21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 190/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Lulju 2007

li għandha x’taqsam mal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal indaġni dwar il-prevalenza u r-reżistenza antimikrobika ta’ Campylobacter spp. f’qatgħat tal-brojlers u l-prevalenza ta’ Campylobacter spp. u Salmonella spp. f’karkassi tal-brojlers li għandu jitwettaq fl-Istati Membri

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3440)

(2007/516/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula proċeduri li jamministraw kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lejn miżuri speċifiċi veterinarji, inklużi miżuri tekniċi u xjentifiċi. Tipprevedi li l-Komunità twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jwettqu l-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(2)

Skond ir-Rapport ta’ l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Ikel (l-EFSA) dwar Xejriet u Sorsi ta’ żoonożi, aġenti żoonotiċi u reżistenza antimikrobika fil-Komunità fl-2005 (2), ġie rrappurtat total ta’ 194 695 każ ta’ kampilobatterjożi fil-bnedmin fi 22 Stat Membru. Il-laħam tal-brojler huwa meqjus bħala l-aktar sors komuni ta’ infezzjoni. Sa 66.4 % ta’ kampjuni pożittivi fil-laħam tal-brojler kienu rrappurtati. F’qatgħat tal-brojlers, 0.2 sa 86 % tal-kampjuni rrappurtati kienu pożittivi.

(3)

Barra minn dan, skond ir-rapport ta’ l-EFSA, total ta’ 168 929 każ ta’ salmonellożi umana kienu rrappurtati fit-22 Stat Membru fl-2005. Rati tipiċi ta’ kontaminazzjoni ta’ laħam frisk tat-tjur ivarjaw minn 4 sa 10 %, li huma l-ogħla rati mill-ikel kollu analizzat.

(4)

L-EFSA tindika wkoll fir-rapport tagħha li proporzjon relattivament għoli ta’ iżolati ta’ Campylobacter u Salmonella mill-annimali u mill-ikel kienu reżistenti għal aġenti antimikrobiċi ġeneralment użati fit-trattament ta’ mard uman. Dan japplika speċjalment għall-każ ta’ reżistenza għall-fluoroquinolones fl-iżolati tal-Campylobacter mit-tjur, fejn sa 94 % ta’ l-iżolati kienu rrappurtati reżistenti għall-ciprofloxacin. Infezzjonijiet li ġejjin mill-ikel ikkawżati minn dawn il-batterji reżistenti jippreżentaw riskju partikulari lill-bnedmin minħabba l-falliment possibbli tat-trattament.

(5)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/636/KE ta’ l-1 ta’ Settembru 2005 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal indaġni ta’ riferiment dwar il-prevalenza ta’ Salmonella spp. fil-qatgħat tal-brojlers tal-Gallus gallus li għandha titwettaq fl-Istati Membri (3), inġabar tagħrif komparabbli fir-rigward ral-prevalenza tas-Salmonella f’qatgħat tali. Minkejja dan, huwa diffiċli li tikkompara l-prevalenzi ta’ Campylobacter f’qatgħat tal-brojlers u fil-laħam tal-brojler, u ta’ Salmonella fil-laħam tal-brojler minn Stati Membri differenti minħabba li m’hemm l-ebda monitoraġġ armonizzat.

(6)

Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-monitoraġġ ta’ żoonożi u aġenti żoonotiċi, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (4), jistgħu jitwaqqfu programmi kkoordinati ta’ monitoraġġ, speċjalment meta jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi, sabiex jivverifikaw ir-riskji u jistabbilixxu valuri ta’ riferiment relatati maż-żoonożi u l-aġenti żoonotiċi fil-livell ta’ Stati Membri.

(7)

Esperti xjentifiċi f’kollaborazzjoni ma’ l-EFSA ħejjew speċifikazzjonijiet tekniċi għal studju ta’ riferiment dwar il-monitoraġġ armonizzat ta’ Campylobacter f’qatgħat tal-brojlers. It-taħriġ ġie organizzat fl-2006 għall-istaff tal-laboratorju fl-Istati Membri kollha dwar metodi ta’ żvelar għal Campylobacter f’qatgħat tali u huwa skedat fl-2007 fir-rigward tal-metodu ta’ l-elenkar għal Campylobacter fuq il-karkassi.

(8)

It-Task Force dwar il-Monitoraġġ tal-Ġbir tad-Data taż-Żoonożi ta’ l-EFSA adottat matul il-laqgħa tagħha fis-16 u s-17 ta’ Ottubru 2006 r-rapport dwar speċifikazzjonijiet tekniċi proposti għal programm ikkoordinat ta’ monitoraġġ għal Salmonella u Campylobacter fil-laħam tal-brojler fl-UE (5).

(9)

It-Task Force adottat ukoll Rapport li jinkludi proposta għal skema armonizzata ta’ monitoraġġ ta’ reżistenza antimikrobika fis-Salmonella fit-tiġieġ (Gallus gallus), id-dundjani u l-ħnieżer u fil-Campylobacter jejuni u fis-C. coli fil-brojlers (6) fl-20 ta’ Frar 2007. Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar skema ta’ monitoraġġ armonizzat u metodoloġija armonizzata għall-ittestjar ta’ suxxettibilità.

(10)

Skond l-Artikolu 7(3) u l-Anness II(B) tad-Direttiva 2003/99/KE, għandhom jitfasslu regoli ddettaljati dwar il-monitoraġġ tar-reżistenza antimikrobika tal-Campylobacter jejuni u l-Campylobacter coli fit-tjur ta’ l-irziezet. Jeħtieġ li tinġabar data sabiex jitfasslu regoli tali. Għalhekk, l-ittestjar ta’ reżistenza antimikrobika għandha tiġi inkluża fl-indaġni sabiex tinġabar id-data meħtieġa.

(11)

Meta jitqiesu n-numru għoli ta’ każijiet ta’ Salmonella u Campylobacter fil-bnedmin, l-importanza tal-brojlers u tal-laħam tal-brojler bħala sors ta’ infezzjoni u t-tħassib li qed jiżdied dwar l-iżvilupp ta’ reżistenza antimikrobika, għandha tinġabar data komparabbli fl-Istati Membri dwar il-prevalenza ta’ Campylobacter fil-brojlers u l-laħam tal-brojler, is-Salmonella fil-laħam tal-brojler sabiex jitqiesu l-ħtieġa, il-fattibilità, l-ispiża u l-benefiċċju ta’ miżuri ta’ kontroll li jifirxu madwar il-Komunità.

