02001R0539 — MT — 28.03.2017 — 012.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

▼C2

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILLL (KE) Nru 539/2001

tal-15 ta' Marzu 2001

li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa

▼B

(ĠU L 081 21.3.2001, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2414/2001 tas-7 ta' Diċembru 2001

  L 327

1

12.12.2001

►M2

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 453/2003 tas-6 ta' Marzu 2003

  L 69

10

13.3.2003

 M3

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 851/2005 tat-2 ta' Ġunju 2005

  L 141

3

4.6.2005

►M4

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006

  L 363

1

20.12.2006

►M5

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006

  L 405

23

30.12.2006

►M6

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009

  L 336

1

18.12.2009

►M7

REGOLAMENT (UE) Nru 1091/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-24 ta' Novembru 2010

  L 329

1

14.12.2010

►M8

REGOLAMENT (UE) Nru 1211/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Diċembru 2010

  L 339

6

22.12.2010

►M9

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013

  L 158

1

10.6.2013

►M10

REGOLAMENT (UE) Nru 610/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta' Ġunju 2013

  L 182

1

29.6.2013

►M11

REGOLAMENT (UE) Nru 1289/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Diċembru 2013

  L 347

74

20.12.2013

►M12

REGOLAMENT (UE) Nru 259/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-3 ta' April 2014

  L 105

9

8.4.2014

►M13

REGOLAMENT (UE) Nru 509/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 149

67

20.5.2014

►M14

REGOLAMENT (UE) 2017/371 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-1 ta’ Marzu 2017

  L 61

1

8.3.2017

►M15

REGOLAMENT (UE) 2017/372 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-1 ta’ Marzu 2017

  L 61

7

8.3.2017


Emendat bi:

►A1

ATT li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea

  L 236

33

23.9.2003


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 029, 3.2.2007, p.  10 (1932/2006)

►C2

Rettifika, ĠU L 194, 26.7.2011, p.  39 (539/2001)




▼B

▼C2

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILLL (KE) Nru 539/2001

tal-15 ta' Marzu 2001

li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa



▼M13

Artikolu - 1

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżentati, mill-ħtieġa tal-viża, abbażi ta’ valutazzjoni skont il-każ ta’ diversi kriterji relatati, inter alia, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali.

▼B

Artikolu 1

1.  Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fil-lista ta' l-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

▼C1

Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet li joħorġu mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta’April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat (apolidi) għandhom ikun meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri jekk il-pajjiż terz li fih huma residenti u li ħarġilhom id-dokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom huwa pajjiż terz elenkat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

▼B

►M10

 

Ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq il-lista fl-Anness II għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa dikjarata fil-paragrafu1 għal soġġorni ta' mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

 ◄

▼M5

Dawn li ġejjin għandhom ukoll jiġu eżentati mill-ħtieġa tal-viża:

 iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament li huma deternturi ta’ karta tat-traffiku tal-fruntieri lokali maħruġa mill-Istati Membri skond ir-Regolament (KE) Nru 1936/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dwar it-Traffiku tal-Fruntieri Lokali fuq il-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen ( 1 ) meta dawn id-detenturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom fil-kuntest tar-reġim tat-Traffiku tal-Fruntieri Lokali;

 tfal ta’ l-iskola li huma ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness I u li joqogħdu fi Stat Membru li japplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/795/ĠAI tat-30 ta' Novembru 1994 dwar azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill abbażi ta' l-Artikolu K.3.2.b tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea rigward faċilitajiet ta' l-ivvjaġġar għal tfal ta' l-iskola minn pajjiżi terzi li joqogħdu fi Stat Membru ( 2 ) u jkunu qed jivvjaġġaw fil-kuntest ta’ eskursjoni skolastika bħala membri ta’ grupp ta’ tfal ta’ l-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola konċernata;

 refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat u persuni oħra li m'għandhomx iċ-ċittadinanza ta' kwalunkwe pajjiż li joqogħdu fi Stat Membru u huma detenturi ta' dokument ta' l-ivvjaġġar maħruġ minn dak l-Istat Membru.

