32001L0084



Official Journal L 272 , 13/10/2001 P. 0032 - 0036


Id-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta’ settembru 2001

dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu;

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3] u fid-dawl tat-test konġunt approvat nhar is-6 ta’ Ġunju 2001 mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni,

Billi:

(1) Fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur, id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid huwa dritt mhux assenjabbli u mhux trasferibbli, li jitgawda mill-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti figurattiva, għal interess ekonomiku f’bejgħ suċċessiv tax-xogħol ikkonċernat.

(2) Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa dritt ta’ karattru produttiv li jippermetti lill-awtur/artist jirċievi konsiderazzjoni għal trasferimenti suċċessivi tax-xogħol. Il-materja tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa x-xogħol fiżiku, prinċipalment il-mezz li fih ix-xogħol protett ikun inkorporat.

(3) Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa maħsub sabiex jassigura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi jaqsmu s-suċċess ekonomiku tax-xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti tagħhom. Jgħin biex jagħti mill-ġdid il-bilanċ bejn is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi u dak ta’ kreaturi oħra li jibbenefikaw mill-isfruttar suċċessiv tax-xogħlijiet tagħhom.

(4) Id-dritt għall-bejgħ mill-ġdid jifforma parti integrali tad-dritt ta’ l-awtur u huwa prerogattiv essenzjali għall-awturi. L-imposizzjoni ta’ dritt bħal dan fl-Istati Membri kollha tissodisfa l-ħtieġa li tipprovdi lill-kreaturi bil-livell ta’ protezzjoni adegwata u komuni.

(5) Taħt l-Artikolu 151(4) tat-Trattat il-Komunità għandha tagħti kas ta’ aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt disposizzjonijiet oħra tat-Trattat.

(6) Il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-Protezzjoni ta’ Xogħol Litterarju u Artistiku tipprovdi li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ikun disponibbli biss jekk il-leġislazzjoni fil-pajjiż li għalih ikun jappartjeni l-awtur tippermetti dan. Id-dritt huwa għalhekk mhux obbligatorju u soġġett għar-regola ta’ reċiproċità. Dan isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 tat-Trattat, kif muri fil-ġudizzju ta’ l-20 ta’ Ottubru 1993 fil-Każi Konġunti C-92/92 u C-326/92 Phil Collins u Oħrajn [4], li d-disposizzjonijiet domestiċi li jkun fihom klawsoli ta’ reċiproċità ma jistax wieħed iserraħ rasu fuqhom li ma jagħtux liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra d-drittijiet mogħtija lill-awturi nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ klawsoli bħal dawn fil-kuntest tal-Komunità tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jirriżulta mill-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità.

(7) Il-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni tas-suq tal-Komunità fl-arti moderna u kontemporanja, li issa qiegħed ikun mgħaġġel bl-effetti ta’ l-ekonomija l-ġdida, fil-kuntest regolatorju li fih ftit Stati barra l-UE jirrikonoxxu id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, jagħmilha essenzjali għall-Komunità Ewropea, fl-isfera esterna, li tiftaħ negozjati bil-ħsieb li l-Artikolu 14b isir obbligatorju.

(8) Il-fatt li dan is-suq internazzjonali jeżisti, flimkien man-nuqqas tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid f’bosta Stati Membri u d-disparità kurrenti fir-rigward tas-sistemi nazzjonali li jirrikonoxxu dak id-dritt, jagħmilha essenzjali li jkunu stabbiliti disposizzjonijiet transizzjonali fir-rigward ta’ kemm id-dħul fis-seħħ u tar-regolament sostantiv tad-dritt, li sejjer iżomm il-kompetittività tas-suq Ewropew.

(9) Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, fil-preżent, hemm ipprovdut għalih mil-leġislazzjoni domestika ta’ maġġoranza ta’ Stati Membri. Liġijiet bħal dawn, fejn ikunu jeżistu, juru ċerti differenzi, b’mod partikolari fir-rigward tax-xogħlijiet koperti, dawk intitolati jirċievu royalties, ir-rata applikata, it-transizzjonijiet soġġetti għal ħlas ta’ royalty, u l-bażi li fuqhom ikunu kkalkolati. L-applikazzjoni jew nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dritt bħal dan għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent kompetittiv fi ħdan is-suq intern, minħabba li l-eżistenza jew nuqqas ta’ obbligazzjoni għal ħlas fuq il-bażi tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid hija element li għandu jingħata każ tiegħu minn kull individwu li jixtieq ibiegħ xogħol ta’ l-arti. Dan id-dritt huwa għalhekk fattur li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tgħawwiġ fil-kompetizzjoni kif ukoll l-ispjazzament ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità.

