SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Artikolu 4(1) – Obbligu li l-annimali jiġu storduti qabel il-qtil tagħhom – Artikolu 4(4) – Deroga fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi – Artikolu 26(2) – Possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali intiżi sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar lill-annimali fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi – Interpretazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi, sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt – Artikolu 13 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 10 – Libertà tar-reliġjon – Libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu – Limitazzjoni – Proporzjonalità – Assenza ta’ konsensus fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – Marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Validità – Trattamenti differenzjati tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi u l-qtil ta’ annimali waqt attivitajiet ta’ kaċċa jew ta’ sajd kif ukoll waqt avvenimenti kulturali jew sportivi – Assenza ta’ diskriminazzjoni – Artikoli 20, 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawża C‑336/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2019, fil-proċedura

Centraal Israëlitisch Consistorie van België et,

Unie Moskeeën Antwerpen VZW,

Islamitisch Offerfeest Antwerpen VZW,

JG,

KH,

Executief van de Moslims van België et,

Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België – Section belge du Congrès juif mondial et Congrès juif européen VZW et ,

vs

Vlaamse Regering,

fil-preżenza ta’:

LI,

Waalse Regering,

Kosher Poultry BVBA et,

Global Action in the Interest of Animals VZW (GAIA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby (relatur), L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Centraal Israëlitisch Consistorie van België et kif ukoll għal Kosher Poultry BVBA et, minn E. Maes u C. Caillet, advocaten, u minn E. Jacubowitz, avocat,

għal Unie Moskeeën Antwerpen VZW u għal Islamitisch Offerfeest Antwerpen VZW, minn I. Akrouh, advocaat,

għal Executief van de Moslims van België et, minn J. Roets, advocaat,

għal Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België – Section belge du Congrès juif mondial u Congrès juif européen VZW et, minn E. Cloots, advocaat,

għal LI, minnu nnifsu,

għall-Vlaamse Regering, minn V. De Schepper u J.‑F. De Bock, advocaten,

għall-Waalse Regering, minn X. Drion, advocaat,

għal Global Action in the Interest of Animals VZW (GAIA), minn A. Godfroid, advocaat,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. P. Jespersen, P. Ngo u M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg u A. Falk, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Naert u E. Karlsson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, A. Bouquet u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati waqt is-seduta tal-10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1), kif ukoll il-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 10 u 20, 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, iċ-Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, iċ-“CICB et”), l-Unie Moskeeën Antwerpen VZW u l-Islamitisch Offerfeest Antwerpen VZW, JG u KH, l-Executief van de Moslims van België et, kif ukoll iċ-Coördinatie Comité van Joodse Organisaties van België – Section belge du Congrès juif mondial u Congrès juif européen VZW et u, min-naħa l-oħra, il-Vlaamse Regering (il-Gvern ta’ Vlaanderen, il-Belġju) fir-rigward tal-validità tad-decreet houdende wijziging van de wet van 14 augustus 1986 betreffende de bescherming en het welzijn der dieren, wat de toegelaten methodes voor het slachten van dieren betreft (id-Digriet li Jemenda l-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali fir-Rigward tal-Metodi Permessi għall-Qatla tal-Annimali), tas-7 ta’ Lulju 2017 (Belgisch Staatsblad, 18 ta’ Lulju 2017, p. 73318).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 4, 6, 11, 14 sa 16, 18, 20, 21, 43, 57 u 58 tar-Regolament Nru 1099/2009 jistipulaw:

“(2)

Il-qtil tal-annimali jista’ jwassal għal uġigħ, stress, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali anke fl-aħjar kondizzjonijiet tekniċi disponibbli. Ċerti operazzjonijiet marbuta mal-qatla jistgħu jikkawżaw stress u kwalunkwe teknika ta’ sturdament tippreżenta ċerti żvantaġġi. L-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu l-istress, t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tal-qtil jew l-qatla, filwaqt li jqisu l-aħjar prattika fil-qasam u l-metodi permessi skont dan ir-Regolament. Għalhekk, meta l-operaturi tan-negozju jew kwalunkwe persuna involuta fil-qtil tal-annimali jiksru wieħed mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew jużaw metodi ta’ prattika li ma jirriflettux l-aħħar żviluppi fil-qasam u b’hekk iwasslu għall-uġigħ, l-istress u t-tbatija minħabba negliġenza jew inkella intenzjonalment, l-uġigħ, l-istress jew it-tbatija għandhom jitqiesu li jistgħu jkunu evitati.

[…]

(4)

It-trattament xieraq tal-annimali huwa valur [tal-Unjoni Ewropea] li huwa stabbilit fil-Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali anness mat-Trattat [KE]. Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla hija kwistjoni ta’ interess pubbliku li taffettwa l-attitudnijiet tal-konsumatur lejn il-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, it-titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla jikkontribwixxi għal laħam ta’ kwalità ogħla u indirettament għandu impatt pożittiv fuq is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-biċċeriji.

[…]

(6)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), stabbilita bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel [(ĠU 2002, L 31, p. 1)], adottat żewġ opinjonijiet dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tas-sistemi prinċipali ta’ sturdament u qtil ta’ ċerti speċi ta’ annimali, b’mod partikolari [il-Welfare aspects of the main systems of stunning and killing the main commercial species of animals] [(]l-aspetti tat-trattament xieraq tas-sistemi prinċipali ta’ sturdament u qtil tal-ispeċi tal-annimali kummerċjali ewlenin[)], fl-2004, [u l-Welfare aspects of the main systems of stunning and killing applied to commercially farmed deer, goats, rabbits, ostriches, ducks, geese and quail] [(]dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tas-sistemi prinċipali ta’ sturdament u qtil applikati għal ċriev, mogħoż, fniek, ngħam, papri, wiżżijiet u summien imkabbra għal skopijiet kummerċjali[)], fl-2006. Il-liġi [tal-Unjoni] f’dan il-qasam għandha tiġi aġġornata sabiex tieħu kont ta’ dawk l-opinjonijiet xjentifiċi. […] M’humiex inklużi f’dan ir-Regolament rakkomandazzjonijiet dwar l-impjanti tal-akkwakultura minħabba li hemm il-ħtieġa ta’ aktar opinjoni xjentifika u ta’ evalwazzjoni ekonomika f’dan il-qasam.

[…]

(11)

Il-ħut jippreżenta differenzi fiżjoloġiċi sostanzjali mill-annimali tal-art, u l-ħut tat-trobbija jiġi maqtul f’kuntest differenti ħafna, partikolarment fir-rigward tal-proċess tal-ispezzjoni. Barra minn hekk, ir-riċerka dwar l-isturdament tal-ħut hija ħafna inqas żviluppata minn dik għal speċi oħra ta’ trobbija. Għandhom jiġu stabbiliti standards separati dwar il-protezzjoni tal-ħut waqt il-qatla. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħut għandhom attwalment ikunu limitati għall-prinċipju ewlieni. Inizjattivi ulterjuri mill-[Unjoni] għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskju għat-tbiċċir u l-qtil ta’ ħut imwettqa mill-EFSA filwaqt li jittieħed kont tal-implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u amministrattivi.

[…]

(14)

L-attivitajiet tal-kaċċa jew tas-sajd rikreattiv iseħħu f’kuntest fejn il-kondizzjonijiet tal-qtil huma differenti ħafna minn dawk użati għal annimali mrobbija u l-kaċċa hija suġġetta għal leġislazzjoni speċifika. Huwa għalhekk adatt li l-qtil li jseħħ waqt il-kaċċa jew is-sajd rikreattiv jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(15)

Il-Protokoll (Nru 33) jissottolinja wkoll il-ħtieġa li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri partikolarment dawk relatati ma’ riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u wirt reġjonali meta jiġu fformulati u implimentati l-linji politiċi [tal-Unjoni] dwar, fost l-oħrajn, l-agrikultura u s-suq intern. Huwa għalhekk adatt li avvenimenti kulturali jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fejn il-konformità mar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali taffettwa ħażin in-natura proprja tal-avveniment konċernat.

