31998L0071



Official Journal L 289 , 28/10/1998 P. 0028 - 0035


Id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-13 ta' Ottubru 1998

dwar il-protezzjoni legali ta' disinji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 189b tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fid-29 ta' Lulju, 1998,

(1) Billi l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti bit-Trattat, jinkludu l-istabbiliment tas-sisien ta' għaqda aktar mill-qrib fost l-popli ta' l-Ewropa, it-trawwim ta' relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-Istati tal-Komunità, u l-assigurazzjoni ta' progress ekonomiku u soċjali tal-pajiżi tal-Komunità b'azzjoni komuni biex jitneħħew il-barrieri li jifirdu l-Ewropa; billi għal dak il-fini it-Trattat jipprovdi għat-twaqqif ta' suq intern li hu karatterizzat bit-tneħħija tat-tfixkil għall-moviment ħieles ta' prodotti u wkoll bit-twaqqif ta' sistema li tassigura li ma titgħawwiġx il-kompetizzjoni fis-suq intern; billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni legali ta' disinji ġġib aktar ‘il quddiem dawk l-għanijiet;

(2) Billi d-differenzi fil-protezzjoni legali ta' disinji offruta fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri għandhom effett dirett fuq it-twaqqif u t-tmexxija tas-suq intern dwar prodotti li jkollhom disinji; billi dawk id-differenzi jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern;

(3) Billi hu għalhekk meħtieġ biex is-suq intern jitmexxa sewwa li jkunu approssimati l-liġijiet ta' protezzjoni ta' disinji fl-Istati Membri;

(4) Billi, meta jsir hekk, huwa mportanti li jitqiesu s-soluzzjonijiet u l-vantaġġi li s-sistema ta' disinji tal-Komunità tipprovdi lill-impriżi li jkunu jixtiequ li jkollhom drittijiet ta' disinn;

(5) Billi jeħtieġ li ssir approssimazzjoni sħieħa tal-liġijiet dwar disinji ta' l-Istati Membri, u jkun biżżejjed jekk l-approssimazzjoni tkun limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li l-aktar li għandhom effett dirett fuq it-tmexxija tas-suq intern; billi dispożizzjonijiet dwar pieni, rimedji u infurzar għandhom jitħallew taħt il-liġi nazzjonali; billi din l-approssimazzjoni limitata mhix biżżejjed biex l-għanijiet tagħha ikunu jistgħu jintlaħqu mill-Istati Membri meta dawn jaġixxu weħidhom;

(6) Billi Stati Membri għandhom għalhekk jibqgħu ħielsa li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet proċedurali dwar reġistrazzjoni, tiġdid u invalidazzjoni ta' drittijiet ta' disinn u dispożizzjonijiet dwar l-effetti ta' dik l-invalidità;

(7) Billi din id-Direttiva ma teskludix l-applikazzjoni għal disinji ta' liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità li jipprovdu protezzjoni minbarra dik mogħtija permezz ta' reġistrazzjoni jew pubblikazzjoni bħala disinn, bħalma huma l-liġijiet dwar drittijiet ta' disinji mhux reġistrati, trade marks, brevetti u mudelli ta' utilità, kompetizzjoni nġusta jew responsabbiltà ċivili;

(8) Billi, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni ta' liġi tad-dritt ta' l-awtur, huwa importanti li jkun stabbilit il-prinċipju tal-kumulu ta' protezzjoni taħt il-liġi ta' protezzjoni tad-disinn speċifikament reġistrat u taħt il-liġi tad-dritt ta' l-awtur, filwat li Stati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu sa fejn għandha tingħata l-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur u l-kondizzjonijiet li jirregolaw dik il-protezzjoni;

(9) Billi biex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq intern jeħtieġ li l-kondizzjonijiet għall-ksib ta' dritt ta' disinn reġistrat ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha; billi għal dak il-fini jeħtieġ li tingħata definizzjoni waħda tal-kunċett ta' disinn u tal-ħtiġijiet dwar in-novità u l-karattru individwali li magħhom drittijiet fuq disinji reġistrati għandhom ikunu konformi;