(12)

L-indaġni għandha tipprovdi tagħrif tekniku meħtieġ għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità inkluż l-użu ta’ aġenti antimikrobiċi fil-programmi ta’ kontroll taż-żoonożi fit-tjur ta’ l-irziezet. Fid-dawl ta’ l-importanza tal-ġbir ta’ data komparabbli dwar il-prevalenza ta’ Salmonella u Campylobacter fil-brojlers u l-laħam tal-brojler u r-reżistenza tal-Campylobacter fil-qatgħat tal-brojlers fl-Istati Membri, għandhom jingħataw kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti speċifiċi ta’ l-indaġni. Huwa xieraq li l-ispejjeż tat-testijiet ta’ laboratorju jingħataw lura 100 %, soġġetti għal limitu massimu. L-ispejjeż l-oħra kollha, bħal teħid ta’ kampjuni, ivvjaġġar u amministrazzjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

(13)

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tingħata sakemm l-indaġni titwettaq skond il-liġi Komunitarja u soġġetta għall-konformità ma’ ċerti kondizzjonijiet oħra.

(14)

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tingħata sakemm il-kondizzjonijiet previsti twettqu effettivament u sakemm l-awtoritajiet kompetenti jfornu t-tagħrif meħtieġ kollu fil-limiti ta’ żmien previsti f’din id-Deċiżjoni.

(15)

Għal raġunijijiet ta’ effiċjenza amministrattiva, in-nefqa kollha ppreżentata għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tiġi espressa f’euro. Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni ta’ l-agrikoltura (7), ir-rata ta’ kambju għan-nefqa fil-munita li mhijiex l-euro għandha tkun ir-rata ffissata l-aktar riċentament mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

Id-Deċiżjoni tistipula regoli dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal indaġni li għandha titwettaq fl-Istati Membri dwar il-prevalenza ta’:

(a)

Campylobacter spp. f’qatgħat tal-brojlers u r-reżistenza antimikrobika tagħhom; u

(b)

Campylobacter spp. u Salmonella spp. fil-karkassi tal-brojlers.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għar-raġunijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“qatgħa” tfisser tjur ta’ l-irziezet (bħal brojler) ta’ l-istess qagħda ta’ saħħa miżmuma fl-istess post jew fl-istess spazju magħluq u li jikkostitwixxu unità epidemjoloġika waħda; fil-każ ta’ tjur ta’ l-irziezet miżmuma fl-għeluq, dan jinkludi l-għasafar kollha li jaqsmu bejniethom l-istess arja;

(b)

“lott għall-biċċerija” tfisser kunsinna ta’ brojlers li trabbew fl-istess qatgħa lill-biċċerija f’jum wieħed partikolari;

(ċ)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ Stat Membru kif imfassla skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

Artikolu 3

Żoonożi u aġenti taż-żoonożi koperti b’din l-indaġni

L-Istati Membri għandhom iwettqu indaġni sabiex jivvalutaw il-prevalenza taż-żoonożi u l-aġenti taż-żoonożi li ġejjin f’kampjuni meħuda f’biċċeriji magħżula bil-polza skond l-Anness I:

(a)

Campylobacter spp. f’qatgħat tal-brojlers u r-reżistenza antimikrobika tagħhom;

(b)

Campylobacter spp. f’karkassi tal-brojlers;

(ċ)

Salmonella spp. f’karkassi tal-brojlers;

madwar il-Komunità bit-teħid ta’ kampjun fil-biċċeriji. Brojlers biss li ġew prodotti minn jum speċifiku ’ l quddiem fi ħdan Stat Membru għandhom jiġu inklużi fl-indaġni.

Artikolu 4

Il-prestazzjoni tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ l-analiżi

1.   It-teħid ta’ kampjuni se jitwettaq mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I.

2.   Laboratorji nazzjonali ta’ referenza (LNR) għall-ittestjar ta’ Salmonella spp., Campylobacter spp. u ta’ reżistenza antimikrobika għandhom iwettqu l-partijiet relevanti ta’ l-analiżi ta’ kampjuni u ta’ iżolati.

3.   Minkejja dan, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li taħtar laboratorji oħra involuti fil-kontrolli uffiċċjali ta’ ttestjar ta’ Salmonella spp., Campylobacter spp. u ta’ reżistenza antimikrobika, sabiex twettaq l-analiżi ta’ kampjuni u ta’ iżolati.

F’każijiet bħal dawn, il-LNR għandhom jipprovdu appoġġ u taħriġ għal-laboratorji maħtura u jiżguraw li jikkonformaw ma’ regoli fuq kontrolli tal-kwalità billi jirranġaw testijiet ċirkolari regolari.

Il-laboratorji maħtura skond it-tielet paragrafu, l-ewwel inċiż, ta’ dan l-Artikolu li jwettqu l-ittestjar iridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

irid ikollhom esperjenza ppruvata ta’ l-użu tal-metodi mitluba għall-ittestjar;

(b)

irid ikollhom sistema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li tikkonforma ma’ l-istandard ta’ l-EN/ISO 17025;

(ċ)

iridu jkunu soġġetti għas-superviżjoni tal-LNR relevanti.

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-ispejjeż għat-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi għandha titħallas lill-Istati Membri sa ammont totali massimu għal kofinanzjament stipulat fl-Anness II.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità prevista fil-paragrafu 1 għandha titħallas lill-Istati Membri sakemm l-indaġni hija implimentata skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-Komunità, inklużi r-regoli dwar il-kompetizzjoni u dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u soġġetta għall-konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi mitluba għall-implimentazzjoni ta’ l-indaġni għandhom jidħlu fis-seħħ sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007;

(b)

rapport tal-progress li fih it-tagħrif elenkat fil-Parti E(1) għall-Anness I u li jkopri l-ewwel tliet xhur ta’ l-indaġni għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2008;

(ċ)

rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta’ l-indaġni li fih it-tagħrif kollu fil-punti 1 u 2 tal-Parti E għall-Anness I, flimkien ma’ evidenza ta’ sostenn għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri għat-teħid ta’ kampjuni u għall-analiżi u r-riżultati li nkisbu matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2009. u l-evidenza fir-rigward ta’ l-ispejjeż imġarrba għandha mill-anqas tinkludi t-tagħrif stipulat fl-Anness III;

(d)

l-indaġni għandha tiġi implimentata b’mod effettiv.

