31985L0611



Official Journal L 375 , 31/12/1985 P. 0003 - 0018
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0116
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 3 P. 0038
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0116
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 3 P. 0038


Id-Direttiva Tal-Kunsill

ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985

dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)

(85/611/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 57(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ impriżi ta’ investiment ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat għall-ieħor, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-obbligi u l-kontrolli li huma imposti fuq dawk l-impriżi; billi dawk id-differenzi jwasslu għal distorsjoni tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi u ma jassigurawx protezzjoni ekwivalenti għal titolari ta’ unitajiet;

Billi l-liġijiet nazzjonali li jirregolaw impriżi ta’ investiment kollettiv għandhom ikunu kkoordinati bl-iskop ta’ l-approssimazzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi fil-livell tal-Komunità, waqt li fl-istess ħin jassiguraw protezzjoni aktar effettiva u aktar uniformi għal titolari ta’ unitajiet; billi din il-koordinazzjoni tagħmilha aktar faċli għal impriża ta’ investiment kollettiv li tinstab fi Stat Membru wieħed li ddaħħal l-unitajiet tagħha fis-suq ta’ Stati Membri oħrajn;

Billi jekk jiġu ssodisfati dawn l-objettivi tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ l-unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fil-Komunità, u din il-koordinazzjoni tgħin biex ikun realizzat suq kapitali Ewropew;

Billi, waqt li jiġu kkunsidrati dawn l-objettivi, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jinstabu fl-Istati Membri u l-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw;

Billi l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli komuni hija garanzija suffiċjenti biex impriżi ta’ investiment kollettiv li jinstabu fi Stati Membri, jiġu permessi soġġett għad-dispożizzjonijiet applikabbli li għandhom x’jaqsmu ma’ movimenti fil-kapital, li jdaħħlu fis-suq l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma dawk l-Istati Membri l-oħrajn ma jkunu jistgħu jissuġġettaw lil dawk l-impriżi jew l-unitajiet tagħhom għal kull dispożizzjoni barra minn dispożizzjonijiet li, f’dawk l-Istati, ma jidħlux fil-qasam kopert minn din id-Direttiva; billi, madanakollu, jekk impriża ta’ investiment kollettiv li tinstab fi Stat Membru wieħed iddaħħal fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru differenti għandha tieħu l-passi kollha neċessarja biex tassigura li titolari ta’ l-unitajiet f’dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet finanzjari tagħhom hemmhekk bil-faċilità u huma pprovduti bl-informazzjoni neċessarja,

Billi l-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandha tkun limitata inizjalment għal impriżi ta’ investiment kollettiv barra minn dawk tat-tip "magħluqa" li jippromwovu l-bejgħ ta’ l-unitajiet tagħhom lill-pubbliku fil-Komunità u li l-uniku l-objettiv tagħhom hu l-investiment f’titoli trasferibbli (li huma essenzjalment titoli trasferibbli uffiċjalment elenkati fil-boroż jew swieq simili rregolati); billi r-regolament ta’ l-impriżi ta’ investiment kollettiv li mhumiex koperti b’din id-Direttiva joħloq varjetà ta’ problemi li għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, u dawn l-impriżi ikunu għalhekk is-suġġett ta’ koordinazzjoni aktar tard; billi fl-istennija ta’ din il-koordinazzjoni kull Stat Membru jista’, inter alia, jistabbilixxi dawk il-kategoriji ta’ impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva minħabba l-investiment u l-poloz ta’ self tagħhom u jistabbilixxi dawk ir-regoli speċifiċi li huma soġġetti għalihom dawn l-UCITS fit-twettiq tan-negozju tagħhom fit-territorju tiegħu;

Billi l-marketing liberu ta’ l-unitajiet maħruġa minn UCITS awtorizzati li jinvestu sa 100 % ta’ l-assi tagħhom f’titoli trasferibbli maħruġa mill-istess korp (Stat, awtorità lokali, eċċ.) ma jistax ikollu l-effett dirett jew indirett li jiddisturba l-funzjoni tas-suq kapitali jew tal-finanjzament ta’ l-Istati Membri jew tal-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi simili għal dawk li l-Artikolu 68(3) tat-Trattat ifittex li jipprevjeni;

Billi għandu jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet speċjali tas-swieq finanzjarji tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Portugiża, billi dawk il-pajjiżi jitħallew perijodu addizjonali biex fih jimplementaw din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

Id-dispożizzjonijiet ġenerali u l-qasam ta’ l-applikazzjoni

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (hawnhekk iżjed ’il quddiem magħrufa bħala UCITS) li jinstabu fit-territorju tagħhom.

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, u soġġett għall-Artikolu 2, UCITS għandhom ikunu impriżi:

- li l-iskop uniku tagħhom huwa l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta’ kapital realizzat mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju,

u

- li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi assigurat li l-valur tal-borża ta’ l-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom ta’ l-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew il-fidwa.

3. Dawn l-impriżi jistgħu jiġu kkostitwiti skond il-liġi, jew taħt it-liġi ta’ kuntratt (bħala fondi komuni amministrati minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni) jew il-liġi dwar it-"trusts" (bħala unitajiet ta’ trust) jew taħt statut (bħala kumpanniji ta’ investiment).

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva "fondi komuni" għandhom ukoll jinkludu unitajiet ta’ trust.

4. Kumpanniji ta’ investiment li l-assi tagħhom huma investiti permezz ta’ l-intermedjarju ta’ kumpanniji sussidjarji prinċipalment ta’ xort’ oħra milli f’titoli trasferibbli m’għandhomx, madanakollu, ikunu suġġetti għal din id-Direttiva.

5. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu UCITS li huma soġġetti għal din id-Direttiva milli jittrasformaw irwieħhom f’impriżi ta’ investiment kollettiv li mhumiex koperti b’din id-Direttiva.

6. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-movimenti tal-kapital u għall-Artikoli 44, 45 u 52(2), l-ebda Stat Membru ma jista’ japplika xi dispożizzjonijiet oħrajn huma x’inhuma, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva għal UCITS li jinstabu fi Stat Membru ieħor jew għall-unitajiet maħruġa minn dawn l-UCITS, meta jdaħħlu fis-suq l-unitajiet tagħhom fit-territorju tiegħu.

7. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, Stat Membru jista’ japplika għal UCITS li jinstabu fit-territorju tiegħu, ħtiġiet li huma aktar stretti minn, jew addizzjonali għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 et seq. ta’ din id-Direttiva, sakemm dawn ikunu ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jkunux f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

1. Dawn li li ġejjin m’għandhomx ikunu UCITS soġġetti għal din id-Direttiva:

- UCITS tat-tip "magħluqa";

- UCITS li jirrealizzaw il-kapital mingħajr ma jippromwovu l-bejgħ ta’ l-unitajiet tagħhom lill-pubbliku fil-Komunità jew f’xi parti minnha;

- UCITS li l-unitajiet tagħhom, skond ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ investiment, jistgħu jinbiegħu biss lill-pubbliku f’pajjiżi mhux membri;

- kategoriji ta’ UCITS preskritti mir-regolamenti ta’ l-Istati Membri li fihom dawn l-UCITS ikunu jinstabu, li għalihom ir-regoli stabbiliti fit-Taqsima V u l-Artikolu 36 huma inapproprjati invista ta’ l-investiment u l-poloz ta’ self tagħhom.

2. Ħames snin wara l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 u, b’mod partikolari, tar-raba’ inċiż tiegħu. Jekk neċessarju, għandha tipproponi miżuri xierqa biex jiġi estiż l-iskop.

L-Artikolu 3

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, UCITS għandha titqies li tinstab fl-Istat Membru li fih il-kumpannija ta’ investiment jew il-kumpannija ta’ amministrazzjoni ta’ l-unità ta’ trust ikollha l-uffiċju rreġistrat tagħha; l-Istat Membru għandu jeħtieġ li l-uffiċju ewlieni jkun jinstab fl-istess Stat Membru bħall-uffiċċju rreġistrat.

IT-TAQSIMA II

L-Awtorizzazzjoni ta’ UCITS

L-Artikolu 4

1. L-ebda UCITS m’għandha twettaq attivitajiet sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li tkun tinstab fih, hawnhekk iżjed ’il quddiem magħrufa bħala l-"awtoritajiet kompetenti".

Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri kollha.

2. Unità ta’ trust għandha tkun awtorizzata biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu approvaw il-kumpannija ta’ amministrazzjoni, ir-regoli dwar il-fondi u l-għażla ta’ depositarju. Kumpannija ta’ investiment għandha tkun awtorizzata biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu approvaw kemm l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha u kemm l-għażla ta’ depositarju.