(10) Disparitajiet bħal dawn dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid u l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandhom impatt negattiv dirett fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern tax-xogħlijiet ta’ l-arti kif ipprovdut bl-Artikolu 14 tat-Trattat. F’sitwazzjoni bħal din l-Artikolu 95 tat-Trattat jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa.

(11) L-għanijiet tal-Komunità kif stabbiliti fit-Trattat jinkludu t-tfassil tal-pedamenti ta’ unjoni dejjem eqreb bejn il-popli ta’ l-Ewropa, jippromwovu relazzjonjiet eqreb bejn l-Istati Membri li jappartjenu għall-Komunità, u jassiguraw il-progress ekonomiku u soċjali tagħhom b’azzjoni komuni sabiex jeliminaw l-ostakoli li jiddividu l-Ewropa. Għal dak il-għan it-Trattat jipprovdi għall-istabbiliment ta’ suq intern li jippresupponi l-abolizzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija, libertà li jiġu pprovduti servizzi u libertà ta’ stabbiliment, u għall-introduzzjoni ta’ sistema li tassigura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx imfixkla. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid tikkostitwixxi l-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet.

(12) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul- sistema komuni ta’ taxxi fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima [5], b’mod progressiv tintroduċi sistema ta’ tassazzjoni tal-Komunità applikabbli inter alia għal xogħlijiet ta’ l-arti. Miżuri llimitati għall-qasam tat-taxxa mhumiex biżżejjed sabiex jiggarantixxu t-tħaddim armonjuż tas-suq ta’ l-arti. L-għan ma jistax jintlaħaq mingħajr armonizzazzjoni fil-qasam tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid.

(13) Id-differenzi eżistenti bejn il-liġijiet għandhom ikunu eliminati fejn dawn ikollhom effett ta’ tfixkil fuq it-tħaddim tas-suq intern, u l-ħolqien ta’ kwalunkwe differenzi ġodda ta’ dak it-tip m’għandhomx jitħallew. M’hemmx ħtieġa għall-eliminazzjoni, jew prevenzjoni tal-ħruġ ta’, differenzi li ma jkunux mistennija li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern.

(14) Prekondizzjoni tal-funzjonament xieraq tas-suq intern hija l-eżistenza tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux imgħawġa. L-eżistenza ta’ differenza bejn disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid toħloq tfixkil tal-kompetizzjoni u spostament ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità u twassal għal trattament mhux ugwali bejn artisti li jiddependu fuq fejn jinbiegħu ix-xogħlijiet tagħhom. Il-materja li qiegħda tkun ikkunsidrata għalhekk għandha aspetti transnazzjonali li ma jistgħux ikunu regolati b’mod sodisfaċjenti b’azzjoni minn Stati Membri. Nuqqas ta’ azzjoni tal-Komunità tmur kontra l-ħtieġa tat-Trattat li jkunu korretti t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u tat-trattament mhux ugwali.

(15) Minħabba l-iskala ta’ diverġenzi bejn id-disposizzjonijiet nazzjonali, huwa għalhekk neċessarju li jkunu adottati miżuri ta’ armonizzazzjoni sabiex jieħdu ħsieb id-disparitajiet bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri fl-inħawi fejn disparitajiet bħal dawn jistgħu joħolqu jew iżommu kondizzjonijiet ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni. Iżda mhuwiex neċessarju li tkun armonizzata kull disposizzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid u, sabiex jitħalla kemm jista’ jkun skop għal deċiżjoni nazzjonali, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni jkun limitat għal dawk id-disposizzjonijiet domestiċi li għandhom l-aktar impatt dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern.

