SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

10 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali, tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) – Evalwazzjoni ta’ proġett li jista’ jaffettwa żona protetta – Obbligu ta’ evalwazzjoni – Tkomplija tal-attività ekonomika ta’ installazzjoni diġà awtorizzata fl-istat ta’ proġett, f’kundizzjonijiet li baqgħu l-istess, fil-każ fejn l-awtorizzazzjoni ingħatat wara evalwazzjoni inkompleta”

Fil-Kawża C‑278/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2021, fil-proċedura

Dansk Akvakultur, li qed taġixxi f’isem AquaPri A/S,

vs

Miljø- og Fødevareklagenævnet,

fil-preżenza ta’:

Landbrug & Fødevarer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Dansk Akvakultur, li qed taġixxi f’isem AquaPri A/S, minn K. Trenskow u M. Vindfelt, advokater,

għal Miljø- og Fødevareklagenævnet, minn E. Gabris, R. Holdgaard u B. Moll Bown, advokater,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u C. Vang, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat-12 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad- Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-assoċjazzjoni Dansk Akvakultur, li qed taġixxi f’isem AquaPri A/S, u Miljø- og Fødevareklagenævnet (il-Kumitat għall-Appelli fil-Qasam tal-Ambjent u tal-Ikel, id-Danimarka) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat għall-Appelli”) dwar deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tat-tkomplija tal-attività ta’ farm tal-ħut proprjetà ta’ AquaPri.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-għaxar premessa tad-Direttiva 92/43 jindika:

“Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.

4

L-Artikolu 6(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jistipula:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali […] u l-ispeċi […] li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit […], l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

Id-dritt Daniż

Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent

5

L-ewwel sentenza ta-Artikolu 33(1) tal-Miljøbeskyttelsesloven (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent), tat-22 ta’ Diċembru 2006, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, tipprevedi:

“L-impriżi, il-fabbriki jew l-installazzjonijiet li jidhru fil-lista msemmija fl-Artikolu 35 (attivitajiet suġġetti għal awtorizzazzjoni) la jistgħu jiġu stabbiliti u lanqas ma jistgħu jibdew joperaw qabel ma tinħareġ awtorizzazzjoni.”

6

L-Artikolu 35 tal-imsemmija liġi jistipula:

“Il-Minist[r]u tal-Ambjent għandu jistabbilixxi lista tal-istabbilimenti, fabbriki jew installazzjonijiet li jikkawżaw tniġġiż kunsiderevoli li huma suġġetti għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni previst fl-Artikolu 33.”

Id-Digriet dwar il-habitats

7

Il-Habitatbekendtgørelsen (Bekendtgørelse nr. 188 om udpegning og administration af internazzjonalie naturbeskyttelsesområder samt beskyttelse af visse arter) (id-Digriet Nru 188, dwar l-Indikazzjoni u t-Tmexxija ta’ Żoni internazzjonali ta’ Konservazzjoni tan-Natura u l-Protezzjoni ta’ Ċerti Speċi) tas-26 ta’ Frar 2016, jipprevedi, fl-Artikolu 6(1) u (2) tiegħu, li ttraspona l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 fl-ordinament ġuridiku Daniż:

“1.   Qabel it-teħid ta’ deċiżjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7, għandha titwettaq evalwazzjoni intiża għad-determinazzjoni ta’ jekk il-proġett innifsu, jew b’rabta ma pjanijiet jew proġetti oħra, jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona Natura 2000 […]

2.   Jekk l-awtorità tqis li l-proġett jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona Natura 2000, għandha titwettaq evalwazzjoni fid-dettall tal-effetti tal-proġett fuq iż-żona Natura 2000 fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona. Jekk mill-evalwazzjoni jirriżulta li l-proġett ser ikollu effett negattiv fuq iż-żona internazzjonali ta’ konservazzjoni tan-natura, l-applikant ma jista’ jingħata ebda awtorizzazzjoni, deroga jew permess.”

8

L-Artikolu 7(7) tal-imsemmi digriet jistipula:

“Huma suġġetti għall-Artikolu 6 il-proċeduri li ġejjin li huma koperti mil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent:

[…]

6)

awtorizzazzjoni ta’ stabbilimenti, etc. abbażi tal-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent […]

[…]”.