3. L-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw UCITS jekk id-diretturi tal-kumpannija ta’ amministrazzjoni, tal-kumpannija ta’ investiment jew tad-depositarju ma jkunux ta’ reputazzjonitajba biżżejjed jew ma jkollhomx l-esperjenza meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom. Għal dak l-iskop, l-ismijiet tad-diretturi tal-kumpannija ta’ amministrazzjoni, tal-kumpannija ta’ l-investiment u tad-depositarji u ta’ kull persuna li tilħaq minflokhom fil-kariga għandhom ikunu ikkomunikati minnufih lill-awtoritajiet kompetenti.

"Diretturi" għandha tfisser dawk il-persuni li, skond il-liġi jew l-istrumenti ta’ l-inkorporazzjoni, jirrappreżentaw lill-kumpannija ta’ l-amministrazzjoni, lill-kumpannija ta’ investiment jew lid-depositarju, jew li effettivament jiddeterminaw il-politika tal-kumpannija ta’ amministrazzjoni, il-kumpannija ta’ investiment jew id-depositarju.

4. La l-kumpannija ta’ amministrazzjoni u lanqas id-depositarju ma jistgħu jiġu ssostitwiti, u lanqas ma jistgħu r-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ investiment jiġu emendati, mingħajr l-approvazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

IT-TAQSIMA III

Obbligi li jirrigwardaw l-istruttura ta’ unitajiet ta’ trust’

L-Artikolu 5

Kumpannija ta’ amministrazzjoni għandu jkollha riżorsi finanzjarji suffiċjenti għad-dispożizzjoni tagħha biex jgħinuha tikkonduċi n-negozju tagħha effettivament u tissodisfa l-impennji tagħha.

L-Artikolu 6

L-ebda kumpanija ta’ amministrazzjoni ma tista’ tingaġġa f’attvitajiet oħrajn barra mill-amministrazzjoni ta’ unitajiet ta’ trust u ta’ kumpanniji ta’ investiment.

L-Artikolu 7

1. L-assi ta’ unità ta’ trust għandhom ikunu fdati lil depositarju biex jinżammu fis-sigurtà.

2. Ir-responsabbiltà ta’ depositarju kif imsemmija fl-Artikolu 9 m’għandhiex tiġi effettwata bil-fatt li tkun fdat lil parti terza l-assi kollha jew parti minnhom biex jinżammu fis-sigurtà.

3. Depositarju għandu, barraminnhekk:

(a) jassigura li l-bejgħ, il-ħruġ, ix-xiri mill-ġdid, l-għoti lura u l-kanċellazzjoni ta’ unitajiet effetwati f’isem unità ta’ trust jew minn kumpannija ta’ amministrazzjoni jitwettqu skond il-liġi u r-regoli tal-fond;

(b) jassigura li l-valur ta’ l-unitajiet ikun ikkalkolat skond il-liġi u r-regoli tal-fond;

(ċ) iwettaq l-istruzzjonijiet tal-kumpanija ta’ amministrazzjoni, sakemm dawn ma jkunux f’kunflitt mal-liġi jew mar-regoli tal-fond;

(d) jassigura li f’operazzjonijiet li jinvolvu l-assi ta’ unità ta’ trust kull konsiderazzjoni tkun mibgħuta lilu fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

(e) jassigura li l-introjtu ta’ unità ta’ trust jiġi applikat skond il-liġi u r-regoli tal-fond;

L-Artikolu 8

1. Depositarju għandu jew ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak tal-kumpannija ta’ amministrazzjoni jew ikun stabbilit f’dak l-Istat Membru jekk l-uffiċċju rreġistrat tiegħu ikun fi Stat Membru ieħor.

2. Depositarju għandu jkun istituzzjoni li tkun suġġetta għall-kontroll pubbliku. Għandu wkoll iforni garanziji finanzjarji u professjonali biżżejjed biex ikun jista’ effettivament isegwi n-negozju tiegħu bħala depositarju u jissodisfa l-impenni inerenti f’dik il-funzjoni.

3. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema mill-kategoriji ta’ istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli li jkunu depositarji.

L-Artikolu 9

Depositarju għandu, skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih ikun jinstab l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija ta’ amministrazzjoni, jkun responsabbli lill-kumpannija ta’ amministrazzjoni u lit-titolari ta’ l-unitajiet għal xi telf soffert minnhom bħala riżultat tan-nuqqas mingħajr ġustifikazzjoni tiegħu li jwettaq l-obbligi tiegħu jew it-twettiq mhux xieraq tagħhom. Reponsabbiltà lil titolari ta’ unitajiet tista’ tkun invokata jew direttament jew indirettament permezz ta’ kumpannija ta’ amministrazzjoni, jiddependi min-natura ġuridika tar-relazzjoni bejn id-depositarju, il-kumpannija ta’ amministrazzjoni u t-titolari ta’ l-unitajiet.

L-Artikolu 10

1. L-ebda kumpannija singola ma għandha taġixxi kemm bħala kumpannija ta’ amministrazzjoni u kemm bħala depositarju.

2. Fil-kuntest tal-rwoli rispettivi tagħhom, il-kumpannija ta’ amministrazzjoni u d-depositarju għandhom jaġixxu indipendentament u biss fl-interess tat-titolari ta’ l-unitajiet.

L-Artikolu 11

Il-liġi jew ir-regoli tal-fond għandhom jistabilixxu l-kondizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-kumpannija amministrattiva u d-depositarju u r-regoli biex jassiguraw il-protezzjoni ta’ titolari ta’ unitajiet fil-każ ta’ din is-sostituzzjoni.

IT-TAQSIMA IV

Obbligi li jirrigwardaw l-istruttura ta’ kumpanniji ta’ investiment u d-depositarji tagħhom

L-Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-forma legali li kumpannija ta’ investiment għandha tieħu. Għandu jkollha kapital imħallas suffiċjenti biex tkun tista’ twettaq in-negozju tagħha effettivament u tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha.

L-Artikolu 13

L-ebda kumpannija ta’ investiment ma tista’ tingaġġa f’attivitajiet ta’ xort’ oħra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2).

L-Artikolu 14

1. L-assi ta’ kumpannija ta’ investiment għandhom ikunu fdati lil depositarju biex jinżammu fis-sigurtà.

2. Ir-responsabbiltà ta’ depositarju kif imsemmija fl-Artikolu 16 m’għandhiex tkun effetwata bil-fatt li tkun fdat lil parti terza l-assi kollha jew parti minnhom biex jinżammu fis-sigurtà tagħha.

3. Depositarju għandu, madanakollu:

(a) jassigura li l-bejgħ, il-ħruġ, ix-xiri mill-ġdid, il-fidwa u l-kanċellazzjoni ta’ unitajiet effetwati minn jew f’isem kumpannija jkunu mwettqa skond il-liġi u skond l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija;

(b) jassigura li fl-operazzjonijiet li jinvolvu l-assi ta’ kumpannija kull konsiderazzjoni tkun mibgħuta lilu fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

(ċ) jassigura li l-introjtu ta’ kumpannija jiġi applikat skond il-liġi u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha.

4. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li kumpanniji ta’ investiment li jinstabu fit-territorju tiegħu li jqiegħdu fis-suq l-unitajiet tagħhom esklussivament permezz ta’ borża waħda jew aktar li fihom l-unitajiet tagħhom jiġu ammessi għal elenkar uffiċjali ma jkunux meħtieġa jkollhom depositarji fis-sens ta’ din id-Direttiva.

L-Artikoli 34, 37 u 38 m’għandhomx japplikaw għal dawn il-kumpanniji. Madanakollu, ir-regoli għall-valutazzjoni ta’ l-assi ta’ dawn il-kumpanniji għandhom jiġu ddikjarati fil-liġi jew fl-istrumenti ta’ l-inkorporazzjoni tagħhom.

5. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li kumpanniji ta’ investiment li jinstabu fit-territorju tiegħu li jqiegħdu fis-suq mill-anqas 80 % ta’ l-unitajiet tagħhom permezz ta’ borża waħda jew aktar innominati fl-istrumenti ta’ l-inkorporazzjoni tagħhom m’għandhomx ikunu meħtieġa jkollhom depositarji fis-sens ta’ din id-Direttiva sakemm l-unitajiet tagħhom ikunu ammessi fl-elenkar uffiċjali fil-boroż ta’ dawk l-Istati Membri li fit-territorji tagħhom l-unitajiet ikunu mdaħħla fis-suq, u li kull operazzjoni li din il-kumpannija tista’ teffetwa barra l-boroż tiġi effettwata biss bil-prezzijiet tal-boroż.

