SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 4(3) TUE — Artikolu 288 TFUE — Direttiva 2000/60/KE — Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma — Artikolu 4(1) — Prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ — Artikolu 4(7) — Deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni — Interess pubbliku maġġuri — Awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm (l-Awstrija) — Deterjorazzjoni tal-istat tal-ilma”

Fil-Kawża C‑346/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Manhaeve, C. Hermes u G. Wilms, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, Z. Petzl u J. Vláčil, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, E. Levits, M. Berger u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma applikatx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), moqri flimkien mal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 288 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessi 11, 19, 25, 26 u 32 tad-Direttiva 2000/60 huwa fformulati kif ġej:

“(11)

Kif stabbilit fl-Artikolu 174 tat-Trattat [FUE], il-politika Komunitarja fuq l-ambjent għandha tikkontribwixxi għal għanijiet ta’ priservar, protezzjoni u titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, f’użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u li din tkun bażata fuq il-prinċipju prekawzjonarju, u fuq il-prinċipji li, azzjonijiet preventivi għandhom jittieħdu, il-ħsara għall-ambjent trid, bħala prijorità, tkun ikkoreġuta fil-bidu u li minn iniġġeż iħallas.

[...]

(19)

Din id-Direttiva timmira sabiex iżżomm u ttejjeb l-ambjent akwatiku fil-Komunità. Dan l-iskop huwa primarjament konċernat mal-kwalità tal-ilmijiet konċernati. Il-kontroll tal-kwantità huwa element anċillari fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma u b’hekk miżuri fuq il-kwantità, li għandhom l-għan li jassiguraw kwalità tajba, iridu jkunu stabbiliti wkoll.

[...]

(25)

Definizzjonijiet komuni tal-istat ta’ l-ilma f’termini ta’ kwalità u, fejn hu relevanti għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ kwantità, iridu jkunu mwaqqfa. Għandhom ikunu ffissati għanijiet ambjentali biex jiżguraw stat tajjeb fl-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ fil-Komunità u li tkun imwaqqfa d-deterjorazzjoni fl-istat tal-ilmijiet f’livell Komunitarju.

(26)

L-Istati Membri jridu jimmiraw biex jilħqu l-għan ta’ għall-inqas stat tajjeb ta’ ilma billi jiddefinixxu u jimplimentaw il-miżuri meħtieġa fi ħdan il-programmi integrati ta’ miżuri, filwaqt li jikkunsidraw il-ħtiġiet Komunitarji eżistenti. Fejn stat ta’ ilma tajjeb jeżisti diġa, għandu jkun miżmum. Għal ilma ta’ taħt l-art, b’żieda mal-ħtieġa ta’ stat tajjeb, kull trend sinifikanti u sostnuta ta’ żieda fil-konċentrazzjoni ta’ xi kontaminant trid tkun identifikata u mreġġa lura għal li kienet.

[...]

(32)

Jista’ jkun hemm raġunijiet għal eżenzjonijiet mill-ħtiġiet biex tiġi prevenuta aktar deterjorazzjoni jew sabiex jinkiseb stat tajjeb taħt kundizzjonijiet speċifiċi, jekk in-nuqqas huwa ir-riżultat ta’ ċirkostanzi imprevisti jew eċċezzjonali, partikolarment dulluvji u nuqqas ta’ xita, jew, għal raġunijiet ogħla ta’ interess pubbliku, ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, sakemm il-passi kollha prattikabbli jittieħdu biex jitnaqqsu l-impatti ta’ ħsara fuq l-istat tal-korp ta’ l-ilma.”

