SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Dispożizzjonijiet ġodda dwar ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u tal-leave għal raġuni ta’ distanza – Rabta mal-istatus ta’ deportat jew ta’ espatrijat – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawżi magħquda C‑517/19 P u C‑518/19 P,

li għandhom bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ Lulju 2019,

María Álvarez y Bejarano, residenti f’Namur (il-Belġju),

Ana-Maria Enescu, residenti f’Overijse (il-Belġju),

Lucian Micu, residenti fi Brussell (il-Belġju),

Angelica Livia Salanta, residenti f’Feschaux (il-Belġju),

Svetla Shulga, residenti f’Wezembeek-Oppem (il-Belġju),

Soldimar Urena de Poznanski, residenti f’Laeken (il-Belġju),

Angela Vakalis, residenti fi Brussell,

Luz Anamaria Chu, residenti fi Brussell,

Marli Bertolete, residenti fi Brussell,

María Castro Capcha, residenti fi Brussell,

Hassan Orfe El, residenti f’Leeuw-Saint-Pierre (il-Belġju),

Evelyne Vandevoorde, residenti fi Brussell (C‑517/19 P),

Jakov Ardalic, residenti fi Brussell,

Liliana Bicanova, residenti f’Taintignies (il-Belġju),

Monica Brunetto, residenti fi Brussell,

Claudia Istoc, residenti f’Waremme (il-Belġju),

Sylvie Jamet, residenti fi Brussell,

Despina Kanellou, residenti fi Brussell,

Christian Stouraitis, residenti f’Wasmuel (il-Belġju),

Abdelhamid Azbair, residenti f’Ruysbroeek Leeuw-Saint-Pierre (il-Belġju),

Abdel Bouzanih, residenti fi Brussell,

Bob Kitenge Ya Musenga, residenti f’Nieuwerkerken, Alost (il-Belġju),

El Miloud Sadiki, residenti fi Brussell,

Cam Tran Thi, residenti fi Brussell (C‑518/19 P),

irrappreżentati minn S. Orlandi u T. Martin, avukati

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u B. Mongin, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza (C‑517/19 P),

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza (C‑518/19 P),

intervenjent fl-ewwel istanza (C‑517/19 P),

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Gonzáles Argüelles u E. Taneva, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza (C‑517/19 u C‑518/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, Maria Alvarez y Bejarano, Ana- Maria Enescu, Angelica Livia Salanta, Svetla Shulga, Soldimar Urena de Poznanski, Angela Vakalis, Luz Anamaria Chu, Marli Bertolete, Maria Castro Capcha u Evelyne Vandevoorde kif ukoll Lucian Micu u Hassan Orfe El, minn naħa (C‑517/19), Jakov Ardalic, Christian Stouraitis, Abdelhamid Azbair, Abdel Bouzanih, Bob Kitenge Ya Musenga, El Miloud Sadiki u Cam Tran Thi kif ukoll Liliana Bicanova, Monica Brunetto, Claudia Istoc, Sylvie Jamet u Despina Kanellou, min-naħa l-oħra (C‑518/19), jitolbu l-annullament, rispettivament, tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ April 2019, Alvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni (T‑516/16 u T‑536/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza appellata”, EU:T:2019:267), u tat‑30 ta’ April 2019, Ardalic et vs Il‑Kunsill (T‑523/16 u T‑542/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza appellata”, EU:T:2019:272), li permezz tagħhom din ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet, rispettivament, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li dawn ma jingħatawx iktar, mill‑1 ta’ Jannar 2014, id-dritt għal jumejn u nofs ta’ leave supplimentari, kull sena, biex imorru fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom (iktar ’il quddiem il-“leave għal raġuni ta’ distanza”) u d-dritt għall-ħlas ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż ta’ vvjaġġar annwali mill-post tal-impjieg sal-post tal-oriġini (iktar ’il quddiem ir-“rimbors għall-ispejjeż ta’ vvjaġġar annwali”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti tal-Unjoni

2

L-Artikolu 7 tal-Anness V, intitolat “Regoli dwar l-għoti tal-leave”, tar-Regolament tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15, rettifika fil-ĠU L 175, 4.7.2015, p. 126) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal preċedenti”), kien ifformulat kif ġej:

“It-tul tal-[leave annwali] għandu jiżdied b’leave għal raġuni ta’ distanza kkalkolat abbażi tad-distanza bil-ferrovija li tissepara l-post tal-leave mill-post ta’ impjieg, fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

Għal-leave annwali, il-post tal-leave, fis-sens ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun il-post tal-oriġini.

Id-dispożizzjonijiet preċedenti japplikaw għall-uffiċjali li l-post tal-impjieg tagħhom ikun jinsab fit-territorji tal-Istati Membri. Jekk il-post tal-impjieg ikun jinsab barra minn dawn it-territorji, il-leave għal raġuni ta’ distanza għandu jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni speċjali, li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet partikolari.”

3

Skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma kif ukoll tal-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, l-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti kien applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

4

L-Artikolu 7 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, intitolat “Regoli dwar ir-remunerazzjoni u r-rimborsi tal-ispejjeż”, kien jipprovdi:

“1.   Uffiċjal ikun intitolat għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu, għalih innifsu, għall-konjuġi tiegħu u għad-dipendenti tiegħu li effettivament jgħixu fl-entità domestika tiegħu:

a)

meta jiġi impjegat, mill-post fejn ikun ġie rreklutat sal-post tal-impjieg;

b)

mat-terminazzjoni definittiva tas-servizzi skont l-Artikolu 47 tar-[Regolamenti tal-Persunal preċedenti], mill-post tal-impjieg sal-post tal-oriġini kif iddefinit fil-paragrafu 3 iktar ’il fuq;

c)

ma’ kwalunkwe trasferiment li jinvolvi bidla fil-post tal-impjieg.

[…]

3.   Il-post tal-oriġini tal-uffiċjal jiġi ddeterminat, mal-ħatra tiegħu, fid-dawl tal-post tar-reklutaġġ jew taċ-ċentru tal-interessi tiegħu. Sussegwentement, din id-determinazzjoni tista’, waqt li l-persuna kkonċernata tkun fil-kariga, u fl-okkażjoni tat-tluq tagħha, tiġi rriveduta permezz ta’ deċiżjoni speċjali tal-Awtorità tal-Ħatra. Madanakollu, sakemm il-persuna kkonċernata tkun fil-kariga, din id-deċiżjoni tista’ tittieħed b’mod eċċezzjonali biss u wara li l-persuna interessata tipprovdi evidenza ta’ sostenn xierqa għat-talba tagħha.”

