3.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/5


DIRETTIVA 2009/104/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sikurezza u ta’ saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Din id-Direttiva hija direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (5). Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KE huma applikabbli b’mod sħiħ fil-qasam tal-użu tat-tagħmir tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol mill-ħaddiema, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar stretti jew speċifiċi misjuba f’din id-Direttiva.

(3)

L-Artikolu 137(2) tat-Trattat jipprovdi illi l-Kunsill jista jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi li jinkoraġġixxu t-titjib, b’mod partikolari fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jipproteġi s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema

(4)

Skond l-Artikolu msemmi, dawn id-Direttivi għandhom jevitaw milli jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’manjiera li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

(5)

Id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 137(2) tat-Trattat ma jipprevjenu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi tal-kondizzjonijiet tax-xogħol aktar stretti li jkunu kompatibbli mat-Trattat.

(6)

Il-konformità mar-rekwiżiti minimi xierqa biex jiggarantixxu standard aħjar ta’ sikurezza u ta’ saħħa fl-użu ta’ tagħmir tax-xogħol hija essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema.

(7)

It-titjib fis-sikurezza, fl-iġjene u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol huwa għan li ma jistax jiġi subordinat għal konsiderazzjonijiet purament ekonomiċi.

(8)

Ix-xogħol fil-għoli jista’ jesponi lill-ħaddiema għal riskji partikolarment severi għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom notevolment għar-riskji ta’ waqgħat mill-għoli u għal inċidenti serji tax-xogħol oħra, li jammontaw għal proporzjon kbir mill-inċidenti kollha, speċjalment ta’ inċidenti fatali.

(9)

Din id-Direttiva tikkostitwixxi aspett prattiku fl-isfond tat-twettiq tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern.

(10)

Skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 litistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika (6), l-Istati Membrihuma meħtieġa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull abbozz tar-regolamenti tekniċi ligħandhom x’jaqsmu mal-makkinarju, mat-tagħmir u mal-istallazzjonijiet.

(11)

Din id-Direttiva hi l-aktar mezz xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-iskop.

(12)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness III, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva, li hija t-tieni Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi r-rekwżiti minimi dwar is- sikurezza u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol, kif definiti fl-Artikolu 2.

2.   Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE huma applikabbli b’mod sħiħ fil-kamp kollu msemmi fil-paragrafu 1, bla ħsara għad-disposizzjonijiet aktar stretti jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:

(a)   “tagħmir tax-xogħol”: kull magna, apparat, għodda, jew stallazzjoni użati waqt ix-xogħol;

(b)   “użu tat-tagħmir tax-xogħol”: kull attività li tinvolvi t-tagħmir tax-xogħol bħal tqabbid jew waqfien tat-tagħmir, l-użu tiegħu, it-trasport, it-tiswija, il-modifika, il-manutenzjoni u s-servicing, inkluż, b’mod partikolari, it-tindif;

(c)   “żona ta’ perikolu”: kull żona ġewwa jew madwar it-tagħmir tax-xogħol li fiha ħaddiem espost ikun suġġett għal riskju rigward is-saħħa jew is-sikurezza tiegħu;

(d)   “ħaddiem espost”: kwalunkwe ħaddiem li jinsab kollu kemm hu jew parzjalment f’żona ta’ perikolu;

(e)   “operatur”: il-ħaddiem jew il-ħaddiema inkarigati li jużaw it-tagħmir tax-xogħol.

IL-KAPITOLU II

L-OBBLIGI TA’ MIN IĦADDEM

Artikolu 3

Obbligi ġenerali

1.   Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi t-tagħmir tax-xogħol magħmul disponibbli għall-ħaddiema fl-impriża jew l-istabbiliment ikun xieraq għax-xogħol li għandu jitwettaq jew addattat kif jixraq għal dan l-iskop u jista’ jintuża mill-ħaddiema mingħajr ħsara għas-sikurezza jew is-saħħa tagħhom.

Fl-għażla tat-tagħmir tax-xogħol li hu biħsiebu juża, min iħaddem għandu jikkunsidra l-kondizzjonijiet u l-karatterstiċi speċifiċi tax-xogħol u l-perikli li jeżistu fl-impriża jew fl-istabbiliment, b’mod partikolari fuq il-postijiet tax-xogħol, għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, jew kull perikolu possibbli addizzjonali impost bl-użu tat-tagħmir tax-xogħol in kwistjoni.

2.   Fejn mhux possibbli li jiġi żgurat għal kollox illi t-tagħmir tax-xogħol jista’ jintuża mill-ħaddiema mingħajr riskju għas-sikurezza jew għas-saħħa, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jimminimizza r-riskji.

Artikolu 4

Ir-Regoli li jirrigwardaw it-tagħmir tax-xogħol

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3, min iħaddem għandu jikseb jew juża:

(a)

it-tagħmir tax-xogħol li, jekk provdut lill-ħaddiema fl-impriża jew fl-istabbiliment għall-ewwel darba wara l-31 ta’ Diċembru 1992, jikkonforma:

(i)

mad-dispożizzjonijiet ta’ kull direttiva Komunitarja rilevanti applikabbli;

(ii)

mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness I, safejn u sakemm l-ebda direttiva oħra Komunitarja ma tapplika jew tapplika biss parzjalment;

(b)

mat-tagħmir tax-xogħol li, jekk diġà provdut lill-ħaddiema fl-impriża jew fl-istabbiliment sal-31 ta’ Diċembru 1992, jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi previsti fl-Anness I sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara din id-data;

(c)

mingħajr preġudizzju għall-punt (a)(i), u b’deroga mill-punt (a)(ii) u l-punt (b), tagħmir ta’ xogħol speċifiku suġġett għar-rekwiżiti tal-punt 3 tal-Anness I, jekk diġà provdut għall-ħaddiema fl-impriża u/jew stabbiliment sal-5 ta’ Diċembru 1998, li jikkonforma mar-rekwiżiti previsti stabbiliti fl-Anness I, sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara dik id-data.

2.   Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi, matul il-ħajja tat-tagħmir tax-xogħol, dan jinżamm, permezz ta’ manutenzjoni adegwata, f’livell illi jikkonforma mal-paragrafu 1(a) jew (b) skont il-każ.

3.   L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u b’kont meħud tal-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali jistabilixxu l-miżuri li jippermettu li jintlaħaq livell ta’ sikurezza li jikkorrispondi mal-miri msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Anness II.

Artikolu 5

Spezzjoni ta’ tagħmir ta’ xogħol

1.   Min jimpjiega għandu jassigura illi fejn is-sikurezza tat-tagħmir tax-xogħol tiddependi fuq il-kondizzjonijiet tal-installazzjoni, dan ikun soġġett għall-spezzjoni inizjali (wara l-installazzjoni imma qabel ma jibdew jaħdmu) u għal spezzjoni verifika wara kull assemblaġġ f’sit ġdid jew tqegħid f’lokazzjoni oħra, li ssir minn persuni kompetenti fis-sens tal-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali bil-ħsieb li jiġi żgurat l-installazzjoni korretta u l-funzjonament tajjeb ta’ dan it-tagħmir tax-xogħol.