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“1.   Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

(a)

għall-ilma tal-wiċċ

(i)

L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)

L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw [itejbu] u jsaħħu l-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi tal-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skont paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iii)

L-Istati Membri jridu jipproteġu u jiżviluppaw [jtejbu] il-korpi tal-ilma kollha artifiċjali u modifikati ħafna, bil-mira li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ kimiku u potenzjal ekoloġiku tajjeb mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skont paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iv)

L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 16(1) u (8), bil-mira li progressivament jitnaqqas it-tniġġiż minn sustanzi prioritarji u jitwaqqfu jew jitwaqqfu f’fażijiet emmissjonijiet, ħruġ u telf ta’ sustanzi prijoritajri perikolużi;

mingħajr preġudizzju għall-ftehim internazzjonali relevanti imsemmija fl-Artikolu 1 għall-partijiet konċernati.”

4

L-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:

nuqqas li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, stat ekoloġiku tajjeb jew, fejn relevanti, potenzjal ekoloġiku tajjeb jew għal prevenzjoni minn deterjorament fl-istat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ huwa r-riżultat ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, jew

nuqqas ta’ prevenzjoni ta’ deterjorazzjoni minn stat għoli għal stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ huwa r-riżultat ta’ attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman

u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:

(a)

il-passi kollha prattikabbli huma meħuda biex jitnaqqsu l-impatti kuntrarji fuq l-istat tal-korp ta’ l-ilma;

(b)

ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma speċifikament stabbiliti u spjegati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tal-ilma meħtieġ skont l-Artikolu 13 u l-għanijiet huma riveduti kull sitt snin;

(ċ)

ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma ta’ interess pubbliku suprem [maġġuri] u/jew il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjeta mill-kisba ta’ l-għanijiet stabbilti f’paragrafu 1 huma anqas importanti mill-benefiċċji ta’ modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet għas-saħħa tal-bniedem, għal manteniment tas-sigurtà tal-bniedem jew għal żvilupp sostenibbli, u

(d)

l-għanijiet ta’ benefiċċju moqdija minn dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet tal-korp ta’ l-ilma ma’ jistgħux, għar-raġunijiet ta’ fattibilità teknika jew spejjeż disproporzjonati, jkunu miksuba b’modi oħra, li huma għażla aħjar ta’ l-ambjent.”

5

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, intitolat “Pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ baċin tax-xmara”:

“1.   L-Istati Membri jridu jiżguraw li pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara huwa prodott għal kull distrett tal-baċin tax-xmara li qiegħed kollu fi ħdan it-territorju tagħhom.

[...]

6.   Pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara jridu jiġu ppubblikati mhux aktar tard minn disa’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

7.   Pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma jridu jiġu riveduti u aġġornati mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull sitt [snin] wara.”

Id-dritt Awstrijak

6

L-Artikolu 21a tal-Wasserrechtsgesetz (Liġi dwar l-ilma), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża ineżami (iktar ’il quddiem il-“WRG”), huwa fformulat kif ġej:

“1)

Jekk, wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, jidher, b’mod partikolari fid-dawl tar-riżultati tal-inventarju (Artikolu 55d), li, minkejja l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tar-regoli stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew f’dispożizzjonijiet oħra, l-interessi pubbliċi (Artikolu 105) ma humiex protetti b’mod suffiċjenti, l-awtorità għandha, bla ħsara għat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(2), timponi l-kundizzjonijiet l-oħra jew il-kundizzjonijiet neċessarji, konformement mal-istat attwali tat-teknika (Artikolu 12a), sabiex tintlaħaq din il-protezzjoni, tiffissa għanijiet ta’ aġġustament u tordna l-preżentazzjoni ta’ dokumenti tal-proġett korrispondenti dwar l-aġġustament, tillimita, temporanjament jew b’mod dewwiemi, it-tip u l-portata tal-użu tal-ilma jew tipprojbixxi, temporanjament jew b’mod dewwiemi, l-użu tal-ilma.