5

L-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, jipprovdi:

“1.   L-uffiċjal għandu dritt għalih inniffsu kull sena u, jekk huwa intitolat għall-allowance tad-dar, għall-konjuġi tiegħu u għall-persuni dipendenti fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ dan l-anness għall-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-post tal-impjieg lejn il-post ta’ oriġini ddefinit fl-Artikolu 7 ta’ dan l-anness.

[…]

2.   Il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance ikkalkolata għal kull kilometru tad-distanza bejn il-post tal-impjieg tal-uffiċjal u l-post tar-reklutaġġ jew tal-oriġini;

[…]

4.   Id-dispożizzjonijiet preċedenti japplikaw għall-uffiċjal li l-post tal-impjieg tiegħu jkun jinsab fit-territorji ta’ Stat Membru. […]

Ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż tal-ivvjaġġar isir fil-forma ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ispiża tal-vjaġġ bl-ajru fil-klassi immedjatament ogħla mill-klassi ekonomika.”

6

Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 22, 26 u 92 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, l-Artikoli 7 u 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti kienu, bħala prinċipju, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni

7

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014;

8

Skont il-premessi 2, 12 u 24 tar-Regolament Nru 1023/2013:

“(2)

B’konsegwenza ta’ dan, teżisti l-ħtieġa li jiġi garantit qafas biex jiġbed, jirrekluta u jżomm persunal ta’ kwalità għolja u multilingwi, meħud fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri, u b’kunsiderazzjoni dovuta lill-bilanċ tal-ġeneru, li jkun indipendenti u jirrispetta l-ogħla standards professjonali, u li jippermetti li t-tali persunal iwettaq id-dmirijiet tiegħu b’kemm jista’ jkun effikaċja u effiċjenza. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħelbu d-diffikultajiet attwali li l-istituzzjonijiet qed jgħaddu minnhom fir-reklutaġġ tal-uffiċjali jew tal-persunal minn ċerti Stati Membri.

[…]

(12)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2013 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, il-Kunsill Ewropew indika li l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi fit-terminu qasir, medju u twil tirrikjedi sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u mill-persunal tagħha biex titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja u taġġusta ruħha għall-kuntest ekonomiku li qiegħed jinbidel. Tali appell fil-fatt tenna l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 għall-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, li għamlet sforz biex tiggarantixxi kosteffiċjenza u rrikonoxxiet li l-isfidi li attwalment qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea jeħtieġu sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u minn kull membru tal-persunal tagħha bil-għan ta’ titjib tal-effiċjenza u ta’ aġġustament għall-kuntest ekonomiku u soċjali fl-Ewropa li qiegħed jinbidel. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew appella, bħala parti mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, għal aġġustament tar-rimunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-persunal kollu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tas-sospensjoni għal sentejn tal-metodu u għar-reintroduzzjoni ta’ imposta ta’ solidarjetà ġdida bħala parti mir-riforma tal-metodu tas-salarji.

[…]

(24)

Ir-regoli dwar il-ħin ta’ vjaġġar u l-ħlas annwali tal-ispejjeż tal-ivjaġġar bejn il-post tax-xogħol u l-post tal-oriġini għandhom jiġu mmodernizzati, razzjonalizzati u jintrabtu aktar mal-istatus ta’ espatrijazzjoni, sabiex l-applikazzjoni tagħhom issir waħda aktar sempliċi u trasparenti. B’mod partikolari, il-ħin ta’ vjaġġar annwali għandu jiġi mibdul bil-leave fil-post tal-oriġini u limitat għal massimu ta’ jumejn u nofs.”

9

L-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Leave”, jipprovdi:

“L-uffiċjali li huma intitolati għall-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barranija jkunu intitolati għal leave supplimentari ta’ jumejn u nofs kull sena, għall-fini li jżuru l-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

L-ewwel paragrafu japplika għall-uffiċjali li l-post tax-xogħol tagħhom ikun qiegħed fit-territorji tal-Istati Membri. Jekk il-post tal-impjieg qiegħed barra minn dawn it-territorji, it-tul tal-leave fil-pajjiż tal-oriġini jkun stabbilit b’deċiżjoni speċjali, li tikkunsidra l-ħtiġijiet partikolari.”

10

Skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013 (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”), l-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal huwa applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt.

11

L-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Ir-remunerazzjoni u r-Rimborsar ta’ spejjeż”, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 21 u 92 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas, daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:

(a)

lill-uffiċjali:

li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li [fit-territorju] tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati, u

li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju [Ewropew] ta’ dak l-Istat. Għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni, iċ-ċirkostanzi li jinħolqu minn xogħol li sar [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux ikkunsidrati;

(b)

għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

[…]

2.   Uffiċjal li m’huwiex u qatt ma kien ċittadin ta’ l-Istat li huwa impjegat fit-territorju tiegħu u ma jħarisx il-kondizzjonijiet imniżżla fil-pragrafu 1 ikun intitolat għal benefiċċju ta’ residenza barranija daqs kwart ta’ l-allowance ta’ l-espatrijazzjoni.

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, uffiċjal li, biż-żwieġ, awtomatikament akkwista, mingħajr il-possibbiltà li jirrinunzja, iċ-ċittadinanza fl-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ l-impieg tiegħu jew tagħha, ikun ittrattat bl-istess mod bħall-uffiċjal kopert mill-ewwel inċiż tal-paragrafu 1(a).”

12

L-Artikolu 7 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi:

“1.   Uffiċjal ikun intitolat għal ħlas b’rata fissa li jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar għalih innifsu, il-konjuġi tiegħu u d-dipendenti tiegħu li attwalment jgħixu fl-entità domestika tiegħu:

(a)

meta jiġi impjegat, mill-post fejn huwa kien ġie ingaġġat sal-post fejn ikun impjegat;

(b)

mat-terminazzjoni tas-servizzi skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-post minn fejn huwa impjegat sal-post tal-oriġini kif definit fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

jew kwalunkwe trasferiment li jinvolvi bidla fil-post fejn huwa impjegat.

Fiċ-ċirkostanza tal-mewt ta’ uffiċjal, il-konjuġi ħaj(ja) u d-dipendenti jkunu intitolati għal ħlas b’rata fissa skont l-istess kondizzjonijiet.

[…]

4.   Il-post tal-oriġini ta’ uffiċjal jiġi ddeterminat mal-ħatra tiegħu, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ minn fejn ikun ġie rreklutat jew, fuq talba ċara u motivata xierqa, iċ-ċentru tal-interessi tiegħu. Il-post tal-oriġini li jkun ġie stabbilit b’dan il-mod jista’, b’deċiżjoni speċjali tal-awtorità tal-ħatra, jinbidel waqt li l-membru tal-persunal ikun fis-servizz jew meta jitlaq mis-servizz. Madanakollu, meta jkun fis-servizz, deċiżjoni bħal din tittieħed b’mod eċċezzjonali biss u wara li l-uffiċjal jipprovdi evidenza ta’ sostenn xieraq.