(10) Billi huwa essenzjali, biex ikun faċilitat il-moviment ħieles ta' prodotti, li jkun assigurat fil-prinċipju li drittijiet reġistrati ta' disinn jagħtu lit-titolari tad-dritt protezzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha;

(11) Billi l-protezzjoni tingħata permezz ta' reġistrazzjoni lit-titolari tad-dritt għal dawk il-karatteristiċi tad-disinn ta' prodott, kollu jew parti minnu, li jitniżżlu b'mod viżibbli f'applikazzjoni u jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz ta' pubblikazzjoni jew konsultazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti;

(12) Billi l-protezzjoni m'għandhiex tkun estiża għal dawk il-partijiet komponenti li ma jkunux jidhru matul l-użu normali ta' prodott, jew għal dawk il-karatteristiċi ta' dik il-parti li ma jkunux jidhru meta l-parti tkun immuntata, jew li weħidhom ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta' novità jew ta' karattru individwali; billi l-karattersitiċi ta' disinn li mhumiex protetti għal dawn ir-raġunijiet m'għandhomx jitqiesu biex ikun eżaminat jekk karatteristiċi oħrajn tad-disinn jissodisfawx il-ħtiġijiet ta' protezzjoni;

(13) Billi biex isir magħruf jekk disinn għandux karattru individwali jiddependi fuq jekk l-impressjoni ġenerali ta' min juża l-prodott b'mod infurmat u jeżaminah tkunx tassew differenti minn dik li jħallulu d-disinji kollha eżistenti, meħud kont tan-natura tal-prodott li għalih id-disinn japplika jew li fih ikun inkorporat, u partikolarment is-settur industrijali tiegħu u kemm kien liberu d-disinjatur meta żviluppa d-disinn;

(14) Billi l-innovazzjoni teknoloġika m'għandhiex tkun imxekkla bl-għoti ta' protezzjoni tad-disinn lil karatteristiċi li jkunu hemm biss minħabba funzjoni teknika; billi għandu jinftiehem li ma jfissirx li disinn għandu jkollu kwalità estetika; billi, bl-istess mod, l-interoperabilità ta' prodotti ta' għamla differenti m'għandhiex tkun imxekkla billi tiġi estiża l-protezzjoni għad-disinn ta' aċċessorji mekkaniċi; billi l-karatteristiċi ta' xi disinn li huma esklużi minn protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet m'għandhomx jitqiesu biex ikun eżaminat jekk karatteristiċi oħrajn tad-disinn jissodisfawx il-ħtiġijiet ta' protezzjoni;

(15) Billi l-aċċessorji mekkaniċi ta' prodotti modulari jistgħu madankollu jikkostitwixxu element importanti tal-karatteristiċi innovattivi ta' prodotti modulari u huma ta' ġid kbir għall-marketing u għalhekk għandhom ikunu eliġibbli għall-protezzjoni;

(16) Billi m'għandux ikun hemm dritt ta' disinn għal disinn li jmur kontra l-interess pubbliku jew il-prinċipji aċċettati ta' moralità; billi din id-Direttiva ma tikkostitwix armonizzazzjoni ta' kunċetti nazzjonali ta' interess pubbliku jew prinċipji aċċettati ta' moralità;

(17) Billi hu fundamentali biex is-suq intern jitmexxa sewwa li jkun unifikat il-perjodu ta' protezzjoni mogħti mid-drittijiet reġistrati ta' disinn;

(18) Billi d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni skond l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat;