Strumenti ta’ l-inkorporazzjoni ta’ kumpannija għandhom jispeċifikaw il-borża fil-pajjiż tal-marketing li l-prezzijiet tagħha jiddeterminaw il-prezzijiet li bihom dik il-kumpannija teffetwa kull operazzjoni barra l-boroż f’dak il-pajjiż.

Stat Membru għandu jagħmel użu mill-għażla prevista fis-subparagrafu preċedenti biss jekk jikkunsidra li titolari ta’ l-unitajiet ikollhom protezzjoni ekwivalenti għal dik ta’ titolari ta’ unitajiet f’UCITS li jkollhom depositarji fis-sens ta’ din id-Direttiva.

B’mod partikolari, dawn il-kumpanniji u l-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 4, għandhom:

(a) fl-assenza ta’ dispożizzjoni fil-liġi, jiddikjaraw fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħhom, il-metodu tal-kalkolu tal-valuri netti ta’ l-assi ta’ l-unitajiet tagħhom;

(b) jintervjenu fis-suq biex jipprevjenu l-valuri fil-borża ta’ l-unitajiet tagħhom milli jvarjaw aktar minn 5 % mill-valuri netti ta’ l-assi tagħhom;

(ċ) jistabilixxu il-valuri netti ta’ l-assi ta’ l-unitajiet tagħhom, jikkomunikawhom lill-awtoritajiet kompetenti mill-anqas darbtejn fil-ġimgħa u jippubblikawhom darbtejn fix-xahar.

Mill-anqas darbtejn fix-xahar, awditur independenti għandu jassigura li l-kalkolu tal-valur ta’ l-unitajiet jiġi effetwat skond il-liġi u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpanija. F’dawn l-okkażjonijiet, l-awditur għandu jassigura li l-assi tal-kumpannija jiġu investiti skond ir-regoli stabbiliti bil-liġi u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija.

6. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-identitajiet tal-kumpanniji li jibbenefikaw mid-derogi previsti fil-paragrafi 4 u 5.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat ta’ Kuntatt dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 5 fi żmien ħames snin mill-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva. Wara li takkwista l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Kuntatt, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tipproponi miżuri approprjati.

L-Artikolu 15

1. Depositarju għandu jew ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak tal-kumpannija ta’ investiment jew ikun stabbilit f’dak l-Istat Membru jekk l-uffiċċju rreġistrat tiegħu ikun fi Stat Membru ieħor.

2. Depositarju għandu jkun istituzzjoni li tkun suġġetta għal kontroll pubbliku. Għandu wkoll iforni garanziji finanzjarji u professjonali suffiċjenti biex ikun jista’ jwettaq effettivament in-negozju tiegħu bħala depositarju u jissodisfa l-impennji inerenti f’dik il-funzjoni.

3. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema mill-kategoriji ta’ istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli li jkunu depositarji.

L-Artikolu 16

Depositarju għandu, skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih il-kumpannija ta’ investiment ikollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, jkun responsabbli lill-kumpannija ta’ investiment u lit-titolari ta’ l-unitajiet għal kul telf soffert minnhom bħala riżultat tan-nuqqas tiegħu mingħajr ġustifikazzjoni li jwettaq l-obbligi tiegħu jew it-twettiq mhux xieraq tagħhom.

L-Artikolu 17

1. L-ebda kumpannija singola m’għandha taġixxi kemm bħala kumpannija ta’ investiment u kemm bħala depositarju.

2. Fit-twettiq tad-doveri tiegħu bħala depositarju, id-depositarju għandu jaġixxi biss fl-interessi tat-titolari ta’ l-unitajiet.

L-Artikolu 18

Il-liġi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ investiment għandhom jistabilixxu l-kondizzjonijiet għas-sostituzzjoni tad-depositarju u r-regoli biex jassiguraw il-protezzjoni tat-titolari ta’ l-unitajiet fil-każ ta’ din is-sostituzzjoni.

IT-TAQSIMA V

Obbligi li jikkonċernaw il-poloz ta’ investiment ta’ UCITS

L-Artikolu 19

1. L-investimenti ta’ unità ta’ trust jew ta’ kumpannija ta’ investiment għandhom jikkonsistu biss fi:

(a) titoli trasferibbli ammessi għall-elenkar uffiċjali f’borża fi Stat Membru u/jew;

(b) titoli trasferibbli ttrattati f’ suq irregolat ieħor fi Stat Membru li jopera regolarment u li hu rikonoxxut u miftuħ għall-pubbliku u/jew;

(ċ) titoli trasferibbli ammessi għall-elenkar uffiċjali f’borża fi Stat mhux membru jew ittrattati f’suq irregolat ieħor fi Stat mhux membru li jopera regolarment u li hu rikonoxxut u miftuħ għall-pubbliku sakemm l-għażla tal-borża jew tas-suq tkun ġiet approvata mill-awtoritajiet kompetenti jew tkun prevista fil-liġi jew fir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ l-inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ l-investiment u/jew;

(d) titoli trasferibbli maħruġa riċentement, sakemm:

- it-termini tal-ħruġ inkluż l-impenn li ssir applikazzjoni għal ammissjoni fl-elenkar uffiċjali f’borża jew għal xi suq regolat ieħor li jopera regolarment u li huwa rikonoxxut u miftuħ għall-pubbliku, basta li l-għażla tal-borża jew tas-suq tkun ġiet approvata mill-awtoritajiet kompetenti jew tkun prevista fil-liġi jew fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ investiment;

- din l-ammissjoni tkun assigurata fi żmien sena mill-ħruġ.

2. Madanakollu:

(a) UCITS tista’ tinvesti mhux aktar minn 10 % ta’ l-assi tagħha f’titoli trasferibbli barra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1;

(b) Stat Membru jista’ jipprovdi li UCITS ma tistax tinvesti aktar minn 10 % ta’ l-assi tagħha fi strumenti ta’ dejn li, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu ttrattati, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, bħala ekwivalenti għal titoli trasferibbli u li huma, inter alia, trasferibbli, likwidi u li jkollhom valur li jista’ jkun determinat b’eżatezza fi kwalunkwe żmien jew mill-anqas bil-frekwenza stipulata fl-Artikolu 34;

(ċ) kumpannija ta’ investiment tista’ takkwista proprjetà mobbli u immobbli li tkun essenzjali għat-twettiq dirett tan-negozju tagħha;

(d) UCITS ma tistax takkwista metalli prezzjużi jew ċertifikati li jirrappreżentawhom.

3. It-total ta’ l-investimenti msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) ma jista’, taħt l-ebda ċirkostanzi, jammonta għal aktar minn 10 % ta’ l-assi ta’ UCITS.

4. Unitajiet ta’ trust u kumpanniji ta’ investiment jistgħu jippossjedu assi likwidi anċillari.

L-Artikolu 20

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) sa mhux aktar tard mid-data ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, lista ta’ l-istrumenti ta’ dejn li, skond l-Artikolu 19(2)(b), jippjanaw li jittrattaw bħala ekwivalenti għal titoli trasferibbli, waqt li jiddikkjaraw il-karatteristiċi ta’ dawk l-istrumenti u r-raġunijiet għalfejn jagħmlu dan;

(b) dettalji ta’ kull emenda li huma jikkontemplaw li jagħmlu lil-listi ta’ strumenti msemmija f’(a) jew lil xi strumenti oħrajn li huma jikkontemplaw li jittrattaw bħala ekwivalenti għal titoli trasferibbli, flimkien mar-raġunijiet biex jagħmlu dan.

2. Il-Kummissjoni għandha immedjatament tgħaddi dik l-informazzjoni lil Stati Membri oħrajn flimkien ma’ xi kummenti li hi tikkonsidra approprjati. Dawn il-komunikazzjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ l-iskambji ta’ l-opinjonijiet fil-Kumitat ta’ Kuntatt skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 53(4).

L-Artikolu 21

1. L-Istat Membru jista’ jawtorizza lill-UCITS biex jimpjegaw tekniċi u strumenti li jirrelataw għal titoli trasferibbli skond il-kundizzjonijiet u fil-limiti li huma jistabilixxu basta li dawn it-tekniċi u l-istrumenti jintużaw għall-iskop ta’ l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ portfolio.

2. L-Istati Membri jistgħu wkoll jawtorizzaw UCITS biex jimpjegaw tekniċi u strumenti intiżi biex jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji tal-kambju fil-kuntest ta’ amministrazzjoni ta’ l-assi u r-responsabbiltajiet tagħhom.

