18.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 307/11


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Ottubru 2008

dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5737)

(2008/867/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu;

Billi:

(1)

Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-miri tagħha jinkludu l-promozzjoni ta’ xogħol għal kulħadd u l-progress soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-ħarsien soċjali. Skond l-Artikolu 137(1)(h) tat-Trattat, il-Komunità għandha rwol f’li tappoġġja u tikkuplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-integrazzjoni tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol. L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi għal dritt għall-assistenza soċjali u assistenza għall-abitazzjoni sabiex tkun żgurata eżistenza diċenti għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi.

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar kriterji komuni dwar riżorsi suffiċjenti u l-assistenza soċjali fis-sistemi ta’ ħarsien soċjali (1), tibqa’ strument ta’ referenza għall-politika tal-Komunità dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali u ma tilfet xejn mir-relevanza tagħha; għalkemm fadal xi jsir biex tkun implimentata b’mod sħiħ.

(3)

Mill-1992 ‘l hawn tfaċċaw strumenti ġodda tal-politika. Wieħed minn dawn l-istrumenti huwa l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni fuq il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (MMK); li l-għanijiet tiegħu jinkludu l-inklużjoni soċjali attiva ta’ kulħadd, li trid tkun żgurata permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u bil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni bejn in-nies u l-gruppi (2) l-aktar emarġinati. Strument ieħor huwa l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol, li għandha l-għan, inter alia, li ssaħħaħ l-inklużjoni soċjali, tiġġieled il-faqar, li tipprevjeni l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol, u li tgħin l-integrazzjoni fix-xogħol ta’ persuni fi żvantaġġ (3).

(4)

Il-persistenza tal-faqar u nuqqas ta’ xogħol u l-kumplessitajiet dejjem akbar ta’ diversi żvantaġġi żiedu l-bżonn għal politika komprensiva u integrata (4). Bil-għan li jkunu modernizzati s-sistemi ta’ ħarsien soċjali, għajnuna ta’ dħul adekwat għandha tkun ikkumbinata ma’ kollegament mas-suq tax-xogħol u aċċess għal servizzi ta’ kwalità fi strateġija ta’ inklużjoni attiva integrata (5). Din l-istrateġija hija kumplimentari b’mod sħiħ mal-approċċ ta’ flessigurtà, filwaqt li hija mmirata għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol. Tikkontribwixxi għall-miri tal-Istrateġija ta’ Liżbona billi tiffaċilita l-attivazzjoni u l-mobilità tal-ħaddiema, u tifforma parti mid-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija dwar Żvilupp Sostenibbli tal-UE (6).

(5)

Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-prijoritajiet nazzjonali u d-disponibilità tar-riżorsi finanzjarji meta din ir-Rakkomandazzjoni tkun implimenta gradwalment.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni u l-implimentazzjoni tal-prinċipji stipulati fiha ma jippreġudikawx l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità, inklużi regoli ta’ għajnuna mill-Istat u r-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (7), u r-regoli tal-Komunità dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

(7)

Skond il-prinċipju ta’ sussidarjetà, l-Istati Membri huma responsabbli li jiddefinixxu l-livell ta’ għajnuna fid-dħul u biex jistabbilixxu t-taħlita ta’ politika neċessarja fid-dawl tas-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet differenti fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI GĦANDHOM:

(1)   Jiddisinjaw u jimplimentaw strateġija komprensiva integrata għall-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol flimkien ma’ għajnuna fid-dħul adekwata, swieq tax-xogħol inklussivi u aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Il-politika ta’ inklużjoni attiva għandha tiffaċilita l-integrazzjoni f’impjieg sostenibbli u ta’ kwalità ta’ dawk li jistgħu jaħdmu u tipprovdi riżorsi li huma biżżejjed biex jgħixu b’dinjità, flimkien ma’ għajnuna għall-parteċipazzjoni soċjali, għal dawk li ma jistgħux.