(19) Billi l-adozzjoni ta' malajr ta' din id-Direttiva saret ħaġa urġenti għal għadd ta' setturi industrijali; billi l-approssimazzjoni fl-intier tagħha tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-użu ta' disinji protetti għall-fini li tkun permessa t-tiswija ta' prodott kumpless biex jerġa' jkollu d-dehra oriġinali tiegħu, fejn il-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li għalih ikun applikat id-disinn jikkostitwixxi komponent ta' prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett, ma tistax issir f'dan l-istadju; billi n-nuqqas ta' approssimazzjoni fl-intier tagħha tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-użu ta' disinni protetti għal dik it-tiswija ta' prodott kumpless m'għandux jikkostitwixxi ostakolu għall-approssimazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet l-oħra nazzjonali ta' liġijiet dwar disinn li l-aktar li għandhom effett dirett fuq it-tmexxija tas-suq intern; illi għal din ir-raġuni l-Istati Membri għandhom fil-frattemp iżommu fis-seħħ kull dispożizzjoni li tkun konformi ma dan it-Trattat dwar l-użu tad-disinn ta' parti komponenti użata għall-fini ta' tiswija ta' prodott kumpless biex jerġa' jkollu d-dehra oriġinali tiegħu, jew, jekk iġibu fis-seħħ dispożizzjonijiet ġodda dwar dak l-użu, l-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet għandu jkun biss li jilliberalizza s-suq għal dawk il-partijiet; billi dawk l-Istati Membri li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, ma jipprovdux għall-protezzjoni għal disinji ta' partijiet komponenti, ma jkunux meħtieġa li jdaħħlu r-reġistrazzjoni ta' disinji għal dawk il-partijiet; billi tlett snin wara d-data ta' implimentazzjoni l-Kummissjoni għandha tissottometti analiżi tal-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fuq l-industrija tal-Komunità, fuq il-konsumaturi, fuq il-kompetizzjoni u fuq it-tmexxija tas-suq intern; billi, dwar paritjiet komponenti ta' prodotti kumplessi, l-analiżi għandha, b'mod partikolari, tikkonsidra l-armonizzazzjoni a bażi ta' għażliet possibbli, magħduda sistema ta' ħlas u perjodu limitat ta' esklussività; billi, sa mhux aktar tard minn sena wara s-sottomissjoni ta' l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-partijiet l-aktar milquta, tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bidliet għal din id-Direttiva li jkunu meħtieġa biex ikun komplut is-suq intern għal partijiet komponenti ta' prodotti kumplessi, u bidliet oħra li hija tqis li jkunu meħtieġa;

(20) Billi d-dispożizzjoni transitorja fl-Artikolu 14 dwar id-disinn ta' parti komponenti użata għall-fini tat-tiswija ta' xi prodott kumpless biex jerġa' jkollu d-dehra oriġinali tiegħu m'għandha bl-ebda mod tfisser li tkun ta' ostakolu għall-moviment liberu ta' prodott li jikkostitwixxi dik il-parti komponenti;

(21) Billi għandu jkun hemm lista kompleta tar-raġunijiet sostantivi biex reġistrazzjoni tkn rifjutata f'dawk l-Istati Membri li jipprovdu għal eżami fil-mertu ta' l-applikazzjonijiet qabel ir-reġistrazzjoni, u tar-raġunijiet sostantivi biex drittijiet ta' disinn reġistrati jkunu dikjarati nulli fl-Istati Membri kollha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Direttiva:

(a) "disinn" tfisser id-dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi, b'mod partikolari, ta' linji, kontorni, kuluri, għamla, nisġa u/jew materjali tal-prodott innifsu u/jew it-tiżjin tiegħu;

(b) "prodott" tfisser kull oġġett industrijali jew artiġjanat, magħduda, fost l-oħrajn, partijiet maħsuba biex jifformaw prodott kumpless, ippakkjar, preżentazzjoni, simboli grafiċi u karattri tipografiċi, iżda mhux magħduda programmi għal kompjuter;

(ċ) "prodott kumpless" tfisser prodott li jkun magħmul minn diversi komponenti li jkunu jistgħu jinbidlu jekk il-prodott ikun jista' jiżżarma u jintrama mill-ġdid.

Artikolu 2

Qasam ta' l-applikazzjoni

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a) drittijiet ta' disinn reġistrati ma' l-uffiċċji ċentrali ta' proprjetà industrijali ta' l-Istati Membri;

(b) drittijiet ta' disinn reġistrati fl-Uffiċċju tad-Disinn tal-Benelux;

(ċ) drittijiet ta' disinn reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li jkollhom effett fi Stat Membru;

(d) applikazzjonijiet għal drittijiet ta' disinn imsemmija f' (a), (b) u (ċ).