L-Artikolu 22

1. L-UCITS jistgħu jinvestu mhux aktar minn 5 % ta’ l-assi tagħhom f’titoli trasferibbli maħruġa mill-istess korp.

2. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 għal massimu ta’ 10 %. Madanakollu, l-valur totali ta’ titoli trasferibbli miżmuma mill-UCITS fil-korpi tal-ħruġ li f’kull wieħed minnhom jinvestu aktar minn 5 % ta’ l-assi tagħhom m’għandhomx imbagħad jeċċedu 40 % tal-valur ta’ l-assi tagħhom.

3. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 għal massimu ta’ 35 % jekk is-titoli trasferibbli jkunu maħruġa jew garantiti minn Stat Membru, mill-awtoritajiet lokali tiegħu, minn Stat li mhux membru jew minn korpi pubbliċi internazzjonali li minnhom Stat Membru wieħed jew iktar huma membri.

L-Artikolu 23

1. B’deroga mill-Artikolu 22 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 68(3) tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-UCITS biex jinvestu skond il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju sa 100 % ta’ l-assi tagħhom f’titoli trasferibbli differenti maħruġa jew iggarantiti minn kull Stat Membru, l-awtoritajiet lokali tiegħu, Stat mhux membru jew korpi pubbliċi internazzjonali li tagħhom Stat Membru wieħed jew iktar huma membri.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu din id-deroga biss jekk huma jikkunsidraw li titolari ta’ unitajiet fl-UCITS ikollhom protezzjoni ugwali għal dik ta’ titolari ta’ unitajiet fl-UCITS li jikkonformaw mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 22.

Dawn l-UCITS għandhom iżommu titoli minn almenu sitt ħarġiet differenti, imma titoli minn kull ħruġ wieħed ma jistgħux jagħtu kont ta’ aktar minn 30 % ta’ l-assi totali tagħhom.

2. L-UCITS imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isemmu espressament fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpannija ta’ investiment ta’ l-Istati, ta’ l-awtoritajiet lokali jew ta’ korpi pubbliċi internazzjonali li joħorġu jew jiggarantixxu titoli li fihom huma jkollhom l-intenzjoni li jinvestu aktar minn 35 % ta’ l-assi tagħhom; dawn ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti.

3. F’addizzjoni kull UCITS imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tinkludi dikjarazzjoni prominenti fil-prospektus tagħha u kull letteratura promozzjonali li tiġbed attenzjoni għal din l-awtorizzazzjoni u tindika lill-Istati, lill-awtoritajiet lokali u/jew il-korpi pubbliċi internazzjonali li fis-titoli tagħhom hi jkollha l-intenzjoni li tinvesti jew tkun investiet aktar minn 35 % ta’ l-assi tagħha.

L-Artikolu 24

1. UCITS ma tistax takkwsita l-unitajiet ta’ impriżi oħra ta’ investiment kollettiv tat-tip "miftuħa" sakemm dawn ma jkunux impriżi kollettivi ta’ investiment fis-sens ta’ l-ewwel u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(2).

2. UCITS ma jistgħux jinvestu aktar minn 5 % ta’ l-assi tagħhom fl-unitajiet ta’ dawn l-impriżi kollettivi ta’ investiment.

3. Investiment f’unitajiet ta’ unità ta’ trust amminisrata mill-istess kumpannija ta’ amministrazzjoni jew minn xi kumpannija oħra li magħha l-kumpannija ta’ amministrazzjoni tkun marbuta b’amministrazzjoni jew kontrol komuni, jew bi proprjetà sostanzjali diretta jew indiretta, għandu jkun permissibbli biss fil-każi ta’ "trust" li, skond ir-regoli tagħha, tkun speċjalizzat f’investiment f’żona ġeografika speċifika jew fis-settur ekonomiku, u sakemm dan l-investiment ikunu awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti. Awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk it-"trust" tkun ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħmel użu minn dik l-għażla u li l-għażla tkun ġiet iddikjarata espressament fir-regoli tagħha.

Kumpannija ta’ amministrazzjoni ma tistax timponi ħlasijiet jew spejjeż minħabba operazzjonijiet li jirrelataw għal unitajiet ta’ "unità ta’ trust" meta uħud mill-assi ta’ unità ta’ "trust" ikunu investiti fl-unitajiet ta’ "unità ta’trust" oħra amministrata mill-istess kumpannija ta’ amministrazzjoni jew minn xi kumpannija oħra li magħha l-kumpannija ta’ amministrazzjoni tkun marbuta b’amministrazzjoni jew b’kontroll komuni, jew bi proprjetà sostanzjali diretta jew indiretta.

4. Il-Paragrafu 3 għandu wkoll japplika meta kumpannija ta’ investiment takkwista unitajiet f’kumpannija oħra ta’ investiment li magħha tkun marbuta fis-sens tal-paragrafu 3.

Il-Paragrafu 3 għandu japplika wkoll meta kumpannija ta’ investiment takwista unitajiet ta’ "unità ta’ trust" li tkun marbuta magħha, jew meta "unità ta’trust" takkwista unitajiet ta’ kumpannija ta’ investiment li tkun marbuta magħha.

L-Artikolu 25

1. Kumpanija ta’ investiment jew kumpanija ta’ amministrazzjoni li taġixxi inkonnessjoni ma’ l-unitajiet ta’ trust kollha li hi tamministra u li jidħlu fl-iskop ta’ din id-Direttiva ma tistax takkwista xi ishma li jkollhom drittijiet tal-vot li kienu jawtorizzawha biex teżerċita influwenza sinifikanti fuq l-amministrazzjoni ta’ korp tal-ħruġ.

Fl-istennija ta’ iktar koordinazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’ regoli eżistenti li jiddiffenixxu l-prinċipju ddikjarat fl-ewwel subparagrafu skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħrajn.

2. Madanakollu, kumpannija ta’ investiment jew "unità ta’ trust" ma tixtax takkwista aktar minn:

- 10 % ta’ ishma "mingħajr vot" ta’ xi korp tal-ħruġ;

- 10 % ta’ titoli ta’ dejn ta’ xi korp tal-ħruġ;

- 10 % ta’ unitajiet ta’ xi impriża singola ta’ investiment kollettiv fis-sens ta’ l-ewwel u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1 (2).

Il-limiti stabbiliti fit-tieni u t-tielet inċiżi jistgħu jiġu injorati fil-waqt ta’ l-akkwist jekk f’dak il-waqt, l-ammont gross tas-titoli ta’ dejn jew l-ammont nett tas-titoli fil-ħruġ ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat.

3. Stat Membru jista’ jwarrab l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta’:

(a) titoli trasferibbli maħruġa jew garantiti minn Stat Membru jew l-awtoritajiet lokali tiegħu;

(b) titoli trasferibbli maħruġa jew garantiti minn Stat li mhux membru;

(ċ) titoli trasferibbli maħruġa minn korpi pubbliċi internazzjonali li tagħhom Stat Membru wieħed jew iktar ikunu membri;

(d) ishma miżmuma minn IIKST fil-kapital ta’ kumpannija inkorporata fi Stat li mhux membru li tinvesti l-assi tagħha prinċipalment f’titoli ta’ korpi ta’ ħruġ li jkollom l-uffiċċji rreġistrati tagħhom f’dak l-Istat, meta skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat din il-proprjetà tirrappreżenta l-uniku mezz li bih l-UCITS tkun tista’ tinvesti fit-titoli ta’ korpi tal-ħruġ ta’ dak l-Istat. Din id-deroga, madanakollu, għandha tapplika biss jekk fil-politika tagħha ta’ investiment il-kumpannija mill-Istat mhux-membru tikkonforma mal-limiti stabbiliti fl-Artikoli 22, 24 u 25(1) u (2). Meta l-limiti stabbiliti fl-Artikoli 22 u 24 ikunu maqbuża. L-Artikoli 26 għandhu japplika mutatis mutandis;

(e) ishma miżmuma minn kumpannija ta’ investiment fil-kapital ta’ kumpanniji sussidjarji li jwettqu n-negozju ta’ amministrazzjoni, konsultazzjoni jew marketing f’isimha.

L-Artikolu 26

1. UCITS m’hemmx għalfejn jikkonformaw mal-limiti stabbiliti f’din it-Taqsima meta jeżerċitaw id-drittijiet ta’ sottoskrizzjoni li huma marbuta ma’ titoli trasferibbli li jiffurmaw parti mill-assi tagħhom.

Waqt li jassiguraw osservanza tal-prinċipju ta’ tixrid ta’ riskju, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-UCITS awtorizzati riċentement li jidderogaw mill-Artikoli 22 u 23 għal sitt xhur wara d-data ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom.

2. Jekk il-limiti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu maqbuża għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll ta’ UCITS jew bħala riżultat ta’ eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sottoskrizzjoni, dik l-UCITS għandha tadotta bħala objettiv ta’ prijorità għall-operazzjonijiet ta’ bejgħ tagħha r-rimedju ta’ dik is-sitwazzjoni, b’kont meħud ta’ l-interessi tat-titolari ta’ l-unitajiet tagħha.