(2)   Jiżguraw l-effikaċja tal-politika ta’ integrazzjoni attiva permezz ta:

(a)

Disinn ta’ politika komprensiva li tiddefinixxi taħlita tajba tat-tliet strati tal-istrateġija ta’ inklużjoni attiva, waqt li tikkunsidra l-impatt konġunt tagħhom fuq l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tan-nies żvantaġġjati u l-interrelazzjonijiet potenzjali tagħhom, inkluż sinerġiji u kompromessi;

(b)

Implimentazzjoni integrata fit-tliet strati tal-istrateġija ta’ inklużjoni attiva biex ikunu indirizzati b’mod effettiv il-kawżi diversi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex tkun imtejba l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji pubbliċi u s-servizzi li jimplimentaw il-politika ta’ inklużjoni attiva;

(ċ)

Koordinazzjoni tal-politika bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE fid-dawl tar-rwoli, kompetenzi u prijoritajiet partikolari tagħhom;

(d)

Parteċipazzjoni attiva tal-atturi relevanti kollha, inkluż dawk affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u dawk li jipprovdu s-servizzi fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-istrateġiji.

(3)   Jiżguraw li l-politika ta’ inklużjoni attiva:

(a)

tappoġġja l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali;

(b)

tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd;

(ċ)

tikkunsidra b’mod kawtel il-kumplessitajiet tal-iżvantaġġi diversi u s-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet speċifiċi tad-diversi gruppi vulnerabbli;

(d)

tikkunsidra ċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali u ttejjeb il-koeżjoni territorjali;

(e)

tkun konsistenti mal-approċċ taċ-ċiklu tal-politika soċjali u tax-xogħol biex dawn ikunu jistgħu jappoġġjaw is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u jingħeleb it-trasferiment tal-faqar bejn il-ġenerazzjonijiet.

(4)   Jorganizzaw u jimplimentaw politika ta’ inklużjoni attiva skond il-prinċipji komuni li ġejjin u l-linji gwida għal kull strat, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta’ sussidarjetà u s-sitwazzjonijiet, bżonnijiet u prijoritajiet differenti tagħhom bla ħsara għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u r-regoli tal-Komunità dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

(a)   Għajnuna fid-dħul adekwata

Jirrikonoxxu d-dritt bażiku tal-individwu għal biżżejjed riżorsi u assistenza soċjali biex ikollu ħajja kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem bħala parti mill-isforz komprensiv u konsistenti biex tingħeleb l-esklużjoni soċjali;

(i)

Jirrevedu s-sistemi ta’ ħarsien soċjali tagħhom, kif hemm bżonn, fid-dawl tal-prinċipji komuni mniżżla fil-paragrafu B tar-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE. B’mod partikolari, skond strateġija ta’ inklużjoni attiva, id-dritt għal riżorsi suffiċjenti għandu:

ikun marbut mad-disponibilità attiva għax-xogħol jew taħriġ vokazzjonali bil-għan li jinkiseb xogħol fil-każ ta’ persuni li l-kundizzjonijiet tagħhom jippermettu disponibilità simili, jew li jkun suġġett, fejn huwa l-każ, għal miżuri ta’ integrazzjoni ekonomika u soċjali fil-każ tal-persuni l-oħra;

ikun marbut ma’ politika li hija meqjusa neċessarja, fuq livell nazzjonali, għall-integrazzjoni ekonomika u soċjali ta’ dawk involuti.

(ii)

Jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ dak id-dritt skond il-linji gwida prattiċi fil-paragrafi Ċ(1), Ċ(2) u Ċ(3) tar-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE. B’mod partikolari, fejn ir-riżorsi neċessarji biex ikun hemm ħajja ta’ dinjità huma determinati, l-istandards tal-ħajja u l-livelli tal-prezzijiet skond it-tip u d-daqs tal-familja fl-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu kkunsidrati permezz tal-indikaturi nazzjonali relevanti. F’qafas ta’ inklużjoni attiva, inċentiva li għandha l-għan li tfittex impjieg għall-persuni li l-kundizzjoni tagħhom hija tajba għax-xogħol għandha tkun imħarsa u l-ammonti rranġati jew miżjuda biex jintlaħqu għanijiet speċifiċi.