2. Għall-fini ta' din id-Direttiva, reġistrazzjoni ta' disinn għandha tkopri wkoll il-pubblikazzjoni wara l-preżentata tad-disinn fl-uffiċċju tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru li fih dik il-pubblikazzjoni jkollha l-effett li ddaħħal dritt fuq disinn fis-seħħ.

Artikolu 3

Ħtiġijiet għall-protezzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jipproteġu disinji permezz ta' reġistrazzjoni, u għandhom jagħtu drittijiet esklussivi lit-titolari tagħhom skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2. Disinn għandu jkun protett minn dritt ta' disinn jekk dan ikun ġdid u jkolli karattru individwali.

3. Disinn applikat lil jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta' prodott kumpless għandu jitqies biss li hu ġdid u li għandu karattru individwali:

(a) jekk il-parti komponenti, ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa' tidher matul l-użu normali ta' dan ta' l-aħħar, u

(b) sakemm dawk il-karatteristiċi li jkunu jidhru tal-parti komponenti jissodisfaw fihom infushom il-ħtiġijiet dwar novità u karattru individwali.

4. "Użu normali" skond it-tifsira tal-paragrafu (3)(a) tfisser użu min minn jagħmel użu finali, mhux magħdudin il-manutenzjoni, servis jew tiswija.

Artikolu 4

Novità

Disinn għandu jitqies li hu ġdid jekk ma jkunx hemm disinn identiku pubbliku qabel id-data tal-preżentata ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk tkun intalbet priorità, id-data tal-prijorità.

Disinji għandhom jitqiesu li huma identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f'dettalji irrilevanti.

Artikolu 5

Karattru individwali

1. Disinn jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali ta' min juża l-prodott b'mod infurmat tkun differenti minn dik li jħalli fuq min juża disinn ieħor pubbliku qabel id-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk tkun intalbet priorità, id-data tal-prijorità.

2. Fl-eżami tal-karattru individwali, għandu jitqies kemm kien liberu d-disinjatur meta żviluppa d-disinn.

Artikolu 6

Svelar

1. Għall-fini ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 5, disinn jitqies li jkun tqiegħed għall-pubbliku jekk huwa jkun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew mod ieħor, jew esibit, użat fil-kummerċ jew svelat mod ieħor, minbarra meta dawn is-sitwazzjonijiet ma setgħux ikunu raġjonevolment magħrufa fil-kors normali tan-negozju fl-oqsma speċjalizzati fis-settur in kwistjoni, li joperaw fil-Komunità, qabel id-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk tkun intalbet prijorità, id-data tal-prijorità.

Id-disinn, iżda, m'għandux jitqies li jkun tqiegħed għall-pubbliku għar-raġuni biss li dan ikun ġie svelat lil terza persuna taħt kundizzjonijiet espliċiti jew impliċiti ta' konfidenzjalità.

2. L-isvelar m'għandux jitqies għall-fini ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 5 jekk disinn li għalih tintalab protezzjoni taħt dritt reġistrat ta' disinn ta' Stat Membru jkun tqiegħed għall-pubbliku:

(a) mid-disinjatur, is-suċċessur tiegħu fit-titolu, jew terza persuna bħala riżultat ta' informazzjoni mogħtija jew azzjoni meħuda mid-disinjatur, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu; u

(b) matul il-perjodu ta' tnax-il xahar qabel id-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni jew, jekk tkun intalbet prijorità, id-data tal-prijorità.

3. Il-Paragrafu 2 japplika wkoll jekk id-disinn ikun tqiegħed għall-pubbliku bħala konsegwenza ta' xi abbuż kontra d-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu.

Artikolu 7

Disinji meħtieġa minħabba l-funzjoni teknika tagħhom u disinji ta' interkonnessjonijiet

1. Ma jkunux hemm dritt ta' disinn għall-karatteristiċi tad-dehra ta' prodott li jkunu meħtieġa biss minħabba l-funzjoni teknika tiegħu.

