4.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 253/1


RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Settembru 2008

dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija

(2008/C 253/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.

WAQT LI JIKKUNSIDRA r-rapport strateġiku tal-Kummissjoni (1) u ċ-ċiklu l-ġdid tal-istrateġija ta' Lisbona mġedda għat-tkabbir u l-impjiegi (2008-2010) mibdija mill-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Marzu 2008;

2.

WAQT LI JINSISTI fuq il-fatt li l-Unjoni Ewropea intalbet f'dan il-qafas biex tkompli l-isforzi tagħha għat-tisħiħ tal-effikaċja tas-sistema ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex tiġi miġġielda aħjar il-falsifikazzjoni;

3.

WAQT LI JISSOTTONLINJA l-ħtieġa li jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali tas-suq intern u li jittejjeb il-funzjonament tiegħu;

4.

WAQT LI JFAKKAR fl-interess, fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, partikolarment fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, tal-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, fil-każijiet adegwati, tal-importanza tat-titoli nazzjonali u komunitarji tal-proprjetà industrijali eżistenti;

5.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRA l-istrumenti Komunitarji li ġew adottati biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni u l-piraterija, b'mod partikolari d-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-Regolament Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

6.

KONXJU wkoll mill-proposta emendata għal Direttiva dwar il-miżuri ta' liġi kriminali bil-ħsieb li jiġu infurzati d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

7.

WAQT LI JIKKUNSIDRA l-inizjattivi għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija żviluppati fil-qafas multilaterali, b'mod partikolari fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-G8 (il-proċess ta' Heiligendamm);

8.

WAQT LI JIKKUNSIDRA l-istrateġija li timmira għar-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi (2);

9.

WAQT LI JIKKUNSIDRA r-rapport tal-OECD dwar l-impatt ekonomiku tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija, u b'mod partikolari l-istima tagħha tal-kummerċ internazzjonali fi prodotti ffalsifikati jew piratati, ivvalutat, abbażi tas-sejbiet doganali li saru fil-pajjiżi tal-OECD, għal madwar 200 biljun USD fl-2005, li jindika li l-valur totali tal-iskambju ta' prodotti ffalsifikati jew piratati jista' jaqbeż dan l-ammont b'bosta mijijiet ta' biljuni ta' dollari, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-setgħat pubbliċi u l-industriji;

10.

KONXJU tal-gravità u l-iżvilupp inkwetanti tal-fenomenu tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija, b'mod partikolari f'ekonomija globalizzata, għall-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, għall-impriżi tagħha, il-forzi kreattivi u l-konsumaturi tagħha; konxju tal-importanza ta' dan il-fenomenu fuq l-internet ukoll; konxju tar-riskji marbutin mal-falsifikazzjoni ta' prodotti, perikolużi għas-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini;

11.

JISSOTTOLINJA l-importanza li ngħatat lill-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, li huma element fundamentali għall-promozzjoni tal-kultura u d-diversità tagħha, kif ukoll għall-valorizzazzjoni tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-ħolqien tal-impriżi Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, sabiex jiġi appoġġat it-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u tiġi żviluppata d-dimensjoni esterna tal-kompetittività Ewropea;

12.

KONXJU f'dan il-qafas tal-ħtieġa li l-impriżi innovattivi jingħataw il-mezzi biex jipproteġu bl-aħjar mod l-invenzjonijiet tagħhom u biex jiksbu l-aħjar benefiċċji minnhom; ifakkar fl-interess ta' privattiva Komunitarja u ta' sistema legali għall-privattivi sabiex l-utenti jkollhom il-mezzi biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom ta' proprjetà intellettwali fit-territorju kollu tal-Unjoni;

13.

JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li l-atturi kollha kkonċernati jiġu mobilizzati sabiex tiġi msaħħa l-effikaċja tal-istrumenti kollha tal-proprjetà intellettwali u dawk għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fis-suq intern u fil-livell internazzjonali; waqt li jfakkar li dawn l-azzjonijiet għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja bħall-protezzjoni tad-data personali u l-protezzjoni tad-dritt ta' proprjetà;

14.

JILQA' favorevolment il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 bil-ħsieb li tiġi stabbilita strateġija tad-drittijiet ta' proprjetà industrijali għall-Ewropa, b'mod partikolari, għall-kwistjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet ta' proprjetà industrijali u tad-dritt ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati:

l-inizjattivi doganali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fil-fruntieri u barra mill-Unjoni Ewropea;