(16)

Barra minn hekk, it-tradizzjonijiet kulturali jirriferu għal mod ta’ ħsieb, azzjoni jew imġiba abitwali, stabbilita u li tintiret, li infatti tinkludi l-kunċett ta’ xi ħaġa trasmessa, jew akkwistata, minn predeċessur. Huma jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ konnessjonijiet soċjali li ilhom stabbiliti bejn il-ġenerazzjonijiet. Sakemm dawk l-attivitajiet ma jaffettwawx is-suq tal-prodotti li ġejjin mill-annimali u mhumiex motivati minn skopijiet ta’ produzzjoni, huwa kunsiljabbli li l-qtil tal-annimali li jseħħ waqt dawk l-avvenimenti jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(18)

Ingħatat deroga mill-isturdament fil-każ ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi li jseħħu fil-biċċeriji permezz tad-Direttiva [tal-Kunsill] 93/119/KE [tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421)]. Minħabba li d-dispożizzjonijiet [tal-Unjoni] applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-[Karta].

[…]

(20)

Ħafna metodi ta’ qtil jikkawżaw uġigħ għall-annimali. L-isturdament huwa għalhekk meħtieġ sabiex jikkawża telf tas-sensi u nuqqas ta’ sensibbiltà fl-annimali qabel jinqatlu jew fl-istess ħin li jinqatlu. Il-kejl tat-telf tas-sensi u n-nuqqas ta’ sensibbiltà ta’ annimal huwa kumpless u jeħtieġ li jitwettaq skont metodoloġija approvata xjentifikament. Madankollu, għandu jitwettaq monitoraġġ permezz ta’ indikaturi sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-proċedura taħt kondizzjonijiet prattiċi.

(21)

Il-monitoraġġ tal-effikaċja tal-isturdament huwa bbażat prinċipalment fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm l-annimal ikun f’sensih u tas-sensibbiltà tal-annimali. Kemm annimal ikun f’sensih huwa essenzjalment il-kapaċità tiegħu li jħoss l-emozzjonijiet u li jikkontrolla l-mobilità volontarja tiegħu. Minkejja xi eċċezzjonijiet, bħall-immobilizzaturi elettroniċi jew tip ta’ paraliżi oħra provokata, annimal jista’ jkun preżunt li ntilef minn sensih meta jitlef il-pożizzjoni naturali tiegħu ta’ bilwieqfa, ma jkunx imqajjem u ma jurix sinjali ta’ emozzjonijiet pożittivi jew negattivi bħal biża’ jew eċċitament. Is-sensibbiltà ta’ annimal hija essenzjalment il-kapaċità tiegħu li jħoss l-uġigħ. B’mod ġenerali, annimal ikun preżunt li mhuwiex sensittiv meta ma juri l-ebda rifless jew reazzjoni għal stimoli bħal ħoss, riħa, dawl jew kuntatt fiżiku.

[…]

(43)

Il-qatla mingħajr l-isturdament jeħtieġ qatgħa preċiża tal-gerżuma b’sikkina taqta’ sabiex titnaqqas it-tbatija. Barra minn hekk, l-annimali li ma jkunux imrażżna mekkanikament wara li ssir il-qatgħa x’aktarx li jbatu proċess itwal ta’ fsada u, li b’hekk, titwal għalxejn is-sofferenza tagħhom. L-annimali tal-ispeċi bovina, ovina u kaprina huma l-ispeċi l-aktar komuni maqtula b’din il-proċedura. Għalhekk, ir-ruminanti maqtula mingħajr ma jiġu storduti għandhom jitrażżnu individwalment u mekkanikament.

[…]

(57)

Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li jiġi rispettat minimu ta’ regoli dwar it-trattament xieraq waqt il-qatla tal-annimali. F’ċerti oqsma, l-attitudnijiet lejn l-annimali jiddependu wkoll fuq il-perċezzjonijiet nazzjonali u f’xi Stati Membri hemm domanda li jinżammu jew li jiġu adotatti regoli aktar estensivi dwar it-trattament xieraq tal-annimali minn dawk miftiehma fil-livell [tal-Unjoni]. Fl-interess tal-annimali u sakemm dan ma jaffettwax l-funzjonament tas-suq intern, hu adatt li l-Istati Membri jingħataw ċerta flessibbiltà biex iżommu jew, f’ċerti oqsma speċifiċi, jadottaw regoli nazzjonali aktar estensivi.

Huwa importanti li jiġi żgurat li tali regoli nazzjonali ma jintużawx mill-Istati Membri b’mod li jippreġudikaw il-funzjonament korrett tas-suq intern.

(58)

F’ċerti oqsma taħt l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill jeħtieġ aktar informazzjoni xjentifika, soċjali u ekonomika qabel ma jistabbilixxi regoli dettaljati b’mod partikolari fil-każ ta’ ħut imrobbi fil-farms u dwar it-trażżin tal-ifrat permezz ta’ inverżjoni. Konsegwentement, hu meħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi din l-informazzjoni lill-Kunsill qabel ma tipproponi kwalunkwe emenda f’dawk l-oqsma tar-Regolament.”

4

Intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-qtil ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda, pil jew prodotti oħra kif ukoll għall-qtil ta’ annimali għall-fini tad-depopolazzjoni u għal operazzjonijiet relatati.

Madanakollu, rigward il-ħut, għandhom japplikaw biss ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

[…]

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

a)

meta l-annimali jinqatlu:

i)

waqt esperimenti xjentifiċi mwettqa taħt is-superviżjoni ta’ awtorità kompetenti;

ii)

waqt il-kaċċa jew attivitajiet tas-sajd rikreattiv;

iii)

waqt avvenimenti kulturali jew sportivi;

b)

tjur, fniek u liebri maqtula barra minn biċċerija mis-sid tagħhom għall-konsum domestiku privat tiegħu.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘operazzjonijiet relatati’ tfisser operazzjonijiet bħal immaniġġar, żamma, trażżin, sturdament u fsada tal-annimali li jseħħu fil-kuntest u fil-post fejn dawn ikunu sejrin jinqatlu;

[…]

f)

‘sturdament’ tfisser kwalunkwe proċess ikkaġunat intenzjonalment li jikkawża t-telf tas-sensi u s-sensibbiltà mingħajr uġigħ, inkluż kwalunkwe proċess li jirriżulta f’mewta istantanja;

g)

‘rit reliġjuż’ tfisser serje ta’ atti relatati mal-qatla ta’ annimali u preskritti minn reliġjon;

h)

‘avvenimenti kulturali jew sportivi’ tfisser avvenimenti li huma essenzjalment u b’mod predominanti relatati ma’ tradizzjonijiet kulturali jew attivitajiet sportivi li ilhom stabbiliti, inkluż it-tlielaq jew forom oħra ta’ kompetizzjoni, fejn ma hemm l-ebda produzzjoni ta’ laħam jew prodotti ta’ annimali oħra jew fejn dik il-produzzjoni hija marġinali meta mqabbla mal-avveniment u mhijiex ekonomikament sinifikanti;

[…]

j)

‘qatla’ tfisser il-qtil ta’ annimali maħsub għall-konsum tal-bniedem;

[…]”.

6

L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti ġenerali għal qtil u operazzjonijiet relatati”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Waqt il-qatla u operazzjonijiet relatati, l-annimali għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe uġigħ, stress jew tbatija li jistgħu jigu evitati”.