▼B

3.  Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ġodda li preċedentament kienu parti mill-pajjiżi fil-listi ta' l-Annessi I u II għandhom ikunu suġġetti rispettivament għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2u sakemm il-Kunsill ma jiddeċiedix mod ieħor permezz tal-proċedura stabbilita fid-dispożizzjoni relevanti tat-Trattat.

▼M11

4.  Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II japplika ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) fi żmien 30 jum mill-implimentazzjoni mill-pajjiż terz tal-ħtieġa tal-viża jew, f’każijiet fejn jinżamm il-ħtieġa tal-viża eżistenti fi 9 ta' Jannar 2014, fi żmien 30 jum minn dik id-data, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika b'dan lill-Parlamet Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-miktub.

Dik in-notifika:

(i) għandha tispeċifika d-data ta’ implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati;

(ii) għandha tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li l-Istat Membru kkonċernat ħa bil-ħsieb li jiżgura l-ivvjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat u għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha.

L-informazzjoni dwar dik in-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-informazzjoni dwar id-data tal-implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati.

Jekk il-pajjiż terz jiddeċiedi li jneħħi l-ħtieġa tal-viża qabel l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, in-notifika m'għandhiex issir jew inkella għandha titneħħa u l-informazzjoni m'għandhiex tiġi ppubblikata;

(b) il-Kummissjoni għandha, immedjatament wara d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u f'konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz kkonċernat, b'mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid jew introdott l-ivvjaġġar mingħajr viża u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien b'dawk il-passi;

(c) jekk fi żmien 90 jum mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u minkejja l-passi kollha meħudin skont il-punt (b), il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, l-Istat) Membrukkonċernat jista' jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mil-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' dak il-pajjiż terz. Meta Stat Membru jagħmel tali talba, huwa għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarha;

(d) Il-Kummissjoni għandha, meta tqis passi ulterjuri skont il-punt (e), (f) jew (h), tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jiġi żgurat vjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-passi meħudin skont il-punt (b) u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

(e) jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u sussegwentement f'intervalli li ma jaqbżux sitt xhur f'perijodu totali li ma jistax jestendi lil hinn mid-data li fiha l-att iddelegat imsemmi fil-punt (f) jidħol fis-seħħ jew jiġi oġġezzjonat:

(i) tadotta, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew fuq inizjattiva tagħha stess, att ta' implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta' mhux aktar minn sitt xhur. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiddetermina data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha ssir b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri. Meta tadotta atti ta' implimentazzjoni sussegwenti, il-Kummissjoni tista' testendi l-perijodu ta' dik is-sospensjoni b'aktar perijodi ta' mhux aktar minn sitt xhur u tista' timmodifika l-kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għalihom l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2). Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodi ta' sospensjoni l-kategoriji kollha ta' ċittadini tal-pajjiż terz imsemmi fl–att ta' implimentazzjoni għandhom ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri; jew

(ii) tippreżenta lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 4a(1) rapport li jevalwa s-sitwazzjoni u li jsemmi r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li ma tissospendix l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

F'dak ir-rapport għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, bħal dawk imsemmijin fil-punt (d). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jista' jkollhom diskussjoni politika abbażi ta' dak ir-rapport;

(f) Jekk fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat skont l-Artikolu 4b li jissospendi l-applikazzjoni tal-Anness II għal perijodu ta' 12-il xahar għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz. L-att iddelegat għandu jiddetermina data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Anness II għandha ssir b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi ħdejn l-isem tal-pajjiż terz ikkonċernat tiddaħħal nota f'qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża rigward dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta' dik is-sospensjoni.

Mid-data meta s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Anness II għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat tidħol fis-seħħ jew meta oġġezzjoni għall-att iddelegat tiġi espressa skont l-Artikolu 4b(5), kwalunkwe att ta' implimentazzjoni adottat skont il-punt (e) fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz għandu jiskadi.

Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġislattiva kif imsemmi fil-punt (h), il-perijodu ta' sospensjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt għandu jiġi estiż b'sitt xhur. In-nota ta' qiegħ il-paġna li hemm referenza għaliha f'dak is-subparagrafu għandha tiġi emendata kif xieraq.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodi ta' dik is-sospensjoni ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-att iddelegat għandhom ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri;

(g) kwalunkwe notifika sussegwenti magħmula minn Stat Membru ieħor skont il-punt (a) dwar l-istess pajjiż terz matul il-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri adottati skont il-punt (e) jew (f) fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz għandha tiġi amalgamata fil-proċeduri li għaddejjin mingħajr ma jittawlu l-iskadenzi jew il-perijodi stipulati f'dawk il-punti;

(h) jekk fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att iddelegat imsemmi fil-punt (f), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I;

(i) il-proċeduri msemmijin fil-punti (e), (f) u (h) m'għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-Kummissjoni li tippreżenta fi kwalunkwe ħin proposta leġislattiva li temenda dan ir-Regolament sabiex tiġi trasferita r-referenza għall-pajjiż terz mill-Anness II għall-Anness I;

(j) fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ineħħi l-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat għandu minnufih jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'dan. In-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kwalunkwe att ta' implimentazzjoni jew iddelegat adottat skont il-punt (e) jew (f) dwar il-pajjiż terz ikkonċernat għandu jiskadi sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt. Fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ikun introduċa ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' żewġ Stati Membri jew aktar, l-att ta' implimentazzjoni jew iddelegat li jikkonċerna lil dak il-pajjiż terz għandu jiskadi sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tan-notifika dwar l-aħħar Stat Membru kkonċernat li ċ-ċittadini tiegħu kienu soġġetti għall-ħtieġa tal-viża minn dak il-pajjiż terz. In-nota ta' qiegħ il-paġna msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt (f) għandha titħassar meta jiskadi l-att iddelegat ikkonċernat. L-informazzjoni dwar dik l-iskadenza għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ineħħi l-ħtieġa tal-viża mingħajr ma l-Istat Membru kkonċernat jinnotifikah skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, il-Kummissjoni għandha fuq inizjattiva tagħha stess tipproċedi mingħajr dewmien bil-pubblikazzjoni msemmija f'dak is-subparagrafu u t-tieni subparagrafu ta' dan il-punt għandu japplika.

▼M11 —————

▼M14

Artikolu 1a

1.  B’deroga mill-Artikolu 1(2), l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II għandha tiġi sospiża temporanjament, abbażi ta’ data rilevanti u oġġettiva, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.  Stat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni jekk jiġi kkonfrontat, fuq perijodu ta’ xahrejn, meta mqabbel mal-istess perijodu fis-sena preċedenti jew mal-aħħar xahrejn qabel l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II, b’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) żieda sostanzjali fl-għadd ta’ ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz li jiġu rrifjutati milli jidħlu jew li jiġu skoperti li jkunu qed joqogħdu fit-territorju tal-Istat Membru mingħajr id-dritt għal dan;

(b) żieda sostanzjali fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal asil miċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz li għalih ir-rata ta’ rikonoxximent hija baxxa;

(c) tnaqqis fil-kooperazzjoni fir-riammissjoni ma’ dak il-pajjiż terz, issostanzjat minn data adegwata, b’mod partikolari żieda sostanzjali fir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni ppreżentati mill-Istat Membru lil dak il-pajjiż terz għaċ-ċittadini tiegħu stess jew, fejn ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni jew dak l-Istat Membru u dak il-pajjiż terz jipprovdi għal dan, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għaddew bi transitu minn dak il-pajjiż terz;

(d) żieda fir-riskju jew theddida imminenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, b’mod partikolari żieda sostanzjali ta’ reati kriminali serji, relatati ma’ ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, sostanzjata minn informazzjoni u data oġġettivi, konkreti u rilevanti pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti.

