4.3.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

52


DIRETTIVA 2006/11/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Frar 2006

dwar tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità

(Verżjoni Kodifikata)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 76/464/KEE tal-Kunsill ta' l-4 ta' Mejju 1976 dwar tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (3), ġiet emendata b'mod sostanzjali kemm-il darba (4). Sabiex jiġu ċċarati l-affarijiet, għandha titħejja kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni.

(2)

Teżisti l-ħtieġa għal azzjoni ġenerali u simultanja mill-Istati Membri sabiex jipproteġu l-ambjent akwatiku tal-Kommunità mit-tniġġiz, b'mod partikolari dak kawżat minn ċerti sustanzi persistenti, tossiċi u li jistghu jkunu bijokumulattivi.

(3)

Diversi konvenzjonijiet huma mfassla sabiex jipproteġu x-xmajjar u l-kanali ta' l-ilma internazzjonali u l-ambjent marittimu mit-tniġġiz. Huwa importanti li tiġi żgurata l-implementazzjoni koordinata ta' dawn il-konvenzjonijiet.

(4)

Diskrepanzi bejn id-disposizzjonijiet applikabbli fid-diversi Stati Membri fir-rigward ta' l-iskariku ta' ċerti sustanzi perikolużi fl-ambjent akwatiku jistgħu joħolqu kondizzjonijiet mhux indaqs għall-kompetizzjoni u b'hekk jolqot direttament il-funzjonament tas-suq intern.

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (5) tipprovdi numru ta' miżuri li jipproteġu l-ilma ħelu u l-ilma baħar minn ċertu tniġġis.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta' l-ambjent akwatiku tal-Komunità, jeħtieġ li ssir l-ewwel lista, imsejħa l-Lista I, ta' ċerti sustanzi individwali magħżula prinċipalment fuq il-bażi tat-tossiċità, tal-persistenza u tal-bijoakkumulazzjoni tagħhom, għajr dawk li bijoloġikament ma jagħmlux ħsara jew li jinbidlu malajr f'sustanzi li bijoloġikament ma' jagħmlux ħsara, u t-tieni lista, imsejħa l-Lista II, li tinkludi sustanzi li għandhom effett ħażin fuq l-ambjent akwatiku, li, madankollu, jista' jkun limitat għal żona speċifika u li jiddependi fuq il-karatteristiċi ta' l-ilma li fih jiġu skarikati u l-post fejn dan jinstab. Kull skariku ta' dawn is-sustanzi għandu jkun bla ħsara għal kull awtorizzazzjoni minn qabel li tispeċifika l-livelli ta' emissjoni.

(7)

It-tniġġiz permezz ta' l-iskariku tad-diversi sustanzi perikolużi fil-Lista I irid jiġi eliminat. Ġew iffissati valuri ta' limitu bid-Direttivi imsemmija fl-Anness IX tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (6). L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/60/KE jipprovdi għal proċeduri għall-iżvilupp ta' miżuri ta' kontroll u standards ta' kwalità ambjentali applikabbli għal sustanzi ta' priorità.

(8)

Jeħtieġ li jitnaqqas it-tniġġiz ta' l-ilma kawżat mis-sustanzi fil-Lista II. Għal dan il-ghan l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi li jinkorporaw standards ta' kwalità ambjentali ta' l-ilma stabbiliti b'konformità mad-Direttivi tal-Kunsill fejn dawn jeżistu. L-istandards għall-emissjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi għandhom jiġu kalkolati skond dawn l-istandards ta' kwalità ambjentali.

(9)

Huwa xieraq li Stat Membru wieħed jew aktar ikunu kapaċi, individwalment jew flimkien, jieħdu miżuri iktar stretti minn dawk previsti f'din id-Direttiva.

(10)

Għandu jitfassal inventarju ta' l-iskariki fl-ambjent akwatiku tal-Komunità ta' ċerti sustanzi partikolarment perikolużi sabiex ikun magħruf minn fejn joriġinaw.

(11)

Jista' jinħtieġ li jiġu riveduti u, fejn meħtieġ, supplementati l-Listi I u II ta' l-Anness I fuq il-bażi ta'  l-esperjenza, fejn xieraq billi jiġu trasferiti ċerti sustanzi mill-Lista II għall-Lista I.

