SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali – Irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett – Aċċess għall-ġustizzja – Limiti previsti mid-dritt nazzjonali – Direttiva 2000/60/KE – Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Deterjorament ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni – Dritt tal-individwi li jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis – Locus standi quddiem il-qrati nazzjonali”

Fil-Kawża C‑535/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

IL,

JK,

KJ,

LI,

NG,

MH,

OF,

PE,

RC u SB, bħala eredi ta’ QD,

TA,

UZ,

VY,

WX

vs

Land Nordrhein-Westfalen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IL, JK, KJ, LI, NG, MH, OF, PE, RC u SB, TA, UZ, VY, WX, minn R. Nebelsieck, J. Mittelstein u K. Fock, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Pollakk, minn M. B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), u tal-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) u (b)(i) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn diversi individwi (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), dwar deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Bezirksregierung Detmold (il-Gvern Distrettwali ta’ Detmold, il-Ġermanja), tas-27 ta’ Settembru 2016, li tapprova l-pjan għall-kostruzzjoni ta’ parti mill-awtostrada ta’ madwar 3.7 kilometri.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1 iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 9(3) tagħha:

“[…] kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/92

4

Skont il-premessi 7, 19 u 21 tad-Direttiva 2011/92:

“(7)

Kunsens għall-iżvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li tkun saret stima minn qabel tal-effetti ambjentali sinifikanti probabbli ta’ dawk il-proġetti. Dik l-istima għandha titmexxa fuq il-bażi tal-informazzjoni xierqa mogħtija mill-iżviluppatur, li tista’ tkun supplementata mill-awtoritajiet u mill-pubbliku li x’aktarx ikun ikkonċernat bil-proġett inkwistjoni.

[…]

(19)

Fost l-objettivi tal-Konvenzjoni ta’ Århus hemm ix-xewqa li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet f’materji ambjentali sabiex jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-dritt għall-għixien f’ambjent li huwa adegwat għas-saħħa u l-ġid personali.

(20)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet speċifiċi elenkati fl-Anness I tagħha u dwar l-attivitajiet mhux hekk elenkati li jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent.

(21)

L-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra sabiex tiġi kkontestata l-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku tal-Artikolu 6 ta’ dik il-Konvenzjoni.”

5

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwa b’hekk ifformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima tal-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

(b)

‘żviluppatur’ tfisser l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorità pubblika li tibda proġett;

(c)

“kunsens għall-iżvilupp” tfisser id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

(d)

‘pubbliku’ tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

(e)

‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom. Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess;

(f)

‘awtorità jew awtoritajiet kompetenti’ tfisser dik l-awtorità jew dawk l-awtoritajiet li l-Istati Membri jaħtru bħala responsabbli sabiex iwettqu d-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

(b)

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

(c)

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

(d)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”

7

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ proġetti li, skont l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 6 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV sa fejn:

(a)

l-Istati Membri jikkunsidraw li t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju partikolari tal-proċedura tal-kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew ta’ tip ta’ proġett u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati

(b)

l-Istati Membri jikkunsidraw li żviluppatur jista’ raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif u jagħti każ, fost ħwejjeġ oħra, tal-għarfien u l-metodi ta’ stima attwali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, jekk l-iżviluppatur hekk jitlob qabel jissottometti applikazzjoni għall-kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tagħti parir dwar it-tagħrif li għandu jiġi fornit mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta mal-iżviluppatur u mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) qabel ma tagħti l-opinjoni tagħha. Il-fatt li l-awtorità tkun tat opinjoni skont dan il-paragrafu ma jipprekludihiex milli sussegwentement teħtieġ li l-iżviluppatur jissottometti aktar tagħrif.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jagħtuhom tali opinjoni, irrispettivament minn jekk l-iżviluppatur jitlobx dan.

3.   It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

(a)

deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi tagħrif dwar is-sit, id-disinn u d-daqs tal-proġett;

(b)

deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti negattivi sinifikanti;

(c)

id-data meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewlenin li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent;

(d)

il-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent;

(e)

sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fil-punti (a) sa (d).

4.   L-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiżguraw li kull awtorità li jkollha f’idejha t-tagħrif rilevanti b’referenza partikolari għall-Artikolu 3, tagħmel dan it-tagħrif disponibbli lill-iżviluppatur.”

8

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 huwa fformulat kif ġej:

“[…]

2.   Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli:

(a)

it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp;

(b)

il-fatt li l-proġett huwa soġġett għal proċedura ta’ stima dwar l-impatt fuq l-ambjent u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;

(c)

id-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjoni, dawk li mingħandhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu sottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trażmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

(d)

in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

(e)

indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(f)

indikazzjoni dwar iż-żminijiet jew il-postijiet li fihom u l-mezzi li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

(g)

id-dettalji tal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:

(a)

kull tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(b)

skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku kkonċernat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), it-tagħrif għajr dak imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u li jsir disponibbli biss wara ż-żmien meta l-pubbliku kkonċernat ikun ġie mgħarraf skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp.

5.   L-arranġamenti dettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (pereżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat (pereżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

6.   Għandhom jiġu pprovduti termini ta’ żmien raġonevoli għall-fażijiet differenti, billi jiġi permess żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf u sabiex il-pubbliku kkonċernat iħejji ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fit-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

9

L-Artikolu 11(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

(a)

li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament,

(b)

li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

3.   Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”

10

L-Anness IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “It-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 5(1)”, jipprovdi fil-punt 4 tiegħu:

“Id-deskrizzjoni tal-effetti x’aktarx sinifikanti tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn:

(a)

l-eżistenza tal-proġett;

(b)

l-użu tar-riżorsi naturali;

(c)

l-emissjoni ta’ oġġetti ta’ tniġġis, il-ħolqien ta’ irritazzjonijiet u l-eliminazzjoni tal-iskart.”

11

F’nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża taħt dan il-punt 4, huwa ppreċiżat li “[d]in id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, għal żmien qasir, medju jew twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett”.

Id-Direttiva 2006/118/KE

12

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (ĠU 2006, L 372, p. 19), jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ l-istat kimiku ta’ massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew grupp ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond is-Sezzjoni 2.3 ta’ l-Anness V tad-Direttiva [2000/60], l-Istati Membri għandhom jużaw il-kriterji li ġejjin:

a)

standards tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kif imsemmija fl-Anness I;

b)

valuri ta’ limitu li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skond il-proċedura deskritta fil-Parti A ta’ l-Anness II għall-pollutanti, gruppi ta’ pollutanti u indikaturi tat-tniġġiż li, fit-territorju ta’ Stat Membru, ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu għall-karatterizzazzjoni ta’ mases, jew gruppi ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bħala li jkunu f’riskju, b’kont meħud ta’ mill-inqas il-listi li jinsabu fil-Parti B ta’ l-Anness II.

Il-valuri ta’ limitu għall-ilma ta’ taħt l-art applikabbli għal status kimiku tajjeb għandu jkun ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ġabra ta’ ilma ta’ taħt l-art skond il-Parti A, punti 1, 2 u 3 ta’ l-Anness II, b’konsiderazzjoni partikolari għall-impatt tiegħu fuq, u l-interrelazzjoni ma’, l-ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u l-ekosistemi terrestri u l-artijiet mistagħdra li huma direttament dipendenti fuqhom u għandhom fost l-oħrajn jieħdu kont ta’ l-għarfien dwar it-tossikoloġija umana u l-ekotossikoloġija.”

13

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura deskritta fil-paragrafu 2 biex jivvalutaw l-istat kimiku ta’ massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art. Fejn xieraq, meta jwettqu din il-proċedura l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu fi gruppi mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond l-Anness V għad-Direttiva [2000/60].