In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tinkludi data u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkun ħa l-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni. Fin-notifika tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jispeċifika liema kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandhom ikunu koperti b’att ta’ implimentazzjoni taħt il-punt (a) tal-paragrafu 4, filwaqt li jindika r-raġunijiet dettaljati għal dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih dwar tali notifika.

2a.  Fejn il-Kummissjoni, b’kont meħud tad-data, ir-rapporti u l-istatistika rilevanti, ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli dwar ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2, li jokkorru fi Stat Membru jew aktar, jew li l-pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera fir-riammissjoni, b’mod partikolari fejn ftehim ta’ riammissjoni jkun ġie konkluż bejn dak il-pajjiż terz u l-Unjoni, pereżempju:

 jiġi rifjutat il-proċessar ta’, jew ma’ jiġux ipproċessati, applikazzjonijiet ta’ riammissjoni fiż-żmien dovut,

 ma jinħarġux id-dokumenti tal-ivvjaġġar fiż-żmien dovut għall-finijiet tar-ritorn fi żmien l-iskadenzi speċifikati fil-ftehim ta’ riammissjoni jew ma jiġux aċċettati dokumenti tal-ivvjaġġar Ewropej maħruġa wara li jgħaddu l-iskadenzi speċifikati fil-ftehim ta’ riammissjoni, jew

 jiġi terminat jew sospiż il-ftehim ta’ riammissjoni,

il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih bl-analiżi tagħha, u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

2b.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja t-twettiq kontinwu tal-ħtiġijiet speċifiċi, li huma bbażati fuq l-Artikolu - 1 u li ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża, mill-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom saru eżenti mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri bħala riżultat ta’ konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mill-inqas darba kull sena, għal perijodu ta’ seba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dak il-pajjiż terz, kif ukoll wara dan il-perijodu meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiffoka fuq pajjiżi terzi li għalihom il-Kummissjoni tqis li, abbażi ta’ informazzjoni konkreta u affidabbli, ċerti ħtiġijiet ma għadhomx jiġu sodisfatti.

Fejn rapport tal-Kummissjoni juri li wieħed jew aktar mill-ħtiġijiet speċifiċi ma ma għadhomx jiġu sodisfatti fir-rigward ta’ pajjiż terz partikolari, għandu japplika l-paragrafu 4.

3.  Il-Kummissjoni għandha teżamina kull notifika magħmula skont il-paragrafu 2, filwaqt li tikkunsidra:

(a) jekk xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2 tkunx preżenti;

(b) l-għadd ta’ Stati Membri affettwati minn xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2;

(c) l-impatt globali taċ-ċirkostanzi msemmijin fil-paragrafu 2 fir-rigward tas-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif tkun tidher mid-data pprovduta mill-Istati Membri jew disponibbli lill-Kummissjoni;

(d) ir-rapporti mħejjija mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil jew l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni jew xi organizzazzjoni internazzjonali kompetenti fil-materji koperti minn dan ir-Regolament, jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan fil-każ speċifiku;

(e) l-indikazzjonijiet li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun ta fin-notifika tiegħu b’rabta ma’ miżuri possibbli taħt il-punt (a) tal-paragrafu 4;

(f) il-kwistjoni ġenerali tal-ordni pubblika u s-sigurtà interna, f’konsultazzjonijiet mal-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

4.  Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafu 2a, tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2b, jew tal-eżami msemmi fil-paragrafu 3, u b’kont meħud tal-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak il-pajjiż terz biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fit-tul, il-Kummissjoni tiddeċiedi li hija meħtieġa azzjoni, jew fejn maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta’ disa’ xhur. Is-sospensjoni għandha tapplika għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, skont it-tipi rilevanti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u, fejn ikun xieraq, skont kriterji addizzjonali. Meta tiddetermina għal liema kategoriji s-sospensjoni tapplika, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, tinkludi kategoriji li jkunu kbar biżżejjed sabiex jikkontribwixxu b’mod effiċjenti biex iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2, 2a u 2b f’kull każ speċifiku jiġu indirizzati, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar minn meta:

(i) tkun irċeviet in-notifika msemmija fil-paragrafu 2;

(ii) tkun saret konxja tal-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 2a;

(iii) tkun ippreżentat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2b; jew

(iv) tkun irċeviet in-notifika minn maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2). Huwa għandu jiddetermina d-data li fiha għandha ssir effettiva s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża.