(12)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta' żmien għat-trażposizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Bla ħsara għall-Artikolu 7, din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a)

ilma tal-wiċċ 'il ġewwa mill-kosta;

(b)

ilmijiet territorjali;

(ċ)

ilmijiet ta' mal-kosta.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

“ilma tal-wiċċ 'il ġewwa mill-kosta” tfisser kull ilma tal-wiċċ ħelu ġieri jew mhux li jkun fit-territorju ta' Stat Membru wieħed jew iktar;

(b)

“ilmijiet ta' mal-kosta” tfisser ilmijiet fuq in-naħa ta' l-art 'il ġewwa mil-linja bażi li minnha titkejjel il-medda tal-baħar territorjali, li testendi, fil-każ tax-xmajjar u l-kanali, sal-limitu ta' l-ilma ħelu;

(ċ)

“il-limitu ta' l-ilma ħelu” tfisser il-post fil-passaġġ ta' l-ilma fejn, fil-frugħ tal-baħar u fiż-żmien meta l-fluss ta' l-ilma ħelu jkun baxx, ikun hemm żieda apprezzabbli fis-salinità minħabba l-preżenza ta' l-ilma baħar;

(d)

“skariku” ifisser it-tidħil fl-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' kull sustanza fil-Lista I jew il-lista II ta' l-Anness I, minbarra:

(i)

skariki mit-tħammil,

(ii)

skariki operattivi minn bastimenti fl-ibħra territorjali,

(iii)

ir-rimi ta' skart minn bastimenti fl-ibħra territorjali;

(e)

“tniġġis” ifisser l-iskariku mill-bniedem, b'mod dirett jew indirett, ta' sustanzi jew ta' enerġija fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma tali li joħolqu riskji għas-saħħa tal-bniedem, ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ekosistemi akwatiċi, ħsara lill-amenitajiet jew tfixkil f'użi leġittimi oħra ta' l-ilma.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jeliminaw it-tniġġiz ta' l-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 mis-sustanzi perikolużi fil-familji u l-gruppi tas-sustanzi fil-Lista I ta' l-Anness I, minn hawn 'il quddiem imsejħa “sustanzi tal-Lista I”, u sabiex inaqqsu t-tniġġiz ta' l-ilmijiet imsemmija mis-sustanzi perikolużi fil-familji u l-gruppi tas-sustanzi tal-Lista II fl-Anness I, minn hawn 'il quddiem imsejħa “sustanzi tal-Lista II”, b'mod konformi ma' din id-Direttiva.

Artikolu 4

Fir-rigward tas-sustanzi tal-Lista I:

(a)

kull skariku fl-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 li jista' jkollu xi sustanza minn dawn jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat;

(b)

l-awtorizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-livelli ta' emissjoni fir-rigward ta' skariki ta' kull sustanza ta' din ix-xorta fl-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u, fejn dan huwa meħtieġ għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva, fir-rigward ta' skariki ta' kull sustanza ta' din ix-xorta fis-sistema tad-drenaġġ;

(ċ)

l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw biss għal perjodu limitat. Jistgħu jiġu mġedda, wara li jitqies kull tibdil fil-valuri ta' limitu ta' emissjoni stabbilit bid-Direttivi imsemmija fl-Anness IX tad-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 5

1.   Il-livelli għall-emissjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjonijiet mogħtija skond l-Artikolu 4 għandhom jiddeterminaw:

(a)

l-ogħla konċentrazzjoni ta' sustanza permessa fi skariku. Fil-każ ta' dilwizzjoni l-valur ta' limitu ta' emissjoni stabbilit bid-Direttivi msemmija fl-Anness IX tad-Direttiva 2000/60/KE għandu jiġi diviż bil-fattur tad-dilwizzjoni;

(b)

l-akbar kwantità ta' sustanza permessa fi skariku matul perjodu wieħed jew iżjed ta' żmien speċifikat, espressa, jekk meħtieġ, bħala unità tal-piż ta' l-inkwinant għal kull unità ta' l-element karatteristiku ta' l-attività li tniġġez (p.e. unità tal-piż għal kull unità tal-materja prima jew għal kull unità tal-prodott).