7

Iddedikat għall-“[m]etodi ta’ sturdament”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi:

“1.   L-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament konformement mal-metodi u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ dawk il-metodi kif imniżżel fl-Anness I. It-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal.

Il-metodi msemmija fl-Anness I li ma jirriżultawx f’mewta istantanja […] għandhom ikunu segwiti kemm jista’ jkun malajr possibbli bi proċedura li tiżgura l-mewt bħall-fsada, l-enervazzjoni (pithing), l-elettrokuzzjoni jew l-espożizzjoni mtawla għal anossija.

[…]

4.   Fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija.”

8

Intitolat “Kontrolli ta’ miżuri ta’ sturdament”, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fejn, għall-finijiet tal-Artikolu 4(4), l-annimali jinqatlu mingħajr sturdament minn qabel, il-persuni responsabbli għall-qatla għandhom iwettqu kontrolli sistematiċi sabiex jiġi żgurat li l-annimali ma jippreżentaw l-ebda sinjal ta’ kuxjenza jew sensibbiltà qabel ma jiġu rilaxxati mit-trażżin u ma jippreżentaw l-ebda sinjal ta’ ħajja qabel ma jiġu preparati jew jinstamtu”.

9

Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1099/2009, intitolat “Regoli nazzjonali aktar stretti”:

“1.   Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jżommu regoli nazzjonali li għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva tal-annimali waqt il-qatla, li jkunu fis-seħħ mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Qabel l-1 ta’ Jannar 2013, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali regoli nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħra dwar dawn.

2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli nazzjonali mmirati biex tiġi żgurata l-protezzjoni aktar estensiva tal-annimali waqt il-qatla minn dawk li jinsabu f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-oqsma li ġejjin:

[…]

c)

il-qatla u l-operazzjonijiet relatati ta’ annimali konformement mal-Artikolu 4(2)[(4)].

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’tali regoli nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħra dwar dawn.

[…]

4.   Stat Membru ma għandux jipprojbixxi jew jimpedixxi t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni, fit-territorju tiegħu, ta’ prodotti li ġejjin minn annimali li nqatlu fi Stat Membru ieħor għar-raġunijiet li l-annimali kkonċernati ma nqatlux konformement mar-regoli nazzjonali tiegħu mmirati lejn protezzjoni tal-annimali aktar estensiva waqt il-qatla.”

10

L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rappurtar”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mhux aktar tard mit-8 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti ċerti rekwiżiti rigward il-protezzjoni tal-ħut waqt il-qatla b’kont meħud tal-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali kif ukoll l-impatti soċjo-ekonomiċi u ambjentali. Dan ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti leġislattivi bil-ħsieb li jiġi emendat dan ir-Regolament bl-inklużjoni ta’ regoli speċifiċi rigward il-protezzjoni tal-ħut waqt il-qatla.

Sa meta jiġu adottati dawn il-miżuri, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw regoli nazzjonali rigward il-protezzjoni tal-ħut waqt il-qatla jew il-qtil u għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni.”

Id-dritt Belġjan

11

L-Artikolu 16(1) tal-Wet betreffende de bescherming en het welzijn der dieren (il-Liġi dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali), tal-14 ta’ Awwissu 1986 (Belgisch Staatsblad, tat-3 ta’ Diċembru 1986, p. 16382), fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall-adozzjoni tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jimponi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, l-obbligu li l-qatla ssir biss wara l-isturdament tal-annimal jew, f’każ ta’ forza maġġuri, skont il-metodu li jikkawża l-inqas uġigħ. Madankollu, din id-dispożizzjoni kienet tispeċifika, fit-tieni subparagrafu tagħha, li, b’deroga, dan l-obbligu ma kienx japplika “għal qatliet meħtieġa minn riti reliġjużi”.

12

Id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019, neħħa, fir-rigward tar-Reġjun ta’ Vlaanderen, din id-deroga. Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali, fil-verżjoni tiegħu emendata bl-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, jipprevedi li, “[m]eta l-annimali jinqatlu skont metodi speċjali meħtieġa minn riti reliġjużi, l-isturdament għandu jkun reversibbli u l-mewt tal-annimal ma għandhiex tkun ikkawżata mill-isturdament”.

13

Ix-xogħlijiet preparatorji għall-imsemmi digriet jispeċifikaw dan li ġej:

“Il-Vlaanderen jagħti importanza kbira lill-benesseri tal-annimali. L-għan huwa għalhekk li tiġi pprojbita, fi Vlaanderen, kull sofferenza tal-annimali li tista’ tiġi evitata. Il-qatla mingħajr sturdament tal-annimali ma hijiex kompatibbli ma’ dan il-prinċipju. Għalkemm miżuri oħra inqas drastiċi mill-qatla mingħajr sturdament minn qabel, jistgħu jillimitaw xi ftit l-effett negattiv ta’ dan il-metodu ta’ qatla fuq il-benesseri tal-annimali, tali miżuri ma jistgħux jipprekludu li jkompli jkun hemm preġudizzju serju ħafna għal dan il-benesseri. Il-marġni bejn l-eliminazzjoni tas-sofferenza tal-annimali, minn naħa, u l-qatla mingħajr sturdament minn qabel, min-naħa l-oħra, dejjem ser jibqa’ kbir, anki jekk jiġu adottati miżuri inqas radikali sabiex il-preġudizzju għall-benesseri tal-annimali jiġi limitat kemm jista’ jkun.

Xorta jibqa’ l-fatt li qiegħed jitfittex bilanċ bejn il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u l-libertà tar-reliġjon.

Kemm ir-riti reliġjużi Lhud kif ukoll dawk Iżlamiċi jeżiġu li l-annimal jiġi żvinat kemm jista’ jkun. Riċerki xjentifiċi wrew li l-biża’ li l-isturdament jinfluwenza negattivament l-iżvinament, ma hijiex fondata […].

Barra minn hekk, iż-żewġ riti jeżiġu li l-annimal ikun intatt u f’saħħtu fil-mument tal-qatla u li dan imut b’emoraġija. […] [L]-elektronarkożi hija metodu ta’ sturdament reversibbli (mhux letali) li fil-kuntest tagħha l-annimal, jekk ma jitħanxarlux għonqu fil-frattemp, jerġa’ jiġi f’sensih wara mogħdija qasira ta’ żmien u ma jħoss l-ebda effett negattiv mill-isturdament. Jekk għonq l-annimal jitħanxar immedjatament wara li jiġi stordut, mewtu tkun purament dovuta għall-emoraġija. Meqjus dan kollu, tista’ tiġi segwita l-konklużjoni esposta fir-rapport tas-Sur Vanthemsche. Skont din il-konklużjoni, l-applikazzjoni tal-isturdament reversibbli, mhux letali, waqt il-prattika tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi tikkostitwixxi miżura proporzjonata li tirrispetta l-ispirtu tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi fil-kuntest tal-libertà tar-reliġjon u tieħu inkunsiderazzjoni sal-massimu possibbli l-benesseri tal-annimali kkonċernati. Minn tal-inqas, l-obbligu li tintuża l-elektronarkożi għall-qatliet imwettqa skont il-metodi speċjalizzati meħtieġa minn riti reliġjużi ma jippreġudikax, għalhekk, b’mod sproporzjonat il-libertà tar-reliġjon.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Permezz ta’ atti ppreżentati fis-17 u fit-18 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikorsi għal annullament intiżi kontra d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li dan jikser, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, sa fejn dan iċaħħad liċ-ċittadini Lhud u Musulmani mill-garanzija li l-qatliet għal raġunijiet reliġjużi ma jistgħux jiġu suġġetti għar-rekwiżit ta’ sturdament minn qabel. Fil-fatt, l-imsemmi digriet jipprekludi lil dawn iċ-ċittadini kollha, u mhux biss lil parti żgħira minn fosthom, milli jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, billi ma jippermettilhomx jiksbu laħam li ġej minn annimali maqtula skont il-preċetti reliġjużi tagħhom, sa fejn dawn il-preċetti jopponu t-teknika tal-isturdament reversibbli.