Id-Digriet dwar l-awtorizzazzjoni

9

L-Artikolu 70(2) tal-Godkendelsesbekendtgørelsen (Bekendtgørelse nr. 1458 om godkendelse af listevirksomhed) (id-Digriet Nru 1458, dwar l-Awtorizzazzjoni tal-Attivitajiet Suġġetti għal Awtorizzazzjoni), tat-12 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“L-istabbilimenti eżistenti koperti mill-punti I 203, I 205 […] tal-Anness 2 li ma għandhomx awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent għandhom iressqu applikazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni konformement mar-regoli stabbiliti f’dan id-digriet l-iktar tard sal-15 ta’ Marzu 2014.”

10

L-Anness 2 ta’ dan id-digriet jinkludi, b’mod partikolari, il-punti I 203 u I 205, li huma fformulati kif ġej:

“I 203. Il-farms tal-ħut, jiġifieri l-installazzjonijiet ta’ trobbija komposti minn gaġeġ, minn kaxxex bil-fili jew simili mqiegħda fl-ilma baħar meta l-installazzjoni kollha tinsab inqas minn mil nawtiku mill-kosta u li l-operat tagħhom jeħtieġ l-użu ta’ għalf għall-annimali.

[…]

I 205. Il-farms tal-ħut, jiġifieri l-installazzjonijiet ta’ trobbija komposti minn gaġeġ, minn kaxxex bil-fili jew simili mqiegħda fl-ilma baħar u li jinstabu kompletament jew parzjalment lil hinn minn mil nawtiku mill-kosta, u li l-operat tagħhom jeħtieġ l-użu ta’ għalf għall-annimali.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

11

AquaPri hija proprjetarja ta’ farm tal-ħut li jinstab fil-bajja ta’ Småland, qrib żona Natura 2000 li fiha jinsabu diversi tipi ta’ habitats naturali terrestri u akwatiċi kif ukoll diversi speċi ta’ għasafar selvaġġi. L-attività ta’ dan il-farm hija t-trobbija ta’ troti msejħa “qawsalla”, li tinvolvi l-emissjoni jew ir-rimi fl-ambjent ta’ nitroġenu, ta’ fosfru, ta’ ram u ta’ antibijotiċi.

12

Il-proġett li jikkonsisti fl-installazzjoni tal-imsemmi farm fiż-żona fejn huwa attwalment stabbilit kien is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni mogħtija fil-15 ta’ Frar 1999.

13

Matul is-sena 2006, AquaPri applikat sabiex tiġi awtorizzata żżid il-kwantità ta’ nitroġenu li jista’ jiġi emess mill-farm tagħha fi proporzjon ta’ 0.87 ta’ tunnellata, sabiex l-ammont jiżdied minn 15.6 tunnellati għal 16.47 tunnellati.

14

L-awtorità kompetenti evalwat il-kwistjoni ta’ jekk tali żieda setgħetx taffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona Natura 2000 li tinstab qrib dan il-farm, abbażi tal-leġiżlazzjoni Daniża dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tal-proġetti pubbliċi u privati li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Wara l-evalwazzjoni tagħha, hija qieset li ma kienx hemm, fi ħdan iż-żona kkonċernata, habitats naturali jew speċi ta’ għasafar selvaġġi sensittivi għan-nitroġenu u, għaldaqstant, li jistgħu ikunu affettwati b’mod sinjifikattiv mill-proġett ta’ AquaPri. Hija għalhekk awtorizzat lil din tal-aħħar sabiex timplimenta dan il-proġett permezz ta’ deċiżjoni li ġiet adottata fis-27 ta’ Ottubru 2006.