2.   Biex ikun garantit li l-kondizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza ikunu rispettati u li d-deterjorament li aktarx jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet ta’ perikolu ikun identifikat u rimedjat fil-ħin, min jimpjiega għandu jiżgura li t-tagħmir ta’ xogħol li jkun espost għal kondizzjonijiet li jikkawżaw tali deterjorazzjoni, jkun soġġett għal:

(a)

spezzjonijiet perijodiċi u, meta jkun il-każ, provi perijodiċi minn persuni kompetenti fis-sens ta’ leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali,

(b)

spezzjonijiet speċjali minn persuni kompetenti fis-sens ta’ leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali kull darba li sseħħ xi ġrajja eċċezzjonali li tista’ ġġib magħha konsegwenzi ta’ ħsara għas-sikurezza tat-tagħmir tax-xogħol bħalma huma xogħol ta’ modifika, inċidenti, fenomeni naturali, perijodi twal ta’ nuqqas ta’ użu,

3.   Ir-riżultati ta’ spezzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati u miżmuma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Għandhom jinżammu għal perijodu ta’ żmien xieraq.

Meta t-tagħmir tax-xogħol hu użat barra l-impriża għandu jkollu miegħu prova materjali li tkun saret l-aħħar spezzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet li bihom għandhom isiru dawn l-ispezzjonijiet.

Artikolu 6

It-tagħmir tax-xogħol li jinvolvi riskji speċifiċi

Meta l-użu tat-tagħmir tax-xogħol x’aktarx jista’ jinvolvi riskju speċifiku għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-ħaddiema, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:

(a)

l-użu tat-tagħmir tax-xogħol ikun ristrett għal dawk il-ħaddiema inkarigati mill-użu tiegħu;

(b)

fil-każ ta’ tiswijiet, modifiki, manutenzjoni jew servicing, il-ħaddiema konċernati għandhom jiġu speċifikament awtorizzati biex jagħmlu dan ix-xogħol.

Artikolu 7

L-Ergonomija u s-saħħa fuq ix-xogħol

Il-post tax-xogħol u l-pożizzjoni tal-ħaddiema meta qed jużaw tagħmir tax-xogħol kif ukoll il-prinċipji tal-ergonomija għandhom jiġu meħuda in konsiderazzjoni sħiħa minn min jimpjiega meta japplika r-rekwiżiti minimi ta’ saħħa u ta’ sikurezza.

Artikolu 8

It-tagħrif lill-ħaddiema

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-ħaddiema jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħrif adegwat u, fejn xieraq, istruzzjonijiet bil-miktub dwar it-tagħmir tax-xogħol użat fuq ix-xogħol.

2.   It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub irid ikun fihom mill-inqas tagħrif adegwat dwar is-sikurezza u s-saħħa li jirrigwarda:

(a)

il-kundizzjonijiet tal-użu tat-tagħmir tax-xogħol;

(b)

is-sitwazzjonijiet anormali li jistgħu jiġu previsti;

(c)

il-konklużjonijiet miġbura mill-esperjenza akkwistata, fejn xieraq, fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol.

Il-ħaddiema għandhom jiġu magħmula konxji mir-riskji li jikkonċernawhom, mit-tagħmir tax-xogħol preżenti fl-ambjent immedjat tax-xogħol kif ukoll ta’ xi modifikazzjonijiet li jikkonċernawhom, sa fejn dawn jeffettwaw it-tagħmir tax-xogħol li jkunu jinsabu fl-ambjent tax-xogħol fil-qrib anke jekk ma jkunux qegħdin jużaw dan it-tagħmir direttament.

3.   It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub iridu jkunu tali li jinftiehmu mill-ħaddiema kkonċernati.

Artikolu 9

It-taħriġ tal-ħaddiema

Bla ħsara għall-Artikolu 12 tad- Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:

(a)

il-ħaddiema inkarigati mit-tagħmir tax-xogħol għandhom jirċievu taħriġ adegwat, inkluż it-taħriġ dwar kull riskju li, skont il-każ jista’ jkun fih dan l-użu,

(b)

il-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 6(b) għandhom jirċievu taħriġ speċifiku adegwat.

Artikolu 10

Il-konsultazzjoni mal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, dwar il-materji koperti b’din id-Direttiva, inklużi l-Annessi tagħha, għandhom isiru skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE.

IL-KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 11

Emenda tal-Annessi

1.   Iż-żidiet għall-Anness I dwar ir-rekwiżiti minimi supplimentari applikabbli għat-tagħmir speċifiku tax-xogħol msemmi fil-punt 3 tal-Anness I għandhom jiġu adottati mill-Kunsill skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 137(2) tat-Trattat.

2.   L-adattamenti strettament ta’ natura teknika tal-Annessi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 89/391/KEE, b’riżultat ta’:

(a)

l-adozzjoni tad-Direttivi dwar l-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir tax-xogħol jew

(b)

il-progress tekniku, żviluppi fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali jew fit-tagħrif fil-qasam tat-tagħmir tax-xogħol.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet finali

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Id-Direttiva 89/655/KEE, kif emendata mid-Direttivi msemmija fl-Anness III, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbilti fl-Anness III, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 14

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 144.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 13.

(4)  Ara l-Anness III, Parti A.

(5)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(6)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.


ANNESS I

IR-REKWIŻITI MINIMI

msemmija fl-artikolu 4(1)(a)(ii) u (b)

1.   Kumment ġenerali

L-obbligi stabbiliti f’dan l-Anness japplikaw skont din id-Direttiva u fejn jeżisti riskju li jikkorrispondi mat-tagħmir tax-xogħol in kwistjoni.

Ir-rekwiżiti minimi li ġejjin, sa fejn japplikaw għal tagħmir ta’ xogħol fl-użu, mhux neċessarjament jitolbu għall-istess miżuri bħar-rekwiżiti essenzjali li jikkonċernaw it-tagħmir tax-xogħol ġdid.

2.   Ir-rekwiżiti minimi ġenerali applikabbli għat-tagħmir tax-xogħol

2.1.

L-istrumenti li jikkontrollaw it-tagħmir tax-xogħol li jaffettwaw is-sikurezza jridu jkunu jidhru identifikabbli biċ-ċar u, skont il-każ, mmarkati fejn meħtieġ.

Għajr fejn jinħtieġ għal ċerti strumenti tal-kontroll, l-istrumenti tal-kontroll ghandhom jiġu mqiegħda ‘l barra miż-żoni ta’ perikolu u b’modi li l-operazzjoni tagħhom ma tistax tikkawża perikolu addizzjonali. M’għandhom joħolqu l-ebda perikolu bħala riżultat ta’ kull manuvra mhix intenzjonata.