15

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jesponu li, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, l-annimali għandhom, bħala prinċipju, jiġu storduti qabel ma jinqatlu, jiġifieri għandhom jinżammu mitlufin minn sensihom u fi stat li ma jħossu xejn sa mewthom.

16

Madankollu, konformement mal-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament, l-obbligu ta’ sturdament ma japplikax għall-qatla ta’ annimali mwettqa skont metodi partikolari meħtieġa minn riti reliġjużi. Skont il-premessa 18 tal-istess regolament, din l-eċċezzjoni hija ddettata mill-għan li tiġi rrispettata l-libertà tar-reliġjon, iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, hekk kif ġie osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 5657).

17

F’dan ir-rigward, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) tosserva li peress li d-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-kunċett ta’ “reliġjon” jista’ jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri t-turija fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża.

18

Il-metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi u l-osservanza tal-preċetti reliġjużi relatati mal-ikel jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà tar-reliġjon u jistgħu jitqiesu bħala turija fil-pubbliku ta’ twemmin reliġjuż, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-KEDB u tal-Artikolu 10(1) tal-Karta. B’mod partikolari, il-qatla għal raġunijiet reliġjużi hija intiża sabiex tipprovdi lill-fidili kkonċernati b’laħam li ġej minn annimali maqtula konformement mat-twemmin reliġjuż tagħhom. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċertament iddeċidiet, f’dan ir-rigward, fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Cha’are Shalom Ve Tsedek vs Franza (CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, punt 82), li, meta l-fidili ma jiġux imċaħħda mill-possibbiltà li jiksbu u li jikkunsmaw laħam li ġej minn annimali maqtula konformement mat-twemmin reliġjuż tagħhom, id-dritt għal-libertà tar-reliġjon ma jistax jiġi estiż sa tali punt li jkopri wkoll id-dritt li wieħed iwettaq personalment il-qatla għal raġunijiet reliġjużi.

19

Dan espost, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Istati Membri ma jistgħux jużaw il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 sabiex ixejnu mis-sens tagħha l-eċċezzjoni għall-obbligu li jintuża l-isturdament waqt il-qatla għal raġunijiet reliġjużi, prevista fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.

20

Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jillimita b’mod sproporzjonat il-libertà tar-reliġjon, iktar u iktar ladarba l-laħam tal-annimali bovini maqtula konformement ma’ preċetti reliġjużi jirrappreżenta biss 0.1 % tal-kwantità totali tal-laħam prodott fil-Belġju u li l-każijiet fejn l-isturdament minn qabel ma jaħdimx huma ogħla minn din il-perċentwali. Il-komunità Lhudija, barra minn hekk, lanqas ma għandha l-garanzija li tkun tista’ tikseb biżżejjed laħam li ġej minn annimali maqtula konformement mal-preċetti tar-reliġjon Lhudija. Barra minn hekk, it-taqsima leġiżlattiva tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) minn dan iddeduċiet li l-projbizzjoni tal-qatla mingħajr sturdament tikkawża preġudizzju sproporzjonat għal-libertà tar-reliġjon.

21

Id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreġudika wkoll il-libertà tar-reliġjon sa fejn dan jipprekludi lis-segwaċi tar-reliġjon Lhudija milli joqtlu annimali konformement max-shehita, jiġifieri r-rit tal-qatla speċifiku għal din ir-reliġjon. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li laħam li ġej minn annimali maqtula konformement mal-preċetti reliġjużi jista’ jiġi importat minn pajjiż barrani ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

22

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-aħħar nett jikkontestaw il-premessa tal-leġiżlatur ta’ Vlaanderen li tgħid li l-proċedura ta’ sturdament reversibbli li ma jwassalx għall-mewt tal-annimal hija konformi mal-indikazzjonijiet reliġjużi fil-qasam ta’ qatla.

23

Bil-kontra ta’ dan, il-Gvern ta’ Vlaanderen u dak tal-Wallonie jqisu li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex ma japplikawx l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament.

24

Il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li l-għan tad-deroga għall-obbligu, previst bħala prinċipju, tal-isturdament minn qabel il-qtil, previst fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, huwa l-osservanza tal-libertà tar-reliġjon, iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessi 18 u 57 tal-imsemmi regolament, jawtorizza lill-Istati Membri, għall-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali, jidderogaw mill-imsemmi Artikolu 4(4) mingħajr madankollu ma jispeċifika l-limiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri f’dan ir-rigward.

25

Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni hijiex kompatibbli mal-libertà tar-reliġjon iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta.

26

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali neħħa, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019, l-eċċezzjoni, fil-qasam tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, għall-obbligu ta’ sturdament minn qabel. Mix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan id-digriet jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur ta’ Vlaanderen telaq mill-prinċipju li l-qatla mingħajr sturdament tikkawża sofferenza lill-annimal li tista’ tiġi evitata. Huwa pprova wkoll jippromwovi l-benesseri tal-annimali u jilħaq bilanċ bejn, minn naħa, l-għan tal-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali u, min-naħa l-oħra, dak li tiġi ggarantita l-libertà tar-reliġjon.

27

Minn din il-perspettiva, sabiex jagħti kemm jista’ jkun widen għax-xewqat tal-komunitajiet reliġjużi kkonċernati, l-Artikolu 15(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986, kif emendata bid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issa jimponi, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal. Mix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan id-digriet għalhekk jidher li l-leġiżlatur ta’ Vlaanderen qies li din id-dispożizzjoni tissodisfa x-xewqat tal-komunitajiet reliġjużi kkonċernati, peress li, meta tiġi applikata t-teknika tal-isturdament reversibbli, il-preċetti reliġjużi li jimponu li l-annimal ikun għadu ħaj meta sseħħ il-qatla u li dan jiġi żvinat kompletament huma osservati.

28

L-emenda leġiżlattiva li seħħet ma tistax, madankollu, tiġi interpretata bħala li tobbliga lill-komunitajiet reliġjużi kollha jaċċettaw it-teknika tal-isturdament reversibbli. Iktar minn hekk, u hekk kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-possibbiltà li l-membri ta’ dawn il-komunitajiet jiksbu laħam li ġej minn annimali maqtula mingħajr sturdament minn qabel, sa fejn ma hemm ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ tali laħam fir-Reġjun ta’ Vlaanderen. F’kull każ, tali projbizzjoni ta’ importazzjoni tmur kontra l-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 1099/2009.

29

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali madankollu jsostnu li iktar u iktar Stati Membri, l-istess bħar-Reġjun ta’ Vlaanderen, qegħdin jipprojbixxu l-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament jew, minn tal-inqas, l-esportazzjoni ta’ laħam li ġej minn annimali maqtula konformement ma preċetti reliġjużi, u dan jikkomprometti l-provvista ta’ laħam ta’ dan it-tip fir-Reġjun ta’ Vlaanderen. Iktar minn hekk, iċ-ċertifikazzjoni tal-laħam importat ma tippermettix li jkun magħruf b’ċertezza jekk il-laħam ikunx effettivament ġej minn annimali maqtula konformement mal-preċetti reliġjużi.

30

Il-Gvern ta’ Vlaanderen u dak tal-Wallonie jargumentaw li ċertu numru ta’ Stati Membri ma imponewx tali projbizzjoni ġenerali tal-qtil mingħajr sturdament minn qabel u li l-kummerċ tal-laħam ma jiqafx mal-fruntieri tal-Unjoni.