3.   Jekk ir-rapport finali msemmi fil-paragrafu 2(ċ) jiġi ppreżentat aktar tard mit-28 ta’ Frar 2009 dan iwassal għal tnaqqis progressiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas, li jammonta għal 25 % ta’ l-ammont totali sat-30 ta’ Marzu 2009, 50 % sat-30 ta’ April 2009 u 100 % sat-30 ta’ Mejju 2009.

Artikolu 6

Ammonti massimi li għandhom jiġu rimborsati

L-ammonti massimi tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-ispejjeż li għandhom jiġu rimborsati lill-Istati Membri għat-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi koperti mill-indaġni ma għandhomx jaqbżu dawn li ġejjin:

(a)

EUR 20 għal kull ittestjar għall-iżvelar ta’ Campylobacter u ta’ Salmonella spp;

(b)

EUR 30 għal kull konferma, speċjazzjoni u elenkar ta’ iżolati ta’ Campylobacter spp u l-klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi ta’ iżolati ta’ Salmonella spp;

(ċ)

EUR 30 għall-ittestjar antimikrobiku ta’ iżolati ta’ Campylobacter minn qatgħat tal-brojlers.

Artikolu 7

Ġbir ta’ data, valutazzjoni u rappurtar

1.   L-awtorità kompetenti responsabbli għat-tħejjija tar-rapport nazzjonali skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE għandha tiġbor u tivverifika r-riżultati tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ l-analiżi fir-rigward tal-prevalenzi ta’ Salmonella u Campylobacter imwettqa skond l-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tirrapporta d-data kollha meħtieġa u l-valutazzjoni tagħha mill-Istati Membri lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2009. Ir-riżultati mill-ittestjar tar-reżistenza antimikrobika se jiġu rrappurtati qabel l-aħħar ta’ Mejju 2009 fil-qafas tar-rappurtar annwali skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk ir-riżultati miksuba matul l-implimentazzjoni ta’ l-indaġni flimkien mad-data nazzjonali aggregata u l-valutazzjonijiet tagħha mill-Istati Membri lill-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Ikel, li se teżaminahom.

Kull użu tad-data ppreżentata mill-Istati Membri għall-għan li mhuwiex l-indaġni għandu jkun soġġett għall-ftehim minn qabel ma’ l-Istati Membri.

3.   Id-data nazzjonali aggregata u r-riżultati għandhom isiru pubblikament disponibbli fuq formola li tiżgura l-kunfidenzjalità.

Artikolu 8

Rata tal-kambju għan-nefqa

Fejn in-nefqa ta’ Stat Membru hija f’munita li mhijiex l-euro, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaqlibha għall-euro billi japplika l-aktar rata ta’ skambju riċenti mfassla mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-Istat Membru.

Artikolu 9

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 10

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).

(2)  Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2006), 94.

(3)  ĠU L 228, 3.9.2005, p. 14.

(4)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31. Direttiva emendata bid-Direttiva 2006/104/KE tal-Kunsill (ĠU L 363 ta’ l-20.12.2006, p. 352).

(5)  Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2007) 96, 1-46.

(6)  Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2006) 403, 1-62.

(7)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 95 tal-5.4.2007, p. 1).

(8)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS I

L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

PARTI A:

Qafas għat-teħid ta’ kampjuni

Sabiex jiġu evitati effetti relatati ma’ l-età l-monitoraġġ għandu jitwettaq f’lottijiet għat-tbiċċir fil-biċċerija.

Minħabba li l-prevalenza ta’ Campylobacter spp. intweriet li tvarja b’mod sinifikanti skond l-istaġun, hemm il-mertu għal stratifikazzjoni. Għal dan l-għan perjodu ta’ 12-il xahar irid jinqasam fi 12-il perjodu ta’ xahar. F’kull wieħed minn dawn il-perjodi jrid jittieħed 1/12 mid-daqs totali tal-kampjun.

It-teħid ta’ kampjuni nkella jrid ikun ibbażat fuq għażla b’mod kawżali, kemm fir-rigward tal-biċċerija, il-jiem tat-teħid ta’ kampjuni kull xahar u liema lottijiet għandhom jingħażlu għat-teħid ta’ kampjuni f’jum magħżul ta’ teħid ta’ kampjuni. B’mod partikolari, l-iskema ta’ proċess kawżali għandha tiggarantixxi għażla ta’ lottijiet għat-tbiċċir li hija proporzjonata għan-numru ta’ merħliet imsemmna skond it-tipi differenti ta’ produzzjoni (konvenzjonali, ta’ trobbija fil-beraħ, organiċi) Barra minn dan, l-istatus ta’ Salmonella spp. jew Campylobacter spp., jekk magħruf fil-mument tat-tbiċċir, ma għandux jinfluwenza l-proċess ta’ kawżalità. L-awtorità kompetenti għandha tieħu r-responsabilità li toħloq l-iskema tal-proċess ta’ kawżalità u għandha tiżgura li tiġi implimentata tajjeb. Eżempju ta’ proċedura ta’ proċess ta’ kawżalità jingħata fir-Rapport tat-Task Force ta’ l-EFSA dwar il-Monitoraġġ tal-Ġbir tad-Data taż-Żoonożi dwar speċifikazzjonijiet tekniċi proposti għal programm ikkoordinat ta’ monitoraġġ għal Salmonella u Campylobacter fil-laħam tal-brojlers fl-UE. Id-dettalji ta’ l-iskema tal-proċess ta’ kawżalità għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.

PARTI B:

Id-daqs tal-kampjun

1.   Id-daqs tal-kampjun primarju

(a)

Id-daqs tal-kampjun primarju jagħti n-numru ta’ lottijiet għat-tbiċċir li jrid jiġi ttestjat.