Jekk ikun hemm il-ħtieġa, mill-pożizzjoni prinċipali tal-kontroll, il-ħaddiem irid ikun jista’ jiżgura illi l-ebda persuna ma tkun preżenti fiż-żoni ta’ perkolu. Jekk dan ma jkunx possibbli, kwalunkwe tħaddim tal-makkinarju għandu jkun ippreċedut awtomatikament minn sistema sikura bħal sinjal ta’ twissija li jinstama’ jew li jidher meta l-makkinarju jkun sejjer jitqabbad jaħdem. Ħaddiem espost irid ikollu l-ħin jew il-mezz sabiex jaħrab malajr mill-perikli kkawżati mit-tagħmir tax-xogħol huwa u jitqabbad jew jitwaqqaf.

Is-Sistemi ta’ kontroll għandhom ikunu żguri u jintgħażlu wara li tkun ngħatat kunsiderazzjonji għal meta s-sistema tfalli, ikun fiha disturbi jew kondizzjonijiet speċjali li wieħed jista’ jipprevedi fil-qafas tal-użu maħsub.

2.2.

It-tagħmir tax-xogħol għandu jkun jista’ jitqabbad jaħdem biss b’azzjoni maħsuba fuq strument ta’ kontroll provdut għal dan l-iskop.

L-istess għandu japplika:

biex jerġa’ jitqabbad jaħdem wara waqfien, tkun xi tkun ir-raġuni,

għall-kontroll ta’ bidla sinifikanti fil-kondizzjonijiet tal-operazzjoni (eż. Il-qawwa, il-pressa, eċċ.),

għajr jekk dan it-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew bidla ma tippreżenta l-ebda periklu lill-ħaddiema esposti.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għat-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew bidla fil-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet bħala riżultat tas-sekwenza normali taċ-ċiklu awtomatiku.

2.3.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun imgħammar b’kontroll sabiex iwaqqaf it-tagħmir kompletament u b’mod żgur.

Kull stazzjon tax-xogħol trid tkun mgħammra b’kontroll li jwaqqaf parti mit-tagħmir tax-xogħol jew kollu, skont it-tip tal-perikolu, sabiex it-tagħmir ikun fi stat ta’ sikurezza. Il-kontroll tal-waqfien tat-tagħmir irid ikollu l-prijorità fuq il-kontrolli li jqabbdu t-tagħmir. Meta t-tagħmir tax-xogħol jew il-partijiet perikolużi tiegħu jieqfu, irid jiġi maqtugħ il-forniment tal-enerġija minn fejn jiġi azzjonat it-tagħmir.

2.4.

Fejn xieraq, u skont il-perikoli li jippreżenta t-tagħmir u l-ħin ta’ waqfien normali tiegħu, it-tagħmir tax-xogħol irid jiġi mgħammar b’mezz tal-waqfien f’emerġenza.

2.5.

It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta riskju minħabba l-oġġetti li jaqgħu jew il-biċċiet li jisporġu minnu irid ikun imgħammar bil-mezzi xierqa ta’ sikurezza li jikkorrispondu ma’ dawn ir-riskji.

It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta perikli minħabba l-ħruġ ta’ gass, fwar, likwidu jew trab irid ikun mgħammar b’mezzi xierqa ta’ trażżin jew ta’ estrazzjoni maġenb is-sorsi tal-perikolu.

2.6.

It-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet minn dan it-tagħmir, fejn ikun meħtieġ għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jiġu mwaħħla bl-ikklampjar jew b’mezzi oħra.

2.7.

Fejn ikun hemm ir-riskju ta’ ksur jew tad-diżintegrazzjoni ta’ partijiet mit-tagħmir tax-xogħol, li x’ aktarx jista’ jkun ta’ perikolu sinifikanti għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jittieħdu l-miżuri protettivi xierqa.

2.8.

Fejn ikun hemm ir-riskju ta’ kuntatt mekkaniku ma’ partijiet li jiċċaqilqu tat-tagħmir tax-xogħol li jistgħu jwasslu għal inċidenti, dawn il-partijiet iridu jkunu provduti bi lqugħ jew b’mezzi li jipprevjenu l-aċċess għaż-żoni ta’ perikolu jew sabiex iwaqqfu ċ-ċaqliq tal-partijiet perikolużi qabel jintlaħqu ż-żoni tal-perikolu.

L-ilqugħ u l-mezzi ta’ protezzjoni jridu:

ikunu ta’ kostruzzjoni b’saħħitha,

ma jagħtux lok għal periklu addizzjonali,

ma jkunux jistgħu jiġu mneħħija faċilment jew jinġiebu li ma jistgħux jaħdmu,

ikunu qiegħda ‘il bogħod biżżejjed miż-żona tal-perikolu,

ma jirrestrinġux aktar milli meħtieġ il-vista taċ-ċiklu operattiv tat-tagħmir,

iħallu l-operazzjonijiet meħtieġa sabiex jitwaħħlu jew jinbidlu l-partijiet u jsir xogħol ta’ manutenzjoni, jirrestrinġu l-aċċess għaż-żona biss fejn irid isir ix-xogħol biss u, jekk possibbli, mingħajr it-tneħħija tal-lqugħ jew il-mezz tal-protezzjoni.

2.9.

Iż-żoni u l-postijiet għax-xogħol fuq it-tagħmir tax-xogħol, jew il-manutenzjoni tiegħu, iridu jkunu mdawla biżżejjed skont l-operazzjoni li trid titwettaq.

2.10.

Il-partijiet tat-tagħmir tax-xogħol f’temperatura għolja jew f’temperatura baxxa ħafna jridu, fejn xieraq, ikunu protetti sabiex jevitaw ir-riskju li l-ħaddiema jiġu f’kuntatt miegħu jew qrib wisq.

2.11.

Il-mezzi tat-twissija fuq it-tagħmir tax-xogħol ma jridux ikunu ambigwi u jridu jidhru u jiġu mifhuma faċilment.

2.12.

It-tagħmir tax-xogħol ma jistax jintuża għall-operazzjonijiet u f’kondizzjonijiet li għalihom m’huwiex xieraq.

2.13.

Irid ikun possibbli li jitwettqu operazzjonijiet ta’ manutenzjoni meta t-tagħmir ikun mitfi. Jekk dan ma jkunx possibbli, irid ikun possibbli li jittieħdu l-miżuri xierqa ta’ protezzjoni sabiex isiru dawn l-operazzjonijiet jew sabiex dawn l-operazzjonijiet isiru barra miż-żoni tal-periklu.

Jekk magna jkollha reġistru tal-manutenzjoni, dan irid jinżamm aġġornat.