[…]”

13

L-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“1.   L-uffiċjali intitolati għal allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jkunu intitolati, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2, għal ħlas b’rata fissa kull sena kalendarja li jkun jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar mill-post tax-xogħol sal-post tal-oriġini kif inhu definit fl-Artikolu 7 għalihom infushom u, jekk ikunu intitolati għal allowance ta’ entità domestika, għall-konjuġi u d-dipendenti fit-tifsira tal-Artikolu 2.

[…]

2.   […]

Fejn il-post tal-oriġini kif definit fl-Artikolu 7 jkun ’il barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll ’il barra mill-pajjiżi u t-territorji mniżżla fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, il-ħlas b’rata fissa jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta’ distanza ġeografika bejn il-post tax-xogħol tal-uffiċjal u l-belt kapitali tal-Istat [Membru] li jkun ċittadin tiegħu.

[…]

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-uffiċjali li l-post tal-impjieg tagħhom ikun fit-territorju tal-Istati Membri. […]

Il-ħlas b’rata fissa għandu jkun ibbażat fuq il-prezz tal-vjaġġ bl-ajru bil-klassi ekonomika.”

14

Skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 22, 26 u 92 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, l-Artikoli 7 u 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma, taħt ċerti kundizzjonijiet, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju u, b’analoġija, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

Il-fatti li wasslu għall-kawżi

15

Il-fatti li wasslu għall-kawżi, kif ippreżentati fil-punti 8 sa 14 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 8 sa 14 tat-tieni sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

16

Ir-rikorrenti fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P, uffiċjali jew membri tal-persunal bil-kuntratt rispettivament tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, huma assenjati fil-Belġju. Il-post tal-oriġini tagħhom jinsab barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Huma għandhom ċittadinanza doppja, fosthom in-nazzjonalità Belġjana. L-ebda wieħed minnhom ma jirċievi allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija.

17

Filwaqt li huma kienu jibbenefikaw, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, minn leave għal raġuni ta’ distanza u mir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, ir-rikorrenti ma għandhomx iktar dritt għal dawn il-benefiċċji wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, minħabba li dawn ma jissodisfawx il-kundizzjoni li issa hija imposta fl-Artikolu 7 tal-Anness V u fl-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li tgħid li l-imsemmija benefiċċji jingħataw biss lill-uffiċjali li għandhom dritt għal allowance tal-espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija.

18

Ir-rikorrenti, li ħadu konjizzjoni ta’ dawn l-emendi billi kkonsultaw il-fajl personali tagħhom, ressqu lmenti quddiem l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

19

Permezz ta’ żewġ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis‑26 ta’ Awwissu 2014 u fis‑26 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑517/19 P ippreżentaw żewġ rikorsi, irreġistrati bin-numri tal-Kawżi F‑85/14 u F‑13/15, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jikkonċernawhom.

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid‑29 ta’ Settembru 2014, l-appellanti fil-Kawża C‑518/19 P ippreżentaw rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża F‑100/14, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jikkonċernawhom. Permezz ta’ rikors ieħor ippreżentat fir-Reġistru tal-imsemmi tribunal fis‑16 ta’ Frar 2015, disgħa minn dawn ir-rikorrenti ppreżentaw rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża F‑27/15, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet li ma jingħatawx iktar ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali.

21

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), dawn l-erba’ rikorsi ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali fl-istat li dawn kienu jinsabu fih fid-data tal‑31 ta’ Awwissu 2016. Dawn ġew irreġistrati bin-numri T‑516/16, T‑523/16, T‑536/16 u T‑542/16.

Is-sentenzi appellati

22

Insostenn tar-rikorsi rispettivi tagħhom fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P invokaw tliet motivi, imfassla b’mod identiku, li permezz tagħhom ġiet eċċepita l-illegalità tal-Artikolu 7 tal-Anness V u tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq l-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tirriżulta minn “tqegħid indiskussjoni tal-post ta’ oriġini tar-rikorrenti”, it-tieni, fuq l-illegalità tal-kundizzjoni marbuta mal-benefiċċju tal-allowances ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni u, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja.

23

Fl-ewwel u fit-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, għal raġunijiet sostanzjalment identiċi, ċaħdet il-motivi kollha mressqa mir-rikorrenti u ċaħdet ir-rikorsi.

24

Fir-rigward tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-emendi magħmula bir-Regolament Nru 1023/2013 ma kinux poġġew indiskussjoni l-iffissar tal-post ta’ oriġini tal-appellanti, peress li dan baqa’ joħloq effetti, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasport tal-ġisem lejn il-post ta’ oriġini f’każ ta’ mewt matul is-servizz kif ukoll taċ-ċaqliq lejn il-post ta’ oriġini waqt il-waqfien tal-funzjonijiet (punti 49 sa 54 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll il-punti 47 sa 52 tat-tieni sentenza appellata).

25

F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv, li permezz tiegħu l-appellanti lmentaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u l-għoti ta’ leave għal raġuni ta’ distanza għall-kundizzjoni li wieħed jibbenefika minn allowance ta’ residenza barranija jew tal-espatrijazzjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali qieset, qabel kollox, billi rreferiet għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni (F‑43/05, EU:F:2007:14, punt 61), li l-iffissar tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-rimbors ta’ tali spejjeż u tal-għoti ta’ tali leave jidħol taħt qasam tal-leġiżlazzjoni li fiha l-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (punt 66 tal-ewwel sentenza appellata u punt 64 tat-tieni sentenza appellata). Din qieset li, f’tali qasam, il-qorti tal-Unjoni kellha tillimita ruħha li tivverifika, “fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u dak ta’ nondiskriminazzjoni, jekk l-istituzzjoni kkonċernata wettqitx differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata u, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk il-miżura stabbilita kellhiex karattru manifestament mhux xieraq fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni” (punt 67 tal-ewwel sentenza appellata u punt 65 tat-tieni sentenza appellata).

26

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-għan imfittex mill-Artikolu 7 tal-Anness V u mill-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-possibbiltà għall-uffiċjal li jżomm relazzjonijiet personali mal-post tal-interessi prinċipali tiegħu saret prinċipju ġenerali tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, filwaqt li enfasizzat il-fatt li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimmodernizza u jirrazzjonalizza r-regoli fil-qasam tal-leave għal raġuni ta’ distanza u ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali u jorbothom mal-istatus ta’ “espatrijat” jew ta’ “resident barrani” sabiex jagħmel l-applikazzjoni tagħhom eħfef u iktar trasparenti (punti 68 u 69 tal-ewwel sentenza appellata u punti 66 u 67 tat-tieni sentenza appellata).