31

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-aħħar nett jallegaw li, għalkemm il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri bħal dawk previsti fid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ diversità reliġjuża, iggarantiti rispettivament fl-Artikoli 20, 21 u 22 tal-Karta. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li l-imsemmi digriet, adottat b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jittratta b’mod differenti, mingħajr ebda ġustifikazzjoni raġonevoli, minn naħa, lill-persuni li joqtlu l-annimali billi jipprattikaw il-kaċċa u s-sajd jew fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-organiżmi li jagħmlu ħsara u, min-naħa l-oħra, lill-persuni li joqtlu l-annimali konformement ma metodi partikolari ta’ qatla imposti minn rit ta’ kult.

32

Huwa f’dan il-kuntest li l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament [Nru 1099/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri, b’deroga mid-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament u bil-għan tal-promozzjoni tal-benessri tal-annimali, li jadottaw regoli bħal dawk li jinsabu fid-digriet [inkwistjoni fil-kawża prinċipali], liema regoli jipprevedu, minn naħa, projbizzjoni tat-tbiċċir [tal-qatla] ta’ annimali mingħajr sturdament applikabbli wkoll waqt it-tbiċċir imwettaq fil-kuntest ta’ rit reliġjuż u, min-naħa l-oħra, proċess ta’ sturdament alternattiv għat-tbiċċir imwettaq fil-kuntest ta’ rit reliġjuż, ibbażat fuq l-isturdament reversibbli u fuq il-premessa li tgħid li l-isturdament ma jistax iwassal għall-qtil tal-annimal?

2)

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fil-pożittiv, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tal-imsemmi regolament jikser, fl-interpretazzjoni esposta fl-ewwel domanda, l-Artikolu 10(1) tal-[Karta]?

3)

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fil-pożittiv, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) [tar-Regolament Nru 1099/2009] jikser, fl-interpretazzjoni esposta fl-ewwel domanda, l-Artikoli 20, 21 u 22 tal-[Karta], sa fejn dan jipprevedi biss, għat-tbiċċir tal-annimali konformement ma’ metodi partikolari stabbiliti minn riti reliġjużi, eċċezzjoni suġġetta għall-kundizzjoni tal-obbligu ta’ sturdament tal-annimal (Artikolu 4(4) flimkien mal-Artikolu 26(2) [ta’ dan ir-regolament]), filwaqt li għall-qtil ta’ annimali fil-kuntest tal-kaċċa, tas-sajd u ta’ manifestazzjonijiet kulturali u sportivi, għar-raġunijiet esposti fil-premessi tar-regolament, huma previsti dispożizzjonijiet li jgħidu li dawn l-attivitajiet ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jew ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ sturdament tal-annimal waqt il-qtil tiegħu (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), u l-Artikolu 1(3) [tal-imsemmi regolament])?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

33

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ottubru 2020, iċ-CICB et u l-Kosher Poultry et talbu sabiex jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34

Insostenn tat-talba tagħhom, iċ-CICB et u l-Kosher Poultry et isostnu, essenzjalment, li s-Sejm (il-Kamra ta’ Isfel tal-Parlament, il-Polonja) adotta, fit-18 ta’ Settembru 2020, abbozz ta’ liġi li jipprojbixxi l-esportazzjoni tal-laħam li ġej minn annimali maqtula fil-kuntest ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi. Issa, sa fejn dan l-Istat Membru jirrappreżenta, għall-komunità Lhudija fil-Belġju, l-ikbar fornitur tal-laħam kosher u sa fejn ma teżisti l-ebda soluzzjoni konkreta ta’ sostituzzjoni, l-adozzjoni ta’ tali abbozz ta’ liġi tistabbilixxi b’iktar qawwa n-natura sproporzjonata tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, tikkostitwixxi fatt ġdid li jista’ jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35

Abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss bejn il-partijiet ikkonċernati.

36

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

37

Fil-fatt, matul is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat, permezz ta’ mistoqsija magħmula lir-Reġjun ta’ Vlaanderen u li għaliha setgħu jirreaġixxu l-parteċipanti kollha, is-sitwazzjoni, li tmur lil hinn minn dik invokata miċ-CICB et u mill-Kosher Poultry et fit-talba tagħhom għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, fejn l-Istati Membri kollha jadottaw miżura li tipprojbixxi, l-istess bħad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qtil ta’ annimali mingħajr sturdament minn qabel fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi.

38

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, sa fejn l-abbozz ta’ liġi msemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza la jista’ jikkostitwixxi fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas fatt relatat ma’ argument li ma kienx ġie diskuss bejn il-partijiet ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

39

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE u tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, proċedura ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal.

40

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1099/2009, li għandu bħala bażi ġuridika l-Artikolu 37 KE (li sar l-Artikolu 43 TFUE) u jifforma parti minn kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni Komunitarju għall-protezzjoni u għall-benesseri tal-annimali matul il-perijodu 2006-2010 (COM (2006) 13 final tat-23 ta’ Jannar 2006), huwa intiż li jiddefinixxi regoli komuni għall-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom jew tal-qtil tagħhom fl-Unjoni, u huwa bbażat, hekk kif huwa stipulat fil-premessa 4 tiegħu, fuq l-idea li l-protezzjoni tal-annimali fil-mument tal-qatla tagħhom hija kwistjoni ta’ interess ġenerali.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri flimkien mal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, jipprevedi l-prinċipju tal-isturdament tal-annimal qabel il-qtil tiegħu u saħansitra jippromwovih bħala obbligu meta studji xjentifiċi jistabbilixxu li l-isturdament jikkostitwixxi t-teknika li l-inqas tikkawża preġudizzju għall-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qatla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs, C‑497/17, EU:C:2019:137, punt 47). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tal-imsemmi regolament, il-prinċipju tal-isturdament minn qabel previst f’din id-dispożizzjoni jirrifletti dan il-valur tal-Unjoni li huwa l-benesseri tal-annimali, kif sanċit issa fl-Artikolu 13 TFUE, li abbażi tiegħu l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu b’mod sħiħ inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-benesseri tal-annimali meta huma jifformulaw u jimplimentaw il-politika tagħhom.

42

Dan il-prinċipju jissodisfa l-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali mfittex mir-Regolament Nru 1099/2009, li jirriżulta mit-titolu nnifsu ta’ dan ir-regolament u mill-premessa 2 tiegħu, u dan, konformement mal-imsemmi Artikolu 13 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 6364).

43

Wara dan, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, jipprovdi li l-prinċipju tal-isturdament minn qabel ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-annimali li huma s-suġġett ta’ metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi u sakemm il-qatla sseħħ f’biċċerija. Għalkemm id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, moqrija fid-dawl tal-premessa 18 ta’ dan ir-regolament, tippermetti l-prattika tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, li fil-kuntest tagħha l-annimal jista’ jinqatel mingħajr sturdament minn qabel, madankollu, din il-forma ta’ qatla hija awtorizzata biss bħala deroga fl-Unjoni u unikament sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-libertà tar-reliġjon, peress li din ma hijiex ta’ natura li tnaqqas kull uġigħ, stress jew sofferenza tal-annimali b’mod daqstant effikaċi daqs qatla bi sturdament minn qabel, li, konformement mal-Artikolu 2(f) tal-imsemmi regolament, huwa neċessarju sabiex jikkawża fl-annimal stat ta’ telf mis-sensi u telf ta’ sensittività li jistgħu jnaqqsu b’mod kunsiderevoli s-sofferenzi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs, C‑497/17, EU:C:2019:137, punt 48).