2.14.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikollu fuqu mezzi identifikabbli b’mod ċar sabiex ikun jista’ jiġi iżolat mis-sorsi kollha tal-enerġija tiegħu.

Għandu jkun preżunt illi t-twaħħil mill-ġdid (mas-sorsi tal-enerġija) ma jippreżenta l-ebda riskju għall-ħaddiema involuti.

2.15.

It-tagħmir tax-xogħol irid iġorr miegħu it-twissijiet u l-marki essenzjali sabiex jiżguraw is-sikurezza tal-ħaddiema.

2.16.

Il-ħaddiema jrid ikollhom mezzi żguri ta’ aċċess għaż-żoni kollha tal-operazzjonijiet ta’ produzzjoni, ta’ aġġustament u ta’ manutenzjoni tat-tagħmir tax-xogħol u jridu jkunu kapaċi jibqgħu fihom fis-sikurezza.

2.17.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema kontra r-riskju li t-tagħmir tax-xogħol jieħu n-nar jew jisħon iżżejjed, jew li minnu joħorġu gassijiet, trab, likwidu, fwar jew sustanzi oħra prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol.

2.18.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipprevjeni r-riskju li jisplodi t-tagħmir tax-xogħol jew li jisplodu is-sustanzi prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol.

2.19.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema esposti mir-riskju ta’ kuntatt dirett jew indirett mal-elettriku.

3.   Ir-rekwiżiti minimi addizzjonali applikabbli għal tipi speċifiċi ta’ tagħmir ta’ xogħol

3.1.   Ir-rekwiżiti minimi għal tagħmir ta’ xogħol mobbli, kemm jekk jimxi waħdu kemm le

3.1.1.   It-tagħmir ta’ xogħol li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu magħmulin b’tali mod li jitnaqqsu ir-riskji għal ħaddiema meta jiċċaqalqu.

Dawk ir-riskji għandhom jinkludu r-riskji ta’ kuntatt tal-ħaddiema mar-roti jew mal-linji jew li jinqabdu minnhom.

3.1.2.   It-tagħmir tax-xogħol għandu jkun mogħti tagħmir speċjali jew magħmul b’mod li ma jkunx jista’ jkun hemm imblokk mhux maħsub bejn l-elementi ta’ trazzjoni u l-aċċessorji jew l-oġġetti irmunkati miegħu.

Meta dan l-imblokk ma jistax jiġi evitat, għandha tittieħed kull miżura possibbli biex jiġu evitati xi konsegwenzi ta’ ħsara għall-ħaddiema.

3.1.3.   Meta elementi ta’ trasmissjoni ta’ emerġija bejn tagħmir tax-xogħol mobbli jistgħu jitħassru jew tiġrilhom il-ħsara bit-tkaxkir fuq l-art, għandu jkun hemm faċilitajiet għall-irbit.

3.1.4.   It-tagħmir ta’ xogħol mobbli li iġorr ħaddiema għandu jkun maħsub b’mod li inaqqas kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet ta’ użu attwali, ir-riskji li joħorġu mir-reġgħa lura jew mill-qlib ta’ tagħmir tax-xogħol:

bi struttura ta’ protezzjoni li timpedixxi lil tagħmir tax-xogħol milli jmur lura iktar minn kwart ta’ dawra, jew

bi struttura li tiggarantixxi spazju biżżejjed madwar il-ħaddiema li jkollu fuqu jekk il-moviment ikompli għal iktar minn kwart ta’ dawra, jew

b’xi dispożsittiv ieħor b’effett ekwivalenti.

Dawn l-istrutturi ta’ protezzjoni jistgħu jkunu parti integrali tat-tagħmir ta’ xogħol.

Dawn l-istrutturi ta’ protezzjoni mhumiex meħtieġa meta t-tagħmir ta’ xogħol ikun fiss matul l-operazzjoni jew meta ir-raġgħa lura jew il-qlib ikunu impossibbli minħabba l-mod kif ikun iddisinjat it-tagħmir.

Meta jkun hemm riskju li l-ħaddiema ta’ fuqu jistgħu jitgħaffġu bejn it-tagħmir tax-xogħol u l-art meta t-tagħmir imur lura jew jinqaleb għandha ssir sistema biex jinżammu milli jaqgħu.

3.1.5.   Trukkijiet bil-forklifts li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu addattati jew mgħammra biex inaqqsu ir-riskji tat-truck tal-fork lift milli jinqaleb, eż.:

bl-installazzjoni ta’ xi kaxxa għal min isuq, jew

bi struttura li tipprevjeni t-truck tal-fork lift milli jinqaleb, jew

bi struttura li tiżgura li, jekk it-truck tal-fork lift jinqaleb, jibqa’ biżżejjed vojt bejn l-art u ċerti partijiet tat-truck tal-forklift għall-ħaddiema li jkunu fuqu, jew

bi struttura li tirrestrinġi lill-ħaddiema fuq is-sedil ta’ sewqan biex tipprevenihom milli jiġu mgħaffġa minn partijiet tat-truck tal-forklift li jinqaleb.

3.1.6.   It-tagħmir ta’ xogħol illi jkun jimxi waħdu u li meta jiċċaqlaq joħloq riskji għal persuni għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tagħmir għandu jkollu mezzi li jevitaw illi jibda jaħdem mingħajr ma jkun awtorizzat;

(b)

għandu jkollu mezzi xierqa biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi ta’ kolliżjoni meta hemm aktar minn tagħmir ta’ xogħol wieħed li qed jiċċaqlaq fuq il-linji fl-istess ħin;

(c)

għandhom ikollhom mezzi ta’ brejkijiet u waqfien. Sa fejn ir-restrizzjonijiet ta’ sikurezza jkunu jeħtieġu dan, għandhom ikunu disponibbli mezzi ta’ emerġenza, li jitħaddmu minn kontrolli faċilment aċċessibbli jew b’sistemi awtomatiċi, għall-ibbrejkjar u t-twaqqif fil-każ illi jfallu l-mezzi prinċipali;

(d)

meta il-vista diretta tax-xufier ma tkunx biżżejjed biex tiżgura is-sikurezza, għandu jiġi installat apparat awżiljarju biex itejjeb il-vista;

(e)

it-tagħmir ta’ xogħol maħsub għal użu bil-lejl jew f’postijiet mudlama għandu jkun mgħammar b’dawl xieraq għax-xogħol li jkun irid isir u biex jiżgura biżżejjed sikurezza għall-ħaddiema;

(f)

it-tagħmir ta’ xogħol li jista’ jkollu perikolu ta’ nar, kemm minnu u kemm mill-oġġetti li jkun jirmonka jew iġorr u li jista’ jipperikola lill-ħaddiema għandu jkun mgħammar b’apparat xieraq tat-tifi tan-nar ħlief meta dak l-apparat ikun disponibbli fil-viċin biżżejjed fil-post tal-użu;

(g)

it-tagħmir ta’ xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza għandu jkun jieqaf awtomatikament meta joħroġ mid-distanza ta’ kontroll;

(h)

it-tagħmir ta’ xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza li jista’ f’ċirkostanzi normali joħloq perikolu li jolqot jew jgħaffeġ lill-ħaddiema għandu jkollu mezzi ta’ protezzjoni kontra dan il-periklu, sakemm ma jkunx hemm mezzi oħra xierqa biex jikkontrollaw dan il-periklu.

