru atti ddelegati.
Rigward l-atti leġiżlattivi fis-seħħ li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, l-Kummissjoni se tirrevedi d-dispożizzjonijiet marbutin ma' din il-proċedura f'kull strument li għandha l-ħsieb li timmodifika, sabiex meta jasal iż-żmien xieraq tadattahom skont il-kriterji preskritti fit-Trattat. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkunu intitolati li jindikaw l-atti bażiċi li jqisuh importanti li jiġu adattati bi prijorità.
Sa tmiem l-2012 il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati ta' dan il-proċess sabiex tistma kemm ikun għad baqa' fis-seħħ atti leġiżlattivi li jkun fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju. Imbagħad il-Kummissjoni tħejji l-inizjattivi leġiżlattivi xerqin sabiex tlesti l-adattament. L-objettiv ġenerali tal-Kummissjoni huwa li, sa tmiem is-7 mandat tal-Parlament, id-dispożizzjonijiet kollha li jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju jkunu tneħħew mill-istrumenti leġiżlattivi kollha.
Il-Kummissjoni tinnota li dan l-aħħar varat studju li jipprovdi ħarsa kompluta u oġġettiva lejn l-aspetti kollha tal-linja politika u l-prattiki tal-UE għad-difiża tal-kummerċ, inkluża evalwazzjoni tar-riżultati, tal-metodi, tal-utilizzazzjoni u tal-effettività tal-iskema kurrenti tas-SDK (TDI) fil-kisba tal-objettivi tal-linja politika dwar il-kummerċ, evalwazzjoni tal-effettività tad-deċiżjonijiet eżistenti u potenzjali dwar linji politiċi meħudin mill-Unjoni Ewropea (e.g., it-test dwar l-interess tal-Unjoni, ir-regola tal-inqas dazji, is-sistema tal-ġbir tad-dazji) meta wieħed iqabbel mad-deċiżjonijiet rigward linji politiċi meħudin minn ċerti sħab kummerċjali u eżami tar-regolamenti bażiċi kontra d-dumping u kontra s-sussidji fil-kuntest tal-prattika amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-UE, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Korp tal-WTO għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim.
Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb, fil-kuntest tar-riżultati tal-istudju u tal-iżviluppi fin-negozjati dwar l-Aġenda ta' Doħa għall-Iżvilupp, tistħarreġ jekk għandhiex tkompli taġġorna u timmodernizza l-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ u kif.
Il-Kummissjoni tfakkar ukoll fl-inizjattivi li ħadet dan l-aħħar biex ittejjeb it-trasparenza tat-tħaddim tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (bħall-ħatra ta' Uffiċjal tas-Seduta) u ħidmietha mal-Istati Membri biex tiċċara elementi ewlenin tal-prattika tad-difiża tal-kummerċ. Il-Kummissjoni tagħti importanza sostanzjali lil dan ix-xogħol, u se tfittex li tidentifika, b'konsultazzjoni mal-Istati Membri, inizjattivi oħrajn li jistgħu jittieħdu f'dan ir-rigward.
Skont ir-regoli tal-komitoloġija msejsin fuq id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill, fejn kumitat ta' ġestjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ikun ta opinjoni kuntrarja, il-Kummissjoni trid tissottometti l-abbozz ta' miżura inkwistjoni lill-Kunsill, li jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar. Madanakollu, xejn ma jżomm lill-Kummissjoni milli taġixxi iżda għandha l-għażla li ddaħħal il-miżura jew inkella tiddifferixxi l-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżura fejn tqis, kollox ma' kollox, li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tagħha tkun, ngħidu aħna, tipprovoka effetti negattivi irriversibbli fuq is-suq. Meta aktar tard il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor il-miżura mdaħħla fis-seħħ mill-Kummissjoni naturalment ma jkunx hemm iktar bżonnha. Hekk, ir-regoli ta' bħalissa jarmaw lill-Kummissjoni bi strument li jippermetti li jitħares l-interess komuni tal-Unjoni kollha kemm hi billi tadotta miżura, għall-inqas fuq bażi interim.
L-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament ifittex li jilħaq l-objettiv li dan il-mod ta' kif isiru l-affarijiet jinżamm fl-arranġamenti l-ġodda tal-komitoloġija iżda li jiġi limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u fuq il-bażi ta' kriterji ddefiniti tajjeb u restrittivi. Dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni tadotta abbozz ta' miżura minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-kumitat li jeżamina, dment li “n-nuqqas ta' adozzjoni tagħha b'urġenza jkun joħloq tħarbit sinifikanti tas-swieq (…) jew għal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.” Id-dispożizzjoni tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx possibbli li wieħed jistenna sakemm il-kumitat jerġa' jivvota fuq l-istess abbozz ta' miżura jew fuq abbozz ieħor ta' miżura minħabba li sadattant is-suq ikun ġie mfixkel b'mod sinifikanti e.g. minħabba l-imġiba spekulattiva tal-operaturi. Sabiex tiżgura l-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi, hija tagħti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-opportunità li jkollhom diskussjoni infurmata oħra dwar l-abbozz ta' miżura mingħajr ma l-affarijiet jitħallew mhux deċiżi u miftuħin għall-ispekulazzjoni bil-konsegwenzi negattivi għas-swieq u għall-baġit.
Tali sitwazzjonijiet jistgħu notevolment iqumu fil-kuntest tal-ġestjoni minn ġurnata għall-oħra tal-PAK (e.g. l-iffissar tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, il-ġestjoni tal-liċenzji, klawsola speċjali ta' salvagwardja) fejn spiss ikun meħtieġ li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u jista' jkollhom konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti għas-swieq u b'hekk għall-bdiewa u għall-operaturi kif ukoll għall-baġit tal-Unjoni.
F'każijiet fejn il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jindikaw lill-Kummissjoni li jqisu li abbozz ta' att implimentattiv ikun imur lil hinn mis-setgħat implimentattivi previsti fl-att bażiku, il-Kummissjoni tirrevedi minnufih l-abbozz ta' att implimentattiv b'mod li jagħti kas tal-pożizzjonijiet espressi mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Il-Kummissjoni taġixxi b'mod li jagħti kas xieraq tal-urġenza tal-materja.
Qabel ma tiddeċiedi jekk l-abbozz ta' att implimentattiv għandux jiġi adottat, emendat jew irtirat, il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill dwar l-azzjoni li jkollha l-ħsieb li tieħu u dwar ir-raġunijiet għaliex tkun se tagħmel dan.