9.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 5/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Diċembru 2008

dwar l-esklużjoni tan-nikotina fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7714)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/9/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru, matul perjodu ta’ 12-il sena min-notifika ta’ din id-Direttiva, jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva li jkunu diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawn is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati bil-mod fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-ħsieb tal-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi n-nikotina.

(3)

Għan-nikotina, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawk ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri Relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Għan-nikotina l-Istat Membru Relatur kien ir-Renju Unit u tagħrif kollu rilevanti kien ippreżentat f’Jannar 2008.

(4)

Il-Kummissjoni investigat in-nikotina skont l-Artikolu 24a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Abbozz tar-rapport tar-reviżjoni għal dik is-sustanza ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fis-26 ta’ Settembru 2008 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Matul l-analiżi ta’ din is-sustanza attiva mill-Kumitat, ġie konkluż, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-kummenti li waslu mingħand l-Istati Membri, li l-evidenza eżistenti mhijiex biżżejjed biex turi użu bla periklu fir-rigward tal-operaturi, il-ħaddiema, il-persuni preżenti u l-konsumaturi. Barra minn dan, tħassib ieħor identifikat mill-Istati Membri relaturi fir-rapport ta’ valutazzjoni tagħha hu inkluż fir-rapport ta’ reviżjoni għas-sustanza.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jappoġġja s-sustanza b’mod ulterjuri jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat ma wrewx li jista’ jiġi mistenni li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom in-nikotina jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk in-nikotina ma għandhiex tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom in-nikotina jiġu rtirati f’perjodu ta’ żmien preskritt u li ma jiġġeddux u li ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida għal prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom in-nikotina, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jiġu wżati fi staġun ieħor tat-tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom in-nikotina jistgħu jibqgħu disponibbli għall-bdiewa sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċizjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għan-nikotina skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I (4) tagħha, bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-nikotina ma għandhiex tiġi inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal protezzjoni tal-pjanti li fihom in-nikotina jiġu rtirati sat-8 ta’ Ġunju 2009;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom in-nikotina mhija se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mit-8 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(4)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.