32000L0017



Official Journal L 084 , 05/04/2000 P. 0024 - 0025


Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/17/ke

tat-30 ta' Marzu 2000

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud -disposizzjonijiet transitorji konċessi lir-Repubblika ta' l-Awstrija u lir-Repubblika Portugiża

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Komunità,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi:

(1) Il-punt 2(e) tal-Parti IX "Tassazzjoni" ta' l-Anness XV ma' l-Att ta' l-Għaqda tal-1994 awtorizza lir-Repubbika ta' l-Awstrija li tidderoga mill-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju, 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ - sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: il-bażi informi ta' stima [3], (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "s-Sitt Direttiva dwar il-VAT") u li tapplika rata mnaqqsa fuq il-kiri tal-proprjetà immobbli għall-użu residenzali sal-31 ta' Diċembru, 1998, biss sakemm ir-rata ma kinitx inqas minn 10 %.

(2) Skond l-Artikolu 13(B)(b) tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT, il-kiri tal-proprjetà immobbli għall-użu residenzali fl-Awstrija kien eżenti mill-VAT sa mill-1 ta' Jannar, 1999 mingħajr id-dritt li titnaqqas it-taxxa fuq id-dħul tal-flus ("input"). Madankollu, skond l-Artikolu 13(Ċ)(a) ta' dik id-Direttiva, l-Awstrija tista' tippermetti lil min iħallas it-taxxi d-dritt li jagħżel li jħallas it-taxxa. F'dak il-każ, japplikaw ir-rata normali tal-VAT u r-regoli normali għad-dritt tat-tnaqqis.

(3) Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkunsidra illi l-miżura għadha essenzali, bżonnjuża prinċipalment għaliex ir-reġim transitorju tal-VAT għadu fis-seħħ u s-sitwazzjoni attwalment ma tbiddlitx minn żmien in-negozjati dwar l-Att ta' l-Għaqda ta' l-1994.

(4) Ir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkunsidra wkoll illi t-tneħħija tar-rata mnaqqsa ta' l-10 % twassal inevitabilment għal żieda fil-prezz tal-kiri tal-proprjetà mmobbli għall-konsumatur ta' l-aħħar.

(5) Ir-Repubblika Portugiża applikat għal rata mnaqqsa ta' 8 % fuq is-servizzi tar-ristoranti mill-1 ta' Jannar, 1991. Skond l-Artikolu 28(2)(d) tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT, il-Portugall ingħata l-permess li jkompli japplika dik ir-rata. Madankollu, wara l-emenda komprensiva tar-rati u għar-raġunijiet politiċi u ta' kontroll ta' finanzi, is-servizzi tar-ristoranti ġew iffissati skond ir-rata normali mill-1992.

(6) Ir-Repubblika Portugiża tixtieq li terġa' tintroduċi r-rata mnaqqsa fuq dawn is-servizzi fuq il-bażi illi ż-żamma tar-rata normali kellha konsegwenzi żvantaġġużi, kontrarji partikolarment ta' telf ta' mpjiegi u żieda fil-qagħad mhux dikjarat, u li l-applikazzjoni tar-rata normali żiedet il-prezzijiet tas-servizzi tar-ristoranti għall-konsumatur ta' l-aħħar.

(7) Billi d-derogi in kwistjoni jirrigwardaw il-provvisti tas-servizzi ġewwa Stat Membru wieħed biss, ir-riskju ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni jista' jiġi kkunsidrat li ma jeżistix.

(8) F'dawn iċ-ċirkostanzi, ir-ritorn għas-sitwazzjoni ta' qabel jista' jiġi kkunsidrat kemm għar-Repubblika ta' l-Awstrija kif ukoll għar-Repubblika Portugiża, sakemm l-applikazzjoni tad-derogi tkun limitata għall-perjodu transitorju taż-żmien li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 281 tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, r-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura illi r-rata mnaqqsa ma jkollha l-ebda effetti żvantaġġużi fuq ir-riżorsi nfushom tal-Komunitajiet Ewropew li jidħlu mill-VAT, li l-bażi ta' stima tagħhom iridu jerġgħu jiġu kostitwiti skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 [4],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT:

"(j) ir-Repubblika ta' l-Awstrija tista' tapplika waħda miż-żewġ rati mnaqqsa stabbiliti fit-tielet sub-paragrafu ta' l-Artikolu 12(3)(a) għall-kiri ta' proprjetà immobbli għall-użu residenzali, sakemm din ir-rata ma tkunx inqas minn 10 %;

(k) ir-Repubblika Portugiża tista' tapplika waħda miż-żewġ rati mnaqqsa stabbiliti fit-tielet sub-paragrafu ta' l-Artikolu 12(3)(a) għas-servizzi tar-ristoranti, sakemm din ir-rata ma tkunx inqas minn 12 %."

Artikolu 2

1. L-Istati Membri li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom malajr jgħarrfu lil-Kummissjoni b'dawn.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-riferenza għandhom jiġu indikati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar, 1999 sa tmiem il-perjodu transitorju msemmi fl-Artikolu 281 tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-30 ta' Marzu, 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Sócrates

[1] L-opinjoni mogħtija fil-15 ta' Marzu, 2000 (għadha mhiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU C 75, tal-15.3.2000, pġ. 21.

[3] ĠU L 145, tat-13.6.1977, pġ. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/85/KE (ĠU L 277, tat-28.10.1999, pġ. 34).

[4] ĠU L 155, tas-7.6.1989, pġ. 9.

--------------------------------------------------