44

Din id-deroga hija bbażata, hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1099/2009, fuq in-neċessità li jiġu osservati kemm id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi kif ukoll id-drawwiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-riti reliġjużi, it-tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni relatata, fost l-oħrajn, mal-agrikultura u mas-suq intern. Din għalhekk tikkonkretizza, konformement mal-Artikolu 10(1) tal-Karta, l-impenn pożittiv tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tiġi żgurata l-osservanza effettiva tal-libertà tar-reliġjon u tad-dritt li persuna turi r-reliġjon jew it-twemmin tagħha permezz tal-prattiki u tat-twettiq ta’ riti, b’mod partikolari favur il-Musulmani u l-Lhud prattikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 5657).

45

Barra minn hekk, mill-premessa 18 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li “d-dispożizzjonijiet [tal-Unjoni] applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi[, riżultanti mid-Direttiva 93/199,] ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda “li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru”. Għal dan il-għan, l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 jawtorizza lill-Istati Membri jżommu kull regola nazzjonali, applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, intiża sabiex tiġi żgurata protezzjoni ikbar tal-annimali waqt il-qatla, filwaqt li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli nazzjonali intiżi sabiex, waqt il-qatla, jiġi żgurat li l-annimali jkollhom protezzjoni ikbar minn dik prevista mill-imsemmi regolament fil-qasam, b’mod partikolari, tal-“qatla u l-operazzjonijiet relatati ta’ annimali konformement mal-Artikolu 4(2)[(4)]”, filwaqt li huwa speċifikat li, konformement mal-Artikolu 2(b) ta’ dan l-istess regolament, l-operazzjonijiet relatati hekk previsti jinkludu l-isturdament.

46

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 jispeċifika li Stat Membru ma jistax jipprojbixxi jew jostakola t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tiegħu ta’ prodotti li ġejjin minn annimali li nqatlu fi Stat Membru ieħor minħabba li l-annimali kkonċernati ma nqatlux b’mod konformi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li hija intiża li tiżgura l-ikbar protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla.

47

Għalhekk, il-kuntest imfassal mir-Regolament Nru 1099/2009 jirrifletti dak li huwa previst fl-Artikolu 13 TFUE, li jgħid li “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta’ l-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali”. Dan il-kuntest juri li dan ir-regolament ma jwettaqx huwa nnifsu r-rikonċiljazzjoni neċessarja bejn il-benesseri tal-annimali u l-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, iżda jillimita ruħu li jirregola r-rikonċiljazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwettqu bejn dawn iż-żewġ valuri.

48

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 44 sa 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minn naħa, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 ma jiksirx il-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, kif iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-possibbiltà mogħtija lilhom, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li jadottaw regoli addizzjonali intiżi sabiex lill-annimali tiġi żgurata protezzjoni ikbar minn dik prevista minn dan ir-regolament, l-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, jimponu obbligu ta’ sturdament minn qabel il-qtil tal-annimali li japplika wkoll fil-kuntest ta’ qatla meħtieġa minn riti reliġjużi, bla ħsara, madankollu, għar-rispett tad-drittijiet fundamentali sanċiti fil-Karta.

49

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali sanċiti minnha meta huma jimplimentaw din il-possibbiltà.

50

F’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali adottati abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 mal-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10(1) tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, u jispeċifika li dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma’ oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

51

F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni nazzjonali adottata abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament u li timponi, fil-kuntest ta’ qatla għal raġunijiet reliġjużi, sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta.

52

Fil-fatt, il-Karta tagħti sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon” previst f’din id-dispożizzjoni, li jista’ jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri t-turija fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża, u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qatla għal raġunijiet reliġjużi taqa’ taħt il-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta (sentenza tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 4449).

53

Hekk kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi jimponi l-obbligu ta’ sturdament minn qabel tal-annimal matul il-qatla għal raġunijiet reliġjużi, filwaqt li jipprevedi li dan l-isturdament ikun reversibbli u li ma jipprovokax il-mewt tal-annimal, id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottat abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, jidher li huwa inkompatibbli ma ċerti preċetti reliġjużi Lhud u Musulmani.

54

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qatla għal raġunijiet reliġjużi tissodisfa preċetti reliġjużi speċifiċi li jeżiġu, essenzjalment, li l-fidili jikkunsmaw biss laħam ta’ annimali maqtula mingħajr sturdament minn qabel, sabiex jiġi żgurat li huma ma jkunu suġġetti għal ebda proċedura ta’ natura li twassal għall-mewt qabel il-qatla u li dawn jiġu żvinati.

55

Għaldaqstant, dan id-digriet jinvolvi limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-fidili Lhud u Musulmani li juru r-reliġjon tagħhom, kif iggarantita fl-Artikolu 10(1) tal-Karta.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet previsti f’din tal-aħħar u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Id-drittijiet korrispondenti tal-KEDB għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Karta, inkwantu livell ta’ protezzjoni minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Usufrutti fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 124). Sa fejn mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 10 tal-Karta jirriżulta li l-libertà ggarantita fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għal-libertà ggarantita fl-Artikolu 9 tal-KEDB, hemm lok li din il-libertà tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.

57

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon protetta mill-Artikolu 9 tal-KEDB tirrapreżenta wieħed mis-sisien tas-“soċjetà demokratika” fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, sa fejn il-pluraliżmu, li huwa ukoll sostanzjali għal tali soċjetà, jiddependi fuq din il-libertà (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 18 ta’ Frar 1999, Buscarini et vs San Marino, CE:ECHR:1999:0218JUD002464594, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Frar 2011, Wasmuth vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2011:0217JUD001288403, punt 50). Għalhekk, l-Artikolu 9(2) tal-KEDB, jipprovdi li “l-libertà li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu tkun suġġetta biss għal dawk il-limitazzjonijiet li jkunu preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà pubblika, għall-protezzjoni tal-ordni pubblika, tas-saħħa jew tal-morali pubblika, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor”.

58

Fl-istess sens, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. F’din it-tieni sentenza, din id-dispożizzjoni tistipula li fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn id-drittijiet u dawn l-obbligi jistgħu jiġu limitati biss f’dawk il-każijiet fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

59

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi obbligu ta’ sturdament minn qabel tal-annimal matul il-qatla għal raġunijiet reliġjużi filwaqt li timponi li dan l-isturdament ikun reversibbli u li ma jwassalx għall-mewt ta’ dan l-annimal, tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 13 TFUE.

60

Fl-ewwel lok, sa fejn din tirriżulta mid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu identifikata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

61

Fit-tieni lok, leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-obbligu ta’ sturdament minn qabel tal-annimal matul il-qatla għal raġunijiet reliġjużi filwaqt li timponi li dan l-isturdament ikun reversibbli u li ma jipprovokax il-mewt tal-annimal tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 10 tal-Karta meta, skont l-indikazzjonijiet li jinstabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, esposti fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-indħil li jirriżulta minn tali leġiżlazzjoni jkun limitat għal aspett tal-att ritwali speċifiku li tikkostitwixxi l-imsemmija qatla, sa fejn din tal-aħħar ma hijiex, bħala tali, pprojbita.

62

Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-limitazzjoni tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 10 tal-Karta li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, mill-indikazzjonijiet li jinstabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlatur ta’ Vlaanderen kellu l-intenzjoni li jippromwovi l-benesseri tal-annimali. Għalhekk, fix-xogħlijiet preparatorji tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa indikat li “l-Vlaanderen jagħti importanza kbira lill-benesseri tal-annimali”, li “[l]-għan huwa għalhekk li tiġi pprojbita, fi Vlaanderen, kull sofferenza tal-annimali li tista’ tiġi evitata”, li “l-qatla mingħajr sturdament tal-annimali ma hijiex kompatibbli ma dan il-prinċipju”, u li “[g]ħalkemm miżuri oħra inqas drastiċi mill-qatla mingħajr sturdament minn qabel, jistgħu jillimitaw xi ftit l-effett negattiv ta’ dan il-metodu ta’ qatla fuq il-benesseri tal-annimali, tali miżuri ma jistgħux jipprekludu li jkompli jkun hemm preġudizzju serju ħafna għal dan il-benesseri”.