2)

L-awtorità għandha tagħti termini raġonevoli sabiex ikunu jistgħu jiġu implementati l-ordnijiet imsemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġu ppjanati l-miżuri ta’ aġġustament meħtieġa u sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati d-dokumenti tal-proġett relatati; fir-rigward tal-kontenut neċessarju tad-dokumenti tal-proġett, l-Artikolu 103 huwa applikabbli. Dawn it-termini għandhom jiġu estiżi meta s-suġġett tal-ordnijiet jipprova li huwa impossibbli għalih li josserva t-terminu, u dan mingħajr ħtija min-naħa tiegħu. Talba għal estensjoni mressqa fil-ħin tissospendi t-terminu. Jekk it-terminu jiskadi mingħajr riżultat, l-Artikolu 27(4) japplika mutatis mutandis.

3)

L-awtorità ma tistax timponi miżuri fis-sens tal-paragrafu 1 jekk dawn il-miżuri jkunu sproporzjonati. F’dan il-kuntest, huma applikabbli l-prinċipji segwenti:

a)

l-oneri marbuta mat-twettiq ta’ dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu sproporzjonati fil-konfront tal-effett mixtieq, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tip, il-kwantità u n-natura perikoluża tal-effetti u tal-ħsarat ikkawżati mill-użu tal-ilma, kif ukoll it-tul tal-użu, il-profittabbiltà u l-karatteristika teknika partikolari tal-użu tal-ilma;

b)

fil-każ ta’ preġudizzju għal drittijiet eżistenti, għandu jintgħażel biss il-mezz li jkun l-inqas oneruż fid-dawl tal-għan segwit;

c)

diversi interventi jistgħu jiġu imposti b’mod suċċessiv.

[...]

4)

Meta jkun hemm pjan ta’ restawrazzjoni awtorizzat (Artikolu 92) jew programm ta’ restawrazzjoni (Artikolu 33d), il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux imorru lil hinn minn dan il-pjan jew minn dan il-programm.

5)

Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw mutatis mutandis għall-installazzjonijiet u għall-awtorizzazzjoni l-oħra fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali.”

Il-proċedura prekontenzjuża

7

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2007, il-Landeshauptmann der Steiermark (Gvernatur ta’ Steiermark, l-Awstrija) awtorizza l-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm, li r-rotta tagħha tinsab fl-Awstrija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2007”).

8

Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija fejn ġibditilha l-attenzjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-proġett li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni tal-2007 (iktar ’il quddiem il-“proġett ikkontestat”) mal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60. Skont il-Kummissjoni, il-Gvernatur ta’ Steiermark kien adotta din id-deċiżjoni mingħajr ma eżamina minn qabel jekk id-deterjorazzjoni, minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”, tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm li kienet ser tiġi kkawżata mill-implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, kinitx tissodisfa interess pubbliku maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 4(7)(ċ) ta’ din id-direttiva.

9

Matul ix-xahar ta’ Jannar 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija, bi tweġiba għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, spjegat li deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, prevista fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, kienet iġġustifikata mill-interess pubbliku maġġuri li jintużaw iktar sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, bħall-enerġija idroelettrika.

10

Matul is-sena 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija, konformement mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/60, ippubblikat il-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ xmara fir-rigward tal-baċin ta’ xmara kkonċernat mill-proġett ikkontestat (iktar ’il quddiem il-“pjan tal-2009”). Skont dan il-pjan, li qabel l-adozzjoni tiegħu kienet inżammet debitament konsultazzjoni mal-pubbliku, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, l-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ ta’ din ix-xmara kien ikklassifikat bħala “tajjeb ħafna”.

11

Matul ix-xahar ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni waqqfet il-proċedura ta’ ksur wara li r-Repubblika tal-Awstrija informatha li d-deċiżjoni tal-2007 kienet ġiet irtirata mill-Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministru Federali għall-agrikoltura, għall-foresti, għall-ambjent u għall-immaniġġjar tal-ilma, l-Awstrija) wara rikors amministrattiv ippreżentat mill-wasserwirtschaftliches Planungsorgan (organu ta’ ppjanar tal-immaniġġjar tal-ilma, l-Awstrija).