Matul il-perijodu ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu msaħħaħ mal-pajjiż terz ikkonċernat bil-għan li jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi inkwistjoni.

(b) Fejn iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2, 2a, u 2b jippersistu, il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ disa’ xhur imsemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, att delegat skont l-Artikolu 4b, li jissospendi temporanjament l-applikazzjoni tal-Anness II għal perijodu ta’ 18-il xahar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat. L-att delegat għandu jsir effettiv mid-data ta’ skadenza tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi tiddaħħal nota ta’ qiegħ il-paġna ħdejn l-isem tal-pajjiż terz inkwistjoni, li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni.

Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 5, il-perijodu ta’ sospensjoni previst fl-att delegat għandu jiġi estiż b’sitt xhur. In-nota ta’ qiegħ il-paġna għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati għandhom ikunu obbligati li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

Stat Membru li, skont l-Artikolu 4, jipprovdi għal eżenzjonijiet ġodda mill-ħtieġa tal-viża għal kategorija ta’ ċittadini tal-pajjiż terz kopert mill-att li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandu jikkomunika dawk il-miżuri skont l-Artikolu 5.

5.  Qabel tmiem il-perijodu ta’ validità tal-att delegat adottat skont il-punt (b) tal-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I.

6.  Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 5, hija tista’ testendi l-validità tal-att ta’ implimetazzjoni adottat skont il-paragrafu 4 b’perijodu li ma jaqbiżx 12-il xahar. Id-deċiżjoni biex tiġi estiża l-validità tal-att ta’ implimetazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2).

Artikolu 1b

Sal-10 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità previst fl-Artikolu 1(4) u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

▼M14

Artikolu 1c

Sad-29 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 1a u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

▼M10

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “viża” tfisser viża kif definita fl-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi tal-Viżi) ( 3 ).

▼M5 —————

▼B

Artikolu 4

▼M11

1.  Stat Membru jista’ jipprevedi eċċezzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża previst mill-Artikolu 1(1) jew mill-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża kif previst mill-Artikolu 1(2), f'dak li jirrigwarda:

(a) id-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' passaporti ta’ servizz/passaporti uffiċjali jew ta' passaporti speċjali;

(b) il-membri tal-ekwipaġġ ta’ titjiriet ċivili u tat-tbaħħir fit-twettiq ta' dmirijiethom;

(c) il-membri tal-ekwipaġġ tat-tbaħħir ċivili, meta jmorru fuq l-art, li jkollhom dokument ta' identità ta’ baħħara maħruġ skont il-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol Nru 108 tat-13 ta' Mejju 1958 jew Nru 185 tas-16 ta' Ġunju 2003 jew il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali tad-9 ta' April 1965;

(d) l-ekwipaġġ u l-membri tal-missjonijiet ta' emerġenza jew ta' riskju fil-każ ta' diżastru jew inċident;

(e) l-ekwipaġġ ċivili ta' vapuri li jbaħħru f'ibħra interni internazzjonali;

(f) id-detenturi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali li tagħhom huwa membru għall-anqas Stat Membru wieħed jew minn entitajiet oħra rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala suġġetti tad-dritt internazzjonali, għall- uffiċjali ta' dawk l-organizzazzjonijiet jew entitajiet.

