31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2004

li tawtorizza lill-Portugall japplika miżura derogatorja mill-Artikoli 21(1)(a) u 22 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' taxxi fuq il-valur tal-bejgħ

(2004/738/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

B'ittra reġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta' Frar 2004 l-Portugall talab l-awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura derogatorja fir-rigward tas-settur tal-bejgħ domiċiljari.

(2)

L-Istati Membri l-oħra ġew informati b'dan fis-26 ta' Marzu 2004.

(3)

Il-Portugall ġie nnotifikat fit-30 ta' Marzu 2004 li l-Kummissjoni kienet fil-pussess ta' l-informazzjoni kollha li kienet teħtieġ biex tieħu deċiżjoni dwar il-materja.

(4)

Il-miżura hija maħsuba biex tippermetti lil ċerti impriżi impenjati f'bejgħ domiċiljari li jħallsu f'isem il-bejjiegħa mill-ġdid tagħhom il-VAT dovuta fuq il-prezzijiet tal-prodotti li l-bejjiegħa mill-ġdid ibigħu lill-klijenti tagħhom, dment li l-valur tal-bejgħ sħiħ ta' l-impriżi jinkiseb minn bejgħ domiċiljari minn bejjiegħa mill-ġdid li jaħdmu f'isimhom stess u fuq il-kont tagħhom stess u li l-listi tal-prezzijiet li jistabbilixxu l-prezz tal-bejgħ li jintalab lill-pubbliku għall-prodotti kollha ta' l-impriża jitfasslu minn qabel u jiġu rrispettati.

(5)

Id-deroga ser tapplika biss f'każijiet fejn l-impriża tbigħ il-prodotti tagħha direttament lill-bejjiegħa mill-ġdid li, min-naħa tagħhom, ibigħu direttament lill-konsumaturi finali.

(6)

L-impriżi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' hawn fuq u li ġew awtorizzati b'mod debitu mill-amministrazzjoni fiskali jħallsu lit-teżor l-ammont ta' VAT dovut fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut stabbilit minn qabel.

(7)

Il-bejjiegħa mill-ġdid mhumiex ser ikunu meħtieġa aktar li jħallsu taxxa fuq il-bejgħ tagħhom u għalhekk mhux ser jibbenefikaw mid-dritt ta' tnaqqis.

(8)

Dan l-arranġament jikkostitwixxi deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tas-Sitt Direttiva għall-fatt li l-bejjiegħ bl-ingrossa ser jinżamm responsabbli għat-taxxa fuq oġġetti mibjugħa lill-konsumaturi aħħarin mill-bejjiegħa mill-ġdid tiegħu.

(9)

Il-bejjiegħa bl-ingrossa huma għalhekk meħtieġa jissodisfaw l-obbligi fir-rigward ta’ prospetti ta’ taxxa tal-fatturar tat-taxxa u tal-ħlas tat-taxxa, eċċ., fir-rigward tal-prodotti li l-bejjiegħa tagħhom ibigħu lill-konsumaturi finali u, b'deroga mill-Artikolu 22, il-bejjiegħa mill-ġdid tagħhom huma eżentati minn dawn l-obbligi fir-rigward ta' l-oġġetti li huma jfornu lill-konsumaturi finali.

(10)

L-arranġament ġie awtorizzat bid-Deċiżjoni aktar bikrija tal-Kunsill 1999/82/KE tat-18 ta' Jannar 1999 (2), li kienet applikabbli mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 2000.

(11)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-deroga hija miżura ta' simplifikazzjoni u għalhekk tissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva.

(12)

Id-deroga għandha tiġi awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2009.

(13)

Id-deroga mhix ser tibdel l-ammont ta' VAT miġbur fl-istadju tal-konsumazzjoni finali u mhix ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej miskuba mit-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Portugall huwa b'dan awtorizzat japplika sal-31 ta' Diċembru 2009 miżura speċjali għat-tassazzjoni ta' bejgħ domiċiljari li fiha dispożizzjonijiet derogatorji mis-Sitt Direttiva 77/388/KEE.

Negozju li l-valur tal-bejgħ totali tiegħu huwa derivat minn bejgħ domiċiljari magħmul minn bejjiegħa mill-ġdid li jaġixxu f'isimhom stess u fuq inizjattiva tagħhom jista’ jitlob lill-amministrazzjoni għal awtorizzazzjoni biex japplika d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 ta' hawn taħt b'kondizzjoni li:

(a)

il-prodotti kollha mibjugħa mill-impriża huma inklużi f'lista ta' prezzijiet stabbilita minn qabel applikabbli fl-istadju finali tal-konsum;

(b)

l-impriża tbigħ il-prodotti tagħha direttament lill-bejjiegħa mill-ġdid li, min-naħa tagħhom, ibigħu direttament lill-konsumaturi finali.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 21(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, kwalunkwe impriża li ġiet awtorizzata tapplika din il-miżura speċjali għandha tkun responsabbli għat-taxxa pagabbli fuq oġġetti forniti mill-bejjiegħa mill-ġdid tagħhom lil konsumaturi finali.

Artikolu 3

Kwalunkwe bejjiegħ mill-ġdid fornit minn negozju awtorizzat li japplika din il-miżura speċjali għandu jkun eżentat mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta' oġġetti li hu jforni lil konsumaturi finali.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Portugall.

Magħmul fil-Lussemburgu, 21 ta’ Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

G. ZALM


(1)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

(2)  ĠU L 27, 2.2.1999, p. 28.