2.   Massa jew grupp ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art għandu jkun ikkunsidrat li jkun fi stat kimiku tajjeb meta:

a)

il-monitoraġġ rilevanti juri li l-kondizzjonijiet stipulati fit-tabella 2.3.2 ta’ l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE qegħdin jintlaħqu; jew

b)

il-valuri ta’ l-istandards tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art imniżżla fl-Anness I u l-valuri ta’ limitu rilevanti stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II ma jinqabżux fi kwalunkwe punt ta’ monitoraġġ f’dak il-massa, jew grupp ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art; jew

ċ)

il-valur għal standard tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew valur ta’ limitu jinqabeż f’punt ta’ monitoraġġ wieħed jew aktar iżda investigazzjoni xierqa skond l-Anness III tikkonferma li:

i)

abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ l-Anness III, il-konċentrazzjonijiet ta’ pollutanti li jeċċedu l-istandards tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew il-valuri ta’ limitu mhumiex ikkunsidrati li qed joħolqu riskju ambjentali sinifikanti, b’kont meħud, fejn ikun dovut, tal-livell tal-massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art li hu affettwat;

ii)

il-kondizzjonijiet l-oħra għal stat kimiku tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art imniżżla fit-Tabella 2.3.2 ta’ l-Anness V għad-Direttiva [2000/60] qed jiġu sodisfatti, skond il-paragrafu 4 ta’ l-Anness III ma’ din id-Direttiva;

iii)

għal ġabriet ta’ ilma ta’ taħt l-art identifikati skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2000/60], il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 7(3) ta’ dik id-Direttiva qegħdin jintlaħqu, skond il-paragrafu 4 ta’ l-Anness III ta’ din id-Direttiva;

iv)

il-ħila tal-massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, jew ta’ kwalunkwe massa fil-grupp ta’ mases ta’ ilma ta’ taħt l-art, li jsostni l-użu mill-bniedem ma ġietx imdgħajfa b’mod sinifikanti minħabba t-tniġġiż.

3.   L-għażla ta’ siti ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma ta’ taħt l-art għandha tissodisfa l-ħtiġiet tal-Parti 2.4 ta’ l-Anness V tad-Direttiva [2000/60] biex ikunu mfassla sabiex jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva u koerenti ta’ l-istatus kimiku ta’ l-ilma ta’ l-art u biex tiġi pprovduta data ta’ monitoraġġ rappreżentattiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sintesi tal-valutazzjoni ta’ l-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2000/60].

Din is-sintesi, stabbilita fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li jaqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru, għandha tinkludi wkoll spjegazzjoni ta’ kif ġie meħud kont ta’ qbiż ta’ l-istandards tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew valuri ta’ limitu f’punti ta’ monitoraġġ individwali fil-valutazzjoni finali.

5.   Jekk massa ta’ l-ilma ta’ taħt l-art huwa klassifikat li qiegħed fi stat kimiku tajjeb skond il-paragrafu 2(ċ), l-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri kif ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva [2000/60], biex jiġu protetti l-ekosistemi akkwatiċi, ekosistemi terrestri u l-użu mill-bniedem ta’ l-ilma ta’ taħt l-art dipendenti fuq il-parti tal-massa rrappreżentata mill-punt jew punti ta’ monitoraġġ li fih il-valur ta’ l-istandard tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew valur ta’ limitu ġie maqbuż.”

Id-Direttiva 2000/60

14

Skont il-premessi 23 sa 26 u 37 tad-Direttiva 2000/60:

“(23)

Prinċipji komuni huma meħtieġa sabiex jikkordinaw l-isforzi tal-Istati Membri biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ilmijiet Komunitarji f’termini ta’ kwantità u kwalità, sabiex jippromwovu użu sostenibbli ta’ l-ilma, biex jikkontribwixxu għall-kontroll ta’ problemi ta’ l-ilma lil hinn mill-fruntiera, biex jipproteġu ekosistemi akkwatiċi u ekosistemi terrestri f’artijiet mistagħdra li direttament jiddependu fuqhom, u s-salvagwardja u l-iżvilupp tal-użu potenzjali tal-ilmijiet Komunitarji.

(24)

Kwalità tajba ta’ l-ilma tikkontribwixxi sabiex ikun żgurat il-forniment ta’ l-ilma tax-xorb għall-popolazzjoni.

(25)

Definizzjonijiet komuni tal-istat ta’ l-ilma f’termini ta’ kwalità u, fejn hu relevanti għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ kwantità, iridu jkunu mwaqqfa. Għandhom ikunu ffissati għanijiet ambjentali biex jiżguraw stat tajjeb fl-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ fil-Komunità u li tkun imwaqqfa d-deterjorazzjoni fl-istat tal-ilmijiet f’livell Komunitarju.

(26)

L-Istati Membri jridu jimmiraw biex jilħqu l-għan ta’ għall-inqas stat tajjeb ta’ ilma billi jiddefinixxu u jimplimentaw il-miżuri meħtieġa fi ħdan il-programmi integrati ta’ miżuri, filwaqt li jikkunsidraw il-ħtiġiet Komunitarji eżistenti. Fejn stat ta’ ilma tajjeb jeżisti diġa, għandu jkun miżmum. Għal ilma ta’ taħt l-art, b’żieda mal-ħtieġa ta’ stat tajjeb, kull trend sinifikanti u sostnuta ta’ żieda fil-konċentrazzjoni ta’ xi kontaminant trid tkun identifikata u mreġġa lura għal li kienet.

[…]

(37)

L-Istati Membri jridu jidentifikaw l-ilmijiet użati għat-teħid ta’ ilma tax-xorb u jiżguraw konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 tal-Lulju tal-1980 dwar il-kwalità ta’ ilma maħsub għal konsum uman [(ĠU 1980, L 229, p. 11)].”

15

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar kif ġej:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:

(a)

jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;

(b)

jippromwovi użu sostenibbli ta’ l-ilma bbażat fuq protezzjoni fit-tul ta’ riżorsi disponibbli ta’ l-ilma;

[…]

(d)

jiżgura t-tnaqqis progressiv ta’ tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u jipprevjeni aktar tniġġiż tiegħu, u

[…]

u b’hekk jikkontribwixxi:

sabiex ikun provdut il-forniment suffiċjenti ta’ kwalità tajba ta’ ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ kif meħtieġ għal użu ta’ l-ilma b’mod sostenibbli, bilanċjat u ekwitabbli,

riduzzjoni sinifikanti fit-tniġġiż ta’ l-ilma tal-qiegħ,

[…]”

16

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin fil-punti 2, 12, 19, 20, 25, 28, 31 u 33:

“2)

‘ilma ta’ taħt l-art’ ifisser l-ilma kollu li huwa taħt il-wiċċ ta’ l-art fiż-żona ta’ saturazzjoni u f’kuntatt dirett mal-ħamrija tal-qiegħ jew ta’ taħt;

[…]

12)

‘Korp ta’ ilma ta’ taħt l-art’ ifisser volum distint ta’ ilma ta’ taħt l-art b’akwifikatur jew akwifikaturi;

[…]

19)

‘Stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art’ hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, stabbilit mill-ifqar stat kwantitattiv u tal-istat kimiku tiegħu;

20)

‘Stat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art’ ifisser l-istat milħuq mill-korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art meta l-istat kwantitattiv u l-istat kimiku tagħhom huma għall-inqas ‘tajbin’;

[…]

25)

‘Stat kimiku tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art’ huwa l-istat kimiku ta’ korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, li jilħaq il-kundizzjonijiet kollha maħruġa fit-tabella 2.3.2 ta’ l-Anness V;

[…]

28)

‘Stat tajjeb kwantitattiv’ huwa l-istat defenit fit-tabelli 2.1.2 ta’ l-Anness V.

[…]

31)

‘Kontaminant’ ifisser kull sustanza li possibilment tikkawża tniġġiż, partikolarment dawk elenkati fl-Anness VIII.

[…]

33)

‘Tniġġiż’ ifisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attività umana, ta’ sustanzi jew sħana fl-arja, fl-ilma jew fl-art li tista’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa umana jew il-kwalità ta’ ekosistemi akkwatiċi jew ekosistemi terrestri li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi, li jirriżultaw fi ħsara għal propjetà materjali, jew li titfixkel jew titħawwad ma’ amenitajiet u użi leġittimi oħra ta’ l-ambjent.”

17

L-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

(a)

għall-ilma tal-wiċċ

(i)

L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)

L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8

(iii)

L-Istati Membri jridu jipproteġu u jiżviluppaw il-korpi ta’ l-ilma kollha artifiċjali u modifikati ħafna, bil-mira li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ kimiku u potenzjal ekoloġiku tajjeb mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iv)

L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 16(1) u (8), bil-mira li progressivament jitnaqqas it-tniġġiż minn sustanzi prioritarji u jitwaqqfu jew jitwaqqfu f’fażijiet emmissjonijiet, ħruġ u telf ta’ sustanzi prijoritajri perikolużi

mingħajr preġudizzju għall-ftehim internazzjonali relevanti imsemmija fl-Artikolu 1 għall-partijiet konċernati;

(a)

għall-ilma ta’ taħt l-art

(i)

L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu jew jillimitaw id-dħul tal-kontaminanti fl-ilma ta’ taħt l-art u biex jipprevjenu id-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi kollha ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(3)(j);

(ii)

L-Istati Membri jridu jipproteġu, jiżviluppaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, jiżguraw bilanċ bejn estrazzjoni u charge mill-ġdid ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bil-mira għal ksib ta’ stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, skond mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(3)(j);

(iii)

L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex terġa tinġieb lura kif kienet kull trend fiż-żieda sinifikanti u sostnuta fil-konċentrazzjoni ta’ kull kontaminant li jirriżulta mill-impatt ta’ attività umana sabiex progressivament jitnaqqas it-tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.