l-azzjonijiet komplimentari għar-regoli leġislattivi, maħsubin biex jippromwovu bidla fil-perċezzjoni tal-pubbliku tal-fenomenu tal-falsifikazzjoni u l-piraterija, biex javvanzaw l-għarfien preċiż ta' dan il-fenomenu, biex itejbu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha implikati fl-Istati Membri, biex jistabbilixxu netwerk effikaċi ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, li għandu jippermetti li jiġu implimentati azzjonijiet fuq il-livell Ewropew, biex jippromwovu ftehimiet ta' sħubija pubblika/privata u l-konklużjoni ta' ftehimiet bejn il-professjonisti fil-livell Ewropew sabiex tonqos il-piraterija u l-bejgħ ta' prodotti ffalsifikati fuq l-Internet;

l-eżaminar tal-possibbiltajiet biex jittejjeb l-infurzar transkonfini tas-sentenzi;

l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jinfurzaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi, permezz ta' stħarriġ regolari, il-promozzjoni ta' protezzjoni effettiva tad-drittijiet fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali, kif ukoll permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qafas tad-djalogi regolari mal-Istati terzi, partikolarment dawk li huma konnessi ma' livell għoli ta' falsifikazzjoni u piraterija;

il-ħidma fuq ftehim kummerċjali multilaterali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA);

15.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex timplimenta dawn l-orjentazzjonijiet permezz ta':

il-ħolqien ta' osservatorju Ewropew tal-falsifikazzjoni u l-piraterija, bl-istabbiliment tal-mod ta' funzjonament tiegħu u d-dettalji, inklużi finanzjarju, meħtieġa għall-istabbiliment tiegħu; l-osservatorju, li jserraħ fuq l-istrutturi eżistenti tal-Kummissjoni, għandu jwassal għall-kisba, permezz ta' data li s-setturi pubbliċi u privati jkunu jixtiequ jikkomunikaw, ta' evalwazzjoni regolari tal-firxa tal-falsifikazzjoni u l-piraterija, kif ukoll analiżi aktar preċiża ta' dawn il-fenomeni;

id-disseminazzjoni partikolarment bl-Internet ta' informazzjoni dwar il-fenomenu tal-falsifikazzjoni u l-piraterija lill-atturi involuti fil-ġlieda kontra dawn il-fenomeni;

l-iżvilupp ta' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni diretti lejn l-atturi involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija u lejn il-konsumaturi l-aktar żgħar fl-età, inkluż permezz ta' azzjonijiet implimentati waqt jum Ewropew ta' sensibilizzazzjoni għall-perikli tal-falsifikazzjoni u permezz tat-tfassil ta' gwidi operattivi;

16.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jużaw il-mezzi kollha xierqa biex tiġi miġġielda b'mod effikaċi l-falsifikazzzjoni u l-piraterija, u partikolarment biex:

jippreżentaw pjan doganali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni għas-snin 2009 sa 2012 li għandu jagħti importanza lill-iskambju ta' informazzjoni permezz ta' użu sħiħ tas-sistemi elettroniċi, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati, b'mod partikolari mal-fruntiera u prinċipalment l-awtoritajiet doganali kif ukoll mad-detenturi tad-drittijiet; iwettqu analiżi tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-liġi applikabbli fil-qasam doganali u jevalwaw it-titjib li għandu jsir għall-qafas ġuridiku sabiex tiġi miġġielda aħjar il-falsifikazzjoni perikoluża għall-konsumaturi u jkun possibbli li titrawwem kuxjenza dwar ir-riskji ta' dan il-fenomenu;

jistabbilixxu netwerk ta' skambju rapidu ta' informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi ffalsifikati, partikolarment permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva transkonfini bl-użu ta' punti ta' kuntatt nazzjonali u ta' għodda moderni għall-iskambju ta' informazzjoni;

jippromwovu l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet implikati fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, partikolarment permezz ta' skambju tal-aħjar prattiki bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali;

janalizzaw l-effikaċja ta' qafas ġuridiku għall-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

jippreżentaw proposti xierqa biex jiġu promossi sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, biex jiġu rakkomandati prattiki tajba, partikolarment fir-rigward tal-bejgħ fuq l-Internet u biex tiġi promossa l-kollabborazzjoni bejn il-professjonisti;

isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fil-livell internazzjonali: jippromwovu, fil-ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi mill-Unjoni Ewropea, l-inklużjoni ta' miżuri dwar dawn id-drittijiet f'konformità mal-acquis tal-Komunità u jikkontribwixxu għall-infurzar ta' tali miżuri; jipparteċipaw b'mod attiv fin-negozjati bil-ħsieb tal-konklużjoni ta' ftehim kummerċjali multilaterali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, partikolarment billi jagħmlu ħilithom, fil-waqt opportun, biex tinħoloq task force inkarigata bl-implimentazzjoni tal-ftehim; jippromwovu dan is-suġġett fid-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi u fil-qafas tal-azzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, “Rapport strateġiku dwar l-istrateġija ta' Liżbona mġedda għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010). Inżommu r-ritmu tar-riformi”, COM(2007) 803 finali.

(2)  ĠU C 129, 26.5.2005, p. 3.