15

Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata quddiem l-awtorità tal-appell kompetenti, li kkonstatat li din kienet ivvizzjata minn difett sa fejn l-awtorità kompetenti ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-proġett ta’ AquaPri, l-eżistenza ta’ proġetti paralleli li kienu jikkonsistu fiż-żieda tal-kwantitajiet ta’ nitroġenu li jistgħu jiġu emessi minn tliet farms tal-ħut fl-akwati. Madankollu, l-awtorità tal-appell qieset li dan id-difett ma kienx jiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

16

Sa fejn l-istess deċiżjoni kienet barra minn hekk imponiet fuq AquaPri l-obbligu li tippreżenta, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Marzu 2014, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikoli 33 u 35 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, hekk kif previst fl-Artikolu 70(2) tad-Digriet dwar l-Awtorizzazzjoni, din il-kumpannija ppreżentat applikazzjoni f’dan is-sens.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, l-awtorità kompetenti ħarġet l-awtorizzazzjoni li għaliha saret l-applikazzjoni minn AquaPri wara li osservat, minn naħa, li l-kwantità ta’ nitroġenu emessa mill-farm proprjetà ta’ din tal-aħħar ser tibqa’ mhux mibdula meta mqabbla ma dik li kienet ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2006 u, min-naħa l-oħra, li mill-evalwazzjoni mwettqa wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kien jirriżulta li dan il-farm u t-tliet farms fl-akwati, ikkunsidrati flimkien, ma setgħux jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona Natura 2000 qrib tagħhom.

18

Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 kienet ġiet ikkontestata quddiem il-Kumitat għall-Appelli, li kien annullaha permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2018.

19

F’din l-aħħar deċiżjoni, il-Kumitat għall-Appelli qies, qabel kollox, li l-awtorizzazzjoni mogħtija lil AquaPri permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2006 ma kinitx ġiet ippreċeduta minn evalwazzjoni konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, sa fejn din l-evalwazzjoni kienet tirrigwarda l-effett individwali tal-proġett ikkonċernat, iżda mhux il-kwistjoni ta’ jekk dan il-proġett, ikkunsidrat flimkien mat-tliet farms l-oħra fl-akwati, setax jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona Natura 2000 li qribha kienu jinsabu dawn id-diversi farms.

20

Wara dan, il-Kumitat għall-Appelli kkonstata li pjan nazzjonali ta’ ġestjoni tal-ilma applikabbli għall-ilmijiet li kienu jinstabu fiż-żona kkonċernata kien ġie adottat għall-perijodu 2015 sa 2021, wara evalwazzjoni mwettqa konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, u li minn dan il-pjan kien b’mod partikolari jirriżulta li l-emissjoni ta’ kwantità totali ta’ 43 tunnellata ta’ nitroġenu kienet ġiet awtorizzata “sabiex jiġi ggarantit li l-farms tal-ħut eżistenti […] jkunu jistgħu jużaw l-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni li huma diġà għandhom”. Huwa madankollu qies, essenzjalment, li dawn il-konstatazzjonijiet ma kinux jaffetwaw l-obbligu impost fuq l-awtorità kompetenti, abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, li twettaq evalwazzjoni speċifika tal-farm proprjetà ta’ AquaPri, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-proġett setgħax jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona Natura 2000 qrib tiegħu.

21

Fl-aħħar, il-Kumitat għall-Appelli qies li l-kwantità ta’ nitroġenu emessa minn dan il-farm, meqjusa flimkien ma dik emessa mit-tliet farms fl-akwati, setgħet taffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona inkwistjoni.

22

AquaPri ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti kompetenti, li min-naħa tagħha bagħtet il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-kwistjonijiet iġġenerati mill-imsemmija kawża.

23

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) tindika, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata abbażi tal-leġiżlazzjoni li tiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 fid-dritt Daniż, qabel ma tosserva li, għalkemm dan l-artikolu ma jispeċifikax is-sens tal-kunċett ta’ “proġett” li għalih huwa jagħmel riferiment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 24 sa 26), u tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 6682 sa 83), jirriżulta li dan il-kunċett huwa usa mill-kunċett ta’ “proġett” li jinsab fid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif ukoll fid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), li ġiet qabilha.

24

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesponi, essenzjalment, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 ma tipprovdilhiex il-punti ta’ interpretazzjoni meħtieġa sabiex hija tkun tista’ tiddetermina jekk fil-kawża quddiemha hemmx inkwistjoni tali proġett.