IT-TAQSIMA VI

Obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni għandhom jiġu forniti lil titolari ta’ unitajiet

A. Pubblikazzjoni ta’ prospektus u rapporti perijodiċi

L-Artikolu 27

1. Kumpannija ta’ investiment u, għal kull waħda mit-’trusts’ li tamministra, kumpannija ta’ amministrazzjoni għandha tippubblika:

- prospektus,

- rapport annwali għal kull sena finanazjarja, u

- rapport ta’ nofs is-sena li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja.

2. Ir-rapporti annwali u ta’ nofs is-sena għandhom ikunu ippubblikati f’dawn il-limiti ta’ żmien, b’effett mit-tmiem tal-perijodi li jirrelataw għalihom:

- erba’ xhur fil-każ tar-rapport annwali,

- xahrejn fil-każ tar-rapport ta’ nofs is-sena.

L-Artikolu 28

1. Prospektus għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja biex investituri jkunu jistgħu jagħmlu ġudizzju infurmat ta’ l-investiment propost lilhom. Għandu jinkludi almenu l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A annessa ma’ din id-Direttiva, sal-limiti li dik l-informazzjoni ma tidhirx diġà fid-dokumenti annessi mal-prospektus skond l-Artikolu 29(1).

2. Ir-rapport annwali għandu jinkludi balance-sheet jew dikjarazzjoni ta’ l-assi u r-responsabbiltajiet, kont dettaljat ta’ introjtu u nfiq għas-sena finanzjarja, rapport ta’ l-attivitajiettassena finanzjarja u l-informazzjoni l-oħra prevista fl-Iskeda B annessa ma’ din id-Direttiva, kif ukoll kull informazzjoni sinifikanti li tkun tista’ tgħin lil investituri biex jagħmlu ġudizzju infurmat dwar l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ l-UCITS u r-riżultati tagħhom.

3. Ir-rapport ta’ nofs is-sena għandu jinkludi mill-anqas l-informazzjoni prevista fil-Kapitoli I sa IV ta’ l-Iskeda B annessa ma’ din id-Direttiva; meta l-UCITS tkun ħallset jew tipproponi li tħallas dividend interim, il-figuri għandhom jindikaw ir-riżultati wara t-taxxa għal nofs is-sena kkonċernata u d-dividend interim imħallas jew propost.

L-Artikolu 29

1. Ir-regoli tal-fond jew ta’ l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpannija ta’ investiment għandhom jiffurmaw parti integrali mill-prospektus u għandhom ikunu annessi miegħu.

2. Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx, madanakollu, ikunu annessi mal-prospekus sakemm it-titolari ta’ unità jkun infurmat li fuq talba hu jew hi jintbagħtu dawk id-dokumenti jew isiru jafu bil-post fejn, f’kull Stat Membru li fih jitqiegħdu l-unitajiet fis-suq, hu jew hi jistgħu jikkonsultawhom.

L-Artikolu 30

L-elementi essenzjali tal-prospektus għandhom jinżammu aġġornati.

L-Artikolu 31

L-informazzjoni dwar il-kontijiet mogħtija fir-rapport annwali għandha tiġi vverifikata minn persuna waħda jew aktar mogħtija s-setgħa bil-liġi biex jivverifikaw il-kontijiet skond id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE ta’ l-10 ta’ April 1984 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KEE dwar l-approvazzjoni ta’ persuni responsabbli għat-twettiq tal-verifiki statutorji ta’ dokumenti tal-kontijiet [4]. Ir-rapport ta’ l-awditur, inklużi kwalifiki, għandhom jiġu prodotti kompletament fir-rapport annwali.

L-Artikolu 32

L-UCITS għandha tibgħat il-prospektus tagħha u kull emenda lilha, kif ukoll ir-rapporti annwali u ta’ nofs is-sena tagħha, lill-awtoritajiet kompetenti.

L-Artikolu 33

1. Il-prospektus, ir-rapport annwali l-aktar reċenti u kull rapport sussegwenti ta’ nofs is-sena ppubblikat, għandu jiġi offert lill-kontributuri mingħajr ħlas, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt.

2. Minbarra dan, ir-rapporti annwali u ta’ nofs is-sena, għandhom ikunu disponibbli għall- pubbliku fil-postijiet speċifikati fil-prospektus.

3. Ir-rapporti annwali u ta’ nofs is-sena għandhom ikunu fornuti lil titolari ta’ l-unitajiet mingħajr ħlas fuq talba.

B. Il-Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni oħra

L-Artikolu 34

L-UCITS għandha tagħmel pubbliċi f’manjiera approprjata il-prezz tal-ħruġ, tal-bejgħ, tax-xiri mill-ġdid jew tal-ħlas lura ta’ l-unitajiet tagħha kull darba li toħroġhom, tbigħhom, tixtrihom mill-ġdid jew tagħtihom lura, mill-anqas darbtejn fix-xahar. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madanakollu, jippermettu li l-UCITS tnaqqas il-frekwenza għal darba f’ xahar bil-kundizzjoni li din id-deroga ma tippreġudikax l-interessi tat-titolari ta’ l-unitajiet.

L-Artikolu 35

Il-pubbliċità kollha li tinkludi stedina għal xiri ta’ l-unitajiet ta’ l-UCITS għandha tindika li jeżisti prospektus u l-postijiet minn fejn dan ikun jista’ jiġi akkwistat mill-pubbliku.

IT-TAQSIMA VII

L-obbligi ġenerali ta’ UCITS

L-Artikolu 36

1. La:

- kumpannija ta’ investiment, lanqas

- kumpannija amministrattiva jew depositarju li jaġixxu f’isem unità ta’ trust,

ma jistgħu jissellfu.

Madanakollu UCITS tista’ takkwista munita barranija permezz ta’ self "back-to-back".

2. B’ deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru jista jawtorizza UCITS tissellef:

(a) sa 10 %

- ta’ l-assi tagħha, fil-każ ta’ kumpannija ta’ investiment, jew

- tal-valur tal-fond, fil-każ ta’ "unità ta’ trust",

sakemm is-self ikun fuq bażi temporanju;

(b) sa 10 % ta’ l-assi tagħha, fil-każ ta’ kumpannija ta’ investiment, sakemm is-self jagħmel possibbli l-akkwist ta’ proprjetà immobbli essenzjali għat-twettiq dirett tan-negozju tagħha; f’dan il-każ is-self u dak imsemmi fis-sub-paragrafu (a) ma jistax, fi kwalunkwe każ, jaqbeż fit-total, il-15 % ta’ l-assi ta’ min jissellef.

L-Artikolu 37

1. UCITS għandha tixtri mill-ġdid jew tagħti lura l-unitajiet tagħha fuq it-talba ta’ kull titolari ta’ unità.

2. B’ deroga mill-paragrafu 1:

(a) UCITS tista’, fil-każijiet u skond il-proċeduri previsti fil-liġi, ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ l-inkorporazzjoni ta’ kumpannija ta’ investiment, temporanjament tissospendi ix-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura ta’ l-unitajiet tagħha. Is-sospensjoni jista’ jkun hemm provvediment għaliha biss f’każijiet eċċezzjonali meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, u s-sospensjoni hija ġġustifikata fir-rigward ta’ l-interessi ta’ titolari ta’ l-unitajiet;

(b) l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jkunu jenħtieġu s-sospensjoni tax-xiri mill-ġdid jew tal-ħlas lura ta’ unitajiet fl-interess ta’ titolari ta’ unitajiet jew tal-pubbliku.

3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a), UCITS għandha mingħajr dewmien tikkomunika id-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri kollha li fihom hi tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha.

L-Artikolu 38

Ir-regoli għall-valutazzjoni ta’ assi u r-regoli għal kalkolu tal-bejgħ jew tal-prezz tal-ħruġ u tax-xiri mill-ġdid jew tal-prezz ta’ ħlas lura ta’ l-unitajiet ta’ UCITS għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi, fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ investiment.

L-Artikolu 39

Id-distribuzzjoni jew l-investiment mill-ġdid ta’ l-introjtu ta’"unità ta’ trust" jew ta’ kumpannija ta’ investiment għandhom jiġu effetwati skond il-liġi u r-regoli tal-fond jew ta’ l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ investiment.

L-Artikolu 40

Unità ta’ UCITS ma tistax tinħareġ sakemm l-ekwivalenti tal-prezz nett ta’ ħruġ ma jkunx imħallas lill-assi ta’ l-UCITS fil-limiti taż-żmien tas-soltu. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tipprekludi id-distribuzzjoni ta’ unitajiet ta’ bonus.