2.   Għal kull awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru interessat tista', jekk meħtieġ, timponi standards ta' emissjoni iktar stretti minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-valuri ta' limitu ta' emissjoni stabbiliti bid-Direttivi indikati fl-Anness IX tad-Direttiva 2000/60/KE, b'kont meħud b'mod partikolari tat-tossiċità, tal-persistenza u tal-bijoakkumulazzjoni tas-sustanza konċernata fl-ambjent li fih tiġi skarikata.

3.   Jekk min jiskarika jiddikjara li ma jistax jikkonforma ma' l-istandards imposti għall-emissjonijiet, jew jekk din is-sitwazzjoni tkun evidenti għall-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat, l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tingħata.

4.   Jekk il-livelli ta' emissjoni ma jiġux rispettati, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat għandha tieħu l-passi xierqa kollha sabiex tiżgura li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni u, jekk jinħtieġ, li l-iskariku jiġi projbit.

Artikolu 6

1.   Sabiex jitnaqqas it-tniġġiz ta' l-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 mis-sustanzi tal-Lista II, l-Istati Membri għandom jistabbilixxu programmi li fl-implementazzjoni tagħhom għandhom japplikaw b'mod partikolari l-metodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

2.   L-iskariki kollha fl-ilmijiet msemmija fl-Artikolu 1 li jistgħu' ikunu fihom kwalunkwe mis-sustanzi tal-Lista II għandhom jeħtieġu l-awtorizzazjoni minn qabel ta' l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat, li fiha għandhom jiġu stabbiliti l-istandards ta' emissjoni. Dawn l-istandards għandhom ikunu bbażati fuq l-istandards ta' kwalità ambjentali stabbiliti skond il-paragrafu 3.

3.   Il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-istandards ta' kwalità ambjentali għall-ilma: dawn għandhom jiġu stabbiliti b'mod konformi mad-Direttivi tal-Kunsill, fejn dawn ikunu jeżistu.

4.   Il-programmi jistgħu jinkludu wkoll disposizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-komposizzjoni u l-użu ta' sustanzi jew gruppi ta' sustanzi u prodotti u għandhom iqisu l-aħħar żviluppi tekniċi li jkunu ekonomikament fattibbli.

5.   Il-programmi għandhom jistabbilixxu l-iskadenzi għall-implementazzjoni tagħhom.

6.   Għandhom jingħataw lill-Kummissjoni ġabriet fil-qosor tal-programmi u tar-riżultati ta' l-implementazzjoni tagħhom.

7.   Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, għandha tagħmel arranġamenti għat-tqabbil regolari tal-programmi sabiex tiżgura koordinazzjoni biżżejjed fl-implementazzjoni tagħhom. Jekk jidhrilha xieraq, għandha tippreżenta proposti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal dan il-għan.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha sabiex jimplementaw il-miżuri adottati minnhom skond din id-Direttiva b'mod li ma jżidux it-tniġġiz fl-ilmijiet li għalihom ma japplikax l-Artikolu 1. Għandhom ukoll jipprojbixxu l-azzjonijiet kollha li bi ħsieb jew mingħajru jaħarbu d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 8

L-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jwasslu, b' mod dirett jew indirett, għal żieda fit-tniġġiz ta' l-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 9

Fejn xieraq, Stat Membru wieħed jew iktar jistgħu b'mod individwali jew flimkien jieħdu miżuri iktar stretti minn dawk previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 10

L-awtorità kompetenti għandha tfassal inventarju ta' l-iskariki fl-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 li jistgħu jkunu fihom sustanzi tal-Lista I li għalihom japplikaw l-istandards ta' emissjoni.

Artikolu 11

1.   F'intervalli ta' tliet snin, u għall-ewwel darba għall-perjodu mill-1993 sa l-1995, inklużiv, l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva, fil-forma ta' rapport settorjali li għandu jiġbor fih ukoll Direttivi oħra relevanti tal-Komunità. Dan ir-rapport għandu jkun imħejji fuq il-bażi ta' kwestjonarju jew skema magħmula mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru 1991 li tistandardizza u tirrazjonalizza rapporti dwar l-implementazzjoni ta' ċerti Direttivi dwar l-ambjent (7). Il-kwestjonarju jew l-iskema għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel jibda l-perjodu kopert mir-rapport. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mit-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin kopert minnu.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport Komunitarju dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva fi żmien disa' xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.