25

F’dan ir-rigward, hija tindika, l-ewwel, li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tat lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali kienet intiża biss sabiex tippermetti li AquaPri tkompli l-attività tagħha ta’ farm tal-ħut li kien ilu jeżisti għal madwar ħmistax il-sena, f’kundizzjonijiet li baqgħu l-istess meta mqabbla ma dawk li fid-dawl tagħhom kienet ingħatatilha awtorizzazzjoni preċedenti. It-tieni, l-imsemmija awtorizzazzjoni preċedenti ingħatat wara evalwazzjoni li kienet tirrigwarda, esklużivament, l-eventwali effett ambjentali tal-proġett li kien jikkonsisti fiż-żieda tal-kwantità ta’ nitroġenu emessa minn dan il-farm u li għalhekk ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod konġunt, l-eżistenza ta’ proġetti paralleli u analogi. It-tielet, l-effett ambjentali konġunt ta’ dawn id-diversi farms ittieħed, madankollu, inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni li twettqet minn dak iż-żmien ’il hawn, abbażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, fid-dawl tal-awtorizzazzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ ġestjoni tal-ilma imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

26

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kellhiex titwettaq, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tat lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, evalwazzjoni ġdida abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, skont liema modalitajiet.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-[ewwel sentenza tal-]Artikolu 6(3) tad-Direttiva [92/43] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti li fiha tintalab awtorizzazzjoni sabiex jitkompla l-operat ta’ farm tal-ħut, fejn l-attività tal-farm tal-ħut u l-emissjoni tan-nitroġenu u ta’ nutrijenti oħra baqgħu l-istess meta mqabbla mal-attività u mal-emissjoni awtorizzati fl‑2006, iżda fejn ma saret ebda evalwazzjoni tal-attività ġenerali u tal-effetti kumulattivi tal-farms tal-ħut kollha fiż-żona inkonnessjoni mal-awtorizzazzjoni preċedenti tal-farm tal-ħut, sa fejn l-awtoritajiet rilevanti eżaminaw biss l-emissjoni addizzjonali ġenerali tan-nitroġenu eċċ, mill-farm tal-ħut ikkonċernat?

2)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, li l-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku 2015-2021 jieħu inkunsiderazzjoni l-preżenza ta’ farms tal-ħut fiż-żona sa fejn jiżgura ammont speċifiku ta’ nitroġenu sabiex il-farms tal-ħut eżistenti fiż-żona jkunu jistgħu jużaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ emissjonijiet preżenti tagħhom u li l-emissjonijiet attwali mill-farms tal-ħut jibqgħu fil-limiti stabbiliti?

3)

Jekk, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża preżenti, għandha ssir evalwazzjoni skont l-[ewwel sentenza tal-]Artikolu 6(3) tad-Direttiva [92/43], l-awtorità rilevanti hija rikjesta, inkonnessjoni ma’ din l-evalwazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-limiti tal-emissjonijiet tan-nitroġenu previsti fil-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku 2015-2021 u kwalunkwe informazzjoni oħra u evalwazzjonijiet rilevanti li jistgħu jirriżultaw mill-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Baċir Idrografiku jew mill-pjan Natura 2000 għaż-żona?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li it-tkomplija, f’kundizzjonijiet li baqgħu l-istess, tal-attività ta’ installazzjoni li diġà ġiet awtorizzata fl-istat ta’ proġett għandha tiġi suġġetta għall-obbligu ta’ evalwazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni fil-każ fejn, minn naħa, l-evalwazzjoni li saret qabel din l-awtorizzazzjoni kienet tirrigwarda biss l-effett ta’ dan il-proġett ikkunsidrat individwalment, filwaqt li ma tteħditx inkunsiderazzjoni il-konġunzjoni tiegħu ma proġetti oħra, u fejn, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorizzazzjoni tissuġġetta din it-tkomplija għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni ġdida prevista mid-dritt intern.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 tipprevedi li kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għall-ġestjoni ta’ żona Natura 2000, iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikattiv fuqha, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq l-imsemmija żona, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħha.