(16) Din id-Direttiva għalhekk tikkonforma, fit-totalità tagħha, mal-prinċipji tas-sussidjarità u proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(17) Skond id-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza t-termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati [6], it-termini tad-drittijiet ta’ l-awtur idum għal 70 sena mill-mewt ta’ l-awtur. L-istess perjodu għandu jkun stabbilit għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid. Konsegwentament, l-oriġinali ta’ xogħlijiet ta’ arti moderna u kontemporanja jistgħu jaqgħu taħt l-iskop tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid. Madankollu, sabiex jippermettu lis-sistemi legali ta’ Stati Membri li, fiż-żmien ta’ l-addozzjoni ta’ din id-Direttiva, ma japplikawx dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ l-artisti sabiex jinkorporaw dan id-dritt fis-sistemi legali rispettivi tagħhom u, barra minn hekk, jippermettu lill-operaturi ekonomiċi f’dawk l-Istati Membri li jaddattaw gradwalment għad-dritt imsemmi qabel filwaqt li jżommu l-vijabiltà ekonomika tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu permessi perjodu transizzjonali limitat li matulu jkunu jistgħu jagħżlu li ma japplikawx id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ dawk intitolati taħt l-artist wara mewtu.

(18) L-iskop tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandu jkun estiż għall-atti kollha ta’ bejgħ mill-ġdid, bl-eċċezzjoni ta’ dawk effettwati direttament bejn persuni li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ professjonista tas-suq ta’ l-arti. Dan id-dritt m’għandux jestendi għall-atti ta’ bejgħ mill-ġdid minn persuni fil-kapaċità privata tagħhom għal mużewijiet li mhumiex biex jagħmlu profitt u li huma miftuħin għall-pubbliku. Fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tal-galleriji ta’ l-arti li jiksbu xogħlijiet direttament mill-awtur, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi l-għażla li jeżentaw mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid atti ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ dawk ix-xogħlijiet li jseħħu fi żmien tliet snin minn dak l-akkwist. L-interessi ta’ l-artist għandhom ikunu kkunsidrati wkoll billi din l-eżenzjoni tkun limitata għal atti ta’ bejgħ mill-ġdid bħal dawn fejn il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma jaqbiżx l-10000 EUR.

(19) Għandha tkun magħmula ċara li l-armonizzazzjoni miġjuba b’din id-Direttiva ma tapplikax għal manuskritti oriġinali ta’ kittieba u kompożituri.

(20) Għandhom ikunu stabbiliti regoli effettivi bbażati fuq l-esperjenza diġà miksuba fuq livell nazzjonali bid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid. Huwa xieraq li tkun ikkalkolata r-royalty bħala persentaġġ tal-prezz ta’ bejgħ u mhux taż-żieda fil-valur tax-xogħlijiet li l-valur oriġinali tagħhom ikun żdied.

(21) Il-kategoriji tax-xogħlijiet ta’ l-arti soġġetti għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandhom ikunu armonizzati.

(22) In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ royalties taħt il-limitu minimu jista’ jgħin sabiex jevita spejjeż ta’ ġbir u ta’ amministrazzjoni li jkunu għoljin b’mod mhux proporzjonat meta mqabbla mal-profitt għall-artist. Madankollu, bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu limiti nazzjonali aktar baxxi mil-limiti tal-Komunità, sabiex jippromwovu l-interessi ta’ artisti ġodda. Minħabba l-ammonti żgħar involuti, mhux mistenni li din id-deroga jkollha effett sinnifikanti fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(23) Ir-rati stabbiliti minn Stati Membri differenti għall-applikazzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, fil-preżent ivarjaw b’mod konsiderevoli. Il-funzjonament effettiv tas-suq intern fix-xogħlijiet ta’ arti moderna u kontemporanja jeħtieġ l-iffissar ta’ rati uniformi fl-usa’ firxa possibbli.

(24) Huwa mixtieq li tkun stabbilita, bl-intenzjoni li jkunu rikonċiljati l-interessi varji involuti fis-suq għal xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti, sistema li tkun tikkonsisti fi skala li ftit ftit dejjem tonqos ta’ rati għal bosta gruppi ta’ prezzijiet. Huwa importanti li jitnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni ta’ bejgħ u ta’ tidwir mar-regoli tal-Komunità dwar id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid.

(25) Il-persuna li għandha tħallas ir-royalty għandha, fi prinċipju, tkun il-bejjiegħ. L-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jipprovdu għal derogi minn dan il-prinċipju fir-rigward tar-responsabbilità għall-ħlas. Il-bejjiegħ huwa l-persuna jew intrapriża li f’isimha jkun konkluż il-bejgħ.

