2.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/5


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/3/UE

tal-1 ta’ Frar 2010

li temenda għall-għan ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Annessi III u VI tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE li għandha x’taqsam mal-prodotti kożmetiċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kożmetiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 (2) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Xjentifiku għall-Prodotti tal-Konsumatur (SCCP), li minn dak iż-żmien ‘il hawn inbidel mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE (2), ikkonkluda fl-opinjoni tiegħu tal-15 ta’ April 2008 li l-Ethyl Lauroyl Arginate HCl huwa sikur għall-konsumatur, meta jintuża sal-konċentrazzjoni massima awtorizzata ta’ 0,8 % fis-sapun, fix-shampoos kontra l-brija, u fid-deodoranti mingħajr sprej. Għalhekk, dan għandu jkun inkluż fl-Anness III għad-Direttiva 76/768/KEE.

(2)

L-SCCP ikkonkluda fl-istess opinjoni li l-Ethyl Lauroyl Arginate HCl mhuwiex sikur għall-konsumatur, meta jintuża sal-konċentrazzjoni massima awtorizzata ta’ 0,4 % bħala preservattiv fil-prodotti kożmetiċi. Madankollu, il-Kumitat ikkunsidra li dan m’għandux jintuża fi prodotti tax-xofftejn, prodotti tal-ħalq u sprej minħabba potenzjal ta’ irritazzjoni tas-sistema respiratorja u mukosali. Għalhekk dan għandu jkun inkluż flimkien ma’ dawn ir-restrizzjonijiet fl-Anness VI għad-Direttiva 76/768/KEE.

(3)

Id-Direttiva 76/768/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi III u VI għad-Direttiva 76/768/KEE huma emendati skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Settembru 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Marzu 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169.

(2)  ĠU L 241, 10.9.2008, p. 21.


ANNESS

(1)

Fit-tabella mfassla fil-Parti 1 tal-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE, ġiet miżjuda d-daħla li ġejja:

Numru ta’ Referenza

Sustanza

Restrizzjonijiet

Kundizzjonijiet dwar l-użu u twissijiet li għandhom jiġu stampati fuq it-tikketta

Kamp ta’ applikazzjoni u/jew użu

Il-konċentrazzjoni massima awtorizzata fil-prodott kożmetiku finali

Limitazzjonijiet u ħtiġijiet oħrajn

a

b

C

D

E

f

“207

Ethyl Lauroyl Arginate HCl (INCI) (*)

Ethyl-Να-dodecanoyl-L-arginate hydrochloride

Nru CAS 60372-77-2

Nru KE 434-630-6

(a)

sapun

(b)

Shampoos kontra l-brija

(ċ)

deodoranti, mhux għamla ta’ sprej

0,8  %

Għal għanijiet għajr dawk li jfixklu l-iżvilupp tal-mikroorganiżmi fil-prodott. Dan l-għan irid ikun ovvju mill-preżentazzjoni tal-prodott.

 

(2)

Fit-tabella mfassla fil-Parti 1 tal-Anness VI tad-Direttiva 76/768/KEE, ġiet miżjuda d-daħla li ġejja:

Numru ta Referenza

Sustanza

Konċentrazzjoni massima awtorizzata

Limitazzjonijiet u rekwiżiti

Kundizzjonijiet dwar l-użu u twissijiet li għandhom jiġu stampati fuq it-tikketta

a

b

C

d

e

“58

Ethyl Lauroyl Arginate HCl (INCI) (*) (**)

Ethyl-Να-dodecanoyl-L-arginate hydrochloride

Nru CAS 60372-77-2

Nru KE 434-630-6

0,4  %

Ma għandux jintuża fi prodotti tax-xofftejn, fi prodotti tal-ħalq u fi prodotti ta’ sprej.

 


(*)  Għall-użu bħala preservattiv, ara l-Anness VI, Parti 1, daħla Nru 58.”

(**)  Għal użi oħra għajr bħala preservattivi, ara l-Anness III, il-Parti I, id-daħla Nru 207”.