27

Fir-rigward ta’ dan l-għan u tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-imsemmi leġiżlatur, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li jibbenefikaw minn allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija ma setgħetx tiġi pparagunata ma’ dik tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li, bħar-rikorrenti, għandhom żewġ nazzjonalitajiet, fosthom dik tal-Istat ta’ assenjazzjoni tagħhom, anki jekk il-post ta’ oriġini tagħhom ma jinsabx hemmhekk. Fil-fatt, filwaqt li uffiċjal jew membru tal-persunal li ma jkunx ċittadin tal-Istat ta’ impjieg tiegħu jixhed ċerta rieda li jżomm ir-rabtiet tiegħu mal-post ta’ oriġini tiegħu, il-fatt li uffiċjal jew membru tal-persunal ikun talab u kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ assenjazzjoni juri, jekk mhux l-eżistenza ta’ rabtiet matrimonjali f’dan l-Istat, tal-inqas ir-rieda li jistabbilixxi hemmhekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li s-sitwazzjoni ta’ espatrijat jew ta’ persuna b’residenza barranija u dik tal-appellanti kienu żewġ sitwazzjonijiet legali distinti li jiġġustifikaw differenza fit-trattament abbażi tal-preżunzjoni li tgħid li n-nazzjonalità ta’ persuna tikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ rabtiet multipli u stretti bejn din il-persuna u l-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha (punti 71 sa 73 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll il-punti 69 sa 71 tat-tieni sentenza appellata).

28

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dritt għal allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jiddependi wkoll mill-konstatazzjoni ta’ ċirkustanzi fattwali preċiżi ħafna, relatati mas-sitwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat fid-dawl tal-post ta’ oriġini tiegħu, u li l-uffiċjal li huwa kompletament integrat fl-Istat ta’ assenjazzjoni tiegħu, u li għalhekk ma jingħatax allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija, ma jistax jallega li għandu relazzjoni iktar mill-qrib mal-post ta’ oriġini tiegħu milli uffiċjal li għandu dritt għal din l-allowance. B’hekk, għall-Qorti Ġenerali, ma hijiex in-nazzjonalità tal-uffiċjal, li sempliċement tagħti indikazzjoni dwar ir-rabta tiegħu mal-post ta’ assenjazzjoni, iżda s-sitwazzjoni fattwali li tiġġustifika l-għoti ta’ kumpens, intiż għalhekk sabiex tirrimedja l-inugwaljanzi ta’ fatt li seħħew bejn l-uffiċjali integrati fis-soċjetà tal-Istat ta’ assenjazzjoni u dawk li ma humiex hekk integrati (punt 73 tal-ewwel sentenza appellata u punt 71 tat-tieni sentenza appellata).

29

Finalment, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, “fid-dawl tal-loġika tas-sistema fl-intier tagħha u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur, [kellu] jitqies li s-sistema li tikkonsisti fl-issuġġettar tal-ksib tal-leave għal raġuni ta’ distanza u tar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-vjaġġ annwali għall-kundizzjoni tal-benefiċċju tal-allowance tar-residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni la hija manifestament inadegwata u lanqas manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan tagħha” u li, għaldaqstant, “ma [kienx] hemm ksur tal-prinċipju li jgħid li kull membru tal-persunal għandu jkollu l-possibbiltà li jżomm relazzjoni personali maċ-ċentru tal-interessi personali tiegħu jew tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni” (punt 75 tal-ewwel sentenza appellata u punt 73 tat-tieni sentenza appellata).

30

Fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat b’mod partikolari fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma setax jiġi sostnut li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, il-leġiżlatur kien stabbilixxa miżuri manifestament sproporzjonati fir-rigward tal-għan li huwa kellu l-intenzjoni li jsegwi (punt 86 tal-ewwel sentenza appellata u punt 84 tat-tieni sentenza appellata).

31

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li kien għalkollox proporzjonat, fid-dawl tal-għan imfakkar fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1023/2013, li jiġi previst li membru tal-persunal li għandu n-nazzjonalità tal-post ta’ impjieg tiegħu ma jistax fil-veru sens tal-kelma jitqies bħala membru tal-persunal espatrijat u li, barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal kienu jippermettu lill-appellanti, minn naħa, li jżommu rabta mal-post ta’ oriġini tagħhom, peress li l-iffissar tiegħu ma nbidilx wara l-introduzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, li jżommu wkoll rabta mal-Istat Membru li għandhom iċ-ċittadinanza tiegħu u li miegħu r-rabtiet jitqiesu li huma l-iktar qawwija (punt 82 tal-ewwel sentenza appellata u punt 80 tat-tieni sentenza appellata).

32

Barra minn hekk, fid-dawl tal-premessi 2 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013, li jgħidu li huwa l-leġiżlatur, fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ persunal ikkwalifikat ħafna, li għandu jagħżel dan “mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri” u “biex tiggarantixxi kosteffiċjenza ”, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-leġiżlatur kien, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, iddeċieda li jillimita r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali għall-membri tal-persunal “li kellhom l-iktar ħtieġa għalih” jiġifieri dawk “li kienu espatrijati jew residenti barranin u li kienu l-inqas integrati fil-pajjiż tal-impjieg tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jżommu rabtiet mal-Istat Membru li kellhom iċ-ċittadinanza tiegħu u b’hekk li miegħu dawn kellhom l-iktar rabtiet qawwija” (punt 84 tal-ewwel sentenza appellata u punt 82 tat-tieni sentenza appellata).

33

Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’riferiment għall-punt 14 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238), li għalkemm f’sitwazzjonijiet marġinali, problemi okkażjonali għandhom jirriżultaw mill-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni ġenerali u astratta, il-leġiżlatur ma jistax jiġi kkritikat talli uża kategorizzazzjoni, ġaladarba din ma tkunx essenzjalment diskriminatorja fir-rigward tal-għan imfittex minnha (punt 85 tal-ewwel sentenza appellata u punt 83 tat-tieni sentenza appellata).

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34

Fil-Kawża C‑517/19 P, l-appellanti jitolbu li Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-ewwel sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn jikkonċernahom;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

36

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li, bħala intervenjenti fl-ewwel istanza, ippreżentaw risposta konformement mal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitolbu wkoll iċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż.