(b)

Mill-anqas 384 lott għat-tbiċċir għandu jitteħdilhom kampjun. In-nuqqas ta’ reazzjoni għandha tiġi antiċipata billi jittieħed kampjun minn 10 % aktar min-numri indikati.

(ċ)

Permezz ta’ deroga mill-punt (b), in-numri li ġejjin ta’ lottijiet għat-tbiċċir (1) għandhom jitteħdilhom kampjun fl-Estonja, il-Latvja u l-Lussemburgu:

(i)

fl-Estonja, mill-anqas 96 lott għat-tbiċċir;

(ii)

fil-Latvja, mill-anqas 120 lott għat-tbiċċir;

(iii)

fil-Lussemburgu, mill-anqas 12-il lott għat-tbiċċir.

2.   Id-daqs tal-kampjun sekondarju

Id-daqs ta’ kampjun sekondarju jagħti n-numru ta’ tiġieġ brojlers individwali għal kull lott għat-tbiċċir li se jitteħdilha kampjun. Dak in-numru għandu jkun 10 għasafar għall-iżvelar ta’ Campylobacter fil-musrana l-għamja u għasfur 1 għall-iżvelar ta’ Campylobacter u Salmonella f’karkassi. Dawn il-kampjuni tal-musrana l-għamja u l-kampjun tal-karkassa jridu jkunu mill-istess lott.

PARTI C:

Ġbir ta’ kampjuni, ġestjoni u analiżi għall-iżvelar u l-ittestjar antimikrobiku ta’ Campylobacter spp fil-qatgħat tal-brojlers

1.   Ġbir u trasport

Campylobacters huma organiżmi relattivament fraġili, li jmutu malajr meta jkunu barra mill-intestini ta’ l-annimal li jgħixu fih. Għalhekk, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jittieħdu kif suppost u jiġu analizzati malajr. Temperaturi estremi jridu jiġu evitati u t-trasport għandu jkun mgħaġġel kemm jista’ jkun.

Il-kampjuni li għandhom jinġabru għandhom ikunu l-imsaren għomja intatti. Kampjuni tal-musrana l-għamja għandhom jittieħdu fil-mument li jitbattlu l-imsaren ta’ l-annimal.

Huwa biss l-istaff imħarreġ fil-proċeduri standard ta’ ksib ta’ kampjuni li għandu jiġbor il-kampjuni. L-għan ewlieni għandu jkun li tiġi mminimizzata l-kontaminazzjoni esterna mill-kontenut tal-musrana l-għamja waqt il-ġbir ta’ kampjuni. L-aħjar mod kif dan jinkiseb huwa permezz ta’ ġbid manwali bir-reqqa fil-punt fejn tingħaqad ma’ l-intestina. Musrana għamja waħda intatta se tittieħed għal kull għasfur, u min jiġbor il-kampjuni għandu jivverifika li l-musrana għamja hija mimlija inkella din ma għandhiex titqies. L-għasafar preferibbilment għandhom jintgħażlu bħala kampjun bil-polza minn madwar il-lott sħiħ (filwaqt li tiġi evitata l-ewwel parti tal-lott li se jitbiċċer), filwaqt li l-kampjuni jinġabru minn għasafar mhux konsekuttivi. L-10 imsaren għomja miġbura jistgħu jitqiegħdu f’borża/pakkett sterili għat-trasport.

It-tagħrif kollu relevanti disponibbli mill-kampjun irid jiġi rreġistrat fuq formola tat-teħid tal-kampjuni prodotta mill-awtorità kompetenti sabiex tippermetti li jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ rappurtar fil-Parti E. Kull kampjun u l-formola ta’ kampjun tiegħu għandha tingħatalhom tikketta b’numru uniku li jrid jintuża mill-mument tat-teħid ta’ kampjuni sa l-ittestjar. L-awtorità kompetenti trid tagħmel arranġamenti għall-kwistjoni u tuża sistema ta’ numerazzjoni unika. L-istess identifikatur tal-lott għat-tbiċċir għandu jintuża bħal dak tal-kampjun tal-karkassa.

Kampjuni ta’ l-imsaren għomja għandhom jitwasslu bħala msaren għomja intatti sal-laboratorju fi żmien 24 siegħa (jiġifieri permezz ta’ posta mil-lum għall-għada jew courier) u għandhom jiġu analizzati hemmhekk minnufih. F’każijiet fejn dan ma jistax iseħħ, il-kampjuni għandhom jinżammu rrefriġerati mill-anqas sakemm jitwasslu l-laboratorju u għandhom jiġu analizzati qabel 72-80 siegħa wara t-teħid ta’ kampjuni. Fil-laboratorju, il-kampjuni li ma jistgħux jiġu ttestjati fil-jum meta jaslu għandhom jinżammu rrefreġirati sal-mument ta’ l-analiżi. Fil-laboratorju, il-kontenuti ta’ l-imsaren għomja għandhom jitbattlu b’mod asettiku u jingħaqdu f’kampjun amalgamat wieħed.

2.   Metodi dijanjostiċi

2.1.   Kultura

Kultura diretta f’mezz selettiv tipprovdi stima tajba tal-prevalenza ta’ Campylobacters. Kultura diretta tal-kampjun għandha titwettaq f’mezz selettiv adattat għal Campylobacter, (jiġifieri mezz selettiv immodifikat għal Campylobacter ħieles mid-demm (CCDA); Karmali; jew Agar (sustanza ġelatinuża) tal-Preston).

It-trejs għandhom jiġu inkubati f’41.5 ± 1°Ċ, f’atmosfera mikroerobika, għal mill-anqas 48 +/- 2 siegħa. It-tkabbir jista’ jiġi żvelat wara 24 siegħa.

L-atmosfera mikroerobika tista’ tinkiseb f’inkubaturi mikroerobiċi disponibbli kummerċjalment (taħlita tal-gass 10 %CO2/6 %O2). Jekk inkubaturi tali mhumiex disponibbli, jistgħu jintużaw sistemi mikroerobiċi ta’ kultura jiġifieri vażetti tal-gass. Sistemi kummerċjali ta’ pakketti tal-gass li jipprovdu l-atmosfera mikroerobika adattata huma disponibbli.