12

Matul ix-xahar ta’ Marzu 2012, il-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali, l-Awstrija) iddeċidiet li d-dritt ta’ azzjoni tal-organu ta’ ppjanar tal-immaniġġjar tal-ilma ma kienx konformi mal-Kostituzzjoni. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Awstrija qieset li d-deċiżjoni ministerjali ta’ rtirar tad-deċiżjoni tal-2007 ma kienx għad għandha skop, li din id-deċiżjoni kienet reġgħet saret valida u li ma kienx għadu possibbli li din id-deċiżjoni tiġi kkontestata quddiem qorti nazzjonali.

13

Matul ix-xahar ta’ Novembru 2012, ir-Repubblika tal-Awstrija ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 21a tal-WRG, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-2007 u, f’dan il-kuntest, li twettaq evalwazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ ikkonċernat mill-proġett ikkontestat, sabiex taġġusta l-awtorizzazzjoni inizjali għall-istat tat-teknika, filwaqt li ppreċiżat li l-ewwel riżultati ta’ din l-evalwazzjoni ma setgħux ikunu mistennija qabel il-bidu tas-sena 2014.

14

Fuq talba tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija spjegat, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2012, li, minkejja din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, il-kostruzzjoni tal-impjant idroelettriku setgħet tinbeda fl-iqsar żmien possibbli fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija permezz tad-deċiżjoni tal-2007.

15

Fis-26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija fejn akkużatha bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 u bl-applikazzjoni żbaljata, fir-rigward tal-proġett ta’ “impjant elettriku Schwarze Sulm – parti A tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni”, tad-deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva.

16

Fil-15 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet lill-Kummissjoni fis-sens li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kienet għadha għaddejja u li r-riżultati kienu mistennija fil-bidu tax-xahar ta’ Settembru 2013. Hija spjegat ukoll li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija kienet qiegħda tieħu inkunsiderazzjoni l-“linji gwida nazzjonali għall-evalwazzjoni ta’ użu sostenibbli tal-enerġija idroelettrika”.

17

Fid-19 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika tal-Awstrija bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet komplementari tagħha fejn informatha bl-adozzjoni, mill-Gvernatur ta’ Steiermark, fl-4 ta’ Settembru 2013, ta’ deċiżjoni li tikkonferma d-deċiżjoni tal-2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2013”).

18

Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex adotta d-deċiżjoni tal-2013, il-Gvernatur ta’ Steiermark ibbaża ruħu fuq il-fatt li l-istat tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm kellu jiġi kklassifikat, sa minn qabel l-implementazzjoni tal-proġett ikkontestat, bħala “tajjeb” u mhux bħala “tajjeb ħafna”, u li, minħabba din id-degradazzjoni fil-klassifikazzjoni, dan il-proġett seta’ jiġi implementat mingħajr ma kienet meħtieġa deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60.

19

Fid-9 ta’ Ottubru 2013, il-Ministru Federali għall-agrikoltura, għall-foresti, għall-ambjent u għall-immaniġġjar tal-ilma ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-2013. Peress li dan ir-rikors, li fid-data ta’ din is-sentenza għadu pendenti, ma għandux effett sospensiv, il-promotur tal-proġett ikkontestat seta’ jkompli bil-kostruzzjoni tal-impjant idroelettriku.

20

Fil-21 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Awstrija opinjoni motivata fejn tenniet l-ilmenti tagħha. Fil-21 ta’ Jannar 2014, dan l-Istat Membru wieġeb fis-sens li d-deċiżjoni tal-2007 kienet, fil-fehma tiegħu, konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60.

21

Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors ineżami.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u għall-preżentazzjoni ta ’ provi ġodda

22

Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissjoni ressqet, fit-30 ta’ Novembru 2015, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll talba sabiex tiġi awtorizzata tippreżenta provi ġodda, skont l-Artikolu 83 u l-Artikolu 128(2), rispettivament, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ppreżentat lil din tal-aħħar l-abbozz ta’ “Pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-ilmijiet 2015”, ippubblikat fil-21 ta’ Jannar 2015 mill-Ministru Federali għall-agrikoltura, għall-foresti, għall-ambjent u għall-immaniġġjar tal-ilma.

