15.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Ottubru 2011

dwar it-twaqqif ta’ Grupp Nazzjonali ta' Esperti dwar il-Faħam (NCE)

2011/C 304/03

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

Billi:

(1)

L-Artikolu 194 tat-TFUE jipprovdi li fl-ispirtu tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, il-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija għandu jkollha l-għan li tiżgura t-tħaddim tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2010“Strateġija dwar l-Enerġija 2020. Strateġija għall-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-eneġija sikura” (1) filwaqt li tesprimi li l-Istati Membri għad jeħtieġu li gradwalment jeliminaw is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, tirrikonoxxi l-potenzjal għal żvilupp ulterjuri tar-riżorsi tal-fjuwils fossili indiġeni bil-għan li jiġi żgurat li n-negozji u l-konsumaturi Ewropej jiksbu enerġija sikura u sostenibbli bi prezzijiet kompetittivi.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE tistipula l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-produzzjoni tal-faħam minn minjieri mhux kompetittivi sal-31 ta’ Diċembru 2018.

(4)

Minħabba s-sehem tal-faħam fil-provvista tal-enerġija Ewropea, huwa xieraq li l-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' esperti biex jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tas-swieq tal-faħam kif ukoll biex ikun permess skambju kontinwu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-UE.

(5)

Abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 405/2003 tas-27 ta’ Frar 2003 dwar il-kontroll tal-Komunità tal-importazzjoni tal-fossili tal-karbonju li joriġina minn pajjiżi terzi (2), grupp ta’ esperti dwar il-faħam – Il-Grupp Nazzjonali ta’ Esperti (NCE) – iltaqa’ b’mod regolari mill-2003 sal-2010.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 405/2003 skada fil-31 ta’ Diċembru 2010 mingħajr ma kien sostitwit.

(7)

Fi spirtu biex tisseddaq kooperazzjoni tajba fi ħdan l-NCE li twaqqaf għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 405/2003, grupp ġdid ta’ esperti fil-qasam tal-faħam għandu jissemma għalih.

(8)

L-NCE għandu jkompli jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-materji ta’ politika tal-enerġija relatata mal-faħam u l-Kummissjoni, dwar l-aspetti kollha tal-katina tal-valur tal-faħam filwaqt li ma jirdoppjax ix-xogħol ta’ gruppi konsultattivi speċifiċi oħra organizzati mill-Kummissjoni.

(9)

Barra minn hekk, b’rabta ma’ djaloġu usa’ tal-partijiet interessati, l-NCE għandu jiffaċilita l-iskambju ta’ prassi tajba fil-qasam tal-produzzjoni u l-użu tal-faħam mingħajr ma jirdoppja x-xogħol tal-esperti u gruppi oħra li diġà jeżistu, inklużi dawk stabbiliti permezz ta’ atti leġiżlattivi, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat stipulati fl-Artikoli 101 u 109 tat-TFUE, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE.

(10)

L-NCE għandu jkun iffurmat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-materji ta’ politika dwar l-enerġija relatata mal-faħam. Dawn l-awtoritajiet għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti tagħhom.

(11)

Speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta’ prassi tajba u sabiex fejn ikun xieraq, jiġu involuti awtoritajiet tekniċi u regolatorji tal-Istati Membri, fil-laqgħat tal-NCE jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ad hoc esperti minn barra l-NCE inklużi r-rappreżentanti minn dawn l-awtoritajiet.

(12)

Għandhom jiġu stipulati regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-NCE u r-rappreżentanti tagħhom.

(13)

Dejta personali relatata mal-membri tal-NCE għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (3),

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

B’hekk ġie mwaqqaf il-Grupp Nazzjonali ta’ Esperti dwar il-Faħam, minn hawn ’il quddiem insejjaħ “l-NCE”.

Artikolu 2

Kompitu

Il-kompiti tal-NCE’s għandhom ikunu

(a)

biex jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-swieq tal-faħam;

(b)

biex jistabbilixxi l-kooperazzjoni u l-iżgurar ta’ konsultazzjoni regolari bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-materji ta’ politika tal-enerġija relatata mal-faħam u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-aspetti tal-katina tal-valur tal-faħam, inkluż l-għeluq tal-minjieri;

(ċ)

biex joħloq skambju ta’ esperjenza u prassi tajba fil-qasam tal-produzzjoni u l-użu tal-faħam.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-NCE dwar kwalunkwe materja relatata mal-aspetti kollha tal-katina tal-valur tal-faħam.

Artikolu 4

Sħubija – Ħatra

1.   L-NCE għandu jkun iffurmat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-materji ta’ politika dwar l-enerġija relatata mal-faħam.

2.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti tagħhom.

3.   L-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-guppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru”).

Artikolu 5

Operat

1.   L-NCE għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mas-servizzi tal-Kummissjoni, l-NCE jista’ jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi, speċjalment l-iskambju ta’ prassi tajba, abbażi tat-termini ta’ referenza definiti mill-NCE. Dawn is-sottogruppi għandhom jiżżarmaw malli jwettqu l-mandat tagħhom.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti minn barra l-NCE b’kompetenza speċifika f’suġġett tal-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-NCE jew f’sottogruppi fuq bażi ad hoc. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jagħti status ta’ osservatur lil individwi u organizzazzjonijiet kif definit fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta’ esperti u l-pajjiżi kandidati.

4.   Il-membri tal-gruppi ta’ esperti u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom ikunu konformi mal-obbligi tas-segretezza professjonali stipulati bit-Trattati u r-regoli implimentattivi tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stipulata fl-Anness għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (4). Jekk jonqsu milli jirrispettaw dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

5.   Il-laqgħat tal-gruppi ta' esperti u sottogruppi għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri, jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-NCE u s-sottogruppi.

6.   L-NCE jista’ jadotta r-regoli tal-proċeduri tiegħu abbażi tar-regoli standard tal-proċeduri għall-gruppi ta’ esperti.

7.   Il-Kummissjoni tippubblika l-informazzjoni rilevanti tal-attivitajiet mwettqa mill-NCE billi jew tinkludiha fir-Reġistru jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit elettroniku ddedikat għalhekk.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-NCE jew tas-sottogruppi tiegħu ma għandhomx jitħallsu għas-servizz li jagħtu.

2.   L-infiq mill-parteċipanti għall-vjaġġi u s-sussistenza fl-attivitajiet tal-NCE jew fis-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2010) 639 finali.

(2)  ĠU L 62, 6.3.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26 kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura interni tagħha, (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).