30

Hekk kif jirriżulta mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, l-obbligu ta’ evalwazzjoni li hija tipprevedi ma japplikax biss fil-każ fejn pjan jew proġett, ikkunsidrat individwalment, jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv żona li fir-rigward tal-ġestjoni tagħha dan il-pjan jew dan il-proġett ma huwiex direttament marbut jew meħtieġ. Fil-fatt, din tapplika wkoll fil-każ fejn hija l-konġunzjoni tal-imsemmi pjan jew tal-imsemmi proġett ma pjanijiet jew ma proġetti oħra li tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona kkonċernata.

31

Kemm fl-ewwel każ kif ukoll fl-ieħor, il-pjan jew il-proġett inkwistjoni għandu għalhekk jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq iż-żona kkonċernata, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħha.

32

Din l-evalwazzjoni għandha min-naħa tagħha tkun “xierqa”, rekwiżit li jimplika li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kollha li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni, ikkunsidrat individwalment jew b’mod konġunt ma pjanijiet jew ma proġetti oħra, jista’ jkollu fuq iż-żona kkonċernata u, għaldaqstant, li din l-awtorità tidentifika u tevalwa l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 49, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punti 334345).

33

Dan espost, u hekk kif jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, l-obbligu ta’ evalwazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni japplika biss meta jkun hemm pjan jew proġett.

34

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett “proġett”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, dan il-kunċett huwa usa minn dak li jinstab fid-Direttivi 85/337 u 2011/92, li jagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ xogħlijiet jew ta’ interventi li jbiddlu r-realtà fiżika ta’ żona. Fil-fatt, l-imsemmi kunċett jinkludi wkoll attivitajiet oħra li, mingħajr ma huma marbuta jew meħtieġa għall-ġestjoni ta’ żona protetta, jistgħu jaffettwa din iż-żona b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 61 sa 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Madankollu, meta attività li tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv żona protetta diġà ġiet awtorizzata, fl-istat ta’ proġett, it-tkomplija ta’ din l-attività tista’ titqies bħala proġett ġdid jew separat li għandu jiġi suġġett għal evalwazzjoni ġdida abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, biss fl-assenza ta’ kontinwità jew ta’ identità bejn l-attività awtorizzata u l-attività li għaliha saret applikazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari kemm tan-natura ta’ dawn l-attivitajiet kif ukoll tal-post u tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 83, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 129 sa 131).

36

Fil-każ ta’ kontinwità jew ta’ identità ta’ tali attività, it-tkomplija tagħha għandha, effettivament, titqies bħala li tifforma parti minn proġett uniku u diġà awtorizzat, li ma għandhiex tiġi suġġetta għal evalwazzjoni ġdida abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 7879; tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 128, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment, C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 35).

37

F’dan il-każ, mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 f’tilwima li tirrigwarda t-tkomplija tal-attività ta’ installazzjoni li diġà ġiet awtorizzata fl-istat ta’ proġett, f’kundizzjonijiet li baqgħu l-istess meta mqabbla ma dawk li fid-dawl tagħhom kienet ingħatat l-imsemmija awtorizzazzjoni. Għalhekk, minn din il-perspettiva, ma jidhirx li jeżisti proġett ġdid jew separat li għandu jiġi suġġett għal evalwazzjoni ġdida abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu biss mill-qorti tar-rinviju.

38

Fit-tieni lok, għandu madankollu jiġi osservat li, peress li l-Istati Membri huma obbligati li josservaw l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 u, b’mod iktar partikolari, l-obbligu ta’ evalwazzjoni previst fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi aċċettat li ma tista’ tinsilet ebda konsegwenza legali mill-ksur ta’ dan l-obbligu fil-każ fejn tali ksur ikollu jiġi kkonstatat, f’deċiżjoni definittiva, mill-awtorità jew mill-qorti nazzjonali kompetenti.