63

Issa, kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C‑37/06 u C‑58/06, EU:C:2008:18, punt 22; tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel, C‑219/07, EU:C:2008:353, punt 27; tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑100/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:537, punt 91; kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh-Export, C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35), kif ukoll mill-Artikolu 13 TFUE, jirriżulta li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

64

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-limitazzjonijiet ikkawżati mid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, fejn huwa sottontiż li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel dik l-inqas vinkolanti u li l-inkonvenjenti kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il-Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

65

Meta inkwistjoni jkun hemm diversi drittijiet fundamentali u prinċipji sanċiti mit-Trattati, bħal, f’dan il-każ, id-dritt iggarantit fl-Artikolu 10 tal-Karta u l-benesseri tal-annimali sanċit fl-Artikolu 13 TFUE, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha titwettaq fl-osservanza tar-rikonċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet u prinċipji inkwistjoni u ta’ bilanċ xieraq bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-obbligu ta’ sturdament minn qabel tal-annimal matul il-qatla għal raġunijiet reliġjużi, filwaqt li timponi li dan l-isturdament ikun reversibbli u li ma jipprovokax il-mewt tal-annimal, hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali msemmi fil-punt 62 ta’ din is-sentenza.

67

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, meta inkwistjoni jkun hemm kwistjonijiet ta’ politika ġenerali, bħalma hija d-determinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istat u r-reliġjonijiet, li fir-rigward tagħhom jistgħu raġonevolment jeżistu diverġenzi kbar fi Stat demokratiku, hemm lok li tingħata importanza partikolari għar-rwol tal-korp nazzjonali li jiddeċiedi. Barra minn hekk, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-KEDB, lill-Istat għandu wkoll jiġi rrikonoxxut marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk u sa fejn restrizzjoni għad-dritt li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu hija “neċessarja”. Il-marġni ta’ diskrezzjoni hekk magħruf lill-Istati Membri fl-assenza ta’ konsensus fuq livell tal-Unjoni, għandu madankollu jimxi id f’id mal-kontroll Ewropew li jikkonsisti b’mod partikolari f’li jitfittex jekk il-prinċipji li fuqhom huma msejsa l-miżuri adottati fuq livell nazzjonali humiex iġġustifikati u jekk dawn humiex proporzjonali (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, l-1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, punti 129 u 131, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessi 18 u 57 tar-Regolament Nru 1099/2009, hija preċiżament l-assenza ta’ konsensus bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-mod kif jittrattaw il-qatla għal raġunijiet reliġjużi li ispirat l-adozzjoni tal-Artikoli 4 u 26 ta’ dan ir-regolament.

69

Fil-fatt, il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009 tipprovdi, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li d-deroga għar-rekwiżit ta’ sturdament tal-annimali qabel il-qatla għandha tinżamm, filwaqt li jitħalla, madankollu, livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru.

70

Min-naħa tagħha, il-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, wara li ssemmi l-fatt li ċ-ċittadini Ewropej jistennew li waqt il-qatla jiġi osservat minimu ta’ regoli fil-qasam tal-benesseri tal-annimali, tenfasizza li, f’ċerti oqsma, l-attitudnijiet fil-konfront tal-annimali huma ddettati wkoll mill-perċezzjonijiet nazzjonali u li, f’ċerti Stati Membri, huwa rikjest li jinżammu jew li jiġu adottati regoli fil-qasam tal-benesseri li jkunu iktar stretti minn dawk adottati fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, dejjem skont l-imsemmija premessa, fl-interess tal-annimali u sakemm ma jiġix affettwat il-funzjonament tas-suq intern, għandha tiġi permessa ċerta flessibbiltà lill-Istati Membri sabiex huma jżommu jew, f’ċerti oqsma speċifiċi, jadottaw regoli nazzjonali iktar stretti.

71

Għalhekk, billi jagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ “perċezzjonijiet nazzjonali” differenti fil-konfront tal-annimali kif ukoll għan-neċessità li titħalla “ċerta flessibbiltà” jew saħansitra “livell ta’ sussidjarjetà” lill-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippreżerva l-kuntest soċjali rispettiv ta’ kull Stat Membru f’dan ir-rigward u jirrikonoxxi lil kull wieħed minnhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tar-rikonċiljazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-Artikolu 13 TFUE u l-Artikolu 10 tal-Karta, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali meta dawn jinqatlu u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tal-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu.

72

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, in-natura neċessarja tal-indħil fil-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu li jirriżulta mid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li mill-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) iċċitati fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 1099/2009, jirriżulta li ntlaħaq konsensus xjentifiku dwar il-fatt li l-isturdament minn qabel jikkostitwixxi l-aħjar mezz sabiex titnaqqas is-sofferenza tal-annimal fil-mument tal-qtil tiegħu.

73

Huwa billi aċċetta din il-perspettiva li l-leġiżlatur ta’ Vlaanderen indika, fix-xogħlijiet preparatorji tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li “l-marġni bejn l-eliminazzjoni tas-sofferenza tal-annimali, minn naħa, u l-qatla mingħajr sturdament minn qabel, min-naħa l-oħra, dejjem ser jibqa’ kbir, anki jekk jiġu adottati miżuri inqas radikali sabiex il-preġudizzju għall-benesseri tal-annimali jiġi limitat kemm jista’ jkun”.

74

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur ta’ Vlaanderen seta’, mingħajr ma jmur lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, iqis li l-limitazzjonijiet li d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimponi fuq il-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu, billi jimponi sturdament minn qabel reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal, tissodisfa l-kundizzjoni tan-neċessità.

75

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, in-natura proporzjonali tal-indħil fil-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu li jirriżulta mid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji għal dan id-digriet, kif iċċitati fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur ta’ Vlaanderen ibbaża ruħu fuq riċerki xjentifiċi li wrew li l-biża li l-isturdament jinfluwenza negattivament l-iżvinament, ma hijiex fondata. Barra minn hekk, minn dawn l-istess xogħlijiet jirriżulta li l-elektronarkożi hija metodu ta’ sturdament mhux letali u reversibbli, b’tali mod li, jekk għonq l-annimal jitħanxar immedjatament wara li jiġi stordut, mewtu tkun purament dovuta għall-emoraġija.

76

Barra minn hekk, meta impona, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, sturdament minn qabel reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal, il-leġiżlatur ta’ Vlaanderen ried ukoll jispira ruħu mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1099/2009, li fid-dawl tagħha għandu jinqara l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ikkunsidrat globalment, u li tipprovdi, essenzjalment, li, sabiex l-annimali jiġu skansati minn uġigħ, minn stress jew minn sofferenza evitabbli matul il-qtil, għandu jiġi pprivileġġat l-iktar qtil awtorizzat modern, meta żviluppi xjentifiċi sinjifikattivi jippermettu li s-sofferenza tagħhom titnaqqas meta jiġu maqtula.

