10.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/49


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/97/UE

tal-5 ta’ Diċembru 2011

li temenda d-Direttiva 1999/31/KE fir-rigward ta’ kriterji speċifiċi għall-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1102/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-projbizzjoni tal-merkurju metalliku u ta’ ċerti komposti u taħlitiet tal-merkurju u l-ħżin sikur tal-merkurju metalliku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 (3) tiegħu, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 jistipula li, b’deroga mill-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 1999/31/KE, il-merkurju metalliku meqjus bħala skart jista’, jekk miżmum kif xieraq, jiġi maħżun b’mod temporanju għal aktar minn sena jew jiġi maħżun b’mod permanenti f’ċerti tipi ta’ terraferma.

(2)

Il-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart diġà huwa rregolat mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart.

(3)

Il-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart għal perijodu massimu ta’ sena huwa soġġett għar-rekwiżiti tal-permessi skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (3).

(4)

Id-Direttiva 1999/31/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/33/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma artifiċjali skont l-Artikolu 16 ta’ u l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE (4) japplikaw għal faċilitajiet għall-ħżin ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1102/2008.

(5)

Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-faċilitajiet għall-ħżin ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena jeħtieġu permess skont l-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Direttiva 1999/31/KE u li faċilitajiet bħal dawn huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ kontroll u monitoraġġ stabbiliti fl-Artikolu 12 ta’ dik id-Direttiva, kif ukoll, fil-każ ta’ ħżin taħt l-art, għar-rekwiżiti ta’ stima tas-sikurezza skont l-Appendiċi A tad-Deċiżjoni 2003/33/KE.

(6)

Barra minn hekk, faċilitajiet bħal dawn huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar iż-żamma ta’ reġistri stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE.

(7)

Minbarra dan, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (5) japplikaw għal faċilitajiet għall-ħżin temporanju ‘l fuq mill-art skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1102/2008.

(8)

Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet ma jindirizzawx għal kollox il-karatteristiċi speċifiċi tal-merkurju metalliku, u għalhekk hemm bżonn ta’ rekwiżiti addizzjonali.

(9)

Dawk ir-rekwiżiti addizzjonali għandhom iqisu attivitajiet ta’ riċerka dwar opzjonijiet ta’ rimi sikur, inkluża s-solidifikazzjoni tal-merkurju metalliku. Sar ċertu progress fl-iżvilupp ta’ opzjonijiet ta’ solidifikazzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, iżda għadu prematur biex tittieħed deċiżjoni dwar il-vijabbiltà fuq skala kbira ta’ opzjonijiet ta’ dan it-tip.

(10)

Huma meħtieġa stimi addizzjonali tal-imġiba fit-tul tal-merkurju metalliku maħżun taħt l-art għad-determinazzjoni ta’ rekwiżiti għall-ħżin permanenti li jkunu sodi u bbażati fuq l-għarfien. Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu limitati għal ħżin temporanju u jitqiesu bħala adatti u li jirrappreżentaw l-aqwa tekniki disponibbli għall-ħżin sikur ta’ merkurju metalliku għal perijodu ta’ żmien ta’ mhux aktar minn ħames snin.

(11)

Għalhekk, id-Direttiva 1999/31/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(12)

Ma ngħatat l-ebda opinjoni mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 1999/31/KE. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Kunsill jadotta din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u III tad-Direttiva 1999/31/KE huma b’dan emendati kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-15 ta’ Marzu 2013. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

W. PAWLAK


(1)  ĠU L 304, 14.11.2008, p. 75.

(2)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(3)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(4)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 27.

(5)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.


ANNESS

L-Annessi I, II u III tad-Direttiva 1999/31/KE huma emendati kif ġej:

(1)

It-taqsima li ġejja għandha tiżdied mal-Anness I:

“8.   Ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku

Għall-finijiet ta’ ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

Il-merkurju metalliku għandu jiġi maħżun separatament minn skart ieħor;

Il-kontenituri għandhom jiġu maħżuna f’baċiri għall-ġbir miksija b’mod xieraq sabiex ma jkollhomx xquq u fetħiet, u li jkunu impermeabbli għall-merkurju metalliku b’volum xieraq li jkun jista’ jżomm il-kwantità ta’ merkurju maħżun;

Is-sit tal-ħżin għandu jiġi pprovdut permezz ta’ barrieri naturali jew mibnija apposta li jkunu xierqa biex l-ambjent jiġi protett minn emissjonijiet tal-merkurju u b’volum xieraq li jkun jista’ jżomm il-kwantità totali ta’ merkurju maħżun;

L-art tas-siti tal-ħżin għandha tkun koperta b’materjal li jissiġilla li huwa reżistenti għall-merkurju. Għandha tiġi pprovduta żerżieqa b’fossa għall-ġbir;

Is-sit tal-ħżin għandu jkun mgħammar b’sistema ta’ protezzjoni kontra n-nirien;

Il-ħżin għandu jsir b’tali mod li jiġi żgurat li l-kontenituri kollha jistgħu jiġu rkuprati faċilment.”;

(2)

It-taqsima li ġejja għandha tiżdied mal-Anness II:

“6.   Rekwiżiti speċifiċi għall-merkurju metalliku

Għall-finijiet ta’ ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

A.

Kompożizzjoni tal-merkurju

Il-merkurju metalliku għandu jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

kontenut ta’ merkurju ogħla minn 99,9 % skont il-piż;

mingħajr impuritajiet li jistgħu jikkorrodu l-karbonju jew l-azzar li ma jissaddadx (eż. soluzzjoni ta’ aċidu nitriku, soluzzjonijiet ta’ mlieħ tal-klorur).