Miżuri biex tiġi mibdula trend iridu jkun implimentati skond paragrafi 2, 4 u 5 ta’ l-Artikolu 17, b’konsiderazzjoni ta’ l-istandards applikabbli stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja relevanti, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8”.

18

L-Artikolu 4(4)(ċ) tad-Direttiva 2000/60 jipprovdi:

“4.   It-termini taż-żmien stabbiliti bil-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi għall-iskopijiet li jinkisbu f’fażijiet l-għanijiet għal korpi ta’ l-ilma, sakemm aktar deterjorazzjoni ma’ titfaċċax fl-istat tal-korp ta’ l-ilma affetwat meta l-kundizzjonijiet kollha li jmiss jintlaħqu:

[…]

(ċ)

Estensjonijiet iridu jiġu limitati sa’ massimu ta’ żewġ aġġornament oħra tal-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma barra f’każijiet fejn il-kundizzjonijiet naturali huma tali li l-għanijiet ma’ jkunux jistgħu jintlaħqu f’dan il-perjodu.”

19

L-Artikolu 4(7)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“7.   L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:

nuqqas li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, stat ekoloġiku tajjeb jew, fejn relevanti, potenzjal ekoloġiku tajjeb jew għal prevenzjoni minn deterjorament fl-istat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ huwa r-riżultat ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, jew

nuqqas ta’ prevenzjoni ta’ deterjorazzjoni minn stat għoli għal stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ huwa r-riżultat ta’ attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman

u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:

(a)

il-passi kollha prattikabbli huma meħuda biex jitnaqqsu l-impatti kuntrarji fuq l-istat tal-korp ta’ l-ilma;

(b)

ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma speċifikament stabbiliti u spjegati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma meħtieġ skond l-Artikolu 13 u l-għanijiet huma riveduti kull sitt snin;

(c)

ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma ta’ interess pubbliku suprem u/jew il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjeta mill-kisba ta’ l-għanijiet stabbilti f’paragrafu 1 huma anqas importanti mill-benefiċċji ta’ modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet għas-saħħa tal-bniedem, għal manteniment tas-sigurtà tal-bniedem jew għal żvilupp sostenibbli, u

(d)

l-għanijiet ta’ benefiċċju moqdija minn dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet tal-korp ta’ l-ilma ma’ jistgħux, għar-raġunijiet ta’ fattibilità teknika jew spejjeż disproporzjonati, jkunu miksuba b’modi oħra, li huma għażla aħjar ta’ l-ambjent.”

20

L-Artikolu 13(7) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma jridu jiġu riveduti u aġġornati mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull sitt xhur [sitt snin] wara.”

21

L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Strateġiji għal prevenzjoni u kontroll ta’ tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jadottaw miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jikkontrollaw t-tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art. Dawn il-miżuri jridu jkunu mmirati lejn il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ stat kimiku tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art skond l-Artikolu 4(1)(b) u jrid jiġi adottat, b’azzjoni fuq il-proposta preżentata fi żmien sentejn minn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċeduri imniżżla fit-Trattat.

2.   Waqt li tipproponi miżuri, il-Kummissjoni trid tieħu in kunsiderazzjoni l-analiżi li saru skond l-Artikolu 5 u l-Anness II. Dawn il-miżuri jridu jiġu proposti aktar kmieni jew id-data ikunu disponibbli u jridu jinkludu:

(a)

kriterja biex issir stima ta’ stat kimiku tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, skond l-Anness II.2.2 u l-Anness V 2.3.2 u 2.4.5;

[…]”

22

Il-punt 2.3 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Il-punt 2.3.1 ta’ dan l-anness isemmi l-“konduttività” u l-“konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti” bħala l-“[p]arametri għad-determinazzjoni ta’ stat kimiku” tal-ilma ta’ taħt l-art.

23

Il-punt 2.3.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“[i]stat kimiku tajjeb” tal-ilma ta’ taħt l-art kif ġej:

“Definizjoni ta’ stat kimiku tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art

Elementi

Stat tajjeb

Ġenerali

Il-kompożizzjoni kimika tal-korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art hija tant li li l-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti:

— kif speċifikati hawn taħt, jesebixxu l-effetti ta’ salini jew intrużjonijiet oħra,

— ma’ jeċċedux l-istandards ta’ kwalità applikabbli taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra relevanti skond l-Artikolu 17,

— ma’ jkunux tant li kapaċi jirriżultaw f’nuqqas ta’ ksib tal-għanjiet ambjentali speċifikati taħt l-Artikolu 4 għal ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u lanqas tnaqqis sinifikanti tal-kwalità kimika jew ekoloġika ta’ dawn il-korpi u lanqas f’kull ħsara sinifikanti għal ekosistemi terrestri li jiddependu direttament fuq korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.

[…]

[…]”

24

Il-punt 2.4 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-monitoraġġ tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art u jipprovdi, b’mod partikolari, fil-punt 2.4.1 tiegħu, li “[i]n-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma ta’ taħt l-art iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 7 u 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jkunu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva tal-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fi ħdan kull baċin tax-xmara u biex jikxfu l-preżenza ta’ direzzjonijiet il-fuq antropoġenikali imdaħħla għal żmien twil f’kontaminati”.

25

Il-punt 2.4.5 tal-Anness V tal-istess direttiva jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-preżentazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Huwa fformulat kif ġej:

“Fl-istima tal-istat, ir-riżultati ta’ punti individwali ta’ monitoraġġ fi ħdan korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art iridu jiġu miġbura għall-korp b’mod sħiħ. Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi konċernati, għal stat tajjeb biex jiġi miksub għal korp ta’ l-ilma, għal dawk il-parametri kimiċi li għalihom standards ta’ kwalità ġew stabbiliti fil-leġiżlazjoni Komunitarja:

il-valur medju tar-riżultati ta’ monitoraġġ f’kull punt fil-korp jew gruppi ta’ korpi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jiġu kalkolati, u

skond l-Artikolu 17 dawn il-valuri medji jridu jintużaw biex juru konformità ma’ stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.

Suġġett għal punt 2.5, l-Istati Membri jridu jipprovdu mappa tal-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bil-kodiċi-kulurit kif indikat hawn taħt:

Tajjeb: aħdar

Fqir: aħmar

[…]

Dawn il-mapep iridu jiġu inklużi fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.”

Id-dritt Ġermaniż

26

L-Artikolu 46 tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva), tat-23 ta’ Jannar 2003 (BGBl. 2003 I, p. 102), dwar l-effetti tad-difetti proċedurali u formali, jipprovdi:

“L-annullament ta’ att amministrattiv li ma huwiex ivvizzjat b’nullità skont l-Artikolu 44 ma jistax jintalab għas-sempliċi raġuni li ġie adottat bi ksur tar-regoli proċedurali jew tal-formalitajiet jew ta’ kompetenza territorjali meta jkun manifest li dan il-ksur ma kellu ebda effett fuq il-mertu tad-deċiżjoni.”

27

L-Artikolu 4 tal-Umweltrechtsbehelfsgesetz (il-Liġi dwar l-Appelli Ambjentali), tas-7 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2816), fil-verżjoni ppubblikata fit-23 ta’ Awwissu 2017 (BGBl. 2017 I, p. 3290), huwa fformulat kif ġej:

“(1)   L-annullament ta’ deċiżjoni dwar l-approvazzjoni ta’ proġett skont il-punti 1 sa 2b tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jista’ jintalab meta:

1.

ma tkunx twettqet, la fiż-żmien meta kienet dovuta u lanqas wara

(a)

evalwazzjoni ambjentali meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung [(l-Att dwar l-Evalwazzjoni tal-Effetti Ambjentali), tal-24 ta’ Frar 2010 (BGBl. 2010 I, p. 94)], […] jew

(b)

evalwazzjoni preliminari każ b’każ tal-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Evalwazzjoni tal-Effetti Ambjentali

[…]

2.

ma tkunx saret parteċipazzjoni pubblika meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 18 tal-Att dwar l-Evalwazzjoni tal-Effett Ambjentali jew fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Bundes-Immissionsschutzgesetz (l-Att Federali dwar il-Kontroll ta’ Emissjonijiet) la fiż-żmien meta kienet dovuta u lanqas wara, jew

3.

ikun seħħ difett proċedurali ieħor li

(a)

ma jkunx ġie rrimedjat,

(b)

ikun paragunabbli min-natura u l-gravità tiegħu mal-każijiet imsemmija fil-punti 1 u 2; u

(c)

ikun ċaħħad lill-pubbliku kkonċernat mill-opportunità, kif previst mil-liġi, li jipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; tali parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għandha tinkludi aċċess għal dokumenti, li għandhom jiġu esposti għal konsultazzjoni mill-pubbliku.