2.   It-tagħrif miksub bħala riżultat ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun ġie mitlub.

3.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra ma għandhomx jiżvelaw it-tagħrif miksub minnhom skond din id-Direttiva u li jkun tat-tip kopert bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

4.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx jimpedixxu l-pubblikazzjoni ta' tagħrif ġenerali jew ta' stħarriġ li ma jkunx fihom tagħrif dwar impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi partikolari.

Artikolu 12

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq it-talba ta' Stat Membru, għandhom jirrivedu u, fejn meħtieġ, jissuplimentaw il-Listi I u II ta' l-Anness I fuq il-bażi ta' l-esperjenza u fejn ikun meħtieġ billi jittrasferixxu ċerti sustanzi mil-Lista II għall-Lista I.

Artikolu 13

Id-Direttiva 76/464/KEE hija b'dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta' żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi imsemmija fil-Parti B ta' l-Anness II.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu meqjusa bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-Tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 14

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, -15 ta' Frar 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

K. WINKLER


(1)  ĠU C 117, 30.4.2004, p. 10.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2004 (ĠU C 174 E, 14.7.2005, p. 39) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2006.

(3)  ĠU L 129, 18.5.1976, p. 23. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2000/60/KE tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(4)  Ara l-Anness II, Parti A.

(5)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(7)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


ANNESS I

Lista I ta' familji u gruppi ta' sustanzi

Il-Lista I fiha ċerti sustanzi individwali li jagħmlu parti mill-familji u mill-gruppi ta' sustanzi li ġejjin, magħżula prinċipalment fuq il-bażi tat-tossiċità, tal-persistenza u tal-bijoakkumulazzjoni tagħhom, għajr dawk li bijoloġikament ma jagħmlux ħsara jew li jinbidlu malajr f'sustanzi li bijoloġikament ma jagħmlux ħsara:

1.

komposti organoaloġeniċi u sustanzi li jistgħu jiffurmaw dawn il-komposti fl-ambjent akwatiku;

2.

komposti organofosforiċi;

3.

komposti organotin;

4.

sustanzi li fir-rigward tagħhom ikun ġie ppruvat li għandhom kwalitajiet karċinoġeni fl-ambjent akwatiku jew permezz tiegħu (1);

5.

merkurju u komposti tal-merkurju;

6.

kadmju u komposti tal-kadmju;

7.

żjut minerali persistenti u idrokarboni li joriġinaw miż-żejt;

u għall-finijiet ta' l-implementazzjoni ta' l-Artikoli 3, 7, 8 u 12:

8.

sustanzi sintetiċi persistenti li jistgħu iżommu fil-wiċċ, jibqgħu f'sospensjoni jew jegħrqu u li jistgħu jfixklu fi kwalunkwe użu ta' l-ilmijiet.

Lista II ta' familji u gruppi ta' sustanzi

Fil-Lista II jinsabu:

sustanzi li jagħmlu parti mill-familji u l-gruppi tas-sustanzi fil-Lista I li għalihom il-valuri ta' limitu ta' emissjoni stabbiliti fid-Direttivi msemmija fl-Anness IX tad-Direttiva 2000/60/KE ma ġewx determinati mill-imsemmija Direttivi,

ċerti sustanzi individwali u kategoriji ta' sustanzi li jagħmlu parti mill-familji u l-gruppi ta' sustanzi elenkati hawn taħt,

u li għandhom effett ħażin fuq l-ambjent akwatiku, li, madankollu, jista' jkun limitat għal żona speċifika u li jiddependi fuq il-karatteristiċi ta' l-ilma li fih jiġu skarikati u l-post fejn dan jinstab.

Il-familji u l-gruppi ta' sustanzi msemmija fit-tieni inċiż:

1.