L-Artikolu 41

1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 19 u 21, la:

- kumpannija ta’ investiment, lanqas

- kumpannija amministrattiva jew depositarju li jaġixxu f’isem "unità ta’ trust"

ma jistgħu jagħtu self jew jaġixxu bħala garanzija f’isem partijiet terzi.

2. Il-Paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni dawn l-impriżi milli jakkwistaw titoli trasferibbli li ma jkunux kompletament imħallsa.

L-Artikolu 42

La:

- kumpannija ta’ investiment, lanqas

- kumpannija ta’ amministrazzjoni jew depositarju li jaġixxi f’isem "unità ta’ trust"

ma jistgħu jwettqu bejgħ skopert ta’ titoli trasferibbli.

L-Artikolu 43

Il-liġi jew ir-regoli tal-fond għandhom jippreskrivu r-remunerazzjoni u l-infiq li kumpannija ta’ amministrazzjoni tkun awtorizzata titlob minn "unità ta’trust" u l-metodu tal-kalkolu ta’ din ir-remunerazzjoni.

Il-liġi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpannija ta’ investiment għandhom jippreskrivu n-natura ta’ l-ispejjeż li għandhom jintrefgħu mill-kumpannija.

IT-TAQSIMA VIII

Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal UCITS li jinnegozjaw l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri barra minn dawk li fihom ikunu jinstabu

L-Artikolu 44

1. UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor għandha tikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’dak l-Istat li ma jidħlux fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

2. Kull UCITS tista’ tirreklama l-unitajiet tagħha fl-Istat Membru li fih huma mqiegħda fis-suq. Għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-reklamar f’dak l-Istat.

3. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni.

L-Artikolu 45

Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 44, l-UCITS għandha, inter alia, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li jkunu disponibbli f’dak l-Istat faċilitajiet biex isiru pagamenti lil titolari ta’ unitajiet, għal xiri mill-ġdid jew ħlas lura ta’ unitajiet u biex tkun disponibbli l-informazzjoni li l-UCITS jkunu obbligati li jipprovdu.

L-Artikolu 46

Jekk UCITS tipproponi li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru barra minn dak li fih hi tkun tinstab, hi għandha l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru l-iehor, kif xieraq. Għandha simultanjament tibgħat lil dawn l-awtoritajiet ta’ l-aħħar:

- attestazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-effett li hi tissodisfa l-kondizzjonijiet imposti b’din id-Direttiva,

- ir-regoli tagħha tal-fond jew l-istrumenti tagħha ta’ inkorporazzjoni,

- il-prospektus tagħha,

- meta approprjat, ir-rapport annwali l-aktar riċenti u kull rapport sussegwenti ta’ nofs is-sena u

- dettalji ta’ l-arranġamenti magħmula għat-tqegħid fis-suq ta’ l-unitajiet tagħha f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

UCITS tista’ tibda tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha f’dak l-Istat Membru l-ieħor xahrejn wara din il-komunikazzjoni sakemm l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat ma jistabilixxux, f’deċiżjoni raġunata meħudha qabel ma jiskadi dak il-perijodu ta’ xahrejn, li l-arranġamenti magħmula għat-tqegħid fis-suq ta’ l-unitajiet ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 44(1) u 45.

L-Artikolu 47

Jekk UCITS tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru barra minn dak li fih tkun tinstab, hi għandha tqassam f’dak l-Istat Membru l-ieħor, mill-anqas f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor, id-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom jiġu ppubblikati fl-Istat Membru li fih tkun tinstab, skond l-istess proċeduri bħal dawk previsti f’dak l-Istat ta’ l-aħħar.

L-Artikolu 48

Għall-iskop tat-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħha, UCITS tista’ tuża l-istess isem ġeneriku (bħal kumpannija ta’ investiment jew unità ta’ trust) fil-Komunità bħal ma tuża fl-Istat Membru li fih tkun tinstab. Fil-każ li jkun hemm xi perikolu ta’ konfużjoni, l-Istat Membru li jospita jista’, għall-iskopijiet ta’ kjarifika, jenħtieġ li l-isem ikun akkumpanjat minn ċerti dettalji ta’ spjegazzjoni.

IT-TAQSIMA IX

Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-awtoritajiet responsabbli għal awtorizzazzjoni u sorveljanza

L-Artikolu 49

1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet li għandhom iwettqu d-doveri previsti f’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan, u jindikaw kull diviżjoni ta’ doveri.

2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi jew korpi maħtura minn awtoritajiet pubbliċi.

3. L-awtortajiet ta’ l-Istat li fih UCITS tkun tinstab għandhom ikunu kompetenti biex jissorveljaw dik l-UCITS. Madanakollu, l-awtoritajiet ta’ l-Istat li fih UCITS tinnegozja l-unitajiet tagħha skond l-Artikolu 44 għandhom ikunu kompetenti biex jissorveljaw il-konformità mat-Taqsima VIII.

4. L-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jingħataw il-poteri kollha neċessarja biex iwettqu id-dover tagħhom.

L-Artikolu 50

1. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 49 għandhom jikkollaboraw mill-qrib sabiex iwettqu id-dover tagħhom u għandhom għal dak l-iskop biss jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni kollha meħtieġa.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-persuni kollha impjegati jew li qabel kienu impjegati mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 49 għandhom ikunu marbuta b’segretezza professjonali. Dan ifisser li kull informazzjoni konfidenzjali riċevuta matul id-doveri tagħhom ma tistax tinkixef lil xi persuna jew awtorità ħlief permezz tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

3. Il-Paragrafu 2 m’għandux, madanakollu, jipprekludi komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri varji msemmija fl-Artikolu 49, kif previst f’din id-Direttiva. Informazzjoni hekk skambjata għandha tkun koperta bl-obbligu ta’ segretezza professjonali dwar persuni impjegati jew li qabel kienu impjegati mill-awtoritajiet li jirċievu l-informazzjoni.

4. Mingħajr preġudizzju għal każijiet koperti b’liġi kriminali, awtorità tat-tip imsemmija fl-Artikolu 49 li tirċievi din l-informazzjoni tista’ tagħmel użu minnha biss għat-twettiq tad-doveri tagħha jew fil-kuntest ta’ appelli amministrattivi jew proċeduri legali li jirrelataw għal dan it-twettiq.

L-Artikolu 51

1. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 49 għandhom jagħtu r-raġunijiet għal kull deċiżjoni li jirrifjutaw awtorizzazzjoni u kull deċiżjoni negattiva meħuda fl-implementazzjoni tal-miżuriġeneraliadottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u jikkomunikaw hom lill-applikanti.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ UCITS skond il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skond din id-Direttiva huma suġġetti għad-dritt ta’ applikazzjoni lill-qrati; l-istess għandu japplika jekk l-ebda deċiżjoni ma tittieħed fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tagħha dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni magħmula minn UCITS li tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

L-Artikolu 52

1. Biss l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab UCITS għandu jkollhom il-poter li jieħdu azzjoni kontra jekk tikser xi liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva jew xi regolament stabbilit fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija ta’ investiment.

2. Madanakollu, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li fih l-unitajiet ta’ UCITS ikunu mqiegħda fis-suq jistgħu jieħu azzjoni kontra jekk tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima VIII.

3. Kull deċiżjoni għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, jew xi miżura serja oħra meħuda kontra UCITS, jew kull sospenzjoni għal xiri mill-ġdid jew ħlas lura imposta fuqha, għandhom jiġu kkomunikati mingħajr dewmien mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ fejn tkun tinstab l-UCITS inkwistjoni, lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri l-oħrajn li fihom l-unitajiet tagħhom ikunu mqiegħda fis-suq.

IT-TAQSIMA X

Il-Kumitat ta’ Kuntatt

L-Artikolu 53

1. Kumitat ta’ Kuntatt, hawnhekk iżjed ’il quddiem magħruf bħala "il-Kumitat", għandu jiġi stabbilit biswit il-Kummissjoni. Il-funzjoni tiegħu għandha tkun:

(a) li jiffaċilita, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 169 u 170 tat-Trattat, l-implementazzjoni armonizzata ta’ din id-Direttiva permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari dwar xi problemi prattiċi li joriġinaw mill-applikazzjoni tagħha u li dwarha l-iskambju ta’ opinjonijiet huwa meqjus bħala utili;

(b) li jiffaċilita konsultazzjoni bejn Stati Membri jew fuq ħtiġiet aktar rigorużi jew ħtiġiet addizzjonali li huma jistgħu jadottaw skond l-Artikolu 1(7), jew fuq id-dispożizzjonijiet li huma jistgħu jadottaw skond l-Artikoli 44 u 45;

(ċ) li jagħti parir lill-Kummissjoni, jekk neċessarju, dwar addizzjonijiet jew emendi li għandhom isiru lil din id-Direttiva.