37

Fil-Kawża C‑518/19 P, l-appellanti jitolbu li Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla t-tieni sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn jikkonċernahom;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

38

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

39

Il-Parlament, li, bħala intervenjent fl-ewwel istanza, ippreżenta risposta konformement mal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, jitlob ukoll iċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż.

40

Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑1 ta’ Ottubru 2019, li jgħaqqad il-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Dwar l-appelli

41

Insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom, l-appellanti fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P iqajmu tliet aggravji identiċi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-kunċett ta’ paragunabbiltà proprja għal dan l-aħħar prinċipju u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

42

F’dan ir-rigward, u minkejja li t-tielet aggravju tal-appell huwa, bħat-tieni aggravju, ippreżentat, fl-appell, taħt titolu iktar ġenerali marbut mal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta, kemm mill-argumenti mressqa insostenn ta’ dan it-tielet aggravju kif ukoll mill-anness mar-rikors tal-appell li jinkludi s-sunt tal-aggravji mressqa, li l-imsemmi tielet aggravju huwa bbażat biss fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mhux fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

43

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta llimitat l-istħarriġ tal-legalità tar-Regolament Nru 1023/2013, li hija wettqet fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għall-verifika tan-natura “arbitrarja” jew “manifestament” inadegwata jew mhux xierqa meta mqabbel mal-għan imfittex mill-miżuri inkwistjoni. F’dan ir-rigward, huma jippreċiżaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 67 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punt 65 tat-tieni sentenza appellata, ikkunsidrat li hija kellha tillimita ruħha, fl-oqsma fejn il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li twettaq tali stħarriġ ristrett.

44

Skont l-appellanti, il-fatt li l-leġiżlatur igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa huwa irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1023/2013 dwar l-għoti ta’ leave għal raġuni ta’ distanza u għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

45

Fil-fatt, peress li l-ugwaljanza fit-trattament hija prinċipju ġenerali applikabbli għas-servizz pubbliku tal-Unjoni, l-imsemmi leġiżlatur huwa obbligat li josservah, f’kull każ, taħt l-istħarriġ sħiħ tal-legalità li għandha twettaq il-qorti tal-Unjoni.

46

Ir-rikorrenti jżidu li dawn il-kawżi huma differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni (F‑43/05, EU:F:2007:14), li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fis-sentenzi appellati. Fil-fatt, filwaqt li, f’din l-aħħar kawża, kienet inkwistjoni biss il-legalità tal-emenda tal-modalitajiet tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw l-essenza stess tad-dritt għall-imsemmi rimbors.

47

Finalment, billi qiegħdet is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur ’il fuq mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali wriet “rispett mhux iġġustifikat” fir-rigward tal-imsemmija setgħa, li kellu influwenza deċiżiva fuq l-eżitu tal-kawżi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li huwa f’“termini ġenerali ħafna” li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-“loġika tas-sistema fl-intier tagħha” u tas-“setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur”, ir-Regolament Nru 1023/2013 ma kienx “manifestament” inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, fid-dawl tal-għan tiegħu.

48

Il-Kummissjoni, fil-Kawża C‑517/19 P, kif ukoll il-Kunsill u l-Parlament, fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P, jitolbu li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali. Għalhekk, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu, permezz tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jiġu emendati f’kull mument mil-leġiżlatur (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 60, kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, C‑496/08 P, EU:C:2010:116, punt 82).

50

L-istess jgħodd fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li japplikaw għalihom b’analoġija.

51

Fost dawn ir-rekwiżiti hemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 78), kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il‑Parlament (C‑496/08 P, EU:C:2010:116, punt 100).

52

Dan il-prinċipju jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il‑Kummissjoni, C‑71/07 P, EU:C:2008:424, punt 50; tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 66, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 137).

53

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-preżenza ta’ regoli statutorji bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta l-leġiżlatur jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1983, Ferrario et vs Il‑Kummissjoni, 152/81, 158/81, 162/81, 166/81, 170/81, 173/81, 175/81, 177/81 sa 179/81, 182/81 u 186/81, EU:C:1983:208, punt 13; tas‑17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il‑Kummissjoni, C‑71/07 P,EU:C:2008:424, punt 64; tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 72, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 85).

54

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali, konsegwentement, ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 67 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 65 tat-tieni sentenza appellata, li hija kellha tillimita ruħha li tivverifika, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jekk il-leġiżlatur kienx wettaq, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 1023/2013, differenzjar arbitrarju jew manifestament inadegwat.

55

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 75 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 73 tat-tieni sentenza appellata, f’termini ġenerali ħafna, li, fid-dawl tal-“loġika tas-sistema fl-intier tagħha” u tas-“setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur”, ir-Regolament Nru 1023/2013 ma kienx, fid-dawl tal-għan tiegħu, “manifestament” inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-imsemmija sentenzi u għandu, konsegwentement, jiġi manifestament miċħud bħala infondat.

56

Fil-fatt, huwa biss wara li kkonstatat, fil-punti 65 sa 74 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 63 sa 72 tat-tieni sentenza appellata, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jibbenefikaw minn allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-appellanti, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li l-benefiċċju tal-leave għal raġuni ta’ distanza u tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, previsti rispettivament mill-Artikolu 7 tal-Anness V u mill-Artikolu 8 tal-Anness VII, jiġu ssuġġettati għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jkollu dritt għal kumpens ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni ma kien la manifestament inadegwat u lanqas manifestament mhux xieraq, fid-dawl tal-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u b’hekk ma kienx jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

57

Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

58

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 70 sa 73 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll kontra l-punti 68 sa 71 tat-tieni sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li ma għandhomx dritt għal allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li għandhom dritt għal tali allowance, filwaqt li tal-ewwel għandhom, bħal dawk tat-tieni, post ta’ assenjazzjoni li huwa differenti mill-post ta’ oriġini.

59

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li, sabiex tiġi ddeterminata n-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-iskop tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni kif ukoll il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-imsemmi att. Issa, ir-Regolament Nru 1023/2013 jissuġġetta d-dritt ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jżomm relazzjonijiet personali mal-post ta’ oriġini tiegħu fuq il-livell ta’ integrazzjoni fil-post tal-impjieg tiegħu, minkejja li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 66 tat-tieni sentenza appellata, l-Artikolu 7 tal-Anness V u l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom dejjem l-istess għan u għandhom dejjem l-istess skop, jiġifieri li jippermettu lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal, kif ukoll lill-persuni dipendenti fuqhom, li jmorru, għall-inqas darba fis-sena, fil-post tal-oriġini tagħhom, sabiex iżommu r-rabtiet familjari, soċjali u kulturali tagħhom hemm. Barra minn hekk, tali possibbiltà saret, kif fakkret ukoll il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, prinċipju ġenerali tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni.

