29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

94


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l-24 ta' Jannar 2006

li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat

(It-test Latvjan biss huwa awtentiku)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea,

Wara li kkunsidra s-sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa fuq il-fatturat - Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' valutazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas ta' taxxa jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti tipi ta' evażjoni tat-taxxa.

(2)

B’ittra reġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Marzu 2005, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga dwar tranżazzjonijiet fl-injam.

(3)

B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data ta’ l-10 ta’ Mejju 2005 bit-talba magħmula mil-Latvja. B’ittra li ġġib id-data tal-31 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(4)

Is-suq ta’ l-injam fil-Latvja huwa dominat minn kumpanniji lokali żgħar u fornituri individwali. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ħolqu frodi fiskali li l-awtoritajiet tat-tassazzjoni sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġi miġġieled dan l-abbuż, ġiet inkluża disposizzjoni speċjali dwar il-VAT fil-liġi tal-Latvja, li tistipula li l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa, taħt ċerti ċirkostanzi, hija dik il-persuna li għaliha l-provvista ta’ prodotti u servizzi taxxabbli qiegħda sseħħ.

(5)

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 77/388/KEE fil-verżjoni stipulata fl-Artikolu 28(g) ta’ l-imsemmija Direttiva, tistipula li taħt is-sistema interna, il-persuna taxxabbli li tforni l-prodotti u s-servizzi hija dik li normalment responsabbli li tħallas it-taxxa. Madankollu, l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, u b’mod partikolari l-Kapitolu 7, punt 1(b) ta’ l-Anness VIII tiegħu, jawtorizza lil-Latvja li għal perjodu limitat tkompli tapplika l-proċedura tagħha li timponi l-VAT fuq tranżazzjonijiet fl-injam.

(6)

Il-Kummissjoni tifhem li dan l-arranġament ippermetta li l-Latvja effettivament tnaqqas ir-riskju ta’ l-evażjoni tal-VAT u tissimplifika l-proċedura biex titħallas it-taxxa fis-suq ta’ l-injam.

(7)

Id-deroga m' għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi Komunitarji proprji ġejjin mill-ġbir tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu waħdieni

B’deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, fil-verżjoni stipulata fl-Artikolu 28(g) tiegħu, il-Latvja qiegħda tiġi awtorizzata tkompli tikkunsidra min jirċievi l-prodotti jew servizzi bħala l-persuna responsabbli li tħallas il-VAT fil-każ ta’ tranżazzjonijiet fl-injam mill-1 ta' Mejju 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2009.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, nhar il-24 ta' Jannar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)  ĠU L 145 tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 19).