B.

Żamma

Il-kontenituri li jintużaw għall-ħżin tal-merkurju metalliku għandhom ikunu reżistenti għall-korrużjoni u għandhom ikunu reżistenti għax-xokkijiet. Għalhekk, is-saldaturi għandhom jiġu evitati. B’mod partikolari, il-kontenituri għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

materjal tal-kontenitur: azzar bil-karbonju (minimu ASTM A36) jew azzar li ma jissaddadx (AISI 304, 316L);

il-kontenituri għandhom ikunu tat-tip li minnhom la joħorġu gassijiet u lanqas likwidi;

in-naħa ta’ barra tal-kontenitur għandha tkun reżistenti għall-kondizzjonijiet tal-ħżin;

it-tip tad-disinn tal-kontenitur għandu jgħaddi b’suċċess mit-test tat-twaqqigħ (drop test) u mit-test li jikkonferma nuqqas ta’ tnixxija (leakproofness test) kif deskritti fil-Kapitoli 6.1.5.3 u 6.1.5.4 tar-Rakkomandazzjonijiet tan-NU dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi, il-Manwal tat-Testijiet u l-Kriterji.

Il-proporzjon massimu tal-mili tal-kontenitur għandu jkun ta’ 80 % skont il-volum biex jiġi żgurat li jkun hemm spazju vojt biżżejjed biex la jkun hemm tnixxija u lanqas tgħawwiġ permanenti tal-kontenitur bħala riżultat tal-espansjoni tal-likwidu minħabba temperatura għolja.

C.

Proċeduri ta’ aċċettazzjoni

Għandhom jiġu aċċettati biss kontenituri b’ċertifikat konformi mar-rekwiżiti mniżżlin f’din it-taqsima.

Il-proċeduri ta’ aċċettazzjoni għandhom ikunu konformi ma’ dan li ġej:

jiġi aċċettat biss merkurju metalliku li jissodisfa l-kriterji minimi ta’ aċċettazzjoni stabbiliti hawn fuq;

il-kontenituri għandhom jiġu spezzjonati viżwalment qabel il-ħżin. Kontenituri li jkollhom ħsara, li jnixxu jew li għandhom korrużjoni ma għandhomx jiġu aċċettati;

il-kontenituri għandu jkollhom fuqhom timbru li jservi għal ħafna żmien (magħmul b’sistema ta’ ppanċjar) li juri n-numru ta’ identifikazzjoni tal-kontenitur, il-materjal tal-kostruzzjoni, il-piż tiegħu vojt, ir-referenza tal-manifattur u d-data tal-kostruzzjoni;

il-kontenituri għandu jkollhom mwaħħla magħhom b’mod permanenti pjanċa li turi n-numru ta’ identifikazzjoni taċ-ċertifikat.

D.

Ċertifikat

Iċ-ċertifikat indikat fis-subtaqsima C għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

l-isem u l-indirizz tal-produttur tal-iskart;

l-isem u l-indirizz tal-persuna responsabbli għall-mili;

il-post fejn seħħ il-mili, u d-data meta seħħ;

il-kwantità tal-merkurju;

il-purità tal-merkurju u, jekk rilevanti, deskrizzjoni tal-impuritajiet, inkluż ir-rapport analitiku;

konferma li l-kontenituri ntużaw esklussivament għat-trasport/il-ħżin tal-merkurju;

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-kontenituri;

kwalunkwe kumment speċifiku.

Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu mill-produttur tal-iskart jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-persuna responsabbli għall-ġestjoni tiegħu.”

(3)

It-taqsima li ġejja għandha tiżdied mal-Anness III:

“6.   Rekwiżiti speċifiċi għall-merkurju metalliku

Għall-finijiet ta’ ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

A.

Rekwiżiti ta’ monitoraġġ, spezzjoni u emerġenza

Fis-sit tal-ħżin għandha tiġi installata sistema ta’ monitoraġġ kontinwu tal-fwar tal-merkurju b’sensittività ta’ mill-inqas 0,02 mg ta’ merkurju/m3. Is-sensuri għandhom jiġu ppożizzjonati fil-livell tal-art u fil-livell ta’ tul ta’ bniedem. Din għandha tinkludi sistema ta’ twissija viżwali u akustika. Darba fis-sena għandu jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-sistema.

Is-sit tal-ħżin u l-kontenituri għandhom jiġu spezzjonati viżwalment minn persuna awtorizzata, tal-inqas darba fix-xahar. Meta jiġu individwati tnixxijiet, l-operatur għandu minnufih jieħu kull azzjoni meħtieġa biex tiġi evitata kwalunkwe emissjoni ta’ merkurju fl-ambjent u biex terġa’ tiġi stabbilita s-sikurezza tal-ħżin tal-merkurju. Kwalunkwe tnixxija għandha titqies li għandha effetti ambjentali negattivi sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 12(b).

Fis-sit għandu jkun hemm disponibbli pjani ta’ emerġenza u tagħmir protettiv adattat għall-ġestjoni tal-merkurju metalliku.

B.

Żamma tar-reġistri

Id-dokumenti kollha li fihom l-informazzjoni msemmija fit-Taqsima 6 tal-Anness II u fil-punt A ta’ din it-Taqsima, inkluż iċ-ċertifikat li jkun hemm mal-kontenitur, kif ukoll reġistri rigward it-tneħħija mill-ħżin u l-kunsinna tal-merkurju metalliku wara l-ħżin temporanju tiegħu, u d-destinazzjoni u t-trattament maħsub għalih għandhom jinżammu għal mill-inqas tliet snin wara t-tmiem tal-ħżin.”.