Kontrolli adattati pożittivi u negattivi għandhom jiġu inklużi għal kull lott ta’ kampjuni kkulturati.

2.2.   Il-konferma u l-ispeċjazzjoni tal-Ġenus Campylobacter

L-iżolazzjoni u l-konferma ta’ organiżmi Campylobacter għandhom jitwettqu kif deskritt fl-ISO 10272-1:2006(E). Mill-anqas iżolat wieħed ta’ Campylobacter għal kull lott għandu jiġi speċjat bl-użu ta’ metodi fenotipiċi kif deskritti fl-ISO 10272-1:2006(E) jew ta’ metodi molikolari ppubblikati bħalma huma tekniki ta’ Reazzjoni Katina tal-Polymerase (PCR). Il-metodu għandu jiġi indikat. L-iżolat li ġie speċjat għandu jintuża għal ittestjar antimikrobiku sussegwenti.

Jekk laboratorju huwa inqas esperjenzat fl-ispeċjazzjoni, għandu jerfa’ l-iżolat kif stipulat fi 2.4 fl-istennija ta’ taħriġ ulterjuri jew inkella għandu jibagħtu lil laboratorju aktar ta’ esperjenza b’konsultazzjoni tal-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għal Campylobacter.

2.3.   Kontroll tal-Kwalità

Għall-garanzija tal-kwalità, proporzjoni ta’ iżolati ta’ Campylobacter spp. b’massimu ta’ tmien iżolati għandhom jintbagħtu lil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għal Campylobacter għall-konferma u l-ispeċjazzjoni.

Proporzjoni ta’ dawk l-iżolati għandhom jintbagħtu lil dak il-laboratorju jew f’lott wieħed jew fuq bażi ta’ kull tliet xhur. Jekk l-iżolati se jiġu ttrasportati bejn il-laboratorji, għandhom jintużaw kondizzjonijiet xierqa (pereżempju mselħiet tal-faħam).

2.4.   Ħażna

Mill-anqas iżolat wieħed għal kull kampjun pożittiv għandu jinħażen fil-LNR bl-użu tal-metodu normali għall-ġbir tal-kultura tal-LNR, sakemm dan jiżgura l-vijabilità tar-razez għal minimu ta’ sentejn.

2.5.   Ittestjar ta’ reżistenza antimikrobika

In-numru ta’ iżolati ta’ Campylobacter li għandhom jiġu inklużi fil-monitoraġġ tar-reżistenza antimikrobika għal kull Stat Membru għandu jkun 170. Fil-monitoraġġ maħandux jiġi inkluż aktar minn iżolat wieħed għal kull speċi ta’ Campylobacter mill-istess lott għat-tbiċċir.

F’dawk l-Istati Membri fejn, fi kwalunkwe sena, hemm disponibbli numru anqas ta’ iżolati mid-daqs immirat tal-kampjun, dawn l-iżolati kollha għandhom jiġu inklużi fil-monitoraġġ tar-reżistenza antimikrobika.

F’dawk l-Istati Membri fejn hemm disponibbli numru akbar ta’ iżolati għandhom ikunu inklużi l-iżolati kollha, jew għażla rappreżentattiva magħżula b’mod kawżali li hija l-istess jew akbar mid-daqs tal-kampjun immirat.

L-Istati Membri għandhom jittestjaw mill-anqas l-aġenti antimikrobiċi li huma speċifikati fit-Tabella 1 filwaqt li jintużaw il-valuri ta’ limiti massimi mogħtija bħala firxa xierqa ta’ konċentrazzjoni sabiex jiddeterminaw is-suxxebilità ta’ Campylobacter.

Tabella 1

 

Aġent Antimikrobiku

Valur ta’ limiti massimi (mg/L)R >

Campylobacter Jejuni

Erythromycin

4

Ciprofloxacin

1

Tetracycline

2

Streptomycin

2

Gentamicin

1

Campylobacter Coli

Erythromycin

16

Ciprofloxacin

1

Tetracycline

2

Streptomycin

4

Gentamicin

2

Metodi ta’ dilwazzjoni għandhom jitwettqu skond il-metodi deskritti fil-linjigwida ta’ l-Istitut ta’ Standards Kliniċi u tal-Laboratorju (CLSI) - M31-A3 - It-Tielet Edizzjoni, Performance Standards for Antimicrobial Disk and Dilution Susceptibility Tests for Bacteria Isolated from Animals u M100 – S16, Performance Standards for Antimicrobial Susceptibility testing; Sixteenth International Supplement.

PARTI D:

Ġbir ta’ kampjuni, ġestjoni u analiżi għall-iżvelar ta’ Campylobacter spp. u Salmonella spp. fil-karkassi tal-brojlers

1.   Ġbir u trasport

Karkassa waħda sħiħa għal kull lott għat-tbiċċir għandha tinġabar minnufih wara li titkessaħ iżda qabel ipproċessar ulterjuri bħalma huma l-iffriżar, il-qtugħ jew l-ippakkettar. F’uħud mill-biċċeriji dan jista’ jfisser li kampjuni jittieħdu wara l-mument ta’ qabel it-tkessiħ meta dan ikun l-aħħar pass qabel ipproċessar ulterjuri.

Il-kampjun miġbur għandu jitqiegħed f’borża sterili tal-plastik separata, filwaqt li tiġi evitata intrakontaminazzjoni u jintbagħat għand il-laboratorju fejn għandu jitwettaq it-teħid ta’ kampjuni mill-ġilda.

Intrakontaminazzjoni permezz ta’ karkassi oħra jew ta’ kampjuni tal-musrana l-għamja trid tiġi evitata waqt il-ġbir tal-karkassi. Għalhekk iridu jittieħdu prekawzjonijiet fl-istadji kollha sabiex jiżguraw li t-tagħmir użat matul it-teħid ta’ kampjuni, it-trasport u l-ħażna ma jkunx ikkontaminat bil-patoġeni mistħarrġa fl-indaġni.

It-tagħrif kollu relevanti disponibbli mill-kampjun irid jiġi rreġistrat fuq formola tat-teħid tal-kampjuni prodotta mill-awtorità kompetenti sabiex tippermetti li jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni fil-Parti E.