60

Konsegwentement, skont l-appellanti, fid-dawl tal-għan u tal-finalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal kollha tal-Unjoni li l-post ta’ oriġini tagħhom jinsab fi Stat li ma huwiex dak tal-impjieg tagħhom jitqiegħdu f’sitwazzjoni paragunabbli, kemm jekk jirċievu allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni, jew le. Għalhekk, billi jipprevedi li huma biss l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jirċievu tali kumpens li jistgħu jibbenefikaw minn leave għal raġuni ta’ distanza u mir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, il-leġiżlatur jagħmel dawn il-benefiċċji tal-aħħar dipendenti fuq il-livell ta’ integrazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali u ta’ dawn il-membri tal-persunal fil-post ta’ impjieg tagħhom, jiġifieri kriterju suġġettiv.

61

L-appellanti jsostnu li l-iffissar tal-post ta’ oriġini ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal barra mit-territorju tal-Istat li fih jinsab il-post ta’ impjieg tiegħu ma għandu ebda effett fuq id-dritt tiegħu għall-benefiċċju ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni, u viċe versa. Fil-fatt, fil-fehma tagħhom, id-determinazzjoni tal-post ta’ oriġini ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal u l-għoti tal-allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni jissodisfaw bżonnijiet u interessi differenti.

62

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ppreżumiet b’mod żbaljat, fil-punti 71 u 73 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 69 u 71 tat-tieni sentenza appellata, li uffiċjal jew membru tal-persunal li ma jirċevix allowance ta’ residenza barranija minħabba li, matul il-perijodu ta’ ħames snin li kien jiskadi sitt xhur qabel id-dħul fis-servizz tiegħu, għex jew eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu fit-territorju tal-Istat li fih jinsab il-post tal-impjieg tiegħu, kellu l-intenzjoni li jikser ir-rabtiet tiegħu mal-post ta’ oriġini tiegħu billi ttrasferixxa l-interessi prinċipali tiegħu fil-post ta’ impjieg tiegħu. Bl-istess mod, il-kisba minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal taċ-ċittadinanza tal-Istat fejn jinsab il-post ta’ impjieg tiegħu ma tfissirx li huwa kellu l-intenzjoni li jittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi tiegħu u li jikser ir-rabtiet familjari jew patrimonjali mal-post ta’ oriġini.

63

Il-Kummissjoni, fil-Kawża C‑517/19 P, kif ukoll il-Kunsill u l-Parlament, fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P, jitolbu li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Kif issemma’ fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx ikunu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx ikunu ttrattati b’mod ugwali, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

65

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk hemmx jew le ksur tal-imsemmi prinċipju, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskop u l-għan imfittex mid-dispożizzjoni li allegatament tikser dan il-prinċipju (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Piessevaux vs Il‑Kunsill, C‑454/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:680, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għan u l-iskop tal-Artikolu 7 tal-Anness V u tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal baqgħu, essenzjalment, l-istess bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għad għandhom l-għan li jagħtu benefiċċji li għandhom jippermettu lill-uffiċjal u lill-persuni dipendenti minnu li jmorru, tal-inqas darba fis-sena, fil-post ta’ oriġini tiegħu, sabiex iżommu rabtiet familjari, soċjali u kulturali hemmhekk, filwaqt li huwa ppreċiżat li dan il-post jiġi ddeterminat, abbażi tal-Artikolu 7(4) tal-Anness VII, fil-mument tad-dħul fis-servizz tal-uffiċjal billi jittieħed inkunsiderazzjoni prinċipalment il-post tar-reklutaġġ tiegħu jew, fuq talba espressa u debitament immotivata, taċ-ċentru tal-interessi tiegħu.

67

Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 24 tar-Regolament Nru 1023/2013, billi emenda l-Artikolu 7 tal-Anness V u l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, jimmodernizza u jirrazzjonalizza r-regoli fil-qasam tal-leave għal raġuni ta’ distanza u tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, billi jorbothom mal-istatus ta’ residenti barrani jew ta’ espatrijat, sabiex l-applikazzjoni tagħhom issir iktar sempliċi. Barra minn hekk, dan l-għan speċifiku jagħmel parti minn għan iktar ġenerali li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 12 ta’ dan ir-regolament, f’li tiġi ggarantita relazzjoni kosteffiċjenti tajba f’kuntest soċjoekonomiku fl-Ewropa li teżiġi konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u sforz partikolari ta’ kull amministrazzjoni pubblika u tal-persunal tagħha sabiex tittejjeb l-effettività u l-effiċjenza, filwaqt li jinżamm l-għan li jiġi żgurat reklutaġġ ta’ kwalità li għandu l-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli.

68

F’din il-perspettiva, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, il-leġiżlatur għażel li jorbot id-dritt għal-leave għal raġuni ta’ distanza u għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali mal-“istatus ta’ espatrijat” f’sens wiesa’, jiġifieri li jagħti dan id-dritt biss lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jibbenefikaw minn allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni, u dan sabiex ikunu mmirati aħjar dawn il-miżuri u sabiex il-benefiċċju tagħhom jiġi limitat għal dawk li għandhom l-iktar bżonnu fid-dawl tal-istatus ta’ resident barrani jew ta’ espatrijat tagħhom.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-allowance ta’ residenza barranija għandha l-għan li tikkumpensa l-piżijiet u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mit-teħid ta’ funzjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-uffiċjali li huma, minħabba f’hekk, obbligati li jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-Istat tad-domiċilju tagħhom lejn l-Istat ta’ impjieg u li jintegraw ruħhom f’ambjent ġdid. Il-kunċett ta’ espatrijazzjoni jiddependi wkoll mis-sitwazzjoni suġġettiva tal-uffiċjal, jiġifieri l-livell ta’ integrazzjoni tiegħu fl-ambjent il-ġdid li jirriżulta, pereżempju, mir-residenza abitwali tiegħu jew mill-eżerċizzju ta’ attività professjonali prinċipali. L-għoti tal-allowance ta’ residenza barranija huwa għalhekk intiż sabiex jirrimedja l-inugwaljanzi fattwali li jseħħu bejn l-uffiċjali integrati fis-soċjetà tal-Istat ta’ assenjazzjoni u dawk li ma humiex (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni, C‑211/06 P, EU:C:2008:34, punti 3839 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

Min-naħa l-oħra, il-benefiċċju ta’ espatrijazzjoni, min-naħa tiegħu, jingħata, skont l-Artikolu 4(2) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-uffiċjal li, peress li ma għandux u qatt ma kellu ċ-ċittadinanza tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post tal-impjieg tiegħu, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jikseb allowance ta’ residenza barranija. Dan il-kumpens huwa għalhekk intiż sabiex jikkumpensa l-iżvantaġġi li l-uffiċjali jsofru minħabba l-istatus tagħhom ta’ barrani, jiġifieri ċertu numru ta’ inkonvenjenzi, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, ta’ natura ċivika, familjari, edukattiva, kulturali, politika, li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat ma jaffrontawx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, EU:C:1980:238, punt 12).