(26) Għandha ssir disposizzjoni għall-possibilità ta’ aġġustament perjodiku tal-limitu u tar-rati. Għal dan il-għan, huwa xieraq li l-Kummissjoni tkun fdata x-xogħol li tfassal rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni attwali tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid fl-Istati Membri u dwar l-impatt fuq is-suq ta’ l-arti fil-Komunità u, fejn ikun xieraq, li tagħmel proposti li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-emendament ta’ din id-Direttiva.

(27) Il-persuni intitolati li jirċievu r-royalties għandhom ikunu speċifikati, filwaqt li jingħata il-każ dovut għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Mhuwiex xieraq li tittieħed azzjoni permezz ta’ din id-Direttiva dwar liġijiet ta’ Stati Membri ta’ suċċessjoni. Madankollu, dawk intitolati taħt l-awtur għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw totalment mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara mewtu, għallinqas wara l-iskadenza tal-perjodu transizzjonali msemmi aktar qabel.

(28) L-Istati Membri huma responsabbli milli jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid b’mod partikolari fir-rigward għal mod li jkun amministrat. F’dan ir-rigward amministrazzjoni minn soċjetà ta’ ġbir hija possibilità waħda. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-soċjetajiet ta’ ġbir jaħdmu b’mod trasparenti u effiċjenti. L-Istati Membri għandhom jassiguraw ukoll li l-ammonti maħsuba għall-awturi li huma nazzjonali ta’ Stati Membri oħra fil-fatt jinġabru u jitqassmu. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fi Stati Membri għall-ġbir u t-tqassim.

(29) It-tgawdija tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandha tkun ristretta għal ċittadini tal-Komunità kif ukoll għall-awturi barranin li l-pajjiżi tagħhom jagħtu protezzjoni bħal din lill-awturi li huma ċittadini ta’ Stati Membri. Stat Membru għandu jkollu l-għażla li jestendi t-tgawdija ta’ dan id-dritt għal awturi barranin li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f’dak l-Istat Membru.

(30) Għandhom ikunu introdotti proċeduri xierqa għall-kontroll tat-transazzjonijiet sabiex jassiguraw permezz ta’ mezz prattiku li d-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid ikun applikat b’mod effettiv minn Stati Membri. Dan ifisser ukoll dritt min-naħa ta’ l-awtur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu sabiex jikseb kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mill-persuna naturali jew legali bir-responsabbilità tal-pagament tar-royalties. L-Istati Membri li jipprovdu għal amministrazzjoni kollettiva tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid jistgħu jipprovdu wkoll li l-korpi responsabbli għal dik l-amministrazzjoni kollettiva għandhom ikunu intitolati weħidhom sabiex jiksbu l-informazzjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SKOP

Artikolu 1

Materja tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti, dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li għandu jkun definit bħala dritt mhux trasferibbli, li ma jistax jitneħħa, anki bil-quddiem, sabiex jirċievi royalty ibbażata fuq il-prezz tal-bejgħ għal kwalunkwe bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, sussegwentament għall-ewwel trasferiment tax-xogħol mill-awtur.

2. Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jgħodd għall-atti kollha ta’ bejgħ mill-ġdid li jinvolvu bħala bejjiegħa, xerrejja jew intermedjarji professjonisti tas-suq ta’ l-arti, bħal kmamar fejn jinbiegħu oġġetti bl-irkant, galleriji ta’ l-arti u, b’mod ġenerali, kwalunkwe negozjanti tax-xogħlijiet ta’ l-arti.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jgħodd għal atti ta’ bejgħ mill-ġdid fejn il-bejjiegħ ikun kiseb ix-xogħol direttament mill-awtur inqas minn tliet snin qabel dak il-bejgħ mill-ġdid u fejn il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma jkunx jaqbeż 10000 EUR.

4. Ir-royalty għandha titħallas mill-bejjiegħ. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li wieħed mill-persuni naturali jew legali li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 2 minbarra l-bejjiegħ għandhom ikunu responsabbli weħidhom jew jaqsmu r-responsabbiltà mal-bejjiegħ għall-ħlas tar-royalty.

Artikolu 2

Xogħlijiet ta’ l-arti li għandhom x’jaqsmu d-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid

1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, "xogħol oriġinali ta’ l-arti" tfisser xogħlijiet ta’ arti figurattivi bħal stampi, collages, pitturi, tpinġijiet, inċiżjonijiet, stampar, litografiji, skulturi, arazzi, ċeramika, xogħol tal-ħġieġ u ritratti, sakemm ikunu magħmulin mill-artist innifsu jew ikunu kopji meqjusin bħala xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti.