[…]

(1a)   L-Artikolu 46 tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva […] għandu japplika għal żbalji proċedurali li ma humiex koperti mill-paragrafu (1). Jekk il-qorti ma tkunx tista’ tistabbilixxi jekk żball proċedurali skont l-ewwel sentenza jkunx influwenza d-deċiżjoni dwar il-kwistjoni, għandu jiġi preżunt li dak ikun il-każ.

[…]

(3)   Il-paragrafi (1) sa (2) għandhom japplikaw għal rimedji legali minn

1.

persuni fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 61 tal-Verwaltungsgerichtsordnung [(il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi), tal-21 ta’ Jannar 1960 (BGBl. 1960 I, p. 17)], u assoċjazzjonijiet skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 61 ta’ din il-liġi, u

2.

assoċjazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 2(2).

Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu għandu japplika għal rimedji legali ppreżentati minn persuni u assoċjazzjonijiet skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza, bil-kundizzjoni li l-annullament ta’ deċiżjoni jista’ jintalab biss jekk l-iżball proċedurali jkun ċaħħad lill-parti kkonċernata mill-opportunità li tipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif previst mil-liġi.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), id-distrett ta’ Detmold (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja”) approvat, fuq talba tal-Amministrazzjoni tal-Kostruzzjoni Stradali tal-Land Nordrhein-Westfalen, il-pjan ta’ kostruzzjoni ta’ parti mill-awtostrada A 33/strada federali B 61 li tinkludi erba’ korsiji fuq distanza ta’ madwar 3.7 kilometri.

29

Din id-deċiżjoni kienet tawtorizza lill-kuntrattur jevakwa l-ilma tax-xita li kien jgħaddi minn fuq is-superfiċji stradali fi tliet korpi ta’ ilma tal-wiċċ jew fl-ilma ta’ taħt l-art. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kienet tinkludi, kemm għar-rimi ta’ ilma tax-xita fl-ilma tal-wiċċ kif ukoll għall-infiltrazzjoni tiegħu fl-ilma taħt l-art, diversi dispożizzjonijiet annessi intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ilma.

30

Id-dokumenti relatati mal-proġett inkwistjoni tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku matul il-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu u d-29 ta’ Settembru 2010. Għalkemm id-dokumenti dwar iċ-ċirkulazzjoni, il-protezzjoni tal-ispeċi u l-fawna kienu msemmija fin-notifika ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, dan ma kienx il-każ fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-protezzjoni kontra l-ħoss u mad-dranaġġ tal-ilma, u dan qajjem ċerti oġġezzjonijiet min-naħa tal-pubbliku.

31

Fid-dawl tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-kuntrattur issokta b’diversi emendi għall-pjan, b’mod partikolari fir-rigward tad-dranaġġ tal-ilma tax-xita. Barra minn hekk, huwa stabbilixxa “paġna ta’ kopertura” li telenka d-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Waqt il-konsultazzjoni l-ġdida organizzata matul il-perijodu bejn id-19 ta’ Mejju u t-18 ta’ Ġunju 2014 saru oġġezzjonijiet ġodda mill-pubbliku.

32

Wara l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma s-suġġett ta’ esproprjazzjoni jew li għandhom bir domestiku għall-provvista individwali tagħhom ta’ ilma tax-xorb, li jaqa’ fl-ambitu tal-proġett, adixxew il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) b’rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan il-kuntest, din il-qorti hija obbligata twettaq eżami komplet tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

33

F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht tirrileva li, qabel l-awtorizzazzjoni tal-pjan ta’ kostruzzjoni, il-korpi tal-ilma ma kienu suġġetti għal ebda kontroll dokumentat dwar il-protezzjoni tal-korpi tal-ilma kkonċernati.

34

Huwa minnu li l-Awtorità Regolatorja ddikjarat li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, kien twettaq kontroll tal-korpi tal-ilma kkonċernati. Madankollu, kien biss matul il-proċedura kontenzjuża li din l-awtorità pprovdiet studju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma, ta’ 48 paġna, li jiddeskrivi l-korpi tal-ilma kkonċernati u l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq l-elementi kwalitattivi tagħhom (iktar ’il quddiem l-“istudju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma”). Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju tqis li l-pubbliku ma ġiex suffiċjentement informat bl-effetti ambjentali tal-proġett matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li hija, għaldaqstant, ivvizzjata b’difett proċedurali.

35

Madankollu, f’dan il-każ, skont il-Bundesverwaltungsgericht, dan id-difett proċedurali ma huwiex ta’ natura li jimplika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, peress li ma kienx hemm effett fuq is-sinjifikat ta’ din id-deċiżjoni. F’dan il-każ, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, tali difett proċedurali jista’ jiġi invokat minn rikorrent individwali u jkun ta’ natura li jimplika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-pjan biss jekk dan ir-rikorrent ikun effettivament ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali.

36

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk huwiex eskluż li l-kontroll dwar il-projbizzjoni tad-deterjorament tal-korpi tal-ilma kkonċernati minn proġett jista’ jseħħ biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Hija tqis li d-Direttiva 2000/60 tista’ teżiġi li dan il-kontroll jitwettaq qabel dan il-mument fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva trasparenti. Dan jimplika li ma humiex il-qrati, fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża, iżda l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti li għandhom jieħdu l-passi neċessarji u li għandhom jistabbilixxu d-dokumentazzjoni meħtieġa.

37

Jekk tiġi ammessa din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/60, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddeċiedi jekk, fil-kawża prinċipali, il-proċedura amministrattiva kellhiex tinfetaħ mill-ġdid sabiex issir konsultazzjoni pubblika ġdida.

38

F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk id-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandhomx sistematikament jinkludu rapport dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma. Il-Bundesverwaltungsgericht tqis li, meta kuntrattur iwettaq kontroll tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2000/60, ir-rapport li huwa jippreżenta lill-Awtorità Regolatorja għandu jitqies bħala wieħed mir-“rapporti prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2011/92, u għandu, għaldaqstant, ikun aċċessibbli matul il-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika.

39

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht, parteċipazzjoni ġdida tal-pubbliku mhux dejjem hija neċessarja. Fil-fatt, fil-każ ineżami, l-istudju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma ġie redatt biss wara l-għoti tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433) u, għaldaqstant, wara l-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika. F’dan il-każ speċifiku ħafna, parteċipazzjoni ġdida tal-pubbliku tista’ tiġi eskluża sa fejn id-diversi dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, dawn id-dokumenti għandhom, essenzjalment, jinkludu l-istess informazzjoni bħal rapport li jeżamina, fid-dawl tal-kriterji previsti mid-Direttiva 2000/60, l-effetti tal-proġett fuq l-ilma. Min-naħa l-oħra, id-dokumenti disponibbli kif ukoll l-imsemmi rapport għandhom iwasslu għall-istess konklużjonijiet.

40

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma jikkonċerna kemm l-ilma tal-wiċċ kif ukoll l-ilma ta’ taħt l-art u li l-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433) fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ huma trasponibbli ħafna għall-ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, id-Direttiva 2000/60 tiddistingwi sempliċement l-“istat tajjeb” mill-“istat medjokri”. Barra minn hekk, konformement mal-punt 2.4.5 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, deterjorament ikkonstatat lokalment jista’ biss jittieħed inkunsiderazzjoni jekk jaffettwa l-korp tal-ilma kkonċernat fl-intier tiegħu.

41

Fid-dawl tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), il-qorti tar-rinviju tqis li jkun hemm deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma taħt il-baħar f’żewġ każijiet: minn naħa, meta minn tal-inqas wieħed mill-elementi tal-kwalità, imsemmi fl-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ikun jikser, minħabba l-proġett, wieħed mill-parametri applikabbli u, min-naħa l-oħra, meta konċentrazzjoni ta’ inkwinanti li tkun diġà teċċedi valur limitu fis-seħħ tkompli tiżdied.

42

Fir-rigward tal-valuri limitu fis-seħħ, il-Bundesverwaltungsgericht tqis li għandu jsir riferiment għad-Direttiva 2006/118, iżda li, fil-każ ineżami, ebda deterjorament tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ma jista’ jiġi kkonstatat.