3.2.   Rekwiżiti minimi għal tagħmir ta’ xogħol li jerfa’ t-tagħbija

3.2.1.   Meta t-tagħmir ta’ xogħol li jerfa’ tagħbija huwa installat permanentament, is-saħħa u l-istabbilità tiegħu għandhom ikunu żgurati, billi jingħata kas, b’mod partikolari, għat-tagħbija li għandha tintrefa’ u l-istress li jsir fuq il-punt ta’ suspensjoni jew tal-igganċjar tiegħu mal-istrutturi.

3.2.2.   Il-makkinarju li jerfa’ t-tagħbija għandu jkun immarkat b’mod ċar b’indikazzjonijiet tat-tagħbija nominali tiegħu, u fejn xieraq tabella li turi il-piż nominali għal kull konfigurazzjoni tal-makkinarju.

L-aċċessorji għat-tagħmir ta’ tagħbija għandhom ikunu mmarkati b’mod illi jkun possibbli li tidentifika l-karatteristiċi essenzjali ta’ użu sigur.

It-tagħmir ta’ xogħol li mhux maħsub biex jerfa’ persuni imma li jista jiġi wżat hekk b’konfużjoni għandu jkun immarkat b’mod xieraq u li jidher għal dan l-iskop.

3.2.3.   It-tagħmir ta’ xogħol installat b’mod permanenti għandu jkun installat b’tali mod li jitnaqqas ir-riskju li t-tagħbija:

(a)

tolqot lill-ħaddiema;

(b)

waħedha, tiċċaqlaq b’mod perikoluż jew taqa’;

(c)

tiġi mitluqa involontarjament.

3.2.4.   It-tagħmir ta’ xogħol tal-irfigħ jew ġarr ta’ ħaddiema għandu jkun tali li:

(a)

jipprevjeni l-perikolu li taqa’ l-kabina, meta teżisti waħda, permeżż ta’ apparat xieraq;

(b)

jipprevjeni lill-utent milli jaqa’ mill-kabina, meta teżisti waħda;

(c)

jipprevjeni l-perikolu li l-utent jiġi mgħaffeġ, maqbud jew milqut, b’mod partikolari b’kuntatt involontarju ma’ oġġetti;

(d)

jiggarantixxi li persuni maqbuda fil-kabina fil-każ ta’ xi inċident ma jkunux esposti għall-periklu u jkunu jistgħu jinħelsu.

Jekk, għal raġunijiet marbutin man-natura tal-post u dislivell, ir-riskji msemmija fil-punt (a) ma jistgħux jiġu evitati b’mezzi ta’ sikurezza għandu jiġi installat cable b’koeffiċjent ta’ sikurezza miżjud, u għandu li jinżamm fi stat tajjeb u jiġi kkontrollat kull ġurnata ta’ xogħol biex jiġi żgurat li qed jinżamm fi stat tajjeb.


ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-UŻU TA’ TAGĦMIR TAX-XOGĦOL

imsemmi fl-artikolu 4(3)

Kumment preliminari

Dan l-Anness għandhu japplika f’konformita’ ma’ din id-Direttiva u meta r-riskju korrispondenti jeżisti għat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni.

1.   Dispożizzjonijiet ta’ ordni ġenerali applikabbli għat-tagħmir kollu tax- xogħol

1.1.

It-tagħmir tax-xogħol għandu jiġi installat, imqiegħed u utilizzat b’mod li jippermetti li jitnaqqsu ir-riskji għall-utent tat-tagħmir ta’ xogħol u għall-ħaddiema l-oħra per eżempju billi jiġi żgurat li hemm biżżejjed spazju bejn l-elementi li jiċċaqilqu fit-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet fl-ambjent ta’ madwar li huma mwaħħla jew li jiċċaqilqu u billi l-enerġija u l-materjali użati jew prodotti ikunu jistgħu jinġabu jew jitneħħew b’mod sigur.

1.2.

Il-muntaġġ u żżarmar tat-tagħmir tax-xogħol għandu jsir taħt kundizzjonnijiet ta’ sikurezza, partikolarment billi jiġu rrispettati l-istruzzjonijiet li jistgħu ikunu fornuti mill-manufattur.

1.3.

It-tagħmir tax-xogħol li sakemm jintużaw jistgħu jintlaqtu mis-sajjetti għandhom ikunu protetti jew b’dispożittivi jew b’miżuri xierqa kontra l-effetti tas-sajjetti.

2.   Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ tagħmir mobbli, kemm jekk jimxu waħedhom kemm jekk le

2.1.

It-tagħmir ta’ xogħol li jimxi waħdu għandu jinsaq biss minn ħaddiema li jkunu tħarrġu b’mod adegwat biex iħaddmu sewwa dak it-tagħmir tax-xogħol.

2.2.

Jekk it-tagħmir ta’ xogħol jisposta ruħu f’żona ta’ xogħol għandu jkun hemm regoli stabbiliti u segwiti ta’ ċirkolazzjoni adegwata.

2.3.

Għandhom jittieħdu miżuri ta’ tqassim tax-xogħol biex jevitaw illi xi ħaddiema mexjin jinsabu f’dik iż-żona tax-xogħol fejn ikun hemm it-tagħmir ta’ xogħol li jimxi waħdu.

Meta jkun meħtieġ li l-ħaddiema fuq saqajhom ikunu preżenti biex ix-xogħol isir għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat li jkunu midruba mit-tagħmir.

2.4.

It-trasport ta’ ħaddiema fuq tagħmir ta’ xogħol mobbli misjuq mekkanikament għandu jkun awtorizzat biss fejn hemm provduti faċilitajiet sikuri għal dan. Jekk ix-xogħol għandu jsir matul il-vjaġġ, il-veloċità għandha tiġi adattata kif meħtieġ.

2.5.

It-tagħmir ta’ xogħol mobbli li jkollu mutur ta’ kombustjoni ma jistax jiġi mħaddem fiż-żona tax-xogħol ħlief meta tkun tista’ tiġi ggarantita arja fi kwantità suffiċjenti li ma tippreżenta ebda riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

3.   Dispożizzjonijiet li jolqtu l-użu ta’ tagħmir tax-xogħol li jerfa’ t-tagħbija

3.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

3.1.1.   It-tagħmir ta’ xogħol li jiżżarma jew li hu mobbli li jservi biex jerfa’ t-tagħbijiet għandu jkun imħaddem b’mod li jiggarantixxi l-istabilità tat-tagħmir tax-xogħol waqt li jkun qiegħed jiġi mħaddem taħt il-kondizzjonijiet kollha prevedibbli, meħud kont tan-natura tal-art.