Il-metallojdi u l-metalli li ġejjin, u l-komposti tagħhom:

1.

iż-żingu

2.

ir-ram

3.

in-nikil

4.

il-kromju

5.

iċ-ċomb

6.

is-selenju

7.

l-arseniku

8.

l-antimonju

9.

il-molibdenu

10.

it-titanju

11.

l-istann

12.

il-barju

13.

il-berillju

14.

il-boron

15.

l-uranju

16.

il-vanadju

17.

il-kobalt

18.

it-talju

19.

it-tellurju

20.

il-fidda

2.

Il-bijoċodi

u d-derivati tagħhom li ma jidhrux fil-Lista I.

3.

Is-sustanzi li għandhom effett dannuż fuq it-togħma u/jew ir-riħa tal-prodotti għall-konsum mill-bniedem li ġejjin mill-ambjent akwatiku,

u l-komposti li x'aktarx inisslu dawn is-sustanzi fl-ilma.

4.

Il-komposti organiċi tas-silikon li huma tossiċi jew persistenti, u s-sustanzi li jistgħu jnisslu dawn il-komposti fl-ilma, minbarra dawk li bijoloġikament ma jagħmlux ħsara jew li fl-ilma jinbidlu malajr f'sustanzi li ma jagħmlux ħsara.

5.

Il-komposti inorganiċi tal-fosfru u tal-fosfru elementali.

6.

Iż-żjut minerali mhux persistenti u l-idrokarboni li joriġinaw miż-żejt.

7.

Iċ-ċjanuri,

l-Fluworidi.

8.

Is-sustanzi li għandhom effett negattiv fuq il-bilanċ ta' l-ossiġnu, b'mod partikolari:

l-Ammonja,

n-Nitriti.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 7

Fir-rigward ta' l-iskariku ta' l-ilma ta' l-iskart fil-baħar miftuħ permezz ta' katusi, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jistabbilixxu rekwiżiti li ma jkunux inqas stretti minn dawk imposti f'din id-Direttiva.


(1)  Fejn ċerti sustanzi fil-Lista II ikunu karċinoġeni, jiġu inklużi fil-kategorija 4 ta' din il-Lista.


ANNESS II

PARTI A

ID-DIRETTIVA MĦASSRA U L-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

(imsemmija fl-Artikolu 13)

Direttiva tal-Kunsill 76/464/KEE (ĠU L 129, 18.5.1976, p. 23)

 

Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48)

Limitatament għall-punt (a) ta' l-Anness I.

Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1)

Limitatament fir-rigward tar-referenza fl-Artikolu 22(2), ir-raba' inċiż għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/464/KEE

PARTI B

LISTA TAL-LIMITI TA' ŻMIEN GĦAT-TRASPOSIZZJONI FIL-LIĠI NAZZJONALI

(imsemmija fl-Artikolu 13)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-trasposizzjoni

76/464/KEE

91/692/KEE

L-1 ta' Jannar 1993

2000/60KEE

It-22 ta' Diċembru 2003


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 76/464/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1), frażi introduttiva

Artikolu 1, frażi introduttiva

Artikolu 1(1), l-ewwel inċiż

Artikolu 1 (a)

Artikolu 1(1), it-tieni inċiż

Artikolu 1 (b)

Artikolu 1(1), it-tielet inċiż

Artikolu 1 (ċ)

Artikolu 1(1), ir-raba' inċiż

Artikolu 1(2), frażi introduttiva

Artikolu 2, frażi introduttiva

Artikolu 1(2)(a), (b) u (ċ)

Artikolu 2(a), (b) u (ċ)

Artikolu 1(2)(d), l-ewwel inċiż

Artikolu 2(d)(i)

Artikolu 1(2)(d), it-tieni inċiż

Artikolu 2(d)(ii)

Artikolu 1(2)(d), it-tielet inċiż

Artikolu 2(d)(iii)

Artikolu 1(2)(e)

Artikolu 2(e)

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3, frażi introduttiva

Artikolu 4, frażi introduttiva

Artikolu 3, punt 1

Artikolu 4(a)

Artikolu 3, punt 2

Artikolu 4(b)

Artikolu 3, punt 3

Artikolu 3, punt 4

Artikolu 4(ċ)

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 11

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 11

Artikolu 14

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Anness

Anness I

Anness II

Anness III