43

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 ma jimplikawx li l-membri kollha tal-pubbliku kkonċernat minn proġett u li jinvokaw ksur tad-drittijiet tagħhom jistgħu jikkontestaw deċiżjoni li tikser dawn l-obbligi. Fil-fatt, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, rikors ta’ rikorrent individwali jkun ammissibbli biss jekk dan ir-rikorrent jinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet li huma intiżi tal-inqas parzjalment sabiex jipproteġu d-drittijiet tiegħu stess.

44

Kemm l-obbligu li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma kif ukoll dak li jittejbu dawn tal-aħħar għandhom jiġu osservati mill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, fid-dritt Ġermaniż, dawn l-obbligi ma jagħtu ebda dritt suġġettiv lill-individwi eventwalment ikkonċernati mill-impatt ta’ proġett li jikkonċerna l-ilma. Huma jistabbilixxu għanijiet ta’ ġestjoni tal-ilma u jservu esklużivament l-interess pubbliku.

45

F’dan ir-rigward, mis-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683), tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838), u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987), jirriżulta li huwa suffiċjenti li assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-ambjent ikollhom il-possibbiltà li jivverifikaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent li sservi l-interess pubbliku. Dan il-kunċett tad-dritt għal azzjoni legali jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

46

Madankollu, mill-premessi 24 u 37 kif ukoll mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li din tipproteġi l-ilma mhux biss bħala komponent tal-ekosistema, iżda wkoll għall-finijiet tal-provvista għall-popolazzjoni tal-ilma tax-xorb. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-obbligi li hija tistabbilixxi jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur‑, Arten‑ und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987), il-persuni li s-saħħa tagħhom hija mhedda mill-ksur tad-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ direttiva għandhom ikunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

47

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex eskluż li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għandhom bir domestiku li jaqa’ fl-ambitu tal-proġett inkwistjoni jistgħu jinvokaw ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorament u tal-obbligu ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma previsti mid-Direttiva 2000/60 meta s-saħħa tagħhom tista’ tiġi mhedda minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 11(1)(b) [tal-Direttiva 2011/92] – għandu jiġi interpretat fis-sens li hija kompatibbli ma’ dan l-artikolu dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha rikorrent li ma għandux l-istatus ta’ assoċjazzjoni ambjentali awtorizzata huwa biss intitolat jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba difett proċedurali meta l-imsemmi difett ikun ċaħħad lil dan l-istess rikorrent mid-dritt – previst mil-liġi – li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali?

2

(a)

L-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) [tad-Direttiva 2000/60] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi mhux biss kriterji ta’ monitoraġġ skont id-dritt sostantiv iżda wkoll, barra minn hekk, rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva?

2

(b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a), il-parteċipazzjoni tal-pubbliku msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva [2011/92] għandha dejjem tirrigwarda d-dokumenti relatati mal-monitoraġġ iċċitat iktar ’il fuq imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma jew huwa permess li ssir distinzjoni skont id-data tal-ħolqien tad-dokument u skont il-kumplessità tiegħu?

3.

Il-kunċett ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma taħt l-art, imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-[Direttiva 2000/60], għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm deterjorazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma taħt l-art meta jkun inqabeż minn tal-inqas standard ta’ kwalità ambjentali wieħed għal parametru wieħed minħabba l-proġett u – irrispettivament minn dan – ladarba l-valur tal-limitu stabbilit għal kontaminant ikun diġà inqabeż, kwalunkwe żieda ulterjuri (li tista’ titkejjel) tal-konċentrazzjoni tikkostitwixxi deterjorazzjoni?

4

(a)

L-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2000/60] – fid-dawl tal-effett vinkolanti tiegħu (Artikolu 288 TFUE) u tal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 19 TUE) – għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri kollha tal-pubbliku kkonċernat minn proġett, li jsostnu li l-awtorizzazzjoni tal-proġett tikser id-drittijiet tagħhom, għandhom locus standi in judicio, inter alia, għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u tal-obbligu ta’ titjib imposti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?

4

(b)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (a), l-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2000/60]– fid-dawl tal-għan tiegħu – għandu jiġi interpretat fis-sens li mill-inqas ir-rikorrenti, għall-finijiet tal-provvista individwali tagħhom ta’ ilma minn bjar domestiċi li jinsabu ħdejn ir-rotta proposta tat-triq, għandhom locus standi in judicio fir-rigward tal-ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni u tal-obbligu ta’ titjib imposti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

49

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba difett proċedurali tkun ammissibbli biss jekk l-irregolarità inkwistjoni tkun ċaħħdet lir-rikorrent mid-dritt tiegħu ta’ parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent iggarantit mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

50

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proġett inkwistjoni, jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ parti minn awtostrada, ġie suġġett, qabel l-awtorizzazzjoni tiegħu, għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. B’mod partikolari, huwa seta’ jkollu impatt fuq l-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art li jaqgħu fl-ambitu tal-proġett, b’mod partikolari minħabba d-dranaġġ tal-ilma tax-xita. Madankollu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, ebda dokumentazzjoni dwar l-effetti tal-proġett fuq l-ilma u l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 ma saret aċċessibbli għall-pubbliku. Skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni hija, konsegwentement, ivvizzjata b’difett proċedurali.

51

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, twettaq kontroll tal-korpi tal-ilma kkonċernati, mingħajr ma ġie ddokumentat. L-istudju tekniku dwar id-dranaġġ tal-ilma, li jinkludi indikazzjonijiet dwar l-eżami tal-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60, ġie stabbilit biss wara l-awtorizzazzjoni tal-proġett.

52

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-proġett inkwistjoni josserva l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60. Fid-dawl taż-żieda minima tar-rata ta’ klorur, li ser tibqa’ inqas mill-valuri limitu applikabbli, dan il-proġett aktarx mhux ser jimplika deterjorament tal-kwalità tal-ilma. Konsegwentement, huwa manifest li d-difett proċedurali indikat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellux effett fuq is-sinjifikat tad-deċiżjoni inkwistjoni.

53

Huwa fuq il-bażi ta’ din l-aħħar premessa li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

54

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, konformement mal-qafas legali tagħhom fil-qasam, li l-membri tal-“pubbliku kkonċernat” li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta d-dritt amministrattiv proċedurali ta’ Stat Membru jkun jimponi tali kundizzjoni, ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 sabiex jikkontestaw il-legalità sostanzjali u proċedurali tagħhom.

55

Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ rikors tista’ tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ “interess ġuridiku suffiċjenti” jew ta’ “ksur ta’ dritt”, skont liema waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija adottata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 33).

56

L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti jew ksur ta’ dritt, konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

57

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali li jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra wieħed jew waħda mill-atti, deċiżjonijiet jew ommissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), li sar l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, għad-drittijiet suġġettivi biss, jiġifieri d-drittijiet individwali li jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiġu kklassifikati bħala drittijiet suġġettivi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein‑Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45, tas-16 ta’ April 2015, Gruber, C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 40 u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑137/14, EU:C:2015:683, punt 33).

58

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta difett proċedurali ma jkollux konsegwenzi li jistgħu jaffettwaw is-sinjifikat tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma jistax jitqies li jippreġudika d-drittijiet tal-persuna li tinvokah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 49).

59

Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra kunsiderevoli sabiex jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi ksur ta’ dritt fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(1)(b), id-dritt nazzjonali jista’ ma jirrikonoxxix tali ksur, jekk jiġi stabbilit li huwa possibbli, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 50 u 51).

60

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi tal-individwi għall-kundizzjoni li jinvokaw ksur ta’ dritt u li, fl-istess ħin, tippermetti lill-individwi jinvokaw difett proċedurali li jaffettwa l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali, anki jekk dan id-difett ma kellux impatt fuq is-sinjifikat tad-deċiżjoni inkwistjoni, tagħti lok għal rimedju anki f’każijiet fejn l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 ma jeżiġix dan.

61

Għaldaqstant, huwa possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba difett proċedurali, meta dan tal-aħħar ma jkunx ta’ natura li jibdel is-sinjifikat ta’ din id-deċiżjoni, bil-kundizzjoni li huwa jkun effettivament ċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali.

62

Għal finijiet utli, għandu jiġi indikat ukoll li, kif enfasizzat fit-tieni inċiż tal-punt 90 ta’ din is-sentenza, fin-nuqqas, fil-fajl imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, tad-data neċessarja sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-ilma, il-pubbliku ma jitqiegħedx f’pożizzjoni li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu li, meta difett proċedurali li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett ma jkunx ta’ natura li jibdel is-sinjifikat tagħha, it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tkun ammissibbli biss jekk l-irregolarità inkwistjoni tkun ċaħħdet lir-rikorrent mid-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, iggarantit mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kontroll tal-osservanza tal-obbligi li huwa jipprevedi jista’ jsir biss wara li l-proġett ikun ġie awtorizzat.