3.1.2.   Il-ħaddiema m’għandhomx jinġarru fuq tagħmir tax-xogħol u aċċessorji tiegħu li mhux maħsub għalhekk.

Bla ħsara għall-Artikolu 5 ta’ Direttiva 89/391/KEE, eċċezzjonalment, it-tagħmir ta’ xogħol li mhux maħsub għall-ġarr tal-ħaddiema jista’ jiġi użat għal dan l-iskop sakemm jittieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw sikurezza skont il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali li jipprevedu sorveljanza xierqa.

Meta jkun hemm il-ħaddiema fuq tagħmir tax-xogħol li suppost iservi għall-irfigħ tat-tagħbija il-posta tal-kmand għandha tkun okkupata l-ħin kollu. Il-ħaddiema li jinġarru għandhom ikunu jistgħu jiddisponu minn mezz żgur ta’ komunikazzjoni. Jenħtieġ li jkun hemm ħsieb għall-mod kif jinħarġu f’każ ta’ perikolu.

3.1.3.   Għandhom jittieħdu miżuri sabiex ma jkunx hemm ħaddiema preżenti taħt it-tagħbijiet imdendla sakemm din il-preżenza ma tkunx meħtieġa biex ix-xogħol isir sewwa.

M’għandux ikun permess illi tagħbija imdendla tiġi mgħoddija minn postijiet tax-xogħol mhux protetti li fihom abitwalment ikun hemm il-ħaddiema.

F’dan il-każ, jekk ix-xogħol ma jistax isir sewwa mod ieħor għandhom ikunu definiti u applikati proċeduri xierqa.

3.1.4.   L-aċċessorji tal-irfigħ għandhom jintgħażlu skont it-tagħbija li jerfgħu, skont il-punti ta’ qbid, skont il-mezz tal-igganċjar u l-kondizzjonijiet atmosferiċi u meħud kont tal-mod u l-konfigurazzjoni tal-imbragar. L-assemblaġġ tal-aċċessorji tal-irfigħ għandu jkun immarkat b’mod ċar biex jippermetti lill-utent li jirrikonoxxu l-karatteristiċi tagħhom, jekk ma jkunux żmantellati wara l-użu.

3.1.5.   L-aċċessorji tal-irfigħ għandhom jiġu maħżuna b’mod li jiżgura li ma ssirilhomx ħsara jew deterjorament.

3.2.   It-tagħmir ta’ xogħol li jerfa’ tagħbijiet mhux iggwidati

3.2.1.   Jekk żewġ biċċiet ta’ tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta’ tagħbijiet mhux iggwidati jkunu installati jew imwaqqfa fuq post tax-xogħol b’mod tali illi il-kamp tax-xogħol tagħhom jgħaddi fuq ta’ xulxin għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu evitati kolliżjonijiet bejn it-tagħbijiet jew elementi tat-tagħmir tax-xogħol stess.

3.2.2.   Waqt li jkun qed juża tagħmir tax-xogħol ta’ rfigħ ta’ tagħbija mhux iggwidata għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li jitbandlu illi jinqalbu jew jekk ikun il-każ jinqalgħu minn posthom u jiżolqu. Għandu jkun hemm kontroll li dawn il-miżuri ttieħdu.

3.2.3.   Jekk min ikun iħaddem it-tagħmir tax-xogħol ta’ rfigħ ta’ tagħbijiet mhux iggwidati ma jkunx jista’ josserva it-traġitt sħiħ tat-tagħbija la direttament u lanqas permezz ta’ apparat awżiljarju li jtuh informazzjoni siewja għandu jkun hemm komunikazzjoni mal-operatur biex tiggwidah u għandu jiġi organizzat mod kif jiġu evitati il-kolliżjonijiet ta’ tagħbija li tista’ tkun ta’ perikolu għall-ħaddiema.

3.2.4.   Ix-xogħlijiet għandhom ikunu organizzati b’mod li meta l-ħaddiema jkunu qegħdin jigganċjaw jew jisganċjaw xi tagħbija bl-idejn dawn l-operazzjonijet jkunu jistgħu isiru b’mod sigur u l-ħaddiema jkunu jistgħu jidderieġu direttament jew indirettament l-operazzjoni.

3.2.5.   L-operazzjonijiet kollha tal-irfigħ għandhom jiġu pprogrammati, issorveljati b’mod xieraq u effettwati b’mod li tiġi mħarsa s-sikurezza tal-ħaddiema.

In partikolari jekk tagħbija tkun trid tintrefa’ simultanjament minn żewġ tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta’ tagħbijiet mhux iggwidati għandha tkun stabbilita u applikata proċedura biex tiżgura l-koordinazzjoni tajba bejn l-operaturi.

3.2.6.   Jekk xi tagħmir tax-xogħol li jservi għall-irfigħ ta’ tagħbija mhux iggwidata ma jkunx jista’ jżomm it-tagħbija fil-każ li jmur għal kollox jew inparti il-forniment tal-enerġija, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat li l-ħaddiema jiġu esposti għal perikoli korrispondenti.

It-tagħbija mdendla m’għandhiex tibqa’ mingħajr sorveljanza ħlief jekk l-aċċess għaż-żona ta’ periklu ikun projbit u jekk it-tagħbija tkun igganċjata b’mod sigur u miżmuma wkoll b’mod sigur.

3.2.7.   L-użu fuq barra ta’ tagħmir tax-xogħol tal-irfigħ tat-tagħbija mhux iggwidata għandu jieqaf meta l-kondizzjonijiet metereoloġiċi jeħżienu sal-punt illi jipperikolaw l-użu sikur tat-tagħmir u jesponu l-ħaddiema għal xi riskji. Miżuri adegwati ta’ protezzjoni maħsuba partikolarment biex jimpedixxu li t-tagħmir tax-xogħol jinqaleb għandhom jittieħdu biex jevitaw periklu għall-ħaddiema.

4.   Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tat-tagħmir għax-xogħol ipprovdut għax-xogħol temporanju fl-għoli

4.1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

4.1.1.   Jekk, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE u l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, ma jistax jitwettaq xogħol temporanju fil-għoli b’mod sikur u skont il-kondizzjonijiet ergonomiċi xierqa minn fuq wiċċ xieraq, għandu jintgħażel it-tagħmir tax-xogħol l-aktar xieraq illi jiżgura u jżomm il-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-sikurezza. Il-miżuri kollettivi ta’ protezzjoni jridu jingħataw prijorità fuq il-miżuri protettivi individwali. Id-dimensjonijiet tat-tagħmir tax-xogħol għandhom ikunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid itwettaq u għat-tensjonijiet previsti u jħallu l-possibiltà ta’ mogħdija minn fuqu mingħajr periklu.

