7.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 203/33


Artikolu 81

Il-Kummissjoni tista' tibgħat spetturi fit-territorji ta' Stati Membri. Hi għandha, qabel l-ewwel żjara ta' spettur fit-territorji ta' xi Stat Membru, tagħmel konsultazzjonijiet dwar iż-żjajjar futuri kollha ta' dan l-ispettur, ma' l-Istat Membru kkonċernat.

Malli jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom, l-ispetturi għandhom dritt għall-aċċess il-ħin kollu fil-postijiet kollha u għall-informazzjoni u lejn persuni li, bir-raġuni tal-posizzjoni tagħhom ikunu jittrattaw materjali, apparat jew faċilitajiet suġġetti għall-kontroll previst f'dan il-Kapitolu, sal-limiti meħtieġa għall-kontroll ta' minerali, materja prima u materjali speċjali fissili, u għall-kontroll ta' l-osservanza ta' Artikolu 77. L-Ispetturi nnominati mill-Kummissjoni għandhom ikunu akkompanjati minn rapreżentanti ta' l-awtoritajiet tal-Istat ikkonċernat, jekk dak l-Istat hekk jitlob, basta li l-ispetturi ma jkunux b'hekk imdewma jew b'mod ieħor imxekkla fl-eżerċizzji tal-funzjonijiet tagħhom.

Fil-każ ta' oppożizzjoni għal xi spezzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel rikors lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għal ħruġ ta' digriet biex tiġi infurzata l-eżekuzzjoni ta' l-ispezzjoni. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandu jiddeċiedi f'terminu ta' tlett ijiem.

Jekk ikun hemm xi biża ta' dewmien, il-Kummissjoni tista' hija nnifisha toħroġ ordni bil-miktub, fil-forma ta' deċiżjoni, fis-sens li l-ispezzjoni għandha titwettaq. Din l-ordni għandha tkun sottomessa mingħajr dewmien lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għall-approvazjoni sussegwenti.

Wara l-preżentazjoni tad-digriet jew deċiżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istat ikkonċernat għandhom jassiguraw l-aċċess lill-ispetturi għall-postijiet imsemmija fid-digriet jew deċiżjoni.