65

Skont il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett għandhiex dejjem tinkludi dokumenti li jinkludu eżami ta’ dan il-proġett fid-dawl tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 2000/60.

66

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni domanda, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw mhux biss l-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, għall-ilma tal-wiċċ, iżda wkoll dawk previsti fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva, għall-ilma ta’ taħt l-art.

67

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, din għandha bħala skop li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilma tal-wiċċ intern, ilma temporanju, ilma tal-kosta u ta’ ilma ta’ taħt li tipprevjeni kwalunkwe deterjorament addizzjonali u tippreżerva u ttejjeb l-istat tal-ekosistemi akwatiċi u tal-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament fuq ekosistemi akwatiċi.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 jimponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm intrinsikament relatati. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(a)(i), l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jirrestawraw il-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ sabiex jilħqu “stat tajjeb” mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2015 (obbligu ta’ titjib) (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39).

69

L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi, għall-ilma ta’ taħt l-art, obbligi fil-parti l-kbira identiċi għal dawk previsti għall-ilma tal-wiċċ. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(b)(i), l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(b)(ii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jirrestawraw il-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ sabiex jilħqu “stat tajjeb” mhux iktar tard mit-tmiem tas-sena 2015 (obbligu ta’ titjib).

70

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 għall-ilma tal-wiċċ u għall-ilma ta’ taħt l-art huma simili.

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2000/60 jikkonsisti fil-fatt li, permezz ta’ azzjoni kkoordinata, jintlaħaq l-“istat tajjeb” tal-ilma kollu tal-wiċċ u ta’ taħt l-art tal-Unjoni Ewropea sas-sena 2015. Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-korp tal-ilma huma intiżi li jwettqu dan l-għan kwalitattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 37, 38 u 41).

72

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni, mill-istruttura u mill-għan tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li, bħall-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(a), għall-ilma tal-wiċċ, li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 43), għandhom natura vinkolanti, dawk previsti fl-Artikolu 4(1)(b) għall-ilma ta’ taħt l-art għandhom ukoll tali natura.

73

Isegwi li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jistabbilixxix biss, skont formulazzjoni programmatika, sempliċi għanijiet ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda għandu effetti vinkolanti, ladarba jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura prevista f’din id-direttiva.

74

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 ma jinkludix biss obbligi ta’ ppjanar fit-tul previsti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni u programmi ta’ miżuri, iżda jikkonċerna wkoll proġetti partikolari li għalihom tapplika wkoll il-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma. Konsegwentement, Stat Membru huwa marbut jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar ikun ta’ natura li jiddeterjora l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti l-kisba ta’ “stat tajjeb” tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art, bla ħsara għal derogi previsti wkoll f’dan l-artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 47, 48 u 50).

75

B’mod iktar preċiż, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta proġett jista’ jimplika effetti negattivi għall-ilma, dan jista’ jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom il-kompetenza jawtorizzaw proġett li għandhom jevalwaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Folk, C‑529/15, EU:C:2017:419, punti 36 u 39).

76

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax jimplika effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali verifika sseħħ biss wara dan il-mument.

77

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda, dwar l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku qabel l-awtorizzazzjoni ta’ proġett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jeżiġi li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, imsemmija fl-Artikolu 4 tagħha, moqri flimkien mal-Annessi I jew II tagħha, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino, C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 24).

78

In-natura preliminari ta’ tali evalwazzjoni hija ġġustifikata mill-bżonn li, fil-proċess deċiżjonali, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni, kemm jista’ jkun fil-fażi l-iktar bikrija, l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi kollha ta’ ppjanar u ta’ deċiżjoni sabiex jiġi evitat, mill-bidu, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi pjuttost milli sabiex sussegwentement jiġu miġġielda l-effetti tagħhom (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino, C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 25).

79

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/92 jelenka l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent. Skont l-Artikolu 3(b), huwa meħtieġ li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq l-art, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ.

80

Fost l-informazzjoni li l-kuntrattur, fi kwalunkwe każ, għandu jipprovdi lill-awtorità deċiżjonali hemm, skont l-Artikolu 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/92, deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jiġu evitati u mnaqqsa effetti negattivi sinjifikattivi u, jekk possibbli, sabiex dawn jiġu rrimedjati kif ukoll id-data neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent.

81

Għaldaqstant, fid-dawl tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll fid-dawl tan-natura imperattiva tal-kontroll li għandu jitwettaq skont id-Direttiva 2000/60, imfakkra fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, u tal-importanza mogħtija minn din l-aħħar direttiva lill-protezzjoni tal-ilma, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/92 għandha tinkludi d-data neċessarja sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60.

82

Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-kuntrattur jipprovdi f’forma xierqa, l-informazzjoni speċifikata fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, sa fejn din l-informazzjoni tkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett partikolari, u fil-limitu ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment rikjest minn operatur privat. Din l-informazzjoni tinkludi, konformement mal-punt 4 ta’ dan l-anness, deskrizzjoni tal-effetti diretti, indiretti, sekondarji, kumulattivi, fuq żmien qasir, fuq żmien medju u fuq żmien twil, permanenti u temporanji, pożittivi u negattivi tal-proġett li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-użu tar-riżorsi naturali u tal-emissjoni ta’ inkwinanti.

83

L-informazzjoni kollha hekk miġbura għandha, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/92, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat f’termini raġonevoli.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, skont id-Direttiva 2011/92 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 3, 5 u 6 tagħha, l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet ta’ konsultazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni ta’ proġett għandha tinkludi d-data neċessarja għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq l-ilma fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60.

85

Barra minn hekk, għalkemm ma jistax jiġi dedott mill-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2011/92 li d-data li tippermetti li jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-ilma għandha neċessarjament tidher f’dokument wieħed, bħal rapport jew studju tekniku, il-pubbliku kkonċernat għandu, kif jeżiġi l-Artikolu 6(4) u (6) ta’ din id-direttiva, ikollu l-possibbiltà effettiva li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali u li jipprepara ruħu debitament għal dan il-għan.

86

Għaldaqstant, huwa rilevanti li l-informazzjoni fil-fajl imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tippermetti lil dan tal-aħħar jikseb stampa preċiża tal-impatt tal-proġett inkwistjoni fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati, sabiex ikun jista’ jivverifika l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. B’mod partikolari, id-data pprovduta għandha tkun ta’ natura li tirrileva jekk, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti minn din id-direttiva, il-proġett inkwistjoni jistax iwassal għal deterjorament ta’ korp ta’ ilma.

87

Fi kwalunkwe każ, fajl inkomplet jew data mqassma, mingħajr koerenza, f’għadd kbir ta’ dokumenti, ma humiex ta’ natura li jippermettu lill-pubbliku kkonċernat jipparteċipa b’mod utli fil-proċess deċiżjonali u, għaldaqstant, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92.

88

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(3)(e) ta’ din id-direttiva, huwa l-kuntrattur li għandu jistabbilixxi “sommarju mhux tekniku” tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu 3, li jinkludi d-data neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent. Dan is-sommarju għandu, skont l-Artikolu 6(3)(a) tal-imsemmija direttiva, jitqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

89

Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-fajl li l-pubbliku kellu aċċess għalih qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni jissodisfax ir-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/92, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (3) ta’ din id-direttiva, kif ippreċiżati f’din is-sentenza.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li:

l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kontroll mill-awtorità kompetenti tal-osservanza tal-obbligi li huwa jipprovdi, fosthom dak li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma, kemm tal-wiċċ kif ukoll ta’ taħt l-art, ikkonċernati minn proġett, jista’ jseħħ biss wara li jkun ġie awtorizzat, u

l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett għandha tinkludi d-data neċessarja sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq l-ilma fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60.

Fuq it-tielet domanda

91

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies li huwa deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba proġett, l-eċċess ta’ parametru ta’ mill-inqas wieħed mill-istandards ta’ kwalità ambjentali. Hija tistaqsi wkoll jekk għandhiex titqies li tikkostitwixxi tali deterjorament żieda prevedibbli fil-konċentrazzjoni ta’ inkwinant meta l-limitu stabbilit għal dan tal-aħħar ikun diġà nqabeż.

