Official Journal L 108 , 26/04/1976 P. 0019 - 0020
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0229
Greek special edition: Chapter 03 Volume 15 P. 0044
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0229
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0003
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 5 P. 0003
Id-Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta’ April 1976 li tagħmel ħames emenda għad-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1962 dwar l-approssimazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri dwar materja koloranti awtorizzata għall-użu fl-affarijiet tal-ikel maħsuba għal konsum mill-bniedem (76/399/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Billi d-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1962 dwar l-approssimazzjoni tar-regoli ta’ l-Istati Membri dwar materja koloranti awtorizzata għall-użu f’oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 70/358/KEE [4], tipprovdi lista komuni ta’ sostanzi li jagħtu kulur; Billi mill-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva kien hemm żviluppi sinifikanti fil-metodi għall-investigazzjoni tossikoloġika ta’ addittivi ta’ l-ikel u b’mod partikolari fl-evalwazzjoni u fl-interpretazzjoni ta’ informazzjoni bijoloġika u kimika; Billi, fid-dawl tal-ħtiġiet preżenti fir-rigward tas-sigurtà fl-użu ta’ sostanzi li jagħtu kulur, ċerti sostanzi li jagħtu kulur ma għandhomx ikunu permessi jintużaw aktar f’oġġetti ta’ l-ikel. Filwaqt li l-projbizzjoni meħtieġa għandha tingħata effett taħt kundizzjonijiet li jassiguraw l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, waqt li tevita kemm jista’ jkun ix-xkiel kollu kemm teknoloġiku u ekonomiku, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 1. L-Annessi I u III tad-Direttiva tat-23 ta’ Ottubru 1962 huma emendati kif ġej: Il-koloranti li ġejjin huma mħassra sa mill-1 ta’ Jannar 1977: E 103 Chrysoine S, E 105 Fast yellow AB, E 111 Orange GGN, E 121 Orchil, orcein, E 125 Scarlet GN, E 126 Ponceau 6 R, E 130 Anthraquinone blue (solanthrene blue RS), E 152 Black 7984, E 181 Burnt umber. 2. It-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti ta’ l-ikel li jkun fih wieħed jew aktar mis-sostanzi li jagħtu kulur elenkati fil-paragrafu 1 huwa projbit mill-1 ta’ Jannar 1978. Artikolu 2 L-Istati Membri li huma awtorizzati li jipprojbixxu, sal-31 ta’ Diċembru 1975, l-użu f’oġġetti ta’ l-ikel ta’ sostanza li tagħti kulur waħda jew aktar elenkata fl-Artikolu 1(1) jistgħu jżommu din il-projbizzjoni wara dik id-data. Artikolu 3 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fid-dati stabbiliti fl-Artikolu 1 u għandhom jinfurmaw mal-ewwel lill-Kumissjoni bihom. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ April 1976. Għall-Kunsill Il-President J. Hamilius [1] ĠU L 79, 5.4.1976, p. 46. [2] ĠU Ċ 50, 4.3.1976, p. 8. [3] ĠU Ċ 115, 1.11.1962, p. 2645/62. [4] ĠU L 157, 18.7.1970, p. 36. --------------------------------------------------