23

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet b’reazzjoni għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, EU:C:2000:69, punt 2, u sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen, C‑262/10, EU:C:2012:559, punt 29).

24

It-tieni nett, fir-rigward tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba mill-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża ser ikollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑205/06, EU:C:2009:118, punt 13, u tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen, C‑262/10, EU:C:2012:559, punt 30).

25

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-produzzjoni ta’ provi wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub konformement mal-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-parti li tkun tixtieq tipproduċi tali provi għandha tagħti r-raġunijiet għaliex dawn il-provi qegħdin jiġu ppreżentati tard u li l-President jista’, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, jagħti terminu lill-parti l-oħra sabiex tieħu pożizzjoni dwar dawn il-provi.

26

F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni, u peress li l-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti jew ta’ provi ġodda li ma kinux indirizzati mill-partijiet, ma hemmx lok li jintlaqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

27

Il-Kummissjoni qiegħda essenzjalment takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (7) tad-Direttiva 2000/60 billi awtorizzat il-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm.

28

Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-2007 ma tonorax l-obbligu, li l-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60 jimponi fuq l-Istati Membri, li jiġu implementati l-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi kollha ta’ ilmijiet tal-wiċċ.

29

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li dan l-obbligu kien japplika għall-Gvernatur ta’ Steiermark fid-data li fiha adotta din id-deċiżjoni, minkejja li l-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ma kinitx saret obbligatorja, skont l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2000/60, qabel it-22 ta’ Diċembru 2009.

30

Il-Kummissjoni tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha billi tiddikjara li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri kellhom, bejn it-22 ta’ Diċembru 2000, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/60, u t-22 ta’ Diċembru 2009, id-data tal-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 13(6) ta’ din id-direttiva għall-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar, jastjenu milli jieħdu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħaq ir-riżultat previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. B’hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu kellhom jiġu osservati anki matul dan il-perijodu.

31

Issa, skont il-Kummissjoni, il-proġett ikkontestat huwa ta’ natura li jikkawża degradazzjoni fl-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm, bi ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60. Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni tal-2007 kienet evalwat li dan l-istat kien “tajjeb ħafna”, dan il-proġett ser iwassal sabiex dan l-istat jinbidel għal “tajjeb” u għalhekk ser jikkawża deterjorazzjoni f’dan l-istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali deterjorazzjoni, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Gvernatur ta’ Steiermark, permezz tad-deċiżjoni tal-2013, finalment evalwa li dan l-istess stat kien “tajjeb”, sa fejn din id-deċiżjoni tal-aħħar ma kinitx adottata b’osservanza tar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 ta’ din id-direttiva. B’hekk, ma jistax jitqies, minkejja d-degredazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-livell tal-istat tal-ilmijiet magħmula permezz ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, li l-imsemmi proġett ma jikkawżax deterjorazzjoni ta’ dan l-istat.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-2007 li awtorizzat il-proġett ikkontestat setgħet tkun fondata legalment biss fil-każ li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 sabiex tkun awtorizzata deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni. Issa, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Awstrija la eżaminat debitament jekk din id-deroga setgħetx tiġi implementata b’mod validu u lanqas, fi kwalunkwe każ, ma mmotivat b’mod suffiċjenti l-użu ta’ tali deroga.