92

Hemm lok li jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 70), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm deterjorament hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, imsemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva, ikun iddegradat bi klassi, anki jekk din id-degradazzjoni ma timplikax degradazzjoni ta’ klassifikazzjoni, fl-intier tagħha, tal-korp tal-ilma inkwistjoni. Madankollu, jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat ikun diġà jinsab fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tkun tikkostitwixxi “deterjorament tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

93

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa minnu li, kuntrarjament għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ — li għalihom id-Direttiva 2000/60 tipprovdi skala ta’ ħames klassijiet ta’ stat ekoloġiku –, din tiddistingwi biss bejn “stat tajjeb” u “stat medjokri” fir-rigward tal-istat kwantitattiv u kimiku tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Mill-Artikolu 2(25) u (28) tagħha jirriżulta li din il-klassifikazzjoni ssir bl-għajnuna tat-tabelli li jinsabu fil-punti 2.1.2 u 2.3.2 tal-Anness V.

94

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minkejja dawn id-differenzi fil-metodu ta’ determinazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma, skont jekk ikunx ilma tal-wiċċ jew ilma ta’ taħt l-art, l-istess prinċipji jiddeterminaw il-portata tal-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma, irrispettivament mit-tip ta’ ilma kkonċernat.

95

Fil-fatt, fil-punti 68 sa 72 ta’ din is-sentenza ġie espost li l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60, kemm għall-ilma tal-wiċċ kif ukoll għall-ilma ta’ taħt l-art, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva għal dawn it-tipi ta’ ilma, huma fil-parti l-kbira identiċi.

96

B’mod partikolari, l-istess japplika għall-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-ilma, previst fl-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ, u fl-Artikolu 4(1)(b)(i), fir-rigward tal-ilma ta’ taħt l-art. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jirreferux għall-klassifikazzjoni prevista għal dawn it-tipi ta’ ilma fl-Anness V tal-istess direttiva, b’mod li l-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma huwa kunċett ta’ portata globali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 61).

97

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-klassijiet previsti fl-Anness V tad-Direttiva 2000/60 kienu determinanti sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx degradazzjoni, wara l-klassifikazzjoni ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ fil-klassi tal-istat l-iktar baxxa, degradazzjoni ġdida tal-istat tiegħu ma tkunx iktar legalment possibbli. Madankollu, fid-dawl tal-finalità stess tad-Direttiva 2000/60, il-korpi tal-ilma li huma fi stat ħażin jimmeritaw attenzjoni partikolari fil-kuntest tal-ġestjoni tal-ilma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 63).

98

Dan l-istess raġunament japplika mutatis mutandis għall-ilma ta’ taħt l-art.

99

F’dan il-kuntest, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4(5)(c) tad-Direttiva 2000/60, li jipprovdi espressament projbizzjoni ta’ kull degradazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art immodifikati ferm li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri jistgħu jimmiraw li jiksbu għanijiet ambjentali inqas stretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 64).

100

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma għandu jiġi interpretat b’riferiment kemm għal element ta’ kwalità kif ukoll għal sustanza. Għalhekk, l-obbligu ta’ projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma jikkonserva l-effett utli kollu tiegħu, bil-kundizzjoni li jkun jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2000/60 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 66).

101

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż li hemm deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, għandu jitfakkar li mill-iskema tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, u b’mod partikolari mill-paragrafi 6 u 7 tiegħu, jirriżulta li d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss f’kundizzjonijiet stretti. Isegwi li l-limitu li lil hinn minnu jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu wkoll ikun kemm jista’ jkun baxx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 67).

102

Fir-rigward speċifikament tal-eżami tal-istat kimiku tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, mill-punt 2.3.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-konduttività tal-ilma u l-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti jikkostitwixxu l-parametri rilevanti. It-tabella li tinsab fil-punt 2.3.2 ta’ dan l-anness tistabbilixxi għal kull wieħed minn dawn il-parametri l-elementi ta’ kwalità li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istat kimiku ta’ korp tal-ilma huwiex “tajjeb” jew “medjokri”.

103

Minn naħa, fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti, dan l-eżami huwa bbażat fuq tliet elementi ta’ kwalità. Fl-ewwel lok, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu ma jurux effetti ta’ invażjoni ta’ salinità jew intrużjoni oħra. Fit-tieni lok, dawn il-konċentrazzjonijiet ma jeċċedux l-istandards ta’ kwalità applikabbli skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti konformement mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/60. Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-ilma ta’ taħt l-art ma jipprekludux li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, speċifikati fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva għall-ilma tal-wiċċ anċillari, ma jimplikawx tnaqqis importanti tal-kwalità ekoloġika jew kimika ta’ dawn il-korpi u ma jikkawżawx dannu kbir lill-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament mill-korp tal-ilma ta’ taħt l-art.

104

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konduttività, huwa rilevanti biss li l-bidliet tagħha ma jindikawx invażjoni ta’ salinità jew intrużjoni oħra fil-korp tal-ilma ta’ taħt l-art.

105

Sa fejn il-punt 2.3.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jirreferi għall-istandards ta’ kwalità applikabbli skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti oħra konformement mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi l-adozzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ miżuri speċifiċi intiżi għall-prevenzjoni u għall-kontroll tat-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art li jinkludu, b’mod partikolari, kriterji ta’ evalwazzjoni tal-istat kimiku tajjeb ta’ dan l-ilma, konformement mal-punt 2.2 tal-Anness II kif ukoll mal-punti 2.3.2 u 2.4.5 tal-Anness V ta’ din l-istess direttiva. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2006/118.

106

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118 jipprovdi li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, l-Istati Membri għandhom jużaw, minn naħa, l-istandards ta’ kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art li jinsabu fil-lista tal-Anness I ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-valuri limitu li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, konformement mal-Anness II ta’ din l-istess direttiva, b’mod partikolari għall-inkwinanti li, fit-territorju ta’ Stat Membru, ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu sabiex l-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art jiġu kkaratterizzati bħala li qegħdin f’riskju.

107

Konsegwentement, dawn l-istandards ta’ kwalità u valuri limitu jikkostitwixxu element ta’ kwalità, fis-sens tal-punt 2.3.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 li jippermetti li jiġi evalwat wieħed mill-parametri determinanti għall-klassifikazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, jiġifieri l-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti.

108

Peress li, kif tfakkar fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” tal-ilma għandu jiġi interpretat b’riferiment għal element ta’ kwalità jew għal sustanza u li, hekk kif jirriżulta mill-punt 101 ta’ din is-sentenza, il-limitu li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jkun kemm jista’ jkun baxx, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed mill-elementi ta’ kwalità msemmija fil-punt 2.3.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jikkostitwixxi deterjorament tal-istat kimiku tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernat.

109

B’mod partikolari, l-eċċess, f’korp tal-ilma ta’ taħt l-art, ta’ wieħed biss mill-istandards ta’ kwalità jew tal-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, għandu jiġi kklassifikat bħala ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art.

110

Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 108 ta’ din is-sentenza u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 97 tagħha, kull żieda sussegwenti fil-konċentrazzjoni ta’ inkwinant li, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, diġà teċċedi standard ta’ kwalità ambjentali jew valur limitu stabbilit mill-Istat Membru tikkostitwixxi wkoll deterjorament.

111

Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bidliet fil-konċentrazzjoni ta’ inkwinanti kkonstatati lokalment sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma, għandu jiġi rrilevat li l-punt 2.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi l-kriterji prinċipali għall-monitoraġġ tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Fil-punt 2.4.5 ta’ dan l-anness, imsemmi espressament mill-qorti tar-rinviju, hemm rekwiżiti ta’ interpretazzjoni u ta’ preżentazzjoni.

112

Għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, ċertament, li l-klassifikazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art bħala “tajjeb” jew “medjokri” għandha ssir billi jinġabru r-riżultati tal-punti differenti ta’ monitoraġġ ta’ korp tal-ilma, minn dan ma jirriżultax li, sabiex jiġi kkonstatat deterjorament ta’ dan l-istat, għandu jiġi affettwat il-korp kollu tal-ilma ta’ taħt l-art.

113

B’mod partikolari, mir-rwol u mill-importanza ta’ kull sit ta’ kontroll fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art stabbilita mid-Direttiva 2000/60, b’mod partikolari fil-punt 2.4 tal-Anness V, jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ element ta’ kwalità f’punt wieħed ta’ monitoraġġ huwa biżżejjed sabiex ikun hemm lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

114

Fil-fatt, konformement mal-punt 2.4 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, il-post tal-punti ta’ monitoraġġ għandu jipprovdi stampa koerenti u globali tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ kull distrett tal-baċin tax-xmara. Għal dan il-għan, f’din id-dispożizzjoni huma previsti kriterji differenti għall-għażla tas-siti ta’ kontroll li, kif jikkonferma l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2006/118, għandhom jipprovdu data ta’ kontroll rappreżentattiva.