2. Ma jkunx hemm dritt ta' disinn għall-karatteristiċi tad-dehra ta' prodott li jkollhom bilfors ikunu riprodotti fil-forma u fil-qisien eżatti tagħhom biex il-prodott, li fih id-disinn ikun inkorporat jew li għalih ikun applikat, ikun jista' jitqabbad mekkanikament ma' jew jitqiegħed fi, madwar jew kontra prodott ieħor b'mod li ż-żewġ prodotti jkunu jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom.

3. Minkejja l-paragrafu 2, għandu jkun hemm dritt ta' disinn, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, f'disinn li l-iskop tiegħu hu li prodotti li jisgħu jibdlu lil xulxin f'sistema modulari jitħallew jitqiegħdu f'assemblea jew f'konnessjoni multipla.

Artikolu 8

Disinji kontra l-interess pubbliku jew il-morali

M'għandux ikun hemm dritt ta' disinn f'disinn li jkun kontra l-interess pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità.

Artikolu 9

Għan tal-protezzjoni

1. L-għan tal-protezzjoni mogħtija minn dritt ta' disinn għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq min jużah b'mod infurmat.

2. Meta jitqies l-għan tal-protezzjoni għandu jittieħed kont ta' kemm kien liberu d-disinjatur meta żviluppa d-disinn.

Artikolu 10

Perjodu ta' protezzjoni

Mar-reġistrazzjoni, disinn li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Artikolu 3(2) għandu jkun protett minn dritt ta' disinn għal perjodu wieħed jew aktar ta' ħames snin mid-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni.

It-titolari tad-dritt jista jkollu l-perjodu ta' protezzjoni mġedded għal perjodu wieħed jew aktar ta' ħames snin kull wieħed, għal perjodu totali ta' ħamsa u għoxrin sena mid-data tal-preżentata.

Artikolu 11

Invalidità jew rifjut ta' reġistrazzjoni

1. Ir-reġistrazzjoni ta' disinn għandha tkun rifjutata, jew, jekk id-disinn ikun ġie reġistrat, id-dritt tad-disinn għandu jkun dikjarat invalidu:

(a) jekk id-disinn ma jkunx disinn skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(a); jew

(b) jekk huwa ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta' l-Artikoli 3 sa 8; jew

(ċ) jekk min japplika għal jew it-titolari tad-dritt tad-disinn ma jkunx intitolat għalih skond il-liġi ta' l-Istat Membru in kwistjoni; jew

(d) jekk id-disinn ikun f'konflitt ma' disinn qablu li jkun tqiegħed għall-pubbliku wara d-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni jew, jekk tkun intalbet prijorità, id-data tal-prijorità, u li jkun protett minn data qabel l-imsemmija data minn disinn reġistrat tal-Kumunità jew minn applikazzjoni għal disinn reġistrat tal-Komunità jew minn dritt ta' disinn ta' l-Istat Membru in kwistjoni, jew minn applikazzjoni għal dak id-dritt.

2. Kull Stat Membru jista jipprovdi li reġistrazzjoni ta' disinn għandha tkun rifjutata, jew, jekk id-disinn ikun ġie reġistrat, li d-dritt ta' disinn għandu jkun dikjarat invalidu:

(a) jekk sinjal distintiv ikun użat wara f'disinn ieħor, u l-liġi tal-Komunità jew il-liġi tal-Istat Membru in kwistjoni li tirregola dak is-sinjal tagħti lit-titolari tad-dritt tas-sinjal id-dritt li ma jħallix li jsir dak l-użu; jew

(b) jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta' xogħol protett taħt il-liġi tad-dritt ta' l-awtur ta' l-Istat Membru konċernat; jew

(ċ) jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta' xi wieħed mill-oġġetti elenkati fl-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar il-Protezzjoni ta' Proprjetà Industrijali, jew ta' simboli, emblemi u stemmi minbarra dawk li jinsabu fl-Artikolu 6b ta' l-imsemmija Konvenzjoni li jkunu ta' interess pubbliku partikulari fl-Istat Membru konċernat.