▼M5

2.  Stat Membru jista’ jeżenta mill-ħtieġa tal-viża:

(a) tifel/tifla ta’ l-iskola li jkollu/ha ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness I li hu/hi residenti f’pajjiż terz elenkat fl-Anness II jew fl-Iżvizzera u Liechtenstein u li jkun/tkun qed j/tivvjaġġa fil-kuntest ta’ eskursjoni skolastika bħala membru ta’ grupp ta’ tfal ta’ l-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola konċernata;

(b) refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat jekk il-pajjiż terz fejn joqogħdu u li jkun ħareġ id-dokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom ikun wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anneess II;

(ċ) membri tal-forzi armati li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol tan-NATO jew tas-Sħubija għall-Paċi u detenturi ta’ ordnijiet ta’ identifikazzjoni u moviment previsti fil-Ftehim tad-19 ta’ Ġunju 1951 bejn il-Partijiet ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku dwar l-istatus tal-forzi tagħhom;

▼M11

(d) mingħajr preġudizzju għa-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta’April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat u persuni oħra li m'għandhom ċittadinanza tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda u li huma detenturi ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ mir-Renju Unit jew l-Irlanda, li huwa rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

▼B

3.  Stat Membru jista jipprovdi għal eċċezzjonijiet mill-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 1(2) f'dak li jirrigwardja l-persuni li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn tagħhom.

▼M11

Artikolu 4a

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Meta l-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu jkun applikabbli t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M14

Artikolu 4b

1.  Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Jannar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

2a.  Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) hija konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-28 ta' Marzu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) u fil-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din m’għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

3a.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 5 ).

4.  Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

5.  Att delegat adottat skont il-punt (f) tal-Artikolu 1(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw.

▼B

Artikolu 5

1.  Fi żmien 10 t'ijiem utili mid-dħul b'effett ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bill-miżuri meħuda bis-saħħa ta' l-Artikoli 3, it-tieni nċiż u l-Artikolu 4. Aktar tibdiliet għal dawk il-miżuri għandhom l-istess ikunu ikkommunikati fi żmien ħamest ijiet utili.

2.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika il-miżuri ikkommunikati bis-saħħa tal-paragrafu 1 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal skopijiet ta' l-informazzjoni.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri f'dak li jirrigwardja r-rikonoxximent ta' Stati u unitajiet territorjali u l-passaporti, id-dokumenti ta' l-ivjaġġar u ta' l-identità maħruġa mill-awtoritajiet tagħhom.

Artikolu 7

1.  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 574/1999 ( 6 ) għandu jkun mibdul b'dan ir-Regolament.

2.  Il-verżjonijiet finali tal-Istruzzjoni Konsulari Komuni (CCI) u tal-Manwal Komuni (CM), hekk kif jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta' Schengen tat-28 ta' April 1999 (SCH/Com-ex(99) 13) għandhom ikunu emendati kif ġej:

1. l-intestatura ta' l-Anness 1, il-parti I tal-CCI u l-Anness 5, il-parti I tal-CM, għandha tkun mibdulha b'dan li ġej:

“Lista Komuni ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa tal-viża imposta bir-Regolament (KE) Nru 539/2001”

;

2. il-lista fl-Anness 1, il-parti I tal-CCI u l-Anness 5, il-parti I tal-CM, għandha tkun mibdulha bil-lista fl-Anness I ta' dan ir-Regolament;

3. l-intestatura ta' l-Anness 1, il-parti II tal-CCI u l-Anness 5, il-parti II tal-CM, għandha tkun mibdulha b'dan li ġej:

“Lista Komuni ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża imposta bir-Regolament (KE) Nru 539/2001”

;

4. il-lista fl-Anness 1, il-parti II tal-CCI u l-Anness 5, il-parti II tal-CM, għandha tkun mibdulha bil-lista fl-Anness II ta' dan ir-Regolament;

5. il-parti III ta' l-Anness 1 tal-CCI u l-parti III ta' l-Anness 5 tal-CM għandha tkun imħassra.

3.  Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv ta' Schengen tal-15 ta' Diċembru 1997 (SCH/Com-ex(97)32) I tas-16 ta' Diċembru 1998 (SCH/Com-ex(98)53, rev.2) għandhom ikunu mħassra.

▼M1

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

▼B

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.