77

It-tieni nett, l-istess bħall-KEDB, il-Karta hija strument ħaj li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja attwali u tal-kunċetti prevalenti attwali fl-Istati demokratiċi (ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2011, Bayatyan vs L-Armenja [GC], CE:ECHR:2011:0707JUD002345903, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-valuri u tal-kunċetti, kemm fuq il-livell tas-soċjetà kif ukoll fuq dak leġiżlattiv, fl-Istati Membri. Issa, il-benesseri tal-annimali, inkwantu valur li sa minn ċertu numru ta’ snin ingħata, mis-soċjetajiet demokratiċi kontemporanji, importanza ikbar, jista’, fid-dawl tal-iżvilupp tas-soċjetà, jittieħed iktar inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi u għalhekk jikkontribwixxi sabiex jiġġustifika n-natura proporzjonali ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

78

It-tielet nett, konformement mar-regola prevista fl-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, l-imsemmi digriet la jipprojbixxi u lanqas ma jostakola t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni, fit-territorju li fih huwa applikabbli, ta’ prodotti li ġejjin minn annimali li nqatlu għal raġunijiet reliġjużi u mingħajr sturdament minn qabel fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni barra minn hekk enfasizzat, f’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-maġġoranza tal-Istati Membri jawtorizzaw, abbażi tal-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, il-qatla mingħajr sturdament minn qabel. Iktar minn hekk, hekk kif essenzjalment sostna l-Gvern ta’ Vlaanderen u dak tal-Wallonie, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tipprojbixxi u lanqas ma tostakola t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn annimali li nqatlu għal raġunijiet reliġjużi meta dawn il-prodotti jkunu ġejjin minn Stati Terzi.

79

Għalhekk, f’kuntest li dejjem jiżviluppa kemm fuq il-livell tas-soċjetà kif ukoll fuq dak leġiżlattiv, li huwa kkaratterizzat, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, minn sensibilizzazzjoni dejjem tikber għall-kwistjoni tal-benesseri tal-annimali, il-leġiżlatur ta’ Vlaanderen seta’ jadotta, wara diskussjoni wiesgħa fil-livell tar-Reġjun ta’ Vlaanderen, id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jmur lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mid-dritt tal-Unjoni lill-Istati Membri fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-Artikolu 10(1) tal-Karta u l-Artikolu 13 TFUE.

80

Għalhekk hemm lok li jitqies li l-miżuri inklużi fid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettu li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-importanza mogħtija lill-benesseri tal-annimali u l-libertà li l-fidili Lhud u Musulmani juru r-reliġjon tagħhom u, konsegwentement, li dawn huma proporzjonali.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE u tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, proċedura ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal.

Fuq it-tielet domanda

82

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment dwar il-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, kif iggarantiti, rispettivament, fl-Artikoli 20, 21 u 22 tal-Karta. Fil-fatt, fil-każ fejn din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri bħall-isturdament obbligatorju għall-qtil tal-annimali fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, l-imsemmi regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni paragunabbli għall-qtil tal-annimali fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ kaċċa u ta’ sajd jew matul avvenimenti kulturali jew sportivi.

83

Mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1099/2009 mal-Artikoli 20, 21 u 22 tal-Karta, sa fejn, filwaqt li jipprovdi biss eċċezzjoni suġġetta għal kundizzjonijiet għall-isturdament minn qabel tal-annimal fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, dan ir-regolament jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jew jeżenta, il-qtil ta’ annimali li jseħħ fil-kuntest tal-kaċċa, tas-sajd kif ukoll tal-avvenimenti kulturali u sportivi, mill-obbligu ta’ sturdament minn qabel li huwa jipprevedi.

84

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-qatla għal raġunijiet reliġjużi hija s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju fir-Regolament Nru 1099/2009, meta mqabbla mal-qtil ta’ annimali fil-kuntest ta’ avvenimenti kulturali u sportivi.

85

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni hija sempliċement l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jifforma parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u li dan il-prinċipju jimponi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23).

86

F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 1099/2009 jistipula, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1), li l-għan tiegħu huwa li jistabbilixxi “regoli għall-qtil ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda, pil jew prodotti oħra kif ukoll għall-qtil ta’ annimali għall-fini tad-depopolazzjoni u għal operazzjonijiet relatati”, u jispeċifika, fl-Artikolu 1(3)(a)(iii), li huwa ma japplikax għal ċertu numru ta’ attivitajiet, li fosthom hemm il-qtil ta’ annimali waqt avvenimenti kulturali jew sportivi.

87

Issa, l-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-“avvenimenti kulturali jew sportivi” bħala “avvenimenti li huma essenzjalment u b’mod predominanti relatati ma’ tradizzjonijiet kulturali jew attivitajiet sportivi li ilhom stabbiliti, inkluż it-tlielaq jew forom oħra ta’ kompetizzjoni, fejn ma hemm l-ebda produzzjoni ta’ laħam jew prodotti ta’ annimali oħra jew fejn dik il-produzzjoni hija marġinali meta mqabbla mal-avveniment u mhijiex ekonomikament sinifikanti”.

88

Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-avvenimenti kulturali u sportivi, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-imsemmi regolament, iwasslu, l-iktar l-iktar, għal produzzjoni marġinali ta’ laħam jew ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali meta mqabbla mal-avveniment veru u proprju u li tali produzzjoni ma hijiex sinjifikattiva fuq livell ekonomiku.

89

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1099/2009, li tgħid li l-fatt li dawn l-avvenimenti ma jaffettwawx is-suq tal-prodotti li ġejjin mill-annimali u ma humiex motivati minn għanijiet ta’ produzzjoni jiġġustifika l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

90

F’dawn iċ-ċirkustanzi, avveniment kulturali jew sportiv ma jistax raġonevolment jiġi kkonċepit bħala attività ta’ produzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1099/2009. Huwa għalhekk, fid-dawl ta’ din id-differenza, mingħajr ma kiser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma assimilax l-avvenimenti kulturali jew sportivi għal operazzjoni ta’ qatla li għandha, bħala tali, tkun suġġetta għal sturdament u li, billi għamel dan, huwa ttratta dawn is-sitwazzjonijiet b’mod differenti.

91

Fit-tieni lok, huwa biss jekk l-essenza tal-kunċetti ta’ “kaċċa” u ta’ “sajd rekreattiv” tiġi mxejna li jkun jista’ jiġi sostnut li dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu pprattikati fuq annimali storduti minn qabel. Fil-fatt, hekk kif tistipula l-premessa 14 tar-Regolament Nru 1099/2009, l-imsemmija attivitajiet jiġu żvolti f’kuntest fejn il-kundizzjonijiet tal-qtil huma differenti ferm minn dawk li jgħaddu minnhom l-annimali tat-trobbija.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ukoll mingħajr ma kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament is-sitwazzjonijiet ta’ qtil mhux paragunabbli msemmija fil-punt preċedenti.

93

Fit-tielet lok, kemm jekk fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 jew inkella fil-premessi 6, 11 u 58 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza b’mod abbundanti li l-opinjonijiet xjentifiċi dwar il-ħut tat-trobbija kienu insuffiċjenti u li kien hemm ukoll lok li jkun hemm evalwazzjoni ekonomika iktar fil-fond f’dan il-qasam, u dan kien jiġġustifika li t-trattament tal-ħut tat-trobbija ma jiġix inkluż.

94

Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 84 sa 93 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li huwa mingħajr ma kiser id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika ggarantita fl-Artikolu 22 tal-Karta li r-Regolament Nru 1099/2009, filwaqt li jipprevedi biss eċċezzjoni, suġġetta għal kundizzjonijiet, għall-isturdament minn qabel tal-annimal fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jew jeżenta mill-obbligu ta’ sturdament minn qabel li huwa jipprevedi, il-qtil ta’ annimali li jseħħ fil-kuntest tal-kaċċa, tas-sajd u tal-avvenimenti kulturali u sportivi.

95

Minn dan isegwi li mill-eżami tat-tielet domanda preliminari ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009.

Fuq l-ispejjeż

96

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din l-aħħar qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, apparti dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 TFUE u tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi, fil-kuntest tal-qatla għal raġunijiet reliġjużi, proċedura ta’ sturdament reversibbli u li ma jistax iwassal għall-mewt tal-annimal.

 

2)

Mill-eżami tat-tielet domanda preliminari ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.