3. Ir-raġuni mogħtija fil-paragrafu 1(ċ) tista tkun invokata biss mill-persuna li tkun intitolata għad-dritt ta' disinn skond il-liġi tal-Istat Membru konċernat.

4. Ir-raġunijiet msemmija fil-paragrafu 1(d) u fil-paragrafu 2(a) u (b) jistgħu jkunu nvokati biss mill-applikant għat-titulari jew mit-titolari tad-dritt f'konflitt.

5. Ir-raġuni msemmija fil-paragrafu 2(ċ) tista tkun invokata biss mill-persuna jew entità interessata fl-użu.

6. Il-paragrafi 4 u 5 huma mingħajr preġudizzju għal Stati Membri li jkunu liberi li jipprovdu li r-raġunijiet imsemmija fil-paragrafi 1(d) u 2(ċ) ikunu jistgħu jiġu nvokati wkoll mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru in kwistjoni fuq inizjattiva tagħha.

7. Meta reġistrazzjoni ta' disinn tkun rifjutata jew dritt ta' disinn ikun ġie dikjarat invalidu skond il-paragrafu 1(b) jew il-paragrafu 2, id-disinn jista' jkun reġistrat jew id-dritt ta' disinn jista jinżamm f'forma emendata, jekk f'dik il-forma huwa jissodisfa l-ħtiġijiet ta' protezzjoni u jżomm l-identità tad-disinn. Reġistrazzjoni jew manutenzjoni f'forma emendata tista' tinkludi reġistrazzjoni, flimkien ma' rinunzja parzjali mit-titolari tad-dritt ta' disinn, jew dħul fir-reġistru tad-disinji ta' deċiżjoni ta' qorti li tiddikjara l-invalidità parzjali tad-dritt tad-disinn.

8. Kull Stat Membru jista jipprovdi li, b'deroga mill-paragrafi 1 sa 7, ir-raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni jew għal invalidità li jkunu fis-seħħ f'dak l-Istat qabel id-data li fiha d-dispożizzjonijiet ta' konformità meħtieġa għal din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ, għandhom iservu għal applikazzjonijiet għal disinji li jkunu saru qabel dik id-data u għal reġistrazzjonijiet li jirriżultaw.

9. Dritt ta' disinn jista jkun dikjarat invalidu wkoll wara skadenza jew rinunzja.

Artikolu 12

Drittijiet mogħtija mid-dritt ta' disinn

1. Ir-reġistrazzjoni ta' disinn għandha tagħti lit-titolari tiegħu id-dritt esklussiv li jużah u li ma jħallix terza persuna li tużah mingħajr il-kunsens tiegħu. L-użu hawn fuq imsemmi għandu jkopri, partikolarment, il-manifattura, offerta, tqegħid fis-suq, importazzjoni, esportazzjoni jew l-użu ta' prodott li fih id-disinn ikun inkorporat jew li għalih ikun applikat, jew il-ħażna ta' dak il-prodott għal dawk ir-raġunijiet.

2. Meta, skond il-liġi ta' Stat Membru, l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ma setgħux jinżammu milli jseħħu qabel id-data li fiha d-dispożizzjonijiet ta' konformità meħtieġa għal din id-Direttiva jkunu daħlu fis-seħħ, id-drittijiet mogħtija mid-dritt ta' disinn jistgħu ma jkunux invokati biex ma jitħallewx jissoktaw dawk l-atti minn kull persuna li tkun bdiet dawk l-atti qabel dik id-data.

Artikolu 13

Limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt ta' disinn

1. Id-drittijiet mogħtija minn dritt ta' disinn mar-reġistrazzjoni m'għandhomx ikunu eżerċitati għal:

(a) atti magħmula privatament u għal finijiet mhux kummerċjali;

(b) atti magħmula għal finijiet sperimentali;

(ċ) atti ta' riproduzzjoni biex ikunu kkwotati jew għat-tagħlim, iżda li dawk l-atti jkunu skond il-prattika ta' kummerċ ġust u ma jkunux ta' preġudizzju bla bżonn għall-użu normali tad-disinn, u li l-oriġini tagħhom ikun indikat.