2. Kopji ta’ xogħlijiet ta’ l-arti koperti b’din id-Direttiva, magħmulin f’numri limitati mill-artist innifsu jew taħt l-awtorità tiegħu, għandhom jitqiesu bħala xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Kopji bħal dawn ikunu normalment innumerati, ffirmati jew awtorizzati kif dovut b’mod ieħor mill-artist.

KAPITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET PARTIKOLARI

Artikolu 3

Il-minimu

1. Għandhom ikunu l-Istati Membri li jistabbilixxu l-prezz minimu tal-bejgħ li minnu, Il-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun soġġett għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid.

2. Dan il-prezz minimu ta’ bejgħ taħt l-ebda ċirkostanza m’għandux ikun aktar minn 3000 EUR.

Artikolu 4

Rati

1. Ir-royalty li għalih hemm ipprovdut fl-Artikolu 1 għandu jkun stabbilit bir-rati li ġejjin:

(a) 4 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ sa 50000 EUR;

(b) 3 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ minn 50000,01 EUR sa 200000 EUR;

(ċ) 1 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ minn 200000,01 EUR sa 350000 EUR;

(d) 0,5 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ minn 350000,01 EUR sa 500000 EUR;

(e) 0,25 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ li jaqbeż il-500000 EUR.

Madankollu, l-ammont totali tar-royalty ma jistax jaqbeż it-12500 EUR.

2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata ta’ 5 % għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ imsemmi fil-paragrafu 1(a).

3. Jekk il-prezz minimu tal-bejgħ stabbilit ikun inqas minn 3000 EUR, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi wkoll ir-rata applikabbli għall-porzjon tal-prezz tal-bejgħ sa 3000 EUR; din ir-rata ma tistax tkun inqas minn 4 %.

Artikolu 5

Il-bażi tal-kalkolazzjoni

Il-prezzijiet tal-bejgħ imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 huma netti mit-taxxa.

Artikolu 6

Il-persuni intitolati li jirċievu r-royalties

1. Ir-royalty imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun pagabbli lill-awtur tax-xogħol u, soġġett għall-Artikolu 8(2), wara l-mewt tiegħu lil dawk intitolati taħtu/taħtha.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu amministrazzjoni kollettiva obbligatorja jew mhux obbligatorja tar-royalty imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 7

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi intitolati li jirċievu r-royalties

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awturi li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, soġġetti għall-Artikolu 8(2), is-suċċessuri tagħhom fit-titolu għandhom igawdu mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid skond din id-Direttiva u l-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat biss jekk il-leġislazzjoni fil-pajjiż li tiegħu l-awtur innifsu jew is-suċċessur tiegħu/tagħha fit-titolu jkun ċittadin tippermetti l-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid f’dak il-pajjiż għall-awturi mill-Istati Membri u s-suċċessuri tagħhom fit-titolu.

2. Abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippubblika kemm jista’ jkun malajr lista indikattiva ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1. Din il-lista għandha tinżamm aġġornata.

3. Kull Stat Membru jista’ jittratta l-awturi li ma jkunux nazzjonali ta’ Stat Membru iżda li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom f’dak l-Istat Membru bl-istess mod tan-nazzjonali tiegħu stess għall-għan tal-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid.

Artikolu 8

It-termini tal-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid

1. It-termini ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandu jikkorrispondi għal dak stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/98/KEE.

2. Permezz ta’ deroga minn paragrafu 1, dawk l-Istati Membri li ma japplikawx id-dritt għal bejgħ mill-ġdid mad-(data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 13), ma jkunux meħtieġa, għal perjodu li jiskadi mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010, sabiex japplikaw id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ dawk intitolati taħt l-artist wara l-mewt tiegħu jew tagħha.

3. L-Istat Membru li għalih japplika l-paragrafu 2 jista’ jkollu sa sentejn aktar, jekk ikun hemm bżonn sabiex jippermetti lill-operaturi ekonomiċi f’dak l-Istat Membru jaddattaw gradwalment għas-sistema tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid filwaqt li jżommu l-vijabilità ekonomika tagħhom, qabel ma jkun meħtieġ li japplikaw id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ dawk intitolati taħt l-artist wara l-mewt tiegħu/tagħha. Għallinqas wara 12-il xahar qabel it-tmiem tal-perjodu imsemmi fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni filwaqt li jagħti r-raġunijiet tiegħu, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti opinjoni wara konsultazzjonijiet xierqa, fi żmien tliet xhur mir-riċeviment ta’ informazzjoni bħal din. Jekk l-Istat Membru ma jsegwix l-opinjoni tal-Kummissjoni, għandu fi żmien xahar, jinforma lill-Kummissjoni u jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. In-notifika u l-ġustifikazzjoni ta’ l-Istat Membru u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u jgħaddu lill-Parlament Ewropew.