2. M’għandhiex tkun il-funzjoni tal-Kumitat li jevalwa l-merti tad-deċiżjonijiet meħuda f’każijiet individwali minn awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 49.

3. Il-Kumitat għandu jkun kompost minn persuni maħtura mill-Istati Membri u minn rappreżentanti tal-Kummissjoni. Il-President għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni. Is-servizzi segretarjali għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni.

4. Laqgħat tal-Kumitat għandhom jissejħu mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta’ delegazzjoni ta’ Stat Membru. Il-Kumitat għandu jfassal ir-regoli tiegħu ta’proċedura.

IT-TAQSIMA XI

Dispożizzjonijiet transitorji, derogi u dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 54

Biss għall-iskop ta’ UCITS Daniżi, pantebreve maħruġa fid-Danimarka għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal titoli trasferibbli imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b).

L-Artikolu 55

B’deroga mill-Artikoli 7(1) u 14(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw dawk l-UCITS li, fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, kellhom żewġ depositarji jew aktar skond il-liġi nazzjonali tagħhom biex jżommu dak in-numru ta’ depositarji jekk dawk l-awtoritajiet ikollhom garanziji li l-funzjonijiet li għandhom jitwettqu taħt l-Artikoli 7(3) u 14(3) jitwettqu fil-prattika.

L-Artikolu 56

1. B’deroga mill-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw kumpanniji ta’ amministrazzjoni biex joħorġu ċċertifikati bearer li jirrappreżentaw is-titoli irreġistrati ta’ kumpanniji oħrajn.

2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil dawk il-kumpanniji ta’ amministrazzjoni li, fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, iwettqu wkoll attivitajiet barra minn dawk previsti fl-Artikolu 6 biex jitkomplew dawk l-attivitajiet l-oħrajn għal ħames snin wara dik id-data.

L-Artikolu 57

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 1989 il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu lil UCITS li jkunu jeżistu fid-data ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, perijodu ta’ mhux altar minn 12-il xahar minn dik id-data sabiex jikkonformaw mal-leġislazzjoni nazzjonali ġdida.

3. Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża għandhom ikunu awtorizzati jipposponu l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva sa l-1 ta’April 1992, l-aktar tard.

Sena qabel dik id-data l-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress fl-implementazzjoni tad-Direttiva u dwar xi diffikultajiet li r-Repubblika Ellenika jew ir-Repubblika Portugiża jistgħu jiltaqgħu magħhom fl-implementazzjoni tad-Direttiva msemmija fl-ewwel sub-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tipproponi lill Kunsill li jestendi l-posponiment sa erba’ snin.

L-Artikolu 58

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-Kummissjoni tkun infurmata bit-test tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi prinċipali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 59

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta’ Dicembru 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Krieps

[1] ĠU C 171, tas-26.7.1976, p. 1.

[2] ĠU C 57, tas-7.3.1977, p. 31.

[3] ĠU C 75, tas-26.3.1977, p. 10.

[4] ĠU L 126, tat-12.5.1984, p. 20.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

SKEDA A

1.Informazzjoni li tikkonċerna unità ta’ trust | 1.Informazzjoni li tikkonċerna l-kumpannija ta’ amministrazzjoni | 1.Informazzjoni li tikkonċerna l-kumpannija ta’ investiment |

1.1Isem | 1.1Isem jew stil, forma fil-liġi, uffiċċju rreġistrat u uffiċċju ewlieni jekk differenti mill-uffiċju rreġistrat. | 1.1Isem jew stil, forma fil-liġi, uffiċċju rreġistrat u uffiċċju ewlieni jekk differenti mill-uffiċċju rreġistrat. |

1.2Data ta’ stabbiliment ta’ l-unità ta’ trust. Indikazzjoni tat-tul, jekk limitat. | 1.2Data ta’ inkorporzzjoni tal-kumpannija. Indikazzjoni tat-tul, jekk limitat. | 1.2Data ta’ inkorporazzjoni tal-kumpannija. Indikazzjoni tat-tul, jekk limitat. |

| 1.3Jekk il-kumpannija tamministra unitajiet ta’ trust oħrajn, indikazzjoni ta’ dawk l-unitajiet ta’ trust. | |

1.4Dikjarazzjoni tal-post fejn ir-regoli tal-fond, jekk ma jkunux annessi, u r-rapporti perijodiċi, jistgħu jiġu akkwistati.. | | 1.4Dikjarazzjoni tal-post fejn l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni, jekk mhumiex annessi, u rapporti perijodiċi, jistgħu jiġu akkwistati. |

1.5Indikazzjonijiet qosra rilevanti għal titolari ta’ unitajiet tas-sistema tat-taxxa applikabbli għall-unitajiet ta’ trust. Dettalji ta’ jekk it-tnaqqis ikunx sar mill-fonti mill-introjtu u l-qligħ kapitali mħallas mit-trust lil titolari ta’ trust. | | 1.5Indikazzjonijiet qosra relevanti għal titolari ta’ unitajiet tas-sistema tat-taxxa applikabbli għall-kumpannija. Dettalji ta’ jekk it-tnaqqis ikunx sar mill-fonti mill-introjtu u l-qligħ kapitali imħallsa mill-kumpannija lil titolari ta’ unitajiet |

1.6.Dati ta’ kontabilità u distribuzzjoni | | 1.6.Dati ta’ kontabilità u distribuzzjoni |

1.7Ismijiet tal-persuni responsabbli biex jivverifikaw l-informazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 31. | | 1.7Ismijiet tal-persuni responsabbli biex jivverifikaw l-informazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 31. |

| 1.8Ismijiet u pożizzjonijiet fil-kumpannija tal-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza. Dettalji ta’ l-attivitajiet ewlenija tagħhom barra l-kumpannija meta dawn ikunu ta’ sinifikanza fir-rigward ta’ dik il-kumpannija. | 1.8Ismijiet u pożizzjonijiet fil-kumpannija tal-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza. Dettalji ta’ l-attivitajiet ewlenija tagħhom barra l-kumpannija meta dawn ikunu ta’ sinifikanza fir-rigward ta’ dik il-kumpannija. |

| 1.9L-ammont tal-kapital sottoskritt b’indikazzjoni tal-kapital imħallas. | 1.9Kapital |

1.10Dettalji tat-tipi u l-karatteristiċi ewlenija ta’ l-unitajiet u b’mod partikolari:in-natura tad-dritt (reali, personali jew ieħor) irrappreżentat mill-unità,is-titoli jew ċertifikati oriġinali li jipprovdu prova ta’ titolu, dħul f’reġistru jew f’kont.karatteristiċi ta’ l-unitajiet: ireġistrati jew bearer. Indikazzjoni ta’ xi denominazzjonijiet li jista’ jkun hemm dispożizzjoni għalihom,indikazzjoni tad-drittijiet tal-vot jekk dawn jeżistu ta’ titolari ta’ l-unitajiet,ċirkostanzi li fihom l-għeluq ta’ unità ta’ trust jista’ jiġi deċiż u dwar il-proċedura ta’ l-għeluq, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ titolari ta’ unitajiet. | | 1.10Dettalji tat-tipi u karatteristiċi ewlenija ta’ l-unitajiet u b’mod partikolari:it-titoli jew ċertifikati oriġinali li jipprovdu prova ta’ titolu, dħul f’reġistru jew f’kont.karatteristiċi ta’ l-unitajiet; ireġistrati jew bearer. Indikazzjoni ta’ xi denominazzjonijiet li jista’ jkun hemm dispożizzjoni għalihom,indikazzjoni tad-drittijiet tal-vot tat-titolari ta’ l-unitajiet,ċirkostanzi li fihom l-għeluq tal-kumpannija jista’ jiġi deċiż u dwar il-proċedura ta’ l-għeluq, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ titolari ta’ l-unitajiet. |

1.11Meta applikabbli, indikazzjoni ta’ boroż jew swieq fejn l-unitajiet ikunu mniżżla jew ittrattati. | | 1.11Meta applikabbli, indikazzjoni ta’ boroż jew swieq fejn l-unitajiet ikunu mniżżla jew ittrattati. |

1.12Proċeduri u kundizzjonijiet tal-ħruġ u l-bejgħ ta’ unitajiet | | 1.12Proċeduri u kundizzjonijiet tal-ħruġ u bejgħ ta’ unitajiet |