Kull kampjun u l-formola ta’ kampjun tiegħu għandha tingħatalhom tikketta b’numru uniku li jrid jintuża mill-mument tat-teħid ta’ kampjuni sa l-ittestjar. L-awtorità kompetenti trid tagħmel arranġamenti għall-kwistjoni u tuża sistema ta’ numerazzjoni unika. L-istess identifikatur tal-lott għat-tbiċċir għandu jintuża bħal dak tal-kampjun tal-musrana l-għamja.

Il-kampjuni għandhom jinżammu bejn + 2 għal 8°Ċ u jkunu ħielsa minn kontaminazzjoni esterna matul it-trasportazzjoni tagħhom.

Il-kampjuni kollha idealment jaslu l-laboratorju fi żmien 24 siegħa minn meta jseħħ il-proċess ta’ teħid ta’ kampjuni. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali (pereżempju, vjaġġi twal, tmiem il-ġimgħa u btajjel pubbliċi) dak il-perjodu jista’ jittawwal għal 80 siegħa.

Fil-każ li jintużaw laboratorji differenti għall-ittestjar ta’ Campylobacter u Salmonella allura l-laboratorju li qed jittestja Campylobacter għandu jieħu preferenza meta jasal il-kampjun.

2.   It-teħid ta’ kampjuni fil-laboratorju u l-metodi analitiċi

2.1.   Wasla tal-kampjuni

Kif jaslulhom il-kampjuni, il-laboratorji għandhom jivverifikaw it-tagħrif irreġistrat mill-entità li ħadet il-kampjun u jimlew it-taqsimiet relevanti tal-formola tal-kampjun.

Il-kampjuni għandhom jinżammu f’temperatura ta’ +2-8°Ċ fil-laboratorju u għandha tinbeda l-proċedura ta’ teħid ta’ kampjuni tal-laboratorju minnufih kemm jista’ jkun wara l-wasla tal-kampjuni għand il-laboratorju u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 sa 80 siegħa mill-ħin li fih twettaq it-teħid tal-kampjuni.

2.2.   Preparazzjoni tal-kampjun

Il-kampjuni kollha li jaslu għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi żgurat li l-pakkett tat-trasport huwa intatt qabel jinbeda l-ittestjar.

Dawk inkarigati mill-eżaminazzjoni jridu jevitaw l-intrakontaminazzjoni bejn il-kampjuni u mill-ambjent ta’ madwarhom fl-istadji kollha.

Filwaqt li jkunu lebsin ingwanti li jintremew wara kull użu, għandhom ineħħu it-tiġieġa mill-borża tagħha tal-kampjun, filwaqt li jieħdu ħsieb li ma jikkontaminawx il-wiċċ ta’ barra tat-tiġieġa.

Bl-użu ta’ strument sterili u ta’ teknika settika, għandha titneħħa l-ġilda ta’ l-għonq, jekk qiegħda hemm, flimkien mal-ġilda min-naħa waħda tal-karkassa filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe xaħam sabiex jinħoloq porzjon għat-test ta’ 27 g u dawn għandhom jitqiegħdu f’borża Stomacher (jew Pulsifier).

2.3.   Sospensjoni inizzjali

Il-porzjon għat-test ta’ 27 g għandu jiġi ttrasferit għal 9 volumi (243 ml) ta’ buffered peptone water (BPW), li jinġieb għal temperatura ambjentali qabel ma jiżdied. It-taħlita għanda tiġi ttrattata fi Stomacher jew Pulsifier għal madwar minuta waħda (jinħtieġu 27 g sabiex jitwettqu l-analiżi għal Salmonella spp. u Campylobacter spp. minn kampjun wieħed b’mod parallel). Ir-ragħwa għandha tiġi evitata billi titneħħa kemm jista’ jkun l-arja mill-borża Stomacher.

Is-sospensjoni inizjali għandha tintuża kif ġej:

(a)

10 ml (~1 g) għandhom jiġu ttrasferiti għall-mezz ta’ arrikkiment ta’ 90 ml għall-iżvelar ta’ Campylobacter spp.;

(b)

10 ml (~1 g) għandhom jiġu ttrasferiti f’tubu sterili vojt; 1 ml jintuża għall-elenkar ta’ Campylobacter spp. f’dixxijiet selettivi.

Il-bqija tas-sospensjoni inizjali (250 ml ~ 25 g) għandha tintuża għall-iżvelar ta’ Salmonella spp.

2.4.   L-iżvelar, il-metodi ta’ identifikazzjoni għal Salmonella spp.

2.4.1.   L-iżvelar ta’ Salmonella spp.

L-iżvelar ta’ Salmonella spp. għandu jsir skond l-ISO 6579-2002 (E). “Mikrobijoloġija ta’ l-ikel u l-oġġetti ta’ l-għalf ta’ l-annimali - Metodi orizzontali għall-iżvelar ta’ Salmonella spp.”

2.4.2.   Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi ta’ Salmonella spp.

Ta’ l-anqas iżolat wieħed minn kull kampjun pożittiv għandu jiġi kklassifikat mil-Laboratorju ta’ Referenza Nazzjonali għas-Salmonella, bl-użu ta’ l-iskema Kaufmann-White.

Għal garanzija tal-kwalità, proporzjon ta’ l-iżolati li mhumiex klassifikabbli għandu jintbagħat lil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità għas-Salmonella, b’massimu ta’ 16-il iżolat mhux klassifikabbli. Proporzjon ta’ dawn l-iżolati għandu jintbagħat lil dak il-laboratorju fuq bażi ta’ kull tliet xhur.

2.4.3.   Il-klassifikazzjoni batterjofaga ta’ Salmonella spp.

Għal S. Enteritidis u S. Typhimurium huwa rakkomandat li mill-anqas kampjun pożittiv għandu jkollu klassifikazzjoni batterjofaga, bl-użu tal-protokoll iddefinit mill-aġenzija Brittanika għall-ħarsien tas-saħħa - Health Protection Agency (HPA), Colindale, Londra.