39

Bil-kontra ta’ dan, hekk kif ġie stipulat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni simili stabbilit permezz tad-Direttiva 85/337, anki fil-każ fejn l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li seħħet bi ksur ta’ dan l-obbligu hija ta’ natura definittiva, dan il-proġett ma jistax madankollu jitqies bħala li ġie awtorizzat legalment fid-dawl tal-imsemmi obbligu, b’tali mod li l-Istat Membru kkonċernat għandu, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, ineħħi l-konsegwenzi illegali tal-ksur li huwa wettaq billi jadotta, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, il-miżuri kollha li huma neċessarji sabiex jirrimedja għalihom (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punti 71758090 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’mod partikolari, hekk kif essenzjalment osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 29 u 30 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ fejn proġett ġie awtorizzat wara evalwazzjoni mhux konformi mar-rekwiżiti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha twettaq eżami a posteriori tal-effetti tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett fuq iż-żona kkonċernata, abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, jekk dan l-eżami jikkostitwixxi l-unika miżura xierqa sabiex jiġi evitat li din l-eżekuzzjoni tirriżulta f’deterjorazzjoni jew fi tfixkil li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 46).

41

Madankollu, tali eżami a posteriori, ibbażat fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, ma jikkostitwixxix l-unika miżura xierqa li l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi msejħa li tadotta.

42

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li, sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida konformi mar-rekwiżiti applikabbli, din l-awtorità tirtira jew tissospendi l-awtorizzazzjoni diġà mogħtija dejjem sakemm dawn il-miżuri jittieħdu f’terminu raġonevoli u sakemm jittieħed inkunsiderazzjoni l-estent li fih il-persuna kkonċernata setgħet eventwalment tafda fuq il-legalità ta’ din l-awtorizzazzjoni, jew saħansitra li l-imsemmija awtorità twettaq, f’ċerti każi eċċezzjonali previsti fir-regoli tad-dritt intern, regolarizzazzjoni, li għandha għalhekk tkun mhux biss konformi ma dawn ir-rekwiżiti, iżda li għandha wkoll isseħħ f’kundizzjonijiet li jeskludu kull riskju ta’ evitar jew ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punti 75 sa 7792 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn hekk, fil-każ fejn Stat Membru ppreveda, kemm jekk f’att ta’ portata ġenerali, kif ukoll jekk f’att ta’ portata individwali, li t-tkomplija ta’ attività diġà awtorizzata għandha tkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ġdida, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata li tissuġġettaha għal evalwazzjoni ġdida konformi mar-rekwiżiti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, meta jirriżulta li l-imsemmija attività għadha ma kinitx is-suġġett ta’ tali evalwazzjoni konformi, u f’dan il-każ din l-awtorità jkollha tislet il-konsegwenzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa minn din l-evalwazzjoni ġdida fil-kuntest tad-deċiżjoni li hija għandha tadotta dwar l-eventwali awtorizzazzjoni ġdida li għandha tingħata.

44

Issa, f’dan il-każ, mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda u mill-espożizzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punt 16 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorizzazzjoni mogħtija fis-27 ta’ Ottubru 2006 kienet tipprevedi li t-tkomplija tal-attività tal-farm inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tkun is-suġġett, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Marzu 2014, ta’ applikazzjoni ġdida għal awtorizzazzjoni, hekk kif previst fl-Artikolu 70(2) tad-Digriet dwar l-Awtorizzazzjoni.

45

Mill-espożizzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punti 15 u 19 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li l-evalwazzjoni li twettqet matul is-sena 2006 mill-awtorità kompetenti, qabel l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 sa fejn din kienet tikkonċerna biss l-effett individwali tal-proġett ikkonċernat u mhux l-effett ta’ dan il-proġett ikkunsidrat b’mod konġunt ma proġetti oħra.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, irrispettivament mill-miżura li tintgħażel sabiex jitneħħew il-konsegwenzi illegali tal-ksur ta’ obbligu ta’ evalwazzjoni bħal dak previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, l-Istat Membru responsabbli għal dan il-ksur jista’ jkun obbligat, jekk tali miżura twassal għal kontestazzjoni jew għall-emendar tal-awtorizzazzjoni mogħtija wara l-imsemmi ksur, li jagħmel tajjeb għal kull dannu li l-aġir tiegħu seta’ kkawża lill-operatur ekonomiku li bbenefika minn din l-awtorizzazzjoni, hekk kif issostni f’dan il-każ AquaPri u hekk kif għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali kompetenti.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tkomplija, f’kundizzjonijiet li baqgħu l-istess, tal-attività ta’ installazzjoni li diġà ġiet awtorizzata fl-istat ta’ proġett ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi suġġetta għall-obbligu ta’ evalwazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, fil-każ fejn, minn naħa, l-evalwazzjoni li saret qabel din l-awtorizzazzjoni kienet tirrigwarda biss l-effett ta’ dan il-proġett ikkunsidrat individwalment, filwaqt li ma tteħditx inkunsiderazzjoni il-konġunzjoni tiegħu ma proġetti oħra, u fejn, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorizzazzjoni tissuġġetta din it-tkomplija għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni ġdida prevista mid-dritt intern, din tal-aħħar għandha tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni ġdida konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

