31999Y0317(01)



Official Journal C 073 , 17/03/1999 P. 0001 - 0004


Ftehim interistituzzjonali

tat-22 ta' Diċembru 1998

fuq linji gwida komuni għall-kwalità ta' l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità

(1999/K73/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw id-Dikjarazzjoni Nru 39 fuq il-kwalità ta' l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità adottata fit-2 ta' Ottubru 1997 mill-Konferenza Intergovernattiva u annessa ma' l-Att Finali tat-Trattat ta' l-Amsterdam,

Billi:

(1) l-abbozzar ċar, sempliċi u preċiż ta' atti leġiżlattivi tal-Komunità hu essenzali jekk għandhom ikunu trasparenti u mifhuma faċilment mill-pubbliku u operaturi ekonomiċi. Huwa wkoll rekwiżit minn qabel għall-implimentazzjoni xierqa u l-applikazzjoni uniformi ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità fl-Istati Membri;

(2) skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta' ċertezza legali, li hi parti mill-ordni legali tal-Komunità, jeħtieġ li leġiżlazzjoni tal-Komunità għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha prevedibbli minn individwi. Dik il-ħtieġa għandha tkun mħarsa kull ma jmur aktar strettament fil-każ ta' att suġġett li jkollu konsegwenzi finanzjarji u li jimponi obbligazzjonijiet fuq individwi sabiex dawk involuti jistgħu ikunu jafu preċiżament l-estent ta' l-obbligazzjonijiet li jimponi fuqhom;

(3) linji gwida fuq il-kwalità ta' l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità għandhom għalhekk jiġu adottati bi qbil komuni. Dawn il-linji gwida huma maħsubin bħala gwida għall-istituzzjonijiet tal-Komunità meta jadottaw atti leġiżlattivi, u għal dawk f'istituzzjonijiet tal-Komunità li huma involuti fil-formulazzjoni u l-abbozzar ta' dawn l-atti, kemm jekk fl-istadju tat-test inizjali jew dak ta' l-emendamenti varji magħmulin lilhu matul il-proċedura leġiżlattiva;

(4) dawn il-linji gwida għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri biex jassiguraw li huma applikati b'mod xieraq, b'kull istituzzjoni qed tadotta l-miżuri rilevanti għall-użu proprju;

(5) ir-rwol li jilgħabu s-servizzi legali ta' l-istituzzjonijiet, inkluż l-esperti legali/lingwistiċi tagħhom, fit-titjib tal-kwalità ta' l-abbozzar ta' atti leġiżlattivi tal-Komunità għandu jiġi msaħħaħ;

(6) dawn il-linji gwida jikkompletaw l-isforzi li qed jiġu magħmula mill-istituzzjonijiet biex jagħmlu l-leġiżlazzjoni tal-Komunità iżjed aċċessibbli u aktar faċli biex tinftiehem, partikolarment permezz tal-kodifikazzjoni uffiċjali ta' atti leġiżlattivi, il-kitba mill-ġdid u s-simplifikazzjoni ta' testijiet eżistenti;

(7) dawn il-linji gwida għandhom ikunu kkunsidrati bħala istrumenti għall-użu intern mill-istituzzjonijiet. Mhumiex legalment vinkolanti,

JADOTTAW DAWN IL-LINJI GWIDA BI QBIL KOMUNI:

Prinċipji ġenerali

1. L-atti leġiżlattivi tal-Komunità għandhom ikunu abbozzati b'mod ċar, sempliċi u preċiż.

2. L-abbozzar ta' atti Komunitarji għandu jkun xieraq għat-tip ta' att in kwistjoni u, partikolarment, għal jekk hu vinkolanti jew le (Regolament, Direttiva, Deċiżjoni, rakkomandazzjoni jew att ieħor).

3. L-abbozzar ta' atti għandu jieħu in konsiderazzjoni l-persuni lil liema huma maħsuba li japplikaw, bl-iskop li jagħmel possibbli għalihom li jiddentifikaw id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħhom b'mod mhux ambigwu, u tal-persuni responsabbli li jdaħħlu l-atti fis-seħħ.

4. Id-dispożizzjonijiet ta' atti għandhom ikunu konċiżi u l-kontenut tagħhom għandu jkun uniformi kemm jista' jkun. Artikoli u sentenzi li huma twal wisq, kliem li bla bżonn huwa diffiċli biex issegwih u l-użu eċċessiv ta' abbrevjazzjonijiet għandu jiġi evitat.

5. Matul il-proċess li jwassal għall-adozzjoni tagħhom, atti abbozzati għandhom jiġu magħmula f'termini u strutturi tas-sentenza li jirrispettaw in-natura multilingwali tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità; kunċetti jew terminoloġija speċifiċi għal kwalunkwe sistema legali nazzjonali waħda għandhom jiġu uzati bil-għaqal.