2.5.   Metodi għall-iżvelar, l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni għal Campylobacter spp.

2.5.1.   L-iżvelar ta’ Campylobacter spp.

L-iżolazzjoni u l-konferma ta’ organiżmi Campylobacter għandhom jitwettqu kif deskritt fl-ISO 10272-1:2006(E). Mill-anqas iżolat wieħed ta’ Campylobacter għal kull lott għandu jiġi speċjat bl-użu ta’ metodi fenotipiċi kif deskritti fl-ISO 10272-1:2006(E) jew ta’ metodi molikolari ppubblikati bħalma huma tekniki ta’ Reazzjoni Katina tal-Polymerase (PCR). Il-metodu għandu jiġi indikat.

Għall-garanzija tal-kwalità, proporzjon ta’ iżolati ta’ Campylobacter spp. b’massimu ta’ 8 iżolati għandu jintbagħat lil-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għal Campylobacter għall-konferma u l-ispeċjazzjoni.

Proporzjon ta’ dawn l-iżolati għandu jintbagħat lil dak il-laboratorju fuq bażi ta’ kull tliet xhur. Jekk l-iżolati se jiġu ttrasportati bejn il-laboratorji, għandhom jintużaw kondizzjonijiet xierqa (pereżempju mselħiet tal-faħam).

2.5.2.   Il-kwantifikazzjoni ta’ Campylobacter spp.

L-iżvelar kwantitattiv ta’ Campylobacter spp. għandu jitwettaq skond l-ISO/TS 10272-2:2006 “Mikrobijoloġija ta’ l-ikel u l-oġġetti ta’ l-għalf ta’ l-annimali - Metodu orizzontali għall-iżvelar u l-elenkar ta’ Campylobacter spp. il-Parti 2: Teknika ta’ l-għadd ta’ kolonji”. Jekk tibda b’sospensjoni inizjali ta’ 10 ml, 0.1 ml ta’ din is-sospensjoni inizjali u ta’ dilwazzjonijiet ulterjuri tagħha għandhom jiġu eżaminati sabiex jippermettu l-elenkar sa massimu ta’ 106 cfu/g. Barra minn dan, 1 ml tas-sospensjoni inizjali mhux dilwita għandha tiġi eżaminata sabiex jinkiseb il-limitu ta’ numerazzjoni ta’ 10 cfu/g. Id-determinazzjonijiet kollha tad-dixxijiet għandhom isiru darbtejn.

Sabiex tippermetti tqabbil u ġudizzju korrett tad-data (għal valutazzjoni futura tar-riskju) l-inċertezza tal-kejl (IK) tal-metodu kwantitattiv ta’ determinazzjoni għandu jkun stmat għal kull laboratorju.

Sabiex tiġi stmata l-IK l-ispeċifikazzjoni teknika ISO/TS 19036:2006 għandha tintuża bl-eċċezzjoni li d-dilwazzjonijiet paralleli mis-sospensjoni inizjali jiġu applikati għall-istima ta’ l-IK.

L-IK hija mnissla mid-devjazzjoni standard intralaboratorja ta’ riproduċibilità. Id-data fuq l-istima ta’ l-IK għandha tinġabar minn Mejju sa Settembru sabiex tiżgura kampjuni pożittivi. Total ta’ 12-il kampjun pożittiv għandu jiġi eżaminat f’dilwazzjonijiet idduplikati u paralleli mħejjija mis-sospensjoni inizjali ta’ 10 ml. Data mhux ipproċessata fuq l-istima ta’ l-IK għandha tiġi rrappurtata b’mod separat bħala parti mid-deskrizzjoni globali dwar l-implimentazzjoni ta’ l-indaġni kif stipulat fil-Parti E.

3.   Ħażna ta’ iżolati

Sabiex tippermetti pereżempju ttestjar aktar ’il quddiem għas-suxxettibilità antimikrobika hija rakkomandata ħażna ta’ subsett rappreżentattiv ta’ iżolati. Għandu jinħażen iżolat wieħed għal kull kampjun pożittiv. L-iżolat Campylobacter miksub mill-analiżi kwantitattiva għandu jkun ippreferut. L-iżolati jridu jinħażnu fil-LNR bl-użu tal-metodu normali għall-ġbir tal-kultura tal-LNR, sakemm dan jiżgura l-vijabilità tar-razez għal minimu ta’ sentejn.

PARTI E:

Ir-rapporti

Ir-rapporti għandhom jinkludu mill-inqas it-tagħrif li ġej:

(1)

Deskrizzjoni globali dwar l-implimentazzjoni ta’ l-indaġni:

Biċċeriji: In-numru totali għal kull pajjiż u n-numru li ttieħed bħala kampjun;

Id-daqs realizzat tal-kampjun primarju;

Id-deskrizzjoni tal-proċeduri ta’ l-istratifikazzjoni u r-randomizzazzjoni;

Id-deskrizzjoni ta’ l-attivitajiet tal-kontroll tal-kwalità, bl-inklużjoni ta’ rapport dwar it-12-il istima ta’ l-IK għal kull laboratorju għal kwantifikazzjoni ta’ Campylobacter;

Ir-riżultati globali.

(2)

Tagħrif speċifiku fir-rigward ta’ data ta’ prevalenza

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni fil-forma ta’ data mhux ipproċessata bl-użu ta’ dizzjunarju tad-data u formoli tal-ġbir tad-data pprovduti mill-Kummissjoni.

Dik id-data għandha tinkludi ta’ l-anqas it-tagħrif li ġej:

Isem/kodiċi tal-biċċerija;

Identifikatur tal-lott;

Isem/kodiċi ta’ l-ażjenda (razzett) ta’ oriġini tal-lott għat-tbiċċir;

Id-daqs ta’ l-ażjenda jekk magħruf;

Status tat-tilqim tas-Salmonella tal-qatgħa jekk magħruf;

L-età tal-brojlers waqt it-teħid ta’ kampjuni (tbiċċir);

Tagħrif dwar jekk din kinetx l-ewwel lott jew inkella dak sussegwenti li tbiċċer mill-qatgħa (qabel it-tnaqqis jew le);

Tip ta’ produzzjoni (jiġifieri konvenzjonali, trobbija fil-beraħ, organika);

Riżultati ta’ ttestjar preċedenti ta’ Salmonella u Campylobacter fl-istess qatgħa;

Data tat-teħid ta’ kampjuni;

