23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/37


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/163/UE

tat-22 ta’ Diċembru 2009

li temenda d-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-użu fl-oġġetti tal-ikel fir-rigward tan-neotame

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu fl-oġġetti tal-ikel (2) telenka lista ta’ sustanzi għall-ħlewwa li jistgħu jintużaw fl-Unjoni u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom.

(2)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ivvalutat is-sigurtà tan-neotame bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir u esprimiet l-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Settembru 2007 (3). Wara li kkunsidrat id-dejta kollha dwar l-istabbiltà, il-prodotti ta’ degradazzjoni u t-tossikoloġija, l-EFSA kkonkludiet li n-neotame mhijiex ta’ tħassib għas-sigurtà fir-rigward tal-użi proposti bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir u stabbiliet it-Teħid Aċċettabbli ta’ Kuljum (TAK) ta’ 0—2 mg/kg bw/jum. L-EFSA nnotat ukoll li l-estimi konservattivi tal-esponiment għan-neotame fid-dieta kemm fl-adulti kif ukoll fit-tfal jissuġġerixxu li huwa improbabbli ħafna li t-TAK jinqabeż fil-livelli tal-użu proposti.

(3)

In-neotame hija sustanza li tagħti ħlewwa intensiva ħafna b’qawwa ta’ ħlewwa li tvarja bejn is-7 000 u t-13 000 darba aktar minn dik tas-sukrożju. Tista’ tintuża bħala sostitut għas-sukrożju jew għal sustanzi ta’ ħlewwa oħra f’sensiela wiesgħa ta’ prodotti. In-neotame tista’ tintuża weħidha jew ma’ sustanzi tal-ħlewwa oħra. Barra dan, in-neotame tista’ tbiddel it-taħwir tal-ikel u tax-xarbiet.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Anness tad-Direttiva 94/35/KE biex jippermetti l-użu tan-neotame fl-istess applikazzjonijiet tal-ikel bħas-sustanzi l-oħra ta’ ħlewwa intensivi bħalissa approvati. In-neotame għandha tingħata numru E ġdid, li huwa E 961. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ din is-sustanza ta’ ħlewwa ġdida, huwa stabbilit li prodotti li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(5)

Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess, li se juru, sa fejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness tad-Direttiva 94/35/KE hu emendat b’mod konformi mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Ottubru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Prodotti li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, it-22 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3.

(3)  Opinjoni Xjentifika tal-Panil dwar l-Addittivi fl-Ikel, is-Sustanzi tat-Taħwir, l-Għajnuniet tal-Ipproċessar u l-Materjali f’Kuntatt mal-Ikel fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tan-Neotame bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir. Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) 581, 1-43.

(4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness tad-Direttiva 94/35/KE l-annotazzjoni li ġejja E 961 tiddaħħal wara l-annotazzjoni E 959:

Nru KE

Isem

Prodotti tal-ikel

Doża massima li tista’ tintuża

“E 961

Neotame

Xorb mhux alkoħoliku

 

Xorb bit-togħma bbażat fuq l-ilma, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

20  mg/l

Xorb fuq bażi ta’ ħalib jew fuq bażi miksuba mill-ħalib jew fuq bażi ta’ sugu tal-frott, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

20  mg/l

Deżerti u prodotti simili

 

Deżerti bit-togħma bbażati fuq l-ilma, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Preparazzjonijiet tal-ħalib u fuq bażi miksuba mill-ħalib, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Deżerti bbażati fuq il-frott u l-ħxejjex, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Deżerti bbażati fuq il-bajd, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Deżerti bbażati fuq iċ-ċereali, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Deżerti bbażati fuq ix-xaħam, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Ikliet ħfief: ċerti togħmiet ta’ prodotti tal-lamtu aromatizzati, imnexxfin, ippakkettati minn qabel, lesti għall-ikel u ġewż miksi

18  mg/kg

Ħlewwiet

 

Ħlewwiet mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Ħlewwiet tal-kawkaw jew ibbażati fuq il-frott imnixxef, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

65  mg/kg

Ħlewwiet bbażati fuq il-lamtu, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

65  mg/kg

Kornets u wejfers, għall-ġelati, mingħajr zokkor miżjud

60  mg/kg

Essoblaten

60  mg/kg

Pejst tal-kawkaw jew ibbażat fuq il-ħalib, il-frott imnixxef jew ix-xaħam, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Ċereali għall-kolazzjon b’kontenut ta’ fibra ta’ aktar minn 15 %, u li fihom mill-inqas 20 % nuħħala, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Ħelu żgħir ħafna li jiffriska l-ħalq, mingħajr zokkor miżjud

200  mg/kg

Mustardini għall-griżmejn b’togħma qawwija ħafna mingħajr zokkor miżjud

65  mg/kg

Ċjuwing gamm mingħajr zokkor miżjud

250  mg/kg

Ħlewwiet f’forma ta’ pilloli bl-enerġija mnaqqsa

15  mg/kg

Sajder u perri

20  mg/l

Xorb magħmul minn taħlita ta’ xarba mhux alkoħolika u birra, sajder, spiriti jew inbid

20  mg/l

Xorb spirituż b’volum ta’ alkoħol ta’ inqas minn 15 %

20  mg/l

Birra mingħajr alkoħol jew b’kontenut tal-alkoħol li ma jaqbiżx il-1,2 % vol.

20  mg/l

Bière de table/Tafelbier/Table beer (b’kontenut oriġinali ta’ malt wara l-fermentazzjoni (wort) ta’ inqas minn 6 %) għajr l-‘Obergäriges Einfachbier’

20  mg/l

Birer b’aċidità minima ta’ 30 milli-ekwivalenti espressi bħala NaOH

20  mg/l

Birer kannella tat-tip ‘oud bruin

20  mg/l

Birra bl-enerġija mnaqqsa

1  mg/l

Silġ li jittiekel, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

26  mg/kg

Frott fil-laned jew fliexken, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud

32  mg/kg

Ġamm bl-enerġija mnaqqsa, ġeli u marmellati

32  mg/kg

Frott u preparazzjonijiet tal-ħxejjex bl-enerġija mnaqqsa

32  mg/kg

Priservi ta’ frott u ħxejjex b’togħma ħelwa-qarsa

10  mg/kg

Feinkostsalat

12  mg/kg

Priservi b’togħma ħelwa-qarsa u ħut u mmarinat tal-ħut semi-ppriservat, krostaċji u molluski

10  mg/kg

Sopop bl-enerġija mnaqqsa

5  mg/l

Zlazi

12  mg/kg

Mustarda

12  mg/kg

Prodotti moħmija fini għall-użu ta’ nutrizzjoni speċjali

55  mg/kg

Ikel maħsub għall-użu f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż kif imsemmi fid-Direttiva 1996/8/KE

26  mg/kg

Ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali kif definit fid-Direttiva 1999/21/KE

32  mg/kg

Supplimenti ta’ ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE fornuti f’forma likwida

20  mg/kg

Supplimenti ta’ ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE fornuti f’forma solida

60  mg/kg

Supplimenti ta’ ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE bbażati fuq vitamini u/jew elementi ta’ minerali u fornuti f’tip ta’ ġuleppp jew li jistgħu jintmagħdu

185  mg/kg

Sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda

quantum satis