48

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu trattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li t-tkomplija tal-attività ta’ installazzjoni li diġà ġiet awtorizzata fl-istat ta’ proġett wara evalwazzjoni mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, tiġi suġġetta għal evalwazzjoni ġdida konformi ma dawn ir-rekwiżiti u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni l-ġdida, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni evalwazzjonijiet imwettqa fil-frattemp, bħal dawk li twettqu qabel l-adozzjoni ta’ pjan nazzjonali ta’ ġestjoni ta’ baċir idrografiku u ta’ pjan Natura 2000 li jirrigwarda, b’mod partikolari, iż-żona li fiha tinstab iż-żona li tista’ tiġi affettwata minn din l-attività.

49

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 29 u 32 ta’ din is-sentenza, kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għall-ġestjoni ta’ żona, iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikattiv fuqha, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq l-imsemmija żona, rekwiżit li jimplika l-identifikazzjoni, l-evalwazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq din tal-aħħar.

50

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali pjan jew proġett għandu jiġi suġġett għal tali evalwazzjoni meta teżisti probabbiltà jew riskju li dan jaffettwa b’mod sinjifikattiv iż-żona kkonċernata, kundizzjoni li, meqjus il-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandha titqies bħala li hija ssodisfatta meta l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju ta’ effetti dannużi sinjifikattivi fuq din iż-żona ma tistax tiġi eskluża abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam inkwistjoni, meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tal-imsemmija żona (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 43 sa 4549; tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 111 sa 113, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment, C‑254/19, EU:C:2020:680, punti 5051).

51

Barra minn hekk, fil-każ fejn il-pjan jew il-proġett inkwistjoni għandu jiġi suġġett għal tali evalwazzjoni, din tista’ titqies li hija xierqa biss jekk il-konstatazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jinsabu fiha jkunu ta’ natura kompleta, preċiża u definittiva, minn naħa, u jekk dawn huma ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq iż-żona kkonċernata, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114, u tad-9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment, C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 53).

52

Fl-aħħar, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li pjan jew proġett jiġi suġġett għal evalwazzjoni abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, sabiex din titwettaq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet li setgħu twettqu preċedentement jekk dawn huma rilevanti u jekk il-konstatazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jinstabu fihom huma, anki dawn, ta’ natura kompleta, preċiża u definittiva. Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-evalwazzjonijiet preċedenti jippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju ta’ effetti dannużi sinjifikattivi tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni fuq iż-żona kkonċernata biss sakemm id-data xjentifika u ambjentali ma tkunx żviluppat wara li dawn ikunu ġew implimentati, minn naħa, u sakemm ma jeżistux pjanijiet jew proġetti oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni iżda li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, jew li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni kompletament jew korrettament, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment, C‑254/19, EU:C:2020:680, punti 54 sa 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Fil-fatt huwa fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-eventwali awtorizzazzjoni li għandha tingħata għall-pjan jew għall-proġett inkwistjoni, fid-dawl tal-evalwazzjoni tiegħu, li ma għandu jkun hemm ebda dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-assenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju ta’ effetti dannużi sinjifikattivi ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq iż-żona kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 120).

54

Dawn il-prinċipji jistgħu jiġu trasposti għall-każ, imsemmi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, fejn Stat Membru ippreveda, kemm jekk f’att ta’ portata ġenerali, kif ukoll jekk f’att ta’ portata individwali, li t-tkomplija ta’ attività diġà awtorizzata fl-istat ta’ proġett għandha tkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ġdida.