6. It-terminoloġija użata f'att partikolari għandha tkun konsistenti kemm internament kif ukoll ma' atti diġà fis-seħħ, speċjalment fl-istess qasam.

Kunċetti identiċi għandhom ikunu espressi fl-istess termini, sa fejn hu possibbli mingħajr tluq mit-tifsira tagħhom fil-lingwa ordinarja, legali jew teknika.

Partijiet differenti ta' l-att

7. Kull att Komunitarju ta' applikazzjoni ġenerali għandu jiġi abbozzat skond struttura standard (titolu - preambolu - termini li jippromulgaw - annessi, fejn meħtieġ).

8. It-titolu għandu jagħti indikazzjoni konċiża u kompleta kemm jista' jkun tas-suġġett li ma tkunx ta' miżgwid għall-qarrej fir-rigward tal-konetenut tat-termini li jippromulgaw. Fejn xieraq, it-titolu sħiħ ta' l-att jista' jiġi segwit minn titolu qasir.

9. L-iskop taċ-ċitazzjonijiet hi li jiġi stabbilit il-bażi legali.

10. L-iskop tal-premessi hu li jiġu stabbiliti raġunijiet konċiżi għad-dispożizzjonijiet prinċipali tat-termini li jippromulgaw, mingħajr ma jirriproduċihom jew jagħmilhom parafrażi. M'għandhomx ikunu jinsabu fihom dispożizzjonijiet normattivi jew eżortazzjonijiet politiċi.

11. Kull premessa għandha jkollha numru.

12. It-termini li jippromulgaw ta' att vinkolanti m'għandhomx jinkludu dispożizzjonijiet ta' natura mhux normattiva, bħal xewqat jew dikjarazzjonijiet politiċi, jew dawk li jirrepetu jew jagħmlu parafrażi ta' testijiet jew artikoli mit-Trattati jew dawk li jiddikjaraw mill-ġdid dispożizzjonijiet legali diġà fis-seħħ.

Atti m'għandhomx jinkludu dispożizzjonijiet li jenunzjaw il-kontenut ta' artikoli oħra jew li jirrepetu t-titolu ta' l-att.

13. Fejn xieraq, artikolu għandu jiġi inkluż fil-bidu tat-termini li jippromulgaw biex jiddefinixxi s-suġġett u l-iskop ta' l-att.

14. Fejn it-termini użati fl-att mhumiex ambigwi, għandhom jiġu definiti flimkien f'artikolu wieħed fil-bidu ta' l-att. Id-definizzjonijiet m'għandhomx ikunu jinsabu fihom dispożizzjonijiet normattivi awtonomi.

15. Sa fejn hu possibbli, it-termini li jippromulgaw għandhom ikollhom struttura standard (suġġett u skop - definizzjonijiet - drittijiet u obbligazzjonijiet - dispożizzjonijiet li jagħtu poteri għall-implimentazzjoni - dispożizzjonijiet proċedurali - miżuri ta' l-implimentazzjoni - dispożizzjonijiet transitorji u finali).

It-termini li jippromulgaw għandhom ikunu suddiviżi f'artikoli u, skond it-tul u l-komplessità tagħhom, titoli, kapitoli u taqsimiet. Meta artikolu tkun tinsab fih lista, kull ħaġa fuq il-lista għandha tiġi ddentifikata minn numru jew ittra aktar milli inċiż.

Referenzi interni u esterni

16. Referenzi għal atti oħra għandhom ikunu minimi. Referenzi għandhom jindikaw preċiżament l-att jew dispożizzjoni għal liema jirreferu. Referenzi ċirkolari (referenzi għal att jew artikolu li hu stess jirreferi lura għad-dispożizzjoni oriġinali) u referenzi li jiffurmaw serje (referenzi għal dispożizzjoni li hi stess tirreferi għal dispożizzjoni oħra) għandhom ukoll jiġu evitati.

17. Referenza magħmula fit-termini li jippromulgaw ta' att vinkolanti għal att mhux vinkolanti m'għandhiex ikollha l-effett li tagħmel dan ta' l-aħħar vinkolanti. Jekk dawk li jabbozzaw jixtiequ jagħmlu vinkolanti l-kontenut kollu jew parti minnu ta' l-att mhux vinkolanti, it-termini tiegħu għandhom sa fejn hu possibbli jkunu stabbiliti bħala parti mill-att vinkolanti.

Atti li jemendaw

18. Kull emenda ta' att għandu jiġi espress b'mod ċar. L-emendi għandhom jieħdu l-forma ta' test li għandu jiġi inserit fl-att li għandu jiġi emendat. Preferenza għandha tingħata lit-tibdil ta' dispożizzjonijiet sħaħ (artikoli jew subdiviżjonijiet ta' artikoli) aktar milli l-inserzjoni jew it-tħassir ta' sentenzi individwali, frażijiet jew kliem.