1.13Proċeduri u kundizzjonijiet għal xiri mill-ġdid jew ħlas lura ta’ unitajiet, u ċ-ċirkostanzi li fihom ix-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura jistgħu jiġu sospiżi. | | 1.13Proċeduri u kundizzjonijiet għal xiri mill-ġdid jew ħlas lura ta’ unitajiet, u ċ-ċirkostanzi li fihom ix-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura jistgħu jiġu sospiżi. |

1.14Deskrizzjoni ta’ regoli għad-determinazzjoni u l-applikazzjoni ta’ l-introjtu. | | 1.14Deskrizzjoni tar-regoli għad-determinazzjoni u l-applikazzjoni ta’ l-introjtu. |

1.15Deskrizzjoni ta’ l-objettivi ta’ l-investiment ta’ unità ta’ trust, inklużi l-objettivi finanzjarji (e.ż. kobor tal-kapital jew introjtu), politika ta’ investiment (e.ż. speċjalizzazzjoni f’setturi ġeografiċi jew industrijali), xi limitazzjonijiet fuq dik il-politika ta’ investiment u indikazzjoni ta’ xi tekniċi u strumenti jew poteri ta’ self li jistgħu jintużaw fl-amministrazzjoni ta’ l-unità ta’ trusts. | | 1.15Deskrizzjoni ta’ l-objettivi ta’ l-investiment ta’ unità ta’ trust, inklużi l-objettivi finanzjarji (e.ż. kobor tal-kapital jew introjtu), politika ta’ investiment (e.ż. speċjalizzazzjoni f’setturi ġeografiċi jew industrijali), xi limitazzjonijiet fuq dik il-politika ta’ investiment u indikazzjoni ta’ xi tekniċi u strumenti jew poteri ta’ self li jistgħu jintużaw fl-amministrazzjoni ta’ l-unità tal-kumpannija. |

1.16Regoli għall-valutazzjoni ta’ assi. | | 1.16Regoli għall-valutazzjoni ta’ assi. |

1.17Determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ jew tal-ħruġ u l-prezz tax-xiri mill-ġdid jew tal-ħlas lura unitajiet, b’mod partikolari:il-metodu u l-frekwenza tal-kalkolu ta’ dawk il-prezzijiet,informazzjoni li tikkonċerna l-piżijiet li jirrigwardaw il-bejgħ jew il-ħruġ u x-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura ta’ unitajiet.Il-mezzi, il-postijiet u l-frekwenza tal-pubblikazzjoni ta’ dawk il-prezzijiet. | | 1.17Determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ jew tal-ħruġ u l-prezz tax-xiri mill-ġdid jew tal-ħlas lura unitajiet, b’mod partikolari:il-metodu u l-frekwenza tal-kalkolu ta’ dawk il-prezzijiet,informazzjoni li tikkonċerna l-piżijiet li jirrigwardaw il-bejgħ jew il-ħruġ u x-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura ta’ unitajiet.Il-mezzi, il-postijiet u l-frekwenza tal-pubblikazzjoni ta’ dawk il-prezzijiet. [1] |

1.18Informazzjoni li tikkonċerna l-mod, l-ammont u l-kalkolu ta’ remunerazzjoni pagabbli mill-unità ta’ trust lill-kumpannija ta’ amministrazzjoni, id-depositarju jew il-partijiet terzi, u r-rimbors ta’ l-ispejjeż mill-unità ta’ trust lill-kumpannija ta’ amministrazzjoni, lid-depositarju jew lill-partijiet terzi | | 1.18Informazzjoni li tikkonċerna l-mod, l-ammont u l-kalkolu ta’ remunerazzjoni pagabbli mill-kumpannija lid-diretturi tagħha, u lill-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza, lid-depositarju jew lill-partijiet terzi, u r-rimbors ta’ l-ispejjeż mill-kumpannija lid-diretturi tagħha, lid-depositarju jew lill-partijiet terzi. |

2. Informazzjoni li tirrigwarda d-depositarju:

2.1 L-isem u l-istil, il-forma fil-liġi, l-uffiċċju rreġistrat u l-uffiċċju ewlieni jekk differenti mill-uffiċċju rreġistrat;

2.2 L-attività ewlenija

3. Informazzjoni li tikkonċerna d-ditti konsultattivi jew konsulenti esterni ta’ investimenti li jagħtu parir skond il-kuntratt li jkun imħallas mill-assi ta’ l-UCITS:

3.1 L-Isem u l-istil tad-ditta jew isem tal-konsulent.

3.2 Dispożizzjonijiet materjali tal-kuntratt mal-kumpannija amministrattiva jew mal-kumpannija ta’ investiment li jistgħu jkunu relevanti għat-titolari ta’ l-unitajiet, esklużi dawk li jirrelataw għar-remunerazzjoni;

3.3 Attivitajiet oħrajn sinifikanti.

4. Informazzjoni li tikkonċerna l-arranġamenti biex isiru pagamenti lil titolari ta’ l-unitajiet, xiri mill-ġdid, jew ħlas lura ta’ unitajiet u biex issir disponibbli l-informazzjoni li tikkonċerna l-UCITS. Din l-informazzjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tingħata lil Stat Membru li fih l-UCITS ikunu jinstabu. F’addizzjoni, meta l-unitajiet ikunu mqiegħda fis-suq fi Stat Membru ieħor, din l-informazzjoni għandha tingħata fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru, fil-prospektus ippubblikat hemm.

SKEDA B

Informazzjoni li għandha tkun inkluża fir-rapporti perijodiċi

I. Dikjarazzjoni ta’ assi u responsabbiltajiet

- titoli trasferibbli,

- l-istrumenti ta’ dejn tat-tip imsemmi fl-Artikolu 19(2)(b);

- bilanċi fil-bank,

- assi oħrajn,

- assi totali,

- responsabbiltajiet,

- valur nett ta’ l-assi.

II. In-numru ta’ unitajiet fiċ-ċirkolazzjoni

III. Il-Valur nett ta’ l-assi għal kull unità

IV. Il-portfolio, b’distinzjoni bejn:

(a) titoli trasferibbli ammessi fl-elenkar uffiċjali tal-borża;

(b) titoli trasferibbli tratti f’suq irregolat ieħor;

(ċ) titoli trasferibbli maħruġa riċentament tat-tip imsemmi fl-Artikolu 19(1)(d);

(d) titoli trasferibbli oħrajn tat-tip imsemmi fl-Artikolu 19(2)(a);

(e) strumenti ta’ dejn trattati bħala ekwivalenti skond l-Artikolu 19(2)(b);

u analizzati skond l-aktar kriterja approprjati fid-dawl tal-politika ta’ investiment ta’ l-UCITS (e.ż. skond il-kriterji ekonomiċi, ġeografiċi jew tal-munita) bħala perċentwali ta’ l-assi netti; għal kull wieħed mill-investiment t’hawn fuq il-proporzjon li jirrappreżenta tat-total ta’ l-assi ta’ l-UCITS għandu jkun iddikjarat.

Dikjarazzjoni ta’ bidliet fil-kompożizzjoni tal-portfolio matul il-perijodu ta’ referenza.

V. Dikjarazzjoni ta’ l-iżviluppi li jikkonċernaw l-assi ta’ l-UCITS matul il-perijodu ta’ referenza inklużi li ġejjin:

- introjru minn investimenti,

- introjtu ieħor,

- piżijiet amministrattivi,

- piżijiet tad-depositarju,

- piżijiet u taxxi oħrajn,

- introjtu nett,

- distribuzzjoni u introjtu rinvestit,

- bidliet fil-kont kapitali,

- apprezzament u dipprezzament ta’ l-investimenti,

- kull bidla oħra li taffetwaw l-assi u r-responsabbiltajiet ta’ l-UCITS.

VI. Tabella kumparattiva li tkopri l-aħħar tlett snin finanzjarji u tinkludi, għal kull sena finanzjarja, fit-tmien tas-sena finanzjarja:

- il-valur total nett ta’ l-assi,

- il-valur nett ta’ l-assi għal kull unità.

VII. Dettalji, skond il-kategorija ta’ operazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 21 imwettqa mill-UCITS matul il-perijodu ta’ referenza, ta’ l-ammont riżultanti ta’ l-impenni.

[1] Kumpanniji ta’ investiment fis-sens ta’ l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva għandhom ukoll jindikaw:

- il-metodu u l-frekwenza tal-kalkolu tal-valur nett ta’ l-assi ta’ l-unitajiet

- il-mezzi, il-post u l-frekwenza tal-pubblikazzjoni ta’ dak il-valur,

- il-borża fil-pajjiż tal-marketing li l-prezz li fuqu jiddetermina il-prezz ta’ l-operazzjonijiet effetwati barra l-boroż f’dak il-pajjiż.

--------------------------------------------------