(b)   Swieq tax-xogħol inklussivi

Jaddottaw arranġamenti li jkopru persuni li huma fil-kundizzjoni li jaħdmu biex jiżguraw li dawn jirċievu għajnuna effettiva biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu jew jibqgħu fl-impjieg li jikkorrispondi mal-kapaċità ta’ xogħol tagħhom.

(i)

Jippromwovu l-prinċipji komuni li ġejjin fil-kuntest tal-istrateġija tal-inklużjoni attiva:

Jindirizzaw il-bżonnijiet tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol sabiex jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni progressiva tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol u biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jkunu impjegati;

Jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippromwovu swieq tax-xogħol inklussivi biex jiżguraw li l-aċċess għall-impjiegi huwa opportunità għal kulħadd.

Jippromwovu impjiegi ta’ kwalità, inklużi salarji u benefiċċji, kundizzjonijiet ta’ xogħol, saħħa u sigurtà, aċċess għal tagħlim matul il-ħajja u prospetti ta’ karriera, b’mod partikolari bil-għan li jkun prevenut il-faqar fuq ix-xogħol;

Jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jippromwovu ż-żamma tal-impjiegi u l-avvanz fuq ix-xogħol.

(ii)

Jimplimentaw dawn il-prinċipji permezz tal-linji gwida prattiċi li ġejjin

Jespandu u jtejbu l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni inklussiva u politika ta’ taħriġ, inkluż strateġiji effettivi dwar tagħlim matul il-ħajja; jad ottaw sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ bħala risposta għar-rekwiżiti ġodda ta’ kompetenzi, u l-bżonn għall-għarfien diġitali;

Jieħdu miżuri attivi u ta’ prevenzjoni fis-suq tax-xogħol, inklużi servizzi u għajnuniet addattati apposta, personalizzati, u reattivi li jinkludu l-identifikazzjoni minn kmieni tal-bżonnijiet, assistenza għat-tiftix tal-impjiegi, għajnuna ta’ gwida u taħriġ, u motivazzjoni għat-tiftix attiv tax-xogħol.

Kontinwament jirrevedu l-inċentivi u d-diżinċentivi li jirriżultaw mis-sistemi fiskali u tal-benefiċċji, inklużi l-amministrazzjoni u l-kundizzjonalità tal-benefiċċji u tnaqqis sinifikanti ta’ rati tat-taxxa effettivi għoljin u marġinali, b’mod partikolari għal dawk bi dħul baxx, filwaqt jiżguraw livelli adegwati ta’ ħarsien soċjali;

Jipprovdu assistenza għall-ekonomija soċjali u impjiegi protetti bħala sors vitali ta’ impjiegi inizjali għal persuni żvantaġġjati, jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-mikrokrediti, inċentivi finanzjarji għal dawk li jħaddmu biex iħaddmu n-nies, l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ impjiegi fis-servizzi, partikolarment fuq livell lokali, u jqajmu kuxjenza dwar l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

Jippromwovu l-adattabilità u l-għajnuna fuq ix-xogħol u ambjent ta’ sostenn, inklużi l-attenzjoni għas-saħħa u l-benesseru tal-ħaddiema, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol flimkien mad-djalogu soċjali.

(ċ)   Aċċess għal servizzi ta’ kwalità

Jieħdu kull miżura biex dawk ikkonċernati, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti, jirċievu l-għajnuna soċjali xierqa permezz ta’ aċċess għal servizzi ta’ kwalità. B’mod partikolari, miżuri għandhom jittieħdu biex:

Ikunu provduti servizzi li huma essenzjali biex jgħinu politika ta’ inklużjoni soċjali u ekonomika attiva, inklużi servizzi ta’ assistenza soċjali, servizzi ta’ impjiegi u taħriġ, għajnuna għall-akkomodazzjoni u akkomodazzjoni soċjali, ħarsien tat-tfal, servizzi ta’ ħarsien fit-tul u servizzi tas-saħħa skond il-prinċipji komuni li ġejjin, u li jikkunsidraw ir-rwol tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, tar-regoli applikabbli fil-Komunità u tas-sitwazzjonijiet, il-bżonnijiet u l-preferenzi differenti fl-Istati Membri.