Att li jemenda m'għandhomx ikunu jinsabu fih dispożizzjonijiet sostantivi awtonomi li mhumiex inseriti fl-att li għandu jiġi emendat.

19. Att mhux prinċipalment maħsub biex jemenda att ieħor jista' jistabbilixxi, fit-tmiem, emendi ta' atti oħra li huma konsegwenza ta' bidliet li jintroduċi. Fejn l-emendamenti konsegwenzjali huma sostanzjali, att li jemeda separat għandu jiġi adottat.

Id-dispożizzjonijiet finali, revoki u annessi

20. Dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dati, limiti tal-ħin, eċċezzjonijiet, derogi u estenzjonijiet, dispożizzjonijiet tranżitorji (partikolarment dawk relatati ma' l-effetti ta' l-att fuq sitwazzjonijiet eżistenti) u dispożizzjonijiet finali (dħul fis-seħħ, terminu perentorju għat-traspożizzjoni u applikazzjoni temporali ta' l-att) għandhom jiġu magħmula f'termini preċiżi.

Dispożizzjonijiet fuq termini perentorji għat-traspożizzjoni u applikazzjoni ta' atti għandhom jispeċifikaw data espressa bħala ġurnata/xahar/sena. Fil-każ ta' Direttivi, dawk it-termini perentorji għandhom jiġu espressi f'mod li jkun iggarantit perjodu xieraq għat-traspożizzjoni.

21. Att u dispożizzjonijiet li m'għadhomx fl-użu għandhom ikunu espressament imħassrin. L-adozzjoni ta' att ġdid għandu jirriżulta fit-tħassir espress ta' kwalunkwe att jew dispożizzjoni magħmul mhux applikabbli jew żejjed bis-saħħa ta' l-att ġdid.

22. Aspetti tekniċi ta' l-att għandhom ikunu jinsabu fl-annessi, għal liema referenza individwali għandha tiġi magħmula fit-termini li jippromulgaw ta' l-att u li m'għandhom jinkludu l-ebda dritt jew obbligazzjoni ġdida mhux stabbilita fit-termini li jippromulgaw.

L-Annessi għandhom jiġu abbozzati skond format standardizzat,

HAWNHEKK JIFTEHMU FUQ IL-MIŻURI TA' IMPLIMENTAZZJONI LI ĠEJJIN:

L-istituzzjonijiet għandhom jieħdu dawk il-miżuri konnessi ma' l-organizzazzjoni interna tagħhom li jikkunsidraw meħtieġa sabiex jassiguraw li dawn il-linji gwida huma applikati f'mod xieraq.

Partikolarment, l-istituzzjonijiet:

(a) għandhom jitolbu mis-servizzi legali tagħhom biex jagħmlu, fi żmien sena wara l-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida, gwida konġunta prattika għal persuni involuti fl-abbozzar ta' leġiżlazzjoni;

(b) għandhom jorganiżżaw il-proċeduri interni tagħhom f'mod li s-servizzi legali tagħhom, inklużi l-esperti legali/lingwistiċi tagħhom, jistgħu, kull wieħed għall-istituzzjoni proprja, jagħmlu suġġerimenti għall-abbozzar fi żmien tajjeb, bl-iskop li jiġu applikati dawn il-linji gwida;

(ċ) għandhom jinkoraġġixxu l-krejazzjoni ta' unitajiet ta' l-abbozzar ġo dawk il-korpijiet jew dipartimenti ġo l-istituzzjonijiet li huma involuti fil-proċess leġiżlattiv;

(d) għandhom jassiguraw li l-uffiċjali u impjegati oħra tagħhom jirċievu taħriġ fl-abbozzar legali, li jagħtihom għarfien partikolarment ta' l-effetti tal-multilingwiżmu fuq il-kwalità ta' l-abbozzar;

(e) għandhom jippromovu l-kooperazzjoni ma' l-Istati Membri bl-iskop li jkun hemm fehma aħjar tal-kunsiderazzjonijiet partikolari li għandhom jiġu meħudin in konsiderazzjoni fl-abbozzar tat-testijiet;

(f) għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp u t-titjib tal-mezzi tat-teknoloġija ta' l-informatika għal assistenza ta' l-abbozzar legali;

(g) għandhom jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni bejn id-dipartimenti rispettivi tagħhom responsabbli li jassiguraw il-kwalità ta' l-abbozzar;

(h) għandhom jistruwixxu lis-servizzi legali rispettivi tagħhom biex jagħmlu perjodikament, kull wieħed għall-istituzzjoni għal liema jappartjeni, rapport fuq il-miżuri meħudin in konformità mall-punti (a) sa (g).

Magħmul fi Brussel, 22 Diċembru 1998.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

+++++ TIFF +++++

Għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea

+++++ TIFF +++++

Il-President

Għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

+++++ TIFF +++++

Il-President

--------------------------------------------------