71

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi kriterji oġġettivi li permezz tagħhom il-benefiċċju tal-allowances li huwa jipprevedi huwa limitat għall-uffiċjali li, bħala prinċipju, ma humiex, jew huma ftit integrati fis-soċjetà tal-Istat tal-post ta’ impjieg, u li jippermettu, min-naħa l-oħra, li jiġi preżunt li l-uffiċjali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-imsemmija allowances għandhom, min-naħa tagħhom, livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ta’ impjieg, li ma jesponihomx għall-iżvantaġġi msemmija fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza.

72

B’hekk, anki jekk il-post ta’ oriġini tagħhom ma ġiex stabbilit fl-Istat fejn jinsab il-post ta’ impjieg tagħhom, uffiċjali u membri tal-persunal, bħall-appellanti, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni, għandhom rabtiet mal-imsemmi Stat Membru iktar mill-qrib mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal li jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet, li a priori, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 68 tat-tieni sentenza appellata, ma jkollhom ebda rabta mal-post tal-impjieg tagħhom, peress li ma jkollhomx u qatt ma kellhom iċ-ċittadinanza tal-Istat tal-impjieg tagħhom, minn naħa, u/jew peress li qatt, almenu fuq perijodu fit-tul, ma jkunu għexu jew eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’dan l-Istat, min-naħa l-oħra.

73

Għalhekk, u kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punt 71 tat-tieni sentenza appellata, uffiċjali u membri tal-persunal, bħall-appellanti, ma jistgħux jallegaw li għandhom rabta iktar mill-qrib mal-post ta’ oriġini tagħhom milli uffiċjal jew membru tal-persunal li għandu dritt għall-allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni. Fil-fatt, dan tal-aħħar huwa l-inqas integrat fil-post ta’ impjieg tiegħu u minħabba f’hekk għandu l-iktar bżonn li jżomm rabtiet mal-post ta’ oriġini tiegħu.

74

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 71 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 69 tat-tieni sentenza appellata, li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jirċievu l-allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-appellanti.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tielet aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

76

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 69 u 80 sa 86 tal-ewwel sentenza appellata kif ukoll fil-punti 67 u 78 sa 84 tat-tieni sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat l-għan u n-natura proporzjonata tal-Artikolu 7 tal-Anness V u tal-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

77

Minn naħa, huma jirrilevaw li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 67 tat-tieni sentenza appellata, is-sistema li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013 hija inqas faċli li tiġi applikata u inqas trasparenti minn dik preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, filwaqt li din l-aħħar sistema kienet tagħti r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali lil kull uffiċjal jew membru tal-persunal li l-post ta’ oriġini tagħhom kien stabbilit f’post differenti mill-post tal-impjieg, id-dritt għar-rimbors issa jvarja skont in-nazzjonalità tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal inkwistjoni, il-post ta’ oriġini tiegħu, il-post tal-impjieg tiegħu u l-livell ta’ integrazzjoni tiegħu f’dan tal-aħħar. B’hekk, il-Qorti Ġenerali fixklet il-kunċetti ta’ espatrijazzjoni u tal-post tal-oriġini, li jwassal għall-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet manifestament u purament arbitrarji, sa fejn ir-rimbors ma jkollux rabta mad-distanza li tifred il-post tal-oriġini mill-post tal-impjieg.

78

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsemmu l-eżempju ta’ tnejn minnhom li għandhom il-post ta’ oriġini tagħhom iffissat rispettivament fil-Perù u fil-Brażil. Huma jispjegaw li, fil-każ li dawn ikollhom jiġu assenjati f’delegazzjoni tal-Unjoni fl-Amerika ta’ Isfel, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali tagħhom isir abbażi tad-distanza li tissepara l-post tal-impjieg tagħhom mill-belt kapitali tal-Istat Membru li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza, jiġifieri Brussell (il-Belġju). Is-somma rrimborsata tkun għalhekk ikbar minn dik li ġiet ikkalkolata, skont ir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti, abbażi tad-distanza bejn il-post tal-impjieg tagħhom u l-post tal-oriġini tagħhom, peress li dawn iż-żewġ postijiet jinsabu fil-kontinent tal-Amerika ta’ Isfel.

79

Bl-istess mod, l-appellanti jsemmu l-eżempju ta’ ieħor minnhom, li l-post ta’ oriġini tiegħu jinsab fil-Marokk. Huma jesponu li, jekk dan tal-aħħar kellu jiġi assenjat lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) f’Alicante (Spanja) jew lill-Istitut ta’ prospettiva teknoloġika taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni f’Sevilla (Spanja), ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali tiegħu jiġi kkalkolat abbażi tad-distanza bejn il-post tal-impjieg tiegħu u Brussell, jiġifieri madwar 1800 km, filwaqt li Rabat (il-Marokk) tinsab inqas minn 1000 km minn Alicante jew minn Sevilla.

80

Barra minn hekk, l-appellanti jenfasizzaw li dan l-argument ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u konċiża, peress li din illimitat ruħha, fil-punt 85 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 83 tat-tieni sentenza appellata, li tikklassifika dawn is-sitwazzjonijiet bħala “inkonvenjenti każwali”, b’riferiment għas-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238).

81

L-appellanti jsostnu, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 1023/2013 lanqas ma huwa adatt sabiex jilħaq l-għan allegat, li jikkonsisti, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 82 tat-tieni sentenza appellata, fir-riżervazzjoni tal-benefiċċju tad-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal li għandhom “l-iktar bżonn”, jiġifieri għal dawk li huma “residenti barranin jew espatrijati”.

82

F’dan ir-rigward, l-appellanti jenfasizzaw il-fatt li uffiċjal jew membru tal-persunal li l-post tal-oriġini tiegħu jinsab barra mill-Unjoni u li jirċievi l-allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni ma jibbenefikax mir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali tiegħu fil-każ fejn il-post ta’ assenjazzjoni tiegħu jinsab inqas minn 200 km mill-belt kapitali tal-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, anki jekk huwa jifforma parti, mill-perspettiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni, minn dawk li għandhom l-iktar bżonnu.