Disponibilità territorjali, aċċess fiżiku, mezzi neċessarji għall-akkwist;

Solidarjetà, opportunitajiet indaqs għall-utenti tas-servizzi u l-impjegati, u kunsiderazzjoni tad-diversità tal-utenti;

Investiment fil-kapital uman, kundizzjonijiet ta’ xogħol, u infrastruttura fiżika adekwata;

Servizzi komprensivi u koordinati, imfassla u mwettqa b’mod integrat;

involviment tal-“utenti” u avviċinamenti personalizzati biex jintlaħqu l-bżonnijiet diversi tan-nies bħala individwi;

Monitoraġġ u stima tal-prestazzjoni u t-tpartit ta’ prattiċi tajba.

(5)   Jiggarantixxu r-riżorsi u l-benefiċċji relevanti skond il-miżuri ta’ ħarsien soċjali; jużaw id-dispożizzjonijiet u l-miżuri tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, biex jappoġġjaw il-miżuri ta’ inklużjoni attiva;

Jistabbilixxu arranġamenti dettaljati u jiffinanzjaw infiq u jorganizzaw l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

Jikkunsidraw restrizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji, il-prijoritajiet stipulati mill-awtoritajiet nazzjonali u l-istat tal-finanzi pubbliċi sabiex jilħqu l-aħjar bilanċ bejn l-inċentivi ta’ xogħol, it-tnaqqis tal-faqar u spejjeż baġitarji sostenibbli.

Jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kulħadd, inklużi dawk l-anqas privileġġati, ikunu infurmati bid-drittijiet tagħhom u bl-għajnuna disponibbli, permezz tat-teknoloġiji tal-informatika, fejn applikabbli.

Jissimplifikaw sakemm huwa possibbli l-proċeduri amministrattivi u l-arranġamenti biex ikunu eżaminati r-riżorsi u s-sitwazzjonijiet;

Fejn possibbli, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali, jorganizzaw il-mekkaniżmi għall-appelli quddiem l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u, fejn neċessarju, korpi terzi indipendenti. bħal tribunali, li għalihom il-persuni kkonċernati għandu jkollhom aċċess faċli.

(6)   Itejbu sistemi ta’ indikazzjoni u informazzjoni sabiex jtejbu l-kapaċità li jipproduċu informazzjoni aġġornata u ta’ paragun madwar il-pilastri kollha ta’ inklużjoni attiva.

Jimmonitorjaw u jevalwaw il-politika ta’ inklużjoni attiva skond il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali u l-Kumitat għall-Impjiegi u bl-appoġġ tal-programm PROGRESS;

Jiżguraw konsistenza mal-politika ġenerali tal-Istrateġija ta’ Liżbona dwar l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 3 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Vladimír ŠPIDLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.

(2)  Il-komunikazzjoni COM(2005) 706 - Naħdmu flimkien, naħdmu aħjar: Qafas ġdid ta’ koordinazzjoni miftuħa fil-politika tal-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2008 dwar Linji gwida għall-politika dwar ix-xogħol tal-Istati Membri, Dokument tal-Kunsill 10614/2/082008 (għadha mhix ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Komunikazzjonijiet COM(2007) 620 - It-tiġdid tal-ħarsien soċjali għal aktar ġustizzja soċjali u koeżjoni ekonomika: Immexxu ‘l quddiem l-inklużjoni attiva tan-nies l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol u COM(2005) 33 dwar l-Aġenda Soċjali.

(5)  Komunikazzjoni COM(2006) 44 - Rigward konsultazzjoni għal azzjoni fuq livell ta’ UE biex tiġi promossa l-inklużjoni attiva tan-nies li huma l-aktar ‘il bogħod mis-suq tax-xogħol.

(6)  Komunikazzjoni COM(2007) 620, konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tal-14 ta’ Diċembru 2007 u tan-nota ta’ orjentazzjoni tal-SPC dwar l-inklużjoni attiva tat-3 ta’ Lulju 2008. B’mod partikolari, ara wkoll: Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2007, Dokument 16139/07; opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta’ Ġunju 2008 dwar l-Inklużjon Attiva (Dok. CdR 344/2007); opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropej tas-27 ta’ Ottubru 2007 dwar standards soċjali minimi (Dok. CESE 892/2007).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ir-Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).