7.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 64/16 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hagen (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Novembru 2021 – BL vs Saturn Electro-Handelsgesellschaft mbH Hagen
(Kawża C-687/21)
(2022/C 64/26)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Amtsgericht Hagen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: BL
Konvenut: Saturn Electro-Handelsgesellschaft mbH Hagen
Domandi preliminari
1) |
Id-dispożizzjoni dwar il-kumpens għad-danni prevista fl-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1) hija ineffettiva fl-assenza ta’ ċertezza dwar il-konsegwenzi legali li għandhom jinstiltu fil-każ ta’ kumpens għal danni morali? |
2) |
Fir-rigward ta’ talba għal kumpens għad-danni huwa meħtieġ li, minbarra l-komunikazzjoni mhux iġġustifikata lil terz mhux awtorizzat ta’ data li għandha tiġi protetta, jiġi kkonstatat dannu morali li għandu jiġi stabbilit mill-persuna li tressaq it-talba? |
3) |
Sabiex ikun hemm ksur tar-Regolament 2016/679 huwa biżżejjed li d-data personali tas-suġġett tad-data (l-isem, l-indirizz, il-professjoni, id-dħul, il-persuna li timpjegah), b’konsegwenza ta’ żball klerikali min-naħa ta’ impjegat tal-impriża inkwistjoni, tkun ġiet ikkomunikata bi żball, f’forma stampata fuq karta, lil terz bħala dokument fuq karta? |
4) |
Ikun hemm ipproċessar ulterjuri illegali permezz ta’ komunikazzjoni mhux intenzjonata (żvelar) lil terz meta l-impriża, b’konsegwenza ta’ żball klerikali ta’ impjegat tagħha, tkun ikkomunikat, f’forma stampata, lil terz mhux awtorizzat data li barra minn hekk tkun maħżuna f’sistema tal-informatika (Artikolu 2(1), Artikolu 5(1)(f), Artikolu 6(1) u Artikolu 24 tar-Regolament 2016/679)? |
5) |
Jista’ jingħad li hemm dannu morali fis-sens tal-Artikolu 82 tar-Regolament 2016/679 anki meta t-terz li jkun irċieva d-dokument bid-data personali ma jkunx ħa nota ta’ din id-data qabel ma d-dokument li fuqu kienet tinsab din id-data ġie rritornat, jew, sabiex ikun hemm dannu morali fis-sens tal-Artikolu 82 tar-Regolament 2016/679 huwa biżżejjed l-inkwiet tal-individwi li d-data personali tagħhom ġiet ikkomunikata b’mod illegali sa fejn kull żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali jimplika l-possibbiltà inevitabbli li d-data tiġi pproċessata b’mod ulterjuri jew anki abbużata minn numru mhux magħruf ta’ persuni? |
6) |
Kemm għandu jitqies li huwa gravi l-ksur meta l-komunikazzjoni mhux intenzjonata lil terz setgħet tiġi evitata permezz ta’ kontroll aħjar tal-persuni impjegati bħala assistenti fi ħdan l-impriża u/jew permezz ta’ organizzazzjoni aħjar tas-sigurtà tad-data, pereżempju permezz ta’ trattament separat tal-kunsinna tal-merkanzija u tal-kuntratti, b’mod partikolari tad-dokumenti dwar il-finanzjament, bl-użu ta’ dokument separat dwar il-kunsinna jew bi trażmissjoni fi ħdan l-impriża lill-impjegati responsabbli għall-kunsinna tal-merkanzija, mingħajr l-intervent tal-klijent li jirċievi d-dokumenti stampati, inkluż l-irċevuta tal-kunsinna (Artikolu 32(1)(b) u (2) kif ukoll punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679? |
7) |
L-għoti ta’ sanzjoni bħal fil-każ ta’ sanzjoni kuntrattwali għandu jitqies li huwa kumpens għal dannu morali? |
(1) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.