31975L0409



Official Journal L 183 , 14/07/1975 P. 0022 - 0024
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0131
Greek special edition: Chapter 13 Volume 3 P. 0100
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0131
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0127
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 4 P. 0127


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta’ l-24 ta’ Ġunju 1975

li temenda għall-ħames darba d-Direttiva 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi

(75/409/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 dwar dan;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Fehma tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-Fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

Billi huwa meħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE [3] tas-27 ta’ Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva Nru 73/146/KEE [4]; billi wħud mid-disposizzjonijiet fuq it-tikkettjar u l-imballaġġ ta’ sustanzi perikolużi għandhom ikunu ċari u amplifikati; billi dawn id-disposizzjonijiet għandhom f’kull każ jiġu armonizzati ma’ dawk tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 73/173/KEE [5] ta’ l-4 ta’ Ġunju 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet ta’ l-Istati Membri relatati mal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta’ preparazzjonijiet perikolużi (solventi);

Billi d-dimensjonijiet tat-tikketta għandhom jiġu stabbiliti bi proporzjon mal-kapaċità ta’ l-imballaġġ;

Billi huwa wkoll meħtieġ li jiġu adottati regoli li jiddefinixxu r-relazzjoni bejn immarkar għat-trasportazzjoni w immarkar għat-tqegħid fis-suq u l-immaniġġjar, sabiex jiġi evitat immarkar doppju b’simboli differenti;

Billi sustanzi perikolużi, minkejja li jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva Nru 67/548/KEE, jistgħu jkunu ta’ dannu għas-saħħa jew sigurtà; billi għandha għalhekk issir disposizzjoni għal kull proċedura li tilqa’ dan il-perikolu;

Billi huwa meħtieġ li jsiru ċertu emendi għat-test tal-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bit-Taljan ta’ din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva Nru 67/548/KEE għandha tiġi emendata b’mod konformi ma’ l-Artikoli li ġejjin.

Artikolu 2

1. L-Artikolu 6(2), l-ewwel klawsola, għandu jinbidel bit-test li ġej:

"Kull imballaġġ għandu juri dan li ġej b’mod ċar u li ma jitħassarx:"

2. Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied ma’ l-Artikolu 6(2)(d):

"Għal imballaġġi ta’ sustanzi perikolużi, irritanti, fjammabbli ħafna, fjammabbli u ossidanti, m’hemmx għalfejn tingħata indikazzjoni għal riskji speċjali fejn l-imballaġġ ikun fih mhux aktar minn 125 ml."

Artikolu 3

L-Artikolu 7 għandu jinbidel bit-test li ġej:

"1. meta d-dettalji stabbiliti bl-Artikolu 6 jidhru fuq it-tikketta, dik it-tikketta għandha titqiegħed fuq wiċċ wieħed jew aktar ta’ l-imballaġġ sabiex tkun tista’ tinqara orizzontalment meta l-imballaġġ jitqiegħed normalment. Id-dimensjonijiet tat-tikketta għandhom ikunu kif ġej:

Il-kontenut ta’ l-imballaġġ | Dimensjonijiet |

—inqas minn jew ugwali għal tliet litri, jekk possibli ta’ l-anqas | 52 Χ 74 mm |

—aktar minn tliet litri, u mhux aktar minn 50 litru, ta’ l-anqas | 74 Χ 105mm |

—aktar minn tliet litri, u mhux aktar minn 500 litru, ta’ l-anqas | 105 Χ 148mm |

—mhux aktar minn 500 litru, ta’ l-anqas | 148 Χ 210mm |

Kull simbolu għandu jkopri ta’ l-anqas parti waħda minn għaxra tal-wiċċ tat-tikketta u jkun ta’ l-anqas 1 cm2. L-erja kollha tat-tikketta għandha teħel ma’ l-imballaġġ li fih direttament is-sustanza.

2. Mhux meħtieġa tikketta meta d-dettalji huma murija b’mod ċar fuq l-imballaġġ stess, kif speċifikat fil-paragrafu 1.

3. Il-kulur u l-preżentazzoni tat-tikketta - jew fil-każ ta’ paragrafu 2, ta’ l-imballaġġ - irid ikun tali li s-simbolu tal-perikolu jidher sew mill-background.

4. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi perikolużi fit-territorji tagħhom suġġett għall-użu tal-lingwa jew lingwi nazzjonali fir-rigward tat-tikkettjar dwar dan.

5. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-ħtiġiet ta’ tikkettjar għandu jkun ikkunsidrat li jkun eżawrit:

(a) fil-każ ta’ kull imballaġġ ta’ barra li jkun fih imballaġġ wieħed jew aktar ta’ ġewwa, meta l-imballaġġ ta’ barra huwa ttikkettjat b’mod konformi mar-regoli internazzjonali fuq it-trasportazzjoni ta’ sustanzi perikolużi u l-imballaġġ jew imballaġġi ta’ ġewwa huma ttikkettjati b’mod konformi ma’ din id-Direttiva;

(b) fil-kaz ta’ imballaġġ wieħed, fejn kull imballaġġ bħal dan huwa ttikkettjat b’mod konformi mar-regoli internazzjonali ta’ sustanzi perikolużi waqt l-ivvjaġġar u ma’ l-Artikolu 6(2)(a), (b) u (d).

Fil-każ ta’ sustanzi perikolużi, li ma jħallux it-territorju sovran ta’ kull Stat Membru, tikkettjar li jikkonforma mar-regoli nazzjonali minflok internazzjonali fuq it-trasportazzjoni ta’ sustanzi perikolużi jista’ jkun permess."

Artikolu 4

L-Artikolu 7 għandu jinbidel bit-test li ġej:

"(a) jippermetti l-ittikkettjar meħtieġ bl-Artikolu 6 li jiġi applikat b’kull mod xieraq ieħor fuq imballaġġi li huma jew żgħar wisq jew inkella mhux addattati biex jippermettu tikkettjar b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(1) jew (2);"

Artikolu 5

L-artikoli li ġejjin għandhom jiżdiedu wara l-Artikolu 8ċ:

"L-Artikolu 8d

L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirristrinġu jew jimpedixxu abbażi tal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ jew it-tikkettjar kif imfisser f’din id-Direttiva, it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi perikolużi li jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u l-Annessi dwar dan.

L-Artikolu 8e

1. Meta Stat Membru għandu bażi ddettaljata sabiex jistabbilixxi li kull sustanza perikoluża, għalkemm tissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, tikkostitwixxi kull perikolu għas-saħħa jew sigurtà, tista’ proviżorjament tipprojbixxi l-bejgħ ta’ dik is-sustanza jew tagħmilha suġġetta għal regoli ta’ kondizzjonijiet speċjali fit-territorju tagħha. Għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar dan u jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

2. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt ġimgħat, tikkonsulta ma’ l-Istati Membri kkonċernati, tagħti l-Fehma tagħha mingħajr dewmien u tieħu l-miżuri xierqa.

3. Meta l-Kummissjoni hija tal-Fehma li addattamenti tekniċi għal din id-Direttiva huma meħtieġa, dawn l-addattamenti għandhom jiġu adottati kemm mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8ċ. F’dan il-każ, l-Istat Membru wara li jkun adotta miżuri ta’ salvagwardja jista’ jżommhom sakemm l-addattamenti jidħlu fis-seħħ."

Artikolu 6

It-test Ġermaniż għandu jkun emendat kif ġej:

1. "brennbaren" għandu jinbidel b’ "entzündlichen" fl-Artikolu 2(2)(b);

2. "brennbar" għandu jinbidel b’ "entzündlich" fl-Artikolu 2(2)(d) u l-Anness III taħt R 21;

3. "Gift" għandu jinbidel b’ "giftig" u "Reizstoff" b’ "reizend" fl-Artikolu 6(2)(ċ) u fl-Anness II.

Artikolu 7

It-test Ingliż għandu jkun emendat kif ġej:

1. it-terminu "highly" għandu jibdel:

- "easily" fl-Artikolu 2(2)(ċ),

- "very" fl-Artikolu 6(2)(ċ),

- "easily" fl-Anness II,

- "very" fl-Anness III, R 22 u R 25;

2. fl-Anness III, R 23 u R 26, "extremely" għandu jibdel "highly".

Artikolu 8

It-test Taljan għandu jkun emendat kif ġej: il-kelma "molto" fl-Anness III, R 22 u R 25, għandha tinbidel bil-kelma "facilmente".

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jintroduċu d-disposizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 1976 u għandhom javżaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-test tad-disposizzjonijiet legali interni li għandhom jiġu adottati fil-qasam kopert b’din id-Direttiva jintbagħtu lill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ġunju 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Fitzgerald

[1] ĠU C 2, 9.1.1974, p. 59.

[2] ĠU C 109, 19.09.74, p. 19.

[3] ĠU C 196, 16.8.1967, p. 1.

[4] ĠU C 167, 25.06.73, p. 1.

[5] ĠU C 189, 11.07.73, p. 7.

--------------------------------------------------