16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 42/43


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/14/KE

tal-15 ta’ Frar 2008

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE, dwar prodotti kosmetiċi, għall-għan ta’ l-adattament ta’ l-Anness III tagħha għall-progress tekniku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 76/768/KEE tipprojbixxi l-użu ta’ prodotti kosmetiċi ta’ sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (minn hawn ‘il quddiem CMR), tal-kategorija 1, 2 u 3, taħt l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (2). Madankollu, l-użu ta’ sustanzi kklassifikati fil-kategorija 3 skond id-Direttiva 67/548/KEE tista’ tiġi permessa soġġetta għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni mill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti ta’ Konsum (SCCP – Scientific Committee on Consumer Products).

(2)

Sakemm l-SCCP iqis li l-glyoxal, sustanza kklassifikata bħala CMR fil-kategorija 3 taħt l-Anness I tad-Direttiva 67/548/KEE hija ta’ riskju negliġibbli meta prodotti kosmetiċi jkun fihom sa 100 ppm minnha, l-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE jeħtieġ li jiġi emendat skond dan.

(3)

Id-Direttiva 76/768/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(4)

Sabiex ikun żgurat progress bla xkiel mill-formoli eżistenti ta’ prodotti kosmetiċi għal formoli li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva, huwa meħtieġ li jkunu previsti perjodi ta’ tranżizzjoni xierqa.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kosmetiċi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-Parti 1 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE hija emendata skond l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li prodotti li jonqsu milli jikkonformaw ma’ din id-Direttiva la jinbiegħu u lanqas jingħataw lill-konsumatur aħħari wara s-16 ta’ Frar 2009.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mis-16 ta’ Awwissu 2008, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mis-16 ta’ Novembru 2008.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/67/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 22).

(2)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 851), kif ikkoreġuta bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 281.


ANNESS

F'Parti 1 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 76/768/KEE jiżdied it-tagħrif li ġej għall-glyoxal:

In-numru ta’ referenza

Sustanza

Restrizzjonijiet

Kondizzjonijiet għall-użu u twissijiet li jridu jiġu stampati fuq it-tikketta

Kamp ta’ applikazzjoni u/jew użu

Il-konċentrazzjoni massima awtorizzata fil-prodott kosmetiku finali

Limitazzjonijiet u ħtiġijiet oħrajn

a

b

c

d

e

f

“102

Glyoxal

Glyoxal (INCI)

CAS No 107-22-2

EINECS No 203-474-9

 

100 mg/kg”