55

B’konsegwenza ta’ dan, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, kemm sabiex tiddetermina jekk din l-awtorizzazzjoni l-ġdida għandhiex tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni ġdida abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 kif ukoll, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, sabiex twettaq din l-evalwazzjoni l-ġdida, ta’ evalwazzjonijiet imwettqa preċedentement jekk dawn tal-aħħar humiex rilevanti u jekk il-konstatazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jinstabu fihom humiex ta’ natura kompleta, preċiża u definittiva.

56

Madankollu, l-eżistenza ta’ tali evalwazzjonijiet preċedenti fl-ebda każ ma teżenta lill-awtorità nazzjonali kompetenti mill-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha dwar l-eventwali awtorizzazzjoni li għandha tingħata kif ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni li ssir qabilha, l-elementi kollha li kienu jeżistu fid-data ta’ meta ttieħdet din id-deċiżjoni jew ta’ meta twettqet din l-evalwazzjoni u, b’mod iktar partikolari, l-effetti kollha li l-implimentazzjoni tal-proġett, suġġett tad-deċiżjoni u tal-evalwazzjoni, u l-attività li tirriżulta minn dan setgħa kellhom fuq iż-żona kkonċernata wara l-awtorizzazzjoni inizjali ta’ dan il-proġett, bl-istess mod bħallikieku din l-awtorità kienet qed twettaq eżami a posteriori tal-imsemmi proġett abbażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punti 6162).

57

F’dan il-każ, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-evalwazzjonijiet preċedenti li għalihom hija tagħmel riferiment f’dawn id-domandi jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema konsegwenzi ta’ fatt jew ta’ liġi għandhom jew kellhom jinsiltu mill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tat-tkomplija tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, sa fejn meħtieġ, tal-evalwazzjoni minn qabel tagħha.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li it-tkomplija tal-attività ta’ installazzjoni li diġà ġiet awtorizzata fl-istat ta’ proġett wara evalwazzjoni mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, tiġi suġġetta għal evalwazzjoni ġdida konformi ma dawn ir-rekwiżiti u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni ġdida, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni evalwazzjonijiet imwettqa fil-frattemp, bħal dawk li twettqu qabel l-adozzjoni ta’ pjan nazzjonali ta’ ġestjoni ta’ baċir idrografiku u ta’ pjan Natura 2000 li jirrigwarda, b’mod partikolari, iż-żona li fiha tinstab iż-żona li tista’ tiġi affettwata minn din l-attività, jekk dawn l-evalwazzjonijiet preċedenti huma rilevanti u jekk il-konstatazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jinstabu fihom huma ta’ natura kompleta, preċiża u definittiva.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

it-tkomplija, f’kundizzjonijiet li baqgħu l-istess, tal-attività ta’ installazzjoni li diġà ġiet awtorizzata fl-istat ta’ proġett ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi suġġetta għall-obbligu ta’ evalwazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, fil-każ fejn, minn naħa, l-evalwazzjoni li saret qabel din l-awtorizzazzjoni kienet tirrigwarda biss l-effett ta’ dan il-proġett ikkunsidrat individwalment, filwaqt li ma tteħditx inkunsiderazzjoni il-konġunzjoni tiegħu ma proġetti oħra, u fejn, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorizzazzjoni tissuġġetta din it-tkomplija għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni ġdida prevista mid-dritt intern, din tal-aħħar għandha tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni ġdida, konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni;

 

2)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li it-tkomplija tal-attività ta’ installazzjoni li diġà ġiet awtorizzata fl-istat ta’ proġett wara evalwazzjoni mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, tiġi suġġetta għal evalwazzjoni ġdida konformi ma dawn ir-rekwiżiti u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni ġdida, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni evalwazzjonijiet imwettqa fil-frattemp, bħal dawk li twettqu qabel l-adozzjoni ta’ pjan nazzjonali ta’ ġestjoni ta’ baċir idrografiku u ta’ pjan Natura 2000 li jirrigwarda, b’mod partikolari, iż-żona li fiha tinstab iż-żona li tista’ tiġi affettwata minn din l-attività, jekk dawn l-evalwazzjonijiet preċedenti huma rilevanti u jekk il-konstatazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jinstabu fihom huma ta’ natura kompleta, preċiża u definittiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.