Numru ta’ għasafar imbiċċra kull sena f’dik il-biċċerija;

Tip ta’ metodu ta’ tkessiħ użat (Arja, immersjoni, sprej);

Dettalji tal-protokoll tat-trasport (kif speċifikat: Iva/Le);

Data tal-wasla għand il-laboratorju;

Data ta’ l-ittestjar;

Identifikazzjoni tal-laboratorju;

Tip ta’ kampjun;

Deskrizzjoni tal-metodi użati tal-kultura, b’mod partikolari il-mezz/i selettiv/i;

Iżolat ta’ Campylobacter: Metodu użat ta’ speċjazzjoni;

Campylobacter: riżultat ta’ l-ittestjar batterjoloġiku, inkluża l-ispeċjazzjoni mill-kampjun tal-musrana l-għamja;

Campylobacter: riżultat ta’ l-ittestjar batterjoloġiku, inklużi l-ispeċjazzjoni u l-kwantifikazzjoni mill-kampjun tal-karkassa;

Salmonella: riżultat ta’ l-ittestjar u tal-klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi batterjoloġiċi;

Żmien bejn it-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi (għal kull perjodu ta’ 12-il siegħa).

(3)

Tagħrif speċifiku dwar l-ittestjar ta’ reżistenza antimikrobika ta’ iżolati ta’ Campylobacter ta’ kampjuni tal-musrana l-għamja.

Ir-riżultati tal-monitoraġġ ta’ reżistenza antimikrobika għandhom ikun verifikati u rappurtati skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/99/KE, fir-rapporti annwali dwar ix-xejriet u s-sorsi taż-żoonożi, l-aġenti żoonotiċi u r-reżistenza antimikrobika.

Mingħajr preġudizzji għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness IV tad-Direttiva 2003/99/KE għandu jiġi rrappurtat it-tagħrif li ġej:

Oriġini ta’ l-iżolati jiġifieri studju tal-linja ta’ bażi, programm ta’ kontroll, sorveljanza passiva;

numru ta’ iżolati ttestjati skond is-suxxettibilità għal kull speċi Campylobacter;

numru ta’ iżolati li nstabu reżistenti għal kull aġent antimikrobiku għal kull speċi Campylobacter; u

numru ta’ iżolati suxxettibbli kompletament u numru ta’ iżolati reżistenti għal 1, 2, 3, 4 u > 4 aġenti antimikrobiċi elenkati fit-Tabella 1 ta’ l-ispeċi ta’ Campylobacter.


(1)  Stima: numru ta’ ażjendi (4 fl-Estonja, 5 fil-Latvja) × 2 merħliet għal kull ażjenda × 2 qatgħat għat-tbiċċir għal kull merħla × 6 ċikli fis-sena. Fil-Lussemburgu jitbiċċru biss brojlers minn 3 qatgħat żgħar. Qatgħa għat-tbiċċir minn kull wieħed minnhom se tittiħdilha kampjun kull trimestru.


ANNESS II

Kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità lill-Istati Membri

(EUR)

Stat Membru

Ammont massimu totali għal kofinanzjament tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi

Il-Belġju - BE

58 092

Il-Bulgarija - BG

58 092

Ir-Repubblika Ċeka - CZ

58 092

Id-Danimarka - DK

58 092

Il-Ġermanja - DE

58 092

L-Estonja - EE

14 688

L-Irlanda - IE

58 092

Il-Greċja - EL

58 092

Spanja - ES

58 092

Franza - FR

58 092

L-Italja - IT

58 092

Ċipru - CY

58 092

Il-Latvja - LV

18 360

Il-Litwanja - LT

58 092

Il-Lussemburgu - LU

1 836

L-Ungerija - HU

58 092

Malta - MT

58 092

L-Olanda - NL

58 092

L-Awstrija - AT

58 092

Il-Polonja - PL

58 092

Il-Portugall - PT

58 092

Ir-Rumanija – RO

58 092

Is-Slovenja - SI

58 092

Is-Slovakkja - SK

58 092

Il-Finlandja - FI

58 092

L-Iżvezja - SE

58 092

Ir-Renju Unit - UK

58 092

Total

1 429 092


ANNESS III

Rapport finanzjarju ċċertifikat dwar l-implimentazzjoni ta’ l-indaġni dwar il-prevalenza ta’ Campylobacter spp. f’qatgħat tal-brojlers u r-reżistenza antimikrobika tagħhom u dwar il-prevalenza ta’ Campylobacter spp. u Salmonella spp. fil-karkassi tal-brojlers

Perjodu tar-rappurtar minn … sa …

Dikjarazzjoni dwar l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq ta’ l-indaġni u eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità

In-numru tar-referenza tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità:

Spejjeż imġarrba relatati mal-funzjonijiet fi/minn

Numru ta’ testijiet

Spejjeż totali ta’ l-ittestjar imġarrba matul il-perjodu tar-rappurtar

(munita nazzjonali)

L-iżvelar batterjoloġiku ta’ Campylobacter spp.

 

 

L-iżvelar batterjoloġiku ta’ Salmonella spp.

 

 

Il-konferma ta’ Campylobacter spp.

 

 

Speċjazzjoni ta’ iżolati ta’ Campylobacter

 

 

L-elenkar ta’ iżolati ta’ Campylobacter

 

 

Klassifikazzjoni fuq bażi tas-serotipi ta’ l-iżolati tas-Salmonella

 

 

Ittestjar ta’ reżistenza antimikrobika ta’ iżolati ta’ Campylobacter

 

 

Dikjarazzjoni mill-benefiċjarju

Nikkonfermaw li:

l-ispejjeż imsemmija hawn fuq huma ġenwini u ġġarrbu fit-twettiq tal-ħidmiet stipulati f’din id-Deċiżjoni u kienu essenzjali għall-prestazzjoni xierqa ta’ dawn il-ħidmiet;

id-dokumenti kollha ta’ sostenn li joffru prova ta’ l-ispejjeż huma disponibbli għall-fini tal-verifika finanzjarja;

l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja oħra tal-Komunità ma ntalbet għal dan il-programm.

Data:

Il-persuna responsabbli għall-finanzi:

Firma: