32000L0065



Official Journal L 269 , 21/10/2000 P. 0044 - 0046


Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/65/KE

tas-17 ta' Ottubru 2000

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar kif tiġi stabbilita l-persuna soġġetta li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Ir-regoli preżenti stabbiliti bl-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq l-ammont tad-dħul minn negozju - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjudbażi uniformi ta' stima [4], rigward kif jiġi stabbilit li persuna hija soġġetta li tħallas it-taxxa, joħolqu problemi serji għan-negozji u, partikolarment, għan-negozji l-iktar żgħar.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar assistenza reċiproka għall-irkuprar ta' claims li jirriżultaw mix-xogħlijiet li jiffurmaw parti mis-sistema tal-finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija u tat-taxxi agrikoli u tad-dazji tad-dwana [5], id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta [6] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 218/92 tas-27 ta' Jannar 1992 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta (VAT) [7], jorganizzaw għajnuna reċiproka fost l-Istati Membri rigward it-twaqqif korrett tal-VAT u l-irkuprar tagħha.

(3) Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tieni fażi tal-proġett SLIM (leġislazzjoni iktar sempliċi għas-suq intern) jirrakkomanda studju dwar il-possibbilitajiet u t-toroq differenti li jirriformaw is-sistema tar-rappreżentazzjoni tat-taxxa preskritta fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 77/388/KEE.

(4) Il-bidla waħdiena li fil-fatt tista' tissimplifika sostanzjalment is-sistema komuni tal-VAT b'mod ġenerali u kif jiġi stabbit li persuna hi soġġetta li tħallas it-taxxa b'mod partikolari ma hix iktar dik li tippermetti lill-Istati Membri l-għażla li teħtieġ il-ħatra ta' rappreżentant tat-taxxa.

(5) Għalhekk, il-ħatra ta' rappreżentant ta' taxxa għandha fil-ġejjieni tkun biss dik ta' għażla għall-persuni taxxabbli mhux stabbiliti.

(6) Skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 77/388/KEE, l-Istati Membri jistgħu jimponu direttament fuq persuni taxxabbli mhux stabbiliti l-istess obbligi li japplikaw għall-persuni taxxabbli stabbiliti, inklużi dawk li jistgħu jiġu preskritti skond l-Artikolu 22 [8].

(7) Fejn il-persuni taxxabbli mhux stabbiliti jkunu ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi li magħhom ma jeżisti l-ebda strument li jorganizza l-għajnuna reċiproka bħal dik preskritta ġewwa l-Komunità, ikun possibbli għall-Istati Membri li jissoktaw jeħtieġu lil dawn il-persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jinnominaw rappreżentant tat-taxxa li jkun il-persuna soġġetta li tħallas it-taxxa minflokhom jew li jinnominaw aġent.

(8) L-Istati Membri jridu jissoktaw li jkunu għal kollox ħielsa li jinnominaw il-persuna soġġetti li tħallas it-taxxa fuq l-importazzjoni.

(9) L-Istati Membri jistgħu jissoktaw jipprovdu illi persuna oħra għajr dik soġġetta li tħallas it-taxxa għandha tinżamm responsabbli konġuntament u separatament biex tħallas it-taxxa.

(10) L-Artikolu 10 tad-Direttiva 77/388/KEE għandu wkoll jiġi ċċarat sabiex jipprevjeni ċerti każi ta' evażjoni tat-taxxa fil-każ ta' provvisti kontinwi.

(11) Id-Direttiva 77/388/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. Fl-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 10(2), wara t-tieni sentenza, tiddaħħal is-sentenza li ġejja: "L-Istati Membri jistgħu f'ċerti każi jipprovdu illi provvisti kontinwi ta' oġġetti u servizzi li jsiru fuq perjodu ta' żmien jiġu meqjusa bħala kompletati għall-inqas f'intervalli ta' sena."

2. Fl-Artikolu 28f (1) (li jemenda l-Artikolu 17(2), (3) u (4) ta' l-istess Direttiva), fl-Artikolu 17(4)(a), il-frażi "l-Artikolu 21(1)(a)" għandha tiġi mibdula bil-frażi "l-Artikolu 21(1)(a) u (ċ)".

3 Fil-ħames inċiż ta' l-Artikolu 28c(E) "Eżenzjonijiet Oħra" (3), il-frażi "it-tielet sottoparagrafu ta' l-Artikolu 21(1)(a)" għandha tiġi mibdula bil-frażi "l-Artikolu 21(1)(ċ)".

4. Fl-Artikolu 28g (li jieħu post l-Artikolu 21 ta' l-istess Direttiva), l-Artikolu 21 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 21

Persuni soġġetti li jħallsu t-taxxa

1. Skond is-sistema interna, dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti li jħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud:

(a) il-persuna taxxabbli li twettaq il-provvista taxxabbli ta' oġġetti jew servizzi, għajr fil-każi riferiti fil-(b) u fiċ-(ċ).Fejn il-provvista taxxabbli ta' l-oġġetti u s-servizzi tiġi effettwata minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom, jippreskrivu illi l-persuna soġġetta li tħallas it-taxxi hija l-persuna li għaliha tkun ġiet mwettqa l-provvista ta' l-oġġetti jew tas-servizzi;

(b) persuni taxxabbli li lilhom ikunu ġew forniti s-servizzi koperti bl-Artikolu 9(2)(e) jew il-persuni identifikati għall-għanijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud ġewwa t-territorju tal-pajjiż li lilhom jiġu forniti s-servizzi koperti bl-Artikolu 28b(Ċ), (D), (E) u (F), jekk is-servizzi jiġu mwettqa minn persuna taxxabbli mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż;

(ċ) il-persuna li lilha ssir il-provvista ta' l-oġġetti meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

- il-ħidma taxxabbli hija l-provvista ta' oġġetti magħmula skond il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 28c(E)(3),

- il-persuna li lilha ssir il-provvista ta' l-oġġetti hija persuna oħra taxxabbli jew persuna legali mhux taxxabbli identifikati għall-għanijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud ġewwa t-territorju tal-pajjiż,

- il-fattura maħruġa mill persuna taxxabbli mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż tikkonforma ma' l-Artikolu 22(3).

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu deroga minn dan l-obbligu, fejn il-persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż taħtar rappreżentant tat-taxxa f'dan il-pajjiż;

(d) kull persuna li tniżżel it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq fattura jew dokument ieħor li jservi bħala fattura;

(e) kull persuna li teffettwa akkwist ta' oġġetti taxxabbli intra-Komunitarju.

2. Bħala deroga mid-dispożizzjoni tal-paragrafu 1:

(a) fejn il-persuna soġġetta li tħallas it-taxxa b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 hija persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż, l-Istati Membri jistgħu jippermettulha li taħtar rappreżentant tat-taxxa bħala l-persuna soġġetta li tħallas it-taxxa. Din il-għażla għandha tkun bla ħsara għall-kondizzjonijiet u l-proċedura preskritti minn kull wieħed mill-Istati Membri;

(b) fejn in-negozju taxxabbli jiġi effettwat minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż u ma jeżisti l-ebda strument legali, mal-pajjiż li fih il-persuna taxxabbli hija stabbilita jew għandha s-sede tagħha, li għandha x'taqsam ma' l-għajnuna reċiproka simili fl-iskop bħal dik preskritta bid-Direttivi 76/308/KEE [9] u 77/799/KEE [10] u bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 218/92 tas-27 ta' Jannar 1992 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa indiretta (VAT) [11], l-Istati Membri jistgħu jieħdu passi biex jipprovdu li l-persuna soġġetta li tħallas it-taxxa li tkun ir-rappreżentant tat-taxxa maħtura mill-persuna taxxabbli mhix stabbilita.

3. Fis-sitwazzjonijiet riferiti fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi xi ħadd ieħor għajr il-persuna soġġetta li tħallas it-taxxa għandu jkun responsabbli konġuntament u separatament li jħallas it-taxxa.

4. Ma' l-importazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud għandha titħallas mill-persuna jew mill-persuni nominati jew aċċettati bħala responsabbli mill-Istat Membru li fih l-oġġetti jkun ġew importati."

5. Fl-Artikolu 28h (li jieħu post l-Artikolu 22 ta' l-istess Direttiva), l-Artikolu 22 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1(ċ), l-ewwel indent għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"— kull persuna taxxabbli, għajr dawk riferiti fl-Artikolu 28a(4), li teffettwa ġewwa t-territorju tal-pajjiż il-provvisti ta' oġġetti jew ta' servizzi li jagħtuha d-dritt għal tnaqqis, għajr il-provvisti ta' l-oġġetti jew tas-servizzi li fuqhom it-taxxa titħallas biss mill-klijent jew ir-riċevitur b'mod konformi ma' l-Artikolu 21(1)(a), (b) jew (ċ). Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jidentifikaw lil ċerti persuni taxxabbli riferiti fl-Artikolu 4(3);"

(b) Il-paragrafu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"7. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw illi dawk il-persuni li, b'mod konformi ma' l-Artikolu 21(1) u (2), jiġu kunsidrati li huma soġġetti li jħallsu t-taxxa minflok persuna taxxabbli mhux stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż li tikkonforma ma' l-obbligi li għandhom x'jaqsmu mad-dikjarazzjoni u mal-ħlas dikjarati f'dan l-Artikolu; għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw illi dawk il-persuni li, b'mod konformi ma' l-Artikolu 21(3), huma miżmuma konġuntament u separatament responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jikkonformaw ma' l-obbligi li għandhom x'jaqsmu mal-ħlas dikjarat f'dan l-Artikolu."

6. Matul din id-Direttiva kollha, minkejja l-punti 2, 3 u 5 ta' dan l-Artikolu, il-frażi "l-Artikolu 21(2)" għandha tinbidel bil-frażi "l-Artikolu 21(4)".

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2001. Għandhom fil-pront jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif jagħmlu din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva u tabella li tikkorelata d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Ottubru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Fabius

[1] ĠU C 409, tat-30.12.1998, p. 10.

[2] ĠU C 219, tat-30.7.1999, p. 91.

[3] ĠU C 116, tat-28.4.1999, p. 14.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/17/EC (ĠU L 84, tal-5.4.2000, p. 24).

[5] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[6] ĠU L 336, tas-27.12.1977, p. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[7] ĠU L 24, ta' l-1.2.1992, p. 1.

[8] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[9] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[10] ĠU L 336, tas-27.12.1977, p. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[11] ĠU L 24, ta' l-1.2.1992, p. 1.

--------------------------------------------------