4. Fil-każ ta’ konklużjoni b’suċċess, fil-perjodi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 8(2) u (3), ta’ negozjati internazzjonali li għandhom l-għan li jestendu d-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid fuq livell internazzjonali, il-Kummissjoni għandha ddaħħal proposti xierqa.

Artikolu 9

Id-dritt għall-ksib ta’ l-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li għal perjodu ta’ tliet snin wara l-bejgħ mill-ġdid, il-persuni intitolati taħt l-Artikolu 6 jistgħu jeħtieġu minn kwalunkwe professjonist tas-suq ta’ l-arti imsemmi fl-Artikolu 1(2) sabiex iforni kwalunkwe informazzjoni li tista’ tinħtieġ sabiex jassiguraw il-ħlas tar-royalties tal-bejgħ mill-ġdid.

KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Applikazzjoni fil-ħin

Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti kif definit fl-Artikolu 2 li, nhar l-1 ta’ Jannar 2006, ikunu għadhom protetti bil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur jew jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni taħt id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva f’dik id-data.

Artikolu 11

Klawsola ta’ reviżjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2009 u kull erba’ xhur minn hemm ’il quddiem, rapport dwar l-implimentazzjoni u l-effett ta’ din id-Direttiva, waqt li tagħti kas speċjali għall-kompetittività tas-suq ta’ l-arti moderna u kontemporanja fil-Komunità, speċjalment fir-rigward tal-posizzjoni tal-Komunità fir-rigward ta’ swieq relevanti li ma japplikawx id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid u l-inkoraġġiment tal-kreattività artistika u l-proċeduri amministrattivi fl-Istati Membri. Għandha teżamina b’mod partikolari l-impatt tagħha fuq is-suq intern u l-effett ta’ l-introduzzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid f’dawk l-Istati Membri li ma japplikawx id-dritt fil-liġi nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Fejn jixraq, il-Kummissjoni għandha ddaħħal il-proposti għall-addattament tal-limiti minimi u r-rati ta’ royalty sabiex tagħti kas tal-bidliet fis-settur, proposti li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ammont massimu stabbilit fl-Artikolu 4(1) u kull proposta oħra li tista’ tqis neċessarja sabiex ittejjeb l-effettività ta’ din id-Direttiva.

2. Kumitat ta’ Kuntatt huwa stabbilit b’dan. Għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ jew fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba tad-delegazzjoni ta’ Stat Membru.

3. Il-funzjoni tal-Kumitat għandha tkun kif ġej:

- li jorganizza konsultazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li jkunu ġejjin mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva,

- li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummisjoni u l-Istati Membri dwar żviluppi rilevanti fis-suq ta’ l-arti fil-Komunità.

Artikolu 12

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2006. Għandhom jinformaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bihom.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’riferenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir riferenza bħal din għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 14

Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Settembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

C. Picqué

[1] ĠU C 178, tal-21.6.1996, pġ. 16 u ĠU C 125, tat-23.4.1998, pġ. 8.

[2] ĠU C 75, ta’ l-10.3.1997, pġ. 17.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ April 1997 (ĠU C 132, tat-28.4.1997, pġ. 88), ikkonfermata nhar is-27 ta’ Ottubru 1999, il-PoSizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ġunju 2000 (ĠU C 300, ta’ l-20.10.2000, pġ. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 232, tas-17.8.2001, pġ. 173). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2001 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2001.

[4] ġ1993ħ ECR I-5145.

[5] ĠU L 145, tat-13.6.1977, pġ. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/85/KE (ĠU L 277, tat-28.10.1999, pġ. 34). ĠU L 145, tat-13.6.1977, pġ. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/85/KE (ĠU L 277, tat-28.10.1999, pġ. 34).

[6] ĠU L 290, ta’ l-24.11.1993, pġ. 9

--------------------------------------------------