33

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tenfasizza li r-Repubblika tal-Awstrija kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kapaċità tal-impjant idroelettriku kopert mid-deċiżjoni tal-2007 ser tkun “negliġibbli” meta mqabbla mal-produzzjoni reġjonali u nazzjonali tal-idroelettriku. Issa, fil-fehma tagħha, dan l-Istat Membru la wettaq investigazzjonijiet dwar eventwali siti alternattivi u lanqas ma kkunsidra sorsi oħra ta’ enerġija li jiġġeddu, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60. Għaldaqstant, id-deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm li ser tkun ikkawżata mill-proġett ikkontestat ma tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li r-rikors ineżami huwa inammissibbli sa fejn, minn naħa, ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż, b’mod partikolari fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 288 TFUE, u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha kompetenza biss sabiex tivverifika li l-awtoritajiet nazzjonali implementaw b’mod korrett l-obbligi proċedurali previsti mid-Direttiva 2000/60, u ma tistax tivverifika l-evalwazzjoni magħmula minn dawn l-awtoritajiet dwar il-fondatezza ta’ proġett partikolari u dwar l-ibbilanċjar tal-interessi mwettqa mill-imsemmija awtoritajiet fuq il-bażi tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva.

35

Sussidjarjament, fil-mertu, ir-Repubblika tal-Awstrija tammetti li, sa mis-sena 2007, hija ma kinitx awtorizzata tadotta miżuri ġenerali jew speċjali ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva 2000/60.

36

Madankollu, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, id-deċiżjoni tal-2007 setgħet tawtorizza b’mod validu, mingħajr ma tmur kontra dawn l-għanijiet, proġett ta’ impjant idroelettriku li jimplika, jekk ikun il-każ, deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva kienu osservati.

37

F’dan ir-rigward ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li d-deċiżjoni tal-2007 kienet ġiet adottata fi tmiem proċedura li matulha ġiet analizzata u evalwata legalment, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod konkret l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 u l-effetti tal-proġett ikkontestat fuq il-karatteristiċi partikolari reġjonali u lokali, pożizzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku maġġuri marbut ma’ dan il-proġett. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li hija ħadet inkunsiderazzjoni studju stabbilit mill-Institut für Elektrizitätswirtschaft und Energieinnovation (istitut għall-immaniġġjar tal-elettriku u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, l-Awstrija) tat-Technische Universität Graz (università teknika ta’ Graz, l-Awstrija) li jesponi l-għanijiet u l-vantaġġi tal-imsemmi proġett kif ukoll l-impatt tiegħu fuq l-ambjent.

38

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti ma bbażatx ruħha fuq il-prinċipju li l-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika dejjem tissodisfa interess pubbliku maġġuri u tikkostitwixxi eċċezzjoni ġenerali għall-għanijiet tad-Direttiva 2000/60, iżda eżaminat b’mod globali is-sinjifikat reġjonali konkret u l-impatti lokali tal-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm.

39

Finalment, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Gvernatur ta’ Steiermark, meta adotta d-deċiżjoni tal-2007, kellu marġni xieraq ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi, li huwa wettaq konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60, u dan għaliex l-awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ impjant idroelettriku tikkostitwixxi deċiżjoni kumplessa li tinvolvi elementi ta’ tbassir.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

40

Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis essenzjalment, minn naħa, li r-rikors ineżami ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż, fis-sens tal-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 288 TFUE. Min-naħa l-oħra, hija tqis li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn il-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ proġett partikolari u l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni mwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

41

Dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandhom jiġu miċħuda.

42

Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, mir-rikors fil-fatt jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qiegħda takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li, bejn it-22 ta’ Diċembru 2000, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/60, u t-22 ta’ Diċembru 2009, id-data tal-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 13(6) ta’ din id-direttiva għall-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar, ma astjenietx milli tieħu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħaq ir-riżultat previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. B’hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fil-punti 25 u 26 tar-rikors tagħha, tirreferi b’mod espliċitu għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560), dwar ix-xmara Achéloos, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, saħansitra qabel l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri kellhom jastjenu, skont l-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 288 TFUE, milli jikkompromettu b’mod serju l-għanijiet tagħha.