83

Il-Kummissjoni, fil-Kawża C‑517/19 P, kif ukoll il-Kunsill u l-Parlament, fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P, jitolbu li t-tielet aggravju jiġi miċħud.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, diġà ġie kkonstatat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, fil-preżenza ta’ regoli statutorji bħal dawk inkwistjoni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

86

Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jridu jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 24 tar-Regolament Nru 1023/2013 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, jimmodernizza u jirrazzjonalizza r-regoli fil-qasam tal-leave għal raġuni ta’ distanza u r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, billi jorbothom mal-istatus ta’ resident barrani jew ta’ espatrijat, sabiex jirrendi l-applikazzjoni tagħhom iktar sempliċi u iktar trasparenti.

88

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 82 tat-tieni sentenza appellata, dawn id-dispożizzjonijiet ma jissodisfawx dan l-għan. Fil-fatt, is-sistema preċedenti għar-riforma li tirriżulta mir-Regolament Nru 1023/2013 kienet iktar sempliċi li tiġi applikata u iktar trasparenti, sa fejn, bis-sistema l-ġdida, l-għoti ta’ leave għal raġuni ta’ distanza u ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali jiddependu fuq numru kbir ta’ kriterji fattwali differenti, imsemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza.

89

Madankollu, tali lment ma jistax jintlaqa’. Effettivament, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm l-Artikolu 7 tal-Anness V u l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-benefiċċji inkwistjoni, għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu, li jikkonċerna l-allowance ta’ espatrijazzjoni u ta’ residenza barranija, din l-aħħar dispożizzjoni tapplika abbażi ta’ kriterji oġġettivi u hija fformulata b’mod preċiż u ċar biżżejjed, hekk li tiggarantixxi applikazzjoni sempliċi u trasparenti tal-ewwel dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, konformement mal-għan tal-leġiżlatur imsemmi fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1023/2013.

90

Barra minn hekk, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija mill-appellanti u deskritti fil-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li dawn għandhom natura ipotetika jew teoretika, sa fejn l-appellanti ma allegawx li wħud minnhom kienu ġew assenjati f’delegazzjoni tal-Unjoni fl-Amerika ta’ Isfel, mal-EUIPO f’Alicante jew mal-Istitut ta’ prospettiva teknoloġika tal-JRC f’Sevilla.

91

Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li uffiċjal jew membru tal-persunal ma huwiex awtorizzat jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jinvoka biss, insostenn ta’ rikors, ilmenti li huma personali għalih (digriet tat‑8 ta’ Marzu 2007, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑237/06 P, EU:C:2007:156, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-argument tal-appellanti, riprodott fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li jgħid li r-Regolament Nru 1023/2013 ma huwiex adattat sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fir-riżervazzjoni tal-benefiċċju tad-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal li għandhom “l-iktar bżonn”, jiġifieri dawk li huma “residenti barranin” jew “espatrijati”, għandu jiġi enfasizzat, kif tfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li l-għan li jiġu mmodernizzati u rrazzjonalizzati b’mod partikolari r-regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali, billi dawn jintrabtu mal-istatus ta’ resident barrani jew ta’ espatrijat, jidħol taħt l-għan iktar ġenerali li jiġi żgurat rapport kosteffettiv tajjeb f’kuntest soċjoekonomiku fl-Ewropa li jeżiġi konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u sforz partikolari ta’ kull amministrazzjoni pubblika u tal-persunal tagħha biex tittejjeb l-effettività u l-effiċjenza, filwaqt li jinżamm l-għan li jiġi żgurat reklutaġġ ta’ kwalità li għandu l-iktar bażi ġeografika possibbli.

93

Issa, il-limitazzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali biss għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal li jibbenefikaw minn allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni, jiġifieri għal dawk li huma l-inqas integrati fil-pajjiż tal-impjieg tagħhom u li minħabba f’hekk għandhom l-iktar bżonn li jżommu rabtiet mal-post tal-oriġini tagħhom, hija xierqa sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan iktar ġenerali mfittex mil-leġiżlatur, imfakkar fil-punt preċedenti, li huwa li tiġi ggarantita kosteffiċjenza għas-servizz pubbliku tal-Unjoni, filwaqt li jinżamm reklutaġġ ta’ kwalità fuq l-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli.

94

Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa f’dan il-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu li l-leġiżlatur għażel, fost is-soluzzjonijiet possibbli, li jirrestrinġi n-numru ta’ benefiċjarji tal-vantaġġi inkwistjoni billi jeskludi l-kategorija tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal, bħall-appellanti, fejn qies li r-relazzjoni mal-post tal-oriġini kienet inqas qawwija.

95

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 86 tal-ewwel sentenza appellata u fil-punt 84 tat-tieni sentenza appellata, li ma setax jiġi sostnut li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, il-leġiżlatur stabbilixxa miżuri manifestament sproporzjonati fir-rigward tal-għan imfittex.

96

F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni prevista mill-appellanti u deskritta fil-punt 82 ta’ din is-sentenza ma tistax tpoġġi indiskussjoni din il-konklużjoni.

97

Fil-fatt, tali sitwazzjoni, li tippreżupponi d-dritt għal allowance ta’ residenza barranija jew ta’ espatrijazzjoni, hija ta’ natura ipotetika jew teoretika, sa fejn ebda wieħed mir-rikorrenti ma jibbenefika minn tali allowance.

98

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

100

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

101

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Meta intervenjent fl-ewwel istanza, li ma jkunx huwa stess ippreżenta l-appell, jipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, tiddeċiedi li huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Finalment, konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

102

Fir-rigward tal-Kawża C‑517/19 P, peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

103

Il-Parlament u l-Kunsill, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

104

Fir-rigward tal-Kawża C‑518/19 P, peress li l-Kunsill talab li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kunsill.

105

Il-Parlament, bħala intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P huma miċħuda.

 

2)

Maria Alvarez y Bejarano, Ana- Maria Enescu, Angelica Livia Salanta, Svetla Shulga, Soldimar Urena de Poznanski, Angela Vakalis, Luz Anamaria Chu, Marli Bertolete, Maria Castro Capcha u Evelyne Vandevoorde kif ukoll Lucian Micu u Hassan Orfe El għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea, fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑517/19 P.

 

3)

Jakov Ardalic, Christian Stouraitis, Abdelhamid Azbair, Abdel Bouzanih, Bob Kitenge Ya Musenga, El Miloud Sadiki u Cam Tran Thi kif ukoll Liliana Bicanova, Monica Brunetto, Claudia Istoc, Sylvie Jamet u Despina Kanellou għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk esposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑518/19 P.

 

4)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess fir-rigward tal-appell fil-Kawża C‑517/19 P.

 

5)

Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess fir-rigward tal-appell fil-Kawżi C‑517/19 P u C‑518/19 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.