Għandu jintgħażel il-mezz l-aktar xieraq għall-aċċess għall-postijiet tax-xogħol temporanju fil-għoli skont il-frekwenza tal-mogħdija minn fuqu, il-għoli li jrid jintlaħaq u t-tul taż-żmien tal-użu. L-għażla magħmula għandha tippermetti l-evakwazzjoni f’każ ta’ periklu imminenti. Il-mogħdija f’direzzjoni jew l-oħra bejn il-mezz tal-aċċess u l-pjattaformi, il-gverti jew il-passaġġi ma jridux joħolqu riskji addizzjonali ta’ waqgħat.

4.1.2.   Is-slielem jistgħu jiġu użati bħala stazzjonijiet tax-xogħol għal xogħol fil-għoli biss fiċ-ċirkostanzi li fihom, meħud kont tal-punt 4.1.1, ma jkunx iġġustifikat l-użu ta’ tagħmir ieħor tax-xogħol aktar sikur minħabba l-livell baxx tar-riskju u jew l-medda qasira taż-żmien tal-użu tagħhom jew il-karatteristiċi eżistenti fuq il-post tax-xogħol illi min iħaddem ma jistax jibdel.

4.1.3.   It-teknika marbuta mal-aċċess u l-pozizzjonament permezz tal-ħbula jistgħu jintużaw biss fiċ-ċirkostanzi fejn l-istima tar-riskju tindika illi x-xogħol jista’ jitwettaq b’sikurezza u fejn ma jkunx iġġustifikat l-użu ta’ tagħmir ieħor tax-xogħol aktar sikur.

Meta titqies l-istima tar-riskju u b’mod partikolari it-tul taż-żmien tax-xogħolijiet u d-diffikultajiet ergonomiċi, għandu jkun provdut post b’aċċessorji xierqa fejn persuna tista’ tpogġi.

4.1.4.   Skond it-tip tat-tagħmir magħżul tax-xogħol fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, iridu jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa sabiex jiġu mminimizzati r-riskji għall-ħaddiema inerenti f’dan it-tip ta’ tagħmir. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu stallati miżuri ta’ salvagwardja sabiex jipprevjenu l-waqgħat. Dawn għandhom ikunu ta’ konfigurazzjoni xierqa u ta’ qawwa suffiċjenti li jipprevjenu jew iwaqqfu l-waqgħat mill-għoli u, fejn hu possibbli, li jipprekludu l-korriment tal-ħaddiema. Is-salvagwardji kollettivi biex jipprevjenu l-waqgħat jistgħu jiġu interrotti biss fuq il-postijiet tal-aċċess għas-slielem jew għat-taraġ.

4.1.5.   Meta l-qadi ta’ xogħol partikolari jeħtieġ li jitneħħa temporanjament is-salvagward kollettiv li jipprevjeni l-waqgħat, iridu jittieħdu miżuri effettivi kompensatorji ta’ sikurezza. Ix-xogħol ma jistax jitwettaq sakemm ikunu ttieħdu dawn il-miżuri. Ġaladarba jkun tlesta x-xogħol partikolari, definittivament jew temporanjament, iridu jiġu stallati mill-ġdid is-salvagwardji kollettivi li jipprevjenu l-waqgħat.

4.1.6.   Ix-xogħol temporanju fil-għoli jista’ jsir biss meta l-kondizzjonijiet tat-temp ma jippreġudikawx is-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema.

4.2.   Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-użu tas-slielem

4.2.1.   Is-slielem iridu jitwaqqfu b’mod illi tiġi żgurata l-istabbilità tagħhom matul l-użu. Is-slielem li jinġarru jridu jserrħu fuq bażi immobbli, stabbli, b’saħħtu, ta’ daqs xieraq hekk li l-iskaluni jibqgħu orizzontali. Is-slielem imdendla jridu jkunu mqabbda b’mod sikur u, bl-eċċezzjoni tas-slielem tal-ħabel, hekk li ma jkunx jista’ jinbidlilhom posthom u hekk li jipprevjenu t-tbandil.

4.2.2.   Il-bażijiet tas-slielem li jinġarru jridu jkunu prevenuti milli jiżolqu waqt l-użu billi jiġu marbuta sewwa l-waqqafiet fit-truf ta’ fuq jew ta’ isfel, jew viċin ta’ dawn, b’apparat kontra ż-żliq jew b’kull arranġament ieħor tal-istess effettività. Is-slielem użati għall-aċċess għandhom ikunu twal biżżejjed sabiex jisporġu biżżejjed lil hemm mill-pjattaforma tal-aċċess, għajr jekk ikunu ttieħdu miżuri sabiex jiżguraw qabda soda. Is-slielem li jidħlu ġo xulxin u s-slielem li jitwalu jridu jiġu użati hekk li s-sezzjonijiet differenti jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu relattivament bejniethom. Is-slielem mobbli jridu jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu qabel l-irfis fuqhom.

4.2.3.   Is-slielem għandhom jiġu użati hekk li jkollhom qabda sikura u appoġġ sikur għall-ħaddiema f’kull ħin. B’mod partikolari, jekk tagħbija trid tinġarr bl-idejn waqt li l-ħaddiem ikun fuq sellum, din ma għandhiex tipprekludi ż-żamma ta’ qabda sigura.

4.3.   Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-użu tal-armar

4.3.1.   Meta ma tkunx disponibbli nota dwar il-kalkoli għall-armar magħżul jew meta n-nota ma tkoprix l-arranġamenti strutturali kkontemplati, għandhom jitwettqu l-kalkoli tas-saħħa u tal-istabbilità għajr jekk l-armar jiġi mibni skont konfigurazzjoni standard rikonoxxuta b’mod ġenerali.

4.3.2.   Skond il-komplessità tal-armar magħżul, għandu jiġi mfassal pjan tal-armar, tal-użu u tal-ħatt tiegħu minn persuna kompetenti. Dan jista’ jsir fil-għamla ta’ pjan ġenerali, ikkompletat b’emendi tal-pjan li jkollhom x’jaqsmu mad-dettalji speċifiċi tal-armar in kwistjoni.

4.3.3.   Il-komponenti taż-żamm tal-armar għandhom ikunu protetti mill-possibilità ta’ żliq, kemm jekk bit-twaħħil ma’ kull wiċċ li jerfa’, b’użu ta’ mezz kontra ż-żliq jew b’kull mezz ieħor ta’ effettività ugwali, u l-wiċċ li jerfa’ t-toqol għandu jkun ta’ kapaċità suffiċjenti. Għandu jiġi żgurat illi l-armar huwa stabbli. L-armar bir-roti jrid jiġi pprevenut b’mezzi xierqa milli jiċċaqlaq aċċidentalment matul ix-xogħol fil-għoli.