L-ANNESS I

Il-lista komuni referuta fl-Artikolu 1

1. STATI

L-Afganistan

▼M7 —————

▼B

L-Alġerija

L-Angola

▼M5 —————

▼B

L-Armenja

L-Ażerbajġann

▼M5 —————

▼B

Il-Baħrejn

Il-Bangladexx

▼M5 —————

▼B

Il-Belarus

IL-Beliż

Il-Benin

Il-Butan

▼M5

Il-Bolivja

▼M7 —————

▼B

Il-Botswana

Il-Burkina Faso

Il-Burma/Mjanmar

Il-Burundi

Il-Kambodja

Il-Kamerun

Il-Kap Verde

Ir-Repubblika Ċentrali Afrikana

Iċ-Ċadd

Iċ-Ċina

Il-Kolumbja

Il-Kongo

Il-Côte d'Ivoire

Il-Kuba

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Id-Dġjibuti

▼M13 —————

▼B

Ir-Repubblika Domenikana

L-Eġittu

▼M2

L-Ekwador

▼B

Il-Gwinea Ekwatorjali

L-Eritrea

L-Etjopja

Il-Fiġi

▼M6 —————

▼B

Il-Gabon

Gambja

▼M15 —————

▼B

Il-Gana

▼M13 —————

▼B

Il-Gwinea

Gwinea-Bissau

Il-Gujana

Haïti

L-Indja

L-Indoneżja

L-Iran

L-Iraq

Il-Ġamajka

Il-Ġordan

Il-Każakstan

Il-Kenja

▼M13 —————

▼B

Il-Kuwajt

IL-Kriġiżstan

Il-Laos

Il-Lebanon

Il-Lesoto

Il-Liberja

Il-Libja

Il-Madagaskar

Il-Malawi

Il-Maldivi

Il-Mali

▼M13 —————

▼B

Il-Mawritanja

▼M5 —————

▼M13 —————

▼M12 —————

▼B

Il-Mongolja

▼M6 —————

▼B

Il-Marokk

Il-Możambik

In-Namibja

▼M13 —————

▼B

In-Nepal

In-Niġer

In-Niġerja

Il-Korea ta' fuq

▼M8 —————

▼B

L-Oman

Il-Pakistan

▼M13 —————

▼B

Il-Papwa l-Gwinea l-Ġdida

▼M13 —————

▼B

Il-Filippini

Il-Qatar

Ir-Russja

Ir-Rwanda

▼M5 —————

▼M13 —————

▼B

São Tomé és Príncipe

L-Arabja Sawdita

Is-Senegal

▼M5 —————

▼M6 —————

▼B

Sierra Leone

▼M13 —————

▼B

Is-Somalja

L-Afrika t'Isfel

Is-Sri Lanka

Is-Sudan

▼M13

għas-Sudan t’Isfel

▼B

Is-Surinam

Sważilandja

Is-Sirja

It-Taġikistan

It-Tanżanija

It-Tajlandja

Il-Komoros

▼M13 —————

▼B

It-Togo

▼M13 —————

▼B

It-Tunisja

It-Turkija

It-Turkmenistan

▼M13 —————

▼B

L-Uganda

L-Ukrajna

▼M13 —————

▼B

L-Użbekistan

▼M13 —————

▼B

Il-Vjetnam

Il-Jemen

Iż-Żambja

Iż-Żimbabwe

2. L-ENTITAJIET U L-AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MA HUMIEX TIKONOXXUTI BĦALA STATI B'MILL ANQAS STAT MEMBRU WIEĦED

▼M2 —————

▼B

L-Awtorità Palestinjana

▼M6

il-Kosovo kif definita mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999

▼M8 —————

▼M13 —————

▼B




L-ANNESS II

Il-lista komuni referuta fl-Artikolu 1(2)

1. STATI

▼M7

L-Albanija ( 7 )

▼B

L-Andorra

▼M5

Antigwa u Barbuda ( 8 )

▼B

L-Arġentina

L-Awstralja

▼M5

Baħamas (8) 

Barbados (8) 

▼M5 —————

▼M7

Bosnja-Ħerzegovina (7) 

▼B

Il-Brażil

▼M5

Brunei Daussalam

▼M4 —————

▼B

Il-Kanada

Iċ-Ċili

▼M6

dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ( 9 )

▼M13

Dominika ( 10 )

▼M15

Il-Georgia ( 11 )

▼M13

Grenada (10) 

Il-Gżejjer Marshall (10) 

Il-Gżejjer Solomon (10) 

Kiribati (10) 

Kolombja (10) 

▼B

Il-Kosta Rika

▼M9 —————

▼A1

▼M2 —————

▼M13

L-Emirati Għarab Magħquda (10) 

▼A1

▼B

Il-Gwatemala

Is-Santa Sede

Il-Ħonduras

▼A1

▼B

L-Iżrael

Il-Ġappun

▼A1

▼B

Il-Malażja

▼A1

▼M5

Mawrizju (8) 

▼B

Il-Messiku

▼M13

Il-Mikroneżja (10) 

▼M12

Moldova, ir-Repubblika tal- ( 12 )

▼B

Monako

▼M6

il-Montenegro (9) 

▼M13

Nauru (10) 

▼B

New Zealand

In-Nikaragwa

▼M13

Palau (10) 

▼B

Il-Panama

Il-Paragwaj

▼M13

Il-Perù (10) 

▼A1

▼M4 —————

▼M5

Saint Kitts u Nevis (8) 

▼B

Salvador

▼M13

Samoa (10) 

▼B

San Marino

▼M13

San Vinċenz u l-Grenadini (10) 

Santa Luċija (10) 

▼M6

is-Serbja (esklużi d-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (bil-lingwa Serba: Koordinaciona uprava)) (9) 

▼M5

Seychelles (8) 

▼B

Singapore

▼A1

▼M13

Timor-Leste (10) 

Tonga (10) 

Trinidad u Tobago (10) 

Tuvalu (10) 

▼B

Il-Korea t'Isfel

▼M2 —————

▼B

L-Istati Uniti ta' l-Amerika

L-Urugwaj

▼M13

Vanuatu (10) 

▼B

Il-Veneżwela

2. IR-REĠJUNI AMMINISTRATTIVI SEP¬JALI TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU

TAĊ-ĊINA, Hong Kong SAR ( 13 )

Makaw SAR ( 14 )

▼M13

3. ĊITTADINI BRITTANNIĊI LI MHUMIEX ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA’ FUQ GĦALL-FINIJIET TAL-LIĠI TAL-UNJONI:

Ċittadini Britanniċi (barra mill-pajjiż)

Ċittadini Brittaniċi tat-territorji barra l-pajjiż (BOTC)

Ċittadini Britanniċi barra l-pajjiż (BOC)

Persuni Britanniċi protetti (BPP)

Soġġetti Brittaniċi (BS)

▼M8

4. ENTITAJIET U AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MA HUMIEX RIKONOXXUTI BĦALA STATI MINN TAL-ANQAS STAT MEMBRU WIEĦED:

It-Tajwan ( 15 )



( 1 ) ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1.

( 2 ) ĠU L 327, 19.12.1994, p. 1.

( 3 ) ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.

( 4 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw mekkaniżmi għal kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( 5 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

( 6 ) ĠU L 72, tat-18.3.1999, p. 2.

( 7 ) L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti bijometriċi.

( 8 ) L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża ser tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Komunità Ewropea.

( 9 ) L-eżenzjoni mir-rekwiżit tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti biometriċi.

( 10 ) L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

( 11 ) L-eżenzjoni tal-viża hija limitata għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Georgia f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

( 12 ) L-eżenzjoni tal-viża ser tkun limitata għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

( 13 ) L-eżenzjoni tal-ħtieġa ta' viża hija applikabbli biss għad-detenturi ta' passaport “Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong”.

( 14 ) L-eżenzjoni tal-ħtieġa ta' viża hija applikabbli biss għad-detenturi ta' passaport “Região Administrativa Especial de Macau”.

( 15 ) L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti maħruġa mit-Tajwan li jinkludu numru tal-karta ta’ identità.