2. B'żjieda ma dan, id-drittijiet mogħtija minn dritt ta' disinn mar-reġistrazzjoni m'għandhomx ikunu eżerċitati:

(a) għal tagħmir fuq vapuri u ajruplani reġistrati f'pajjiż ieħor meta dawn jidħlu għal xi żmien fit-territorju tal-Istat Membru konċernat;

(b) għall-importazzjoni fl-Istat Membru konċernat ta' partijiet li jinbidlu ma oħrajn u aċċessorji għall-fini ta' tiswija ta' dak il-mezz ta' trasport;

(ċ) biex isiru tiswijiet fuq dak il-mezz ta' trasport.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet transitorji

Sakemm ikunu adottati emendi għal din id-Direttiva fuq proposta mill-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18, Stati Membri għandhom iżommu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet legali eżistenti tagħhom dwar l-użu tad-dsinn ta' parti komponenti użata għall-fini tat-tiswija ta' prodott kumpless biex jinġieb fid-dehra oriġinali tiegħu, u għandhom jintroduċu bidliet għal dawk id-dispożizzjonijiet biss jekk l-iskop ikun li jiġi liberalizzat is-suq għal dawk il-partijiet.

Artikolu 15

Esawriment ta' drittijiet

Id-drittijiet mogħtija minn dritt ta' disinn mar-reġistrazzjoni m'għandhomx japplikaw għal atti dwar prodott li fih ikollu inkorporat disinn fost dawk protetti mid-dritt ta' disinn jew li għalih ikun applikat, meta l-prodott ikun tqiegħed fis-suq fil-Komunità mit-titolari tad-dritt ta' disinn jew bil-kunsens tiegħu.

Artikolu 16

Relazzjoni ma' forom oħra ta' protezzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità ta' l-Istat Membru konċernat dwar id-drittijiet ta' disinn mhux reġistrati, trade marks jew sinjali distintivi oħra, brevetti u mudelli ta' utilità, karattri tipografiċi, responsabbiltà ċivili u kompetizzjoni nġusta.

Artikolu 17

Relazzjoni mad-dritt ta' l-awtur

Disinn protett minn dritt ta' disinn reġistrat fi jew għal Stat Membru skond din id-Direttiva għandu jkun eliġibbli wkoll għal protezzjoni taħt il-liġi tad-dritt ta' l-awtur ta' dak l-Istat sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew stabbilit f'kull forma. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni, magħdud il-grad ta' oriġinalità meħtieġ.

Artikolu 18

Reviżjoni

Tlett snin wara d-data ta' l-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 19, il-Kummissjoni għandha tibgħat analiżi tal-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fuq l-industrija tal-Komunità, partikolarment fis-setturi industrijali li jkunu l-aktar milquta, l-aktar dawk li jagħmlu prodotti kumplessi u partijiet komponenti, għall-konsumaturi, għall-kompetizzjoni u għat-tmexxija tas-suq intern. Sa mhux aktar tard minn sena l-Kummissjoni għandha tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bidliet għal din id-Direttiva li jkunu meħtieġa biex ikun komplut is-suq intern għal partijiet komponenti ta' prodotti kumplessi, u bidliet oħra li hija tqis li jkunu meħtieġa fid-dawl tal-konsultazzjonijiet tagħha mal-partijiet l-aktar milquta.

Artikolu 19

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-28 ta' Ottubru 2001.

Meta Stati Membri jadottawhom, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, it-13 ta' Ottubru, 1998.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-Robles

Għall-Kunsill

Il-President

C. Einem

[1] ĠU C 345, tat-23.12.1993, p. 14 u ĠU C 142, ta' l-14.5.1996, p. 7.

[2] ĠU C 388, tal-31.12.1994, p. 9 u ĠU C 110, tat-2.5.1995, p. 12.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru, 1995 (ĠU C 287, tat-30.10.1995, p. 157), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju, 1997 (ĠU C 237, ta' l-4.8.1997, p. 1), Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru, 1997 (ĠU C 339, ta' l-10.11.1997, p. 52).

--------------------------------------------------