Kawżi magħquda C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU

Hampshire County Council

vs

C.E. u N.E.

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Ħtif internazzjonali ta’ minuri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 11 – Talba għar-ritorn – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Applikazzjoni għal dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva – Rikors – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Digriet ta’ exequatur – Eżekuzzjoni qabel in-notifika tiegħu”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018

  1. Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Separazzjoni u tneħħija ta’ wild minuri minn ma’ ommu – Proċeduri mibdija minn organu pubbliku għall-adozzjoni tal-minuri

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107; Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna r-ritorn ta’ minuri, mogħtija mingħajr talba bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 – Eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni konformement mad-dispożizjonijiet ġenerali tal-Kapitolu III tar-Regolament – Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, premessa 17 u Kapitolu III)

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili” – Interpretazzjoni awtonoma

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 1(1))

  4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” – Tqegħid tal-minuri taħt tutela ġudizzjarja – Inklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 1(1)(b) u (2), u 2(7))

  5. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni – Deċiżjoni li tordna t-tqegħid taħt tutela u r-ritorn ta’ minuri, iddikjarata eżegwibbli fl-Istat Membru rikjest – Eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni qabel in-notifika lill-ġenituri kkonċernati tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tagħha – Esklużjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 33(1) u (5))

  6. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Miżuri provviżorji jew kawtelatorji – Miżuri adottati mill-qorti li għandha kompetenza fuq il-mertu – Ordni kontra organu pubbliku ta’ Stat Membru ieħor li tipprojbixxih milli jibda jew ikompli proċedura ta’ adozzjoni – Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 42 sa 44)

  2.  Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ikun allegat li minuri tneħħew b’mod illegali, id-deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru li fih dawn il-minuri kellhom ir-residenza abitwali tagħhom li tordna r-ritorn tal-imsemmija minuri u li tkun il-konsegwenza ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, tista’ tiġi ddikjarata li għanda saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru ospitanti konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali.

    Għandu jiġi osservat li l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 tenfasizza n-natura komplementari ta’ dan ir-regolament billi tindika li dan jikkompleta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li, madankollu, tibqa’ applikabbli. Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ strumenti inkwistjoni hija speċifikata fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdi li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 8 ta’ dan l-artikolu għall-proċedura ta’ ritorn prevista fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux li persuna, organu jew awtorità, fil-każ li jkun allegat ħtif internazzjonali ta’ minuri, jinvokaw il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sabiex jitolbu r-ritorn immedjat ta’ dan il-minuri lejn l-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu. Għaldaqstant, il-persuna li fiha tkun vestita r-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003, ta’ deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri u dwar ir-ritorn ta’ minuri, adottata minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003, anki jekk ma tkunx ippreżentat talba għal ritorn fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

    (ara l-punti 48, 50, 51, 53, 62, u d-dispożittiv 1)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 55)

  4.  Il-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” huwa s-suġġett, fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2201/2003, ta’ definizzjoni wiesgħa, fis-sens li jinkludi d-drittijiet u l-obbligi kollha mogħtija lil persuna fiżika jew lil persuna ġuridika fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, fuq il-bażi ta’ attribuzzjoni ipso jure jew fuq il-bażi ta’ ftehim fis-seħħ, fir-rigward tal-persuna jew tal-beni ta’ minuri (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 49, u tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive, C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 59).

    Għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju minn qorti tal-kompetenza tagħha li tqiegħed taħt tutela jimplika l-eżerċizzju ta’ drittijiet marbuta mal-benesseri u mal-edukazzjoni tal-minuri li normalment ikunu eżerċitati mill-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, kif ukoll ma’ aspetti relatati mat-tutela u mal-kuratura, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan ir-regolament. Kif osservat il-qorti tar-rinviju, it-trasferiment tad-dritt ta’ kustodja lil awtorità amministrattiva jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

    (ara l-punti 57, 58)

  5.  L-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid taħt tutela u r-ritorn ta’ minuri u li hija ddikjarata li għandha saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru rikjest, qabel ma tkun saret in-notifika tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni lill-ġenituri kkonċernati. L-Artikolu 33(5) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi estiż mill-qorti adita.

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ notifika tad-deċiżjoni ta’ exequatur huwa intiż, minn naħa, li jipproteġi d-drittijiet tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti, fuq il-livell probatorju, kalkolu preċiż tat-terminu rigoruż u obbligatorju għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2006, Verdoliva, C‑3/05, EU:C:2006:113, punt 34).

    Dan ir-rekwiżit ta’ notifika, kif ukoll it-trażmissjoni fl-istess ħin ta’ informazzjoni dwar ir-rikors, jippermetti li jiġi żgurat li l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tibbenefika minn dritt għal rimedju effettiv. B’hekk, sabiex jitqies li l-parti kkonċernata kienet f’pożizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ exequatur, hija għandu jkollha konoxxenza tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, li teħtieġ li din id-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata jew innotifikata lil din il-parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 40).

    (ara l-punti 69, 70, 82,, u d-dispożittiv 2)

  6.  Ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li qorti ta’ Stat Membru tadotta miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ ordni kontra organu pubbliku ta’ Stat Membru ieħor li tipprojbixxi lil dan l-organu milli jibda jew ikompli, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, proċedura għall-adozzjoni ta’ minuri li jirrisjedu fih.

    Barra minn hekk, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, id-deċiżjoni dwar din l-adozzjoni u l-miżuri għat-tħejjija tagħha ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    (ara l-punti 93, 94, u d-dispożittiv 3)