115

Għalhekk, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ element ta’ kwalità f’punt wieħed ta’ monitoraġġ jindika l-eżistenza, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60, ta’ deterjorament tal-istat kimiku ta’ mill-inqas parti sinjifikattiva ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art.

116

Barra minn hekk, ċertament ma huwiex eskluż li, minkejja li jinqabeż standard ta’ kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art jew ta’ valur limitu f’punt wieħed jew f’numru ta’ punti ta’ monitoraġġ, korp tal-ilma ta’ taħt l-art jitqies li għandu stat kimiku tajjeb skont l-Artikolu 4(2)(c) tad-Direttiva 2006/118. Madankollu, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri għandhom, konformement mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu, għall-parti tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernata mill-eċċess, l-ekosistemi akwatiċi, l-ekosistemi terrestri u l-użu mill-bniedem tal-ilma ta’ taħt l-art.

117

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60 jinkludu t-tfassil ta’ programmi sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

118

Għaldaqstant, meta element ta’ kwalità ma jkunx osservat f’punt wieħed ta’ monitoraġġ ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art, għandu jiġi kkonstatat deterjorament tal-istat kimiku tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60.

119

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies bħala deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba proġett, minn naħa, l-eċċess ta’ mill-inqas wieħed mill-istandards ta’ kwalità jew mill-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, u, min-naħa l-oħra, żieda prevedibbli tal-konċentrazzjoni ta’ inkwinant meta l-limitu stabbilit għal dan ikun diġà nqabeż. Il-valuri mkejla f’kull punt ta’ sorveljanza għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni individwalment.

Fuq ir-raba’ domanda

120

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 288 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat minn proġett għandhom ikunu jistgħu, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, jinvokaw il-ksur tal-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-korpi tal-ilma u ta’ titjib tal-istat tagħhom.

121

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jirrikonoxxi li direttiva teskludi fil-prinċipju l-fatt li l-obbligi li hija timponi jistgħu jiġu invokati mill-persuni kkonċernati (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

122

B’mod partikolari, fil-każijiet li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni jobbliga lill-Istati Membri, permezz ta’ direttiva, jadottaw aġir partikolari, l-effett utli ta’ tali aġir jiddgħajjef li kieku l-individwi jiġu preklużi milli jinvokawh quddiem qorti nazzjonali u li kieku l-qrati nazzjonali jiġu preklużi milli jeħduh inkunsiderazzjoni bħala element tad-dritt tal-Unjoni sabiex jivverifikaw jekk, fil-limiti tal-possibbiltà li hija rriżervata lilu fir-rigward tal-forma u tal-metodi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-att, il-leġiżlatur nazzjonali eċċediex b’hekk il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ dan tal-aħħar (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li minn tal-inqas il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fil-qasam tal-ambjent għandhom ikunu jistgħu jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti, possibbilment permezz ta’ azzjoni legali, josservaw l-obbligi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 32).

124

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tar-rikors tagħhom, ċerti rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-proġett inkwistjoni jista’ jiddeterjora l-istat tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art li jalimenta l-bwar domestiċi tagħhom li huma jużaw għall-ilma tax-xorb. Min-naħa l-oħra, la l-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li tiġi stabbilita r-rilevanza, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ li jistgħu wkoll jiġu affettwati mill-proġett inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu kkonċernati minn ksur eventwali tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60, b’tali mod li l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja ser jirrigwarda biss l-Artikolu 4(1)(b) dwar l-ilma ta’ taħt l-art.

125

Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuni, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, humiex direttament ikkonċernati minn ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din tal-aħħar kif ukoll il-kontenut tad-dispożizzjoni msemmija li l-applikazzjoni tajba tagħha hija invokata quddiem il-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 35).

126

F’dan ir-rigward, mill-punt 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-għan tad-Direttiva 2000/60 jikkonsisti fil-fatt li jintlaħaq, permezz ta’ azzjoni kkoordinata, l-“istat tajjeb” tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art kollu tal-Unjoni sas-sena 2015. Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma huma intiżi sabiex jintlaħaq dan l-għan kwalitattiv.

127

Kif jirriżulta mill-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, dan l-għan jikkontribwixxi, fir-rigward speċifikament tal-ilma ta’ taħt l-art, sabiex tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ kwalità tajba għall-bżonnijiet ta’ użu sostenibbli, ibbilanċjat u ekwu tal-ilma.

128

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2000/60, permezz tal-għan tagħha u tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tagħha, sabiex tilħaq dan l-għan, tfittex ukoll l-għan speċifiku ta’ protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art bħala riżors għall-użu mill-bniedem.

129

Din l-interpretazzjoni tal-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 hija kkonfermata mill-punt (d) tal-ewwel paragrafu u mit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(33) tagħha.

130

Mill-punt (d) tal-ewwel paragrafu u mit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 jirriżulta li l-qafas regolatorju stabbilit minn din id-direttiva huwa intiż sabiex jintlaħaq progressivament tnaqqis sinjifikattiv tat-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art u sabiex tiġi prekluża l-aggravazzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 2(33), it-tniġġis tal-ilma jirriżulta minħabba kwalunkwe introduzzjoni ta’ sustanzi fih, li jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem jew il-kwalità tal-ekosistemi akwatiċi, b’tali mod li l-approvazzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, tal-ilma jew l-użu leġittimu tagħhom jiġu ostakolati.

131

Għaldaqstant, mill-punt (d) tal-ewwel paragrafu u mit-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, moqri flimkien mal-Artikolu 2(33) tagħha, jirriżulta li t-tnaqqis u l-prevenzjoni ta’ tniġġis huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jippermettu l-użu leġittimu tal-ilma ta’ taħt l-art.

132

Persuna li għandha d-dritt li tiġbor u li tuża ilma ta’ taħt l-art twettaq tali użu leġittimu. Għaldaqstant, hija direttament ikkonċernata mill-ksur tal-obbligu ta’ titjib u ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art li jalimentaw is-sors tagħha, liema ksur jista’ jostakola l-użu tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punti 40 u 42).

133

Fir-rigward tad-diversità tal-użi tal-ilma ta’ taħt l-art imsemmija fl-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 kif ukoll fl-Artikolu 2(33) tad-Direttiva 2000/60, il-fatt li l-eċċess ta’ wieħed mill-istandards ta’ kwalità jew mill-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118, ma jimplikax, bħala tali, it-tqegħid fil-perikolu tas-saħħa ta’ persuni li jixtiequ jippreżentaw rikors, ma jistax jikkonfuta din il-konklużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 41).

134

Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jużaw legalment l-ilma ta’ taħt l-art inkwistjoni, huma direttament ikkonċernati mill-ksur ta’ dawn l-obbligi.

135

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu u l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 288 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat minn proġett għandhom ikunu jistgħu jinvokaw, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, il-ksur tal-obbligi ta’ prevenzjoni ta’ deterjorament tal-korpi tal-ilma u ta’ titjib tal-istat tagħhom, jekk dan il-ksur ikun jikkonċernahom direttament.

Fuq l-ispejjeż

136

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu li, meta difett proċedurali li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett ma jkunx ta’ natura li jibdel is-sinjifikat tagħha, it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tkun ammissibbli biss jekk l-irregolarità inkwistjoni tkun ċaħħdet lir-rikorrent mid-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, iggarantit mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kontroll mill-awtorità kompetenti tal-osservanza tal-obbligi li huwa jipprovdi, fosthom dak li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma, kemm tal-wiċċ kif ukoll ta’ taħt l-art, ikkonċernati minn proġett, jista’ jseħħ biss wara li jkun ġie awtorizzat.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett għandha tinkludi d-data neċessarja sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq l-ilma fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60.

 

3)

L-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies bħala deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba proġett, minn naħa, l-eċċess ta’ mill-inqas wieħed mill-istandards ta’ kwalità jew mill-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament, u, min-naħa l-oħra, żieda prevedibbli tal-konċentrazzjoni ta’ inkwinant meta l-limitu stabbilit għal dan ikun diġà nqabeż. Il-valuri mkejla f’kull punt ta’ sorveljanza għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni individwalment.

 

4)

Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu u l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 288 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat minn proġett għandhom ikunu jistgħu jinvokaw, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, il-ksur tal-obbligi ta’ prevenzjoni ta’ deterjorament tal-korpi tal-ilma u ta’ titjib tal-istat tagħhom, jekk dan il-ksur ikun jikkonċernahom direttament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.