4.3.4.   Id-dimensjonijiet, il-għamla u t-tifsila tal-pjattaformi tal-armar iridu jkunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid isir u xierqa għat-toqol li jrid jinġarr u jippermettu x-xogħol u l-mogħdija fis-siġurtà. Il-pjattaformi tal-armar iridu jiġu mmontati hekk li l-komponenti tagħhom ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu waqt l-użu normali. Ma jridx ikun hemm xquq perikolużi bejn il-komponenti tal-pjattaformi u s-salvagwardji kollettivi vertikali li jipprevjenu l-waqgħat.

4.3.5.   Meta partijiet mill-armar ma jkunux lesti għall-użu, bħal per eżempju matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bdil, dawn iridu jiġu mmarkati b’sinjali ta’ twissija ġenerali skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħtiġijiet minimi għall-provvista ta’ sinjali tas-sigurtà jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa’ Direttiva individwali fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (1) u jkunu delimitati b’mod xieraq b’mezzi fiżiċi li jipprevjenu l-aċċess għaż-żona tal-perikolu.

4.3.6.   L-armar jista’ biss jiġi mmontat, żarmat jew mibdul b’mod sinifikanti taħt is-superviżjoni ta’ persuna kompetenti u minn ħaddiema li jkunu rċevew taħriġ xieraq u speċifiku fl-operazzjonijiet maħsuba, li jindirizzaw ir-riskji speċifiċi skont l-Artikolu 9, u b’mod aktar partikolari:

(a)

li jifhmu l-pjanta tal-immontar, taż-żarmar jew tal-bidla tal-armar ikkonċernat;

(b)

is-sikurezza matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bidla tal-armar ikkonċernat;

(c)

il-miżuri li jipprevjenu r-riskju li jaqgħu persuni jew oġġetti;

(d)

il-miżuri ta’ sikurezza fil-każ ta’ bdil fil-kondizzjonijiet tat-temp li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin is-sikurezza tal-armar in kwistjoni;

(e)

il-kondizzjonijiet fir-rigward tat-tagħbijiet permissibbli;

(f)

kull riskju ieħor li x-xogħol tal-immontar, iż-żarmar jew il-bdil imsemmi hawn fuq jista’ jeħtieġ.

Il-persuna li tissorvelja u l-ħaddiema konċernati jrid ikollhom disponibbli l-pjanta tal-immontar u taż-żarmar kif msemmi fil-punt fl-4.3.2, inkluż kull istruzzjoni li jista’ jkun fiha.

4.4.   Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw it-teknika marbuta mal-aċċess u l-pozizzjonament permezz tal-ħbula

It-teknika marbuta mal-aċċess u l-pożizzjonament permezz tal-ħbulairid jikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sistema jrid ikun fiha minn tal-anqas żewgt iħbula ankrati separatament, wieħed bħala mezz tal-aċċess, tal-inżul u ta’ appoġġ (xogħol bil-ħabel) u l-ieħor bħala riserva (ħabel tas-sikurezza);

(b)

il-ħaddiema jridu jiġu pprovduti u jużaw sarġ xieraq u jkunu mqabbda miegħu b’ħabel tas-sikurezza;

(c)

il-ħabel tax-xogħol għandu jkun imgħammar b’mezzi siguri għat-tlugħ u l-inżul u jkollu sistema li tinqafel waħedha sabiex jipprevjeni lil min jużah milli jaqa’ jekk jitlef il-kontroll tal-movimenti tiegħu. Il-ħabel tas-sikurezza jrid ikun imgħammar b’sistema mobbli ta’ prevenzjoni mill-waqgħat li ssegwi l-movimenti tal-ħaddiem;

(d)

l-għodda u l-aċċessorji l-oħra li jridu jintużaw minn ħaddiem għandhom ikunu mqabbda mas-sarġ jew mal-maqgħad tal-ħaddiem jew ma’ xi mezz ieħor xieraq;

(e)

ix-xogħol għandu jkun ippjanat u ssorveljat tajjeb, sabiex ħaddiem ikun jista’ jiġi salvat immedjatament f’emerġenza;

(f)

skont l-Artikolu 9, il-ħaddiema konċernati jenħtieġ li jirċievu taħriġ xieraq u speċifiku għall-operazzjonijiet maħsuba, b’mod partikolari l-proċeduri tas-salvataġġ.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn, bil-ħsieb tal-istima tar-riskji, l-użu tat-tieni ħabel jagħmel ix-xogħol aktar perikoluż, l-użu ta’ ħabel wieħed jista’ jiġi permess, sakemm ikunu ttieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sikurezza skont il-liġijiet jew/u l-prattika nazzjonali.


(1)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 23.


ANNESS III

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien mal-emendamenti suċċessivi tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 13)

Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE

(ĠU L 393, 30.12.1989, p. 13)

 

Direttiva tal-Kunsill 95/63/KE

(ĠU L 335, 30.12.1995, p. 28)

 

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/45/KE

(ĠU L 195, 19.7.2001, p. 46)

 

Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21).

Biss fir-rigward tar-referenzi magħmula fil-punt 3 tal-Artiklu 3, tad-Direttiva 89/655/KEE


PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmi fl-Artikolu 13)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

89/655/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1992

95/63/KE

fl-4 ta’ Diċembru 1998

2001/45/KE

19 ta’ Lulju 2004 (1)

2007/30/KE

31 Diċembru 2012


(1)  L-Istati Membri għandu ikollhom id-dritt, rigward l-implimentazzjoni tal-punt 4 tal-Anness II tad-Direttiva 89/655/KEE, li jagħmlu użu minn perjodu transitorju taż-żmien ta’ mhux aktar minn sentejn mid-19 ta’ Lulju 2004, sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet varji li jistgħu jinħolqu mill-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva 2001/45/KE b’mod partikolari mill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.


ANNESS IV

Tabella ta’ korrelazzjoni

Direttiva 89/655/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 4a(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 4a(2) l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 5(2)(a) u (b)

Artikolu 4a(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 4a(4)

Artikolu 5(4)

Artikolu 5, l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 6(a) u (b)

Artikolu 5a

Artikolu 7

Artikolu 6(1)

Artikolu 8(1)

Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi

Artikolu 8(2) l-ewwel sub-paragrafu (a), (b) u (c)

Artikolu 6(2) it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 8((2) it-tieni sub-paragrafu

Artikolu 6(3)

Artikolu 8(3)

Artikolu 7 l-ewwel inċiż

Artikolu 9(a)

Artikolu 7 it-tieni inċiż

Artikolu 9(b)

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9(1)

Artikolu 11(1)

Artikolu 9(2) l-ewwel u t-tieni inċiżi

Artikolu 11(2)(a) u (b)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10 (2)

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 11

Artikolu 15

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV