22.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/33


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija

(Kawża C-455/22)

(2022/C 318/45)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Escobar Gómez, E. A. Stamate, C. Valero, aġenţi)

Konvenuta: Ir-Rumanija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddeċiedi li, sat-3 ta’ Ottubru 2020, ir-Rumanija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/75/UE (1);

tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-2014 sat-3 ta’ Ottubru 2020, S.C. CET Govora Nru 2, S.C. Electrocentrale Deva (Mintia) Nru 2 u S.C. Electrocentrale Deva (Mintia) Nru 3 operaw mingħajr permess ambjentali validu konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2010/75. L-awtoritajiet Rumeni allegatament irrikonoxxew li t-tliet installazzjonijiet komplew joperaw mingħajr permess ambjentali validu sat-3 ta’ Ottubru 2020, iżda argumentaw li l-installazzjonijiet operaw sporadikament sabiex jiżguraw is-sigurtà tas-sistema nazzjonali tal-enerġija.

Peress li r-Rumanija ma kinitx ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li S.C. CET Govora Nru 2, S.C. Electrocentrale Deva (Mintia) Nru 2 u S.C. Electrocentrale Deva (Mintia) Nru 3 joperaw fuq il-bażi ta’ permess ambjentali validu, ir-Rumanija kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/75.

Fir-rigward tal-argument dwar l-operat sporadiku ta’ installazzjonijiet sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema nazzjonali tal-enerġija, id-Direttiva 2010/75 ma tinkludix tali possibbiltà ta’ eżenzjoni ġenerali mill-obbligu ta’ pussess ta’ permess ambjentali taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/75. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma responsabbli għal ksur tal-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni irrispettivament minn liema korp tal-Istat huwa responsabbli u ma jistgħux jiddependu fuq dispożizzjonijiet, prattiki jew ċirkustanzi eżistenti fl-ordinament ġuridiku domestiku sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi previsti mid-direttivi Komunitarji. F’dan ir-rigward, ir-Rumanija ma setgħetx tinvoka sitwazzjonijiet purament interni bħall-insolvenza ta’ operaturi jew tilwim relatat mas-sospensjoni tal-attività tal-installazzjonijiet sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li joħorġu minn din id-direttiva.


(1)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).