43

Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi enfasizzat, kif esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-kwistjoni ta’ sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 iħallu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti marġni sabiex jibbilanċjaw l-interessi inkwistjoni u ta’ jekk dan il-marġni nqabiżx ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tar-rikors iżda l-fondatezza tiegħu.

44

Għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

45

Il-Kummissjoni essenzjalment takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li, permezz tad-deċiżjoni tal-2007, awtorizzat il-proġett ikkontestat meta, skont din l-istess deċiżjoni, dan il-proġett dan kien ser iwassal għal deterjorazzjoni fl-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”, deterjorazzjoni din li hija pprojbita mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 u li, skont il-Kummissjoni, ma tistax tkun koperta mid-deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 4(7)(ċ) ta’ din id-direttiva.

46

Preliminarjament, kif espost fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-klassifikazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tax-xmara Schwarze Sulm qabel l-implementazzjoni tal-proġett ikkontestat, kif stabbilita fid-deċiżjoni tal-2007, kienet irreveduta permezz tad-deċiżjoni tal-2013. B’hekk, permezz ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, il-Gvernatur ta’ Steiermark naqqas il-livell minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”, b’tali mod li, fid-dawl tal-imsemmija deċiżjoni, il-proġett ikkontestat ma huwiex ser jibqa’ jimplika deterjorazzjoni ta’ dan l-istat tal-ilmijiet minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”.

47

Madankollu, għandu jitqies li d-deċiżjoni tal-2013 ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm il-Kummissjoni tqis li fil-kawża ineżami ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni u d-degradazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm magħmula permezz ta’ din id-deċiżjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proġett ikkontestat huwiex ser jimplika deterjorazzjoni ta’ dan l-istat, din l-istituzzjoni, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, la kkontestat l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni u lanqas ma inkludiet din l-istess deċiżjoni fit-talbiet tar-rikors tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma invokat id-deċiżjoni tal-2013 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ tali deterjorazzjoni u sabiex b’hekk issostni li, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, hija kienet temmet in-nuqqas allegat. B’hekk, hija ma tikkontestax li, għall-finijiet tar-rikors ineżami, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-istat tal-ilmijiet tax-xmara Schwarze Sulm kif ġie evalwat permezz tad-deċiżjoni tal-2007, iżda tqis li dan il-proġett ma jiksirx l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 sa fejn id-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet ikkawżata minnu hija ġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tar-rikors ineżami, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-2013 u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-klassifikazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm kif stabbilita permezz tad-deċiżjoni tal-2007.

49

Sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni tal-2007 mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60, għandu jitfakkar li l-obbligi previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva ma humiex applikabbli bħala tali ħlief mit-22 ta’ Diċembru 2009, id-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(6) ta’ din id-direttiva, sabiex jippubblikaw il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punti 51 sa 56).

50

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jastjenu milli jieħdu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħaq ir-riżultat previst minn din id-direttiva. Tali obbligu ta’ astensjoni, li japplika għall-awtoritajiet nazzjonali kollha, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura, ġenerali u speċifika, li tista’ tipproduċi tali effett negattiv (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għaldaqstant, għalkemm il-proġett ikkontestat ma kienx jaqa’, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2007, taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, ir-Repubblika tal-Awstrija xorta waħda kienet obbligata, saħansitra qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti, fl-Artikolu 13(6) ta’ din id-direttiva, lill-Istati Membri sabiex jippubblikaw il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, tastjeni milli tieħu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħaq l-għan previst fl-imsemmi Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 60).

52

Għalhekk, għall-finijiet tal-eżami tar-rikors ineżami, għandu jiġi eżaminat jekk il-proġett ikkontestat huwiex ta’ natura li jikkawża deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm, u, fl-affermattiv, għandu jiġi mistħarreġ jekk tali deterjorazzjoni tistax tkun koperta mid-deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, prevista fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60.

– Fuq id-deterjorazzjoni tax-xmara Schwarze Sulm

53

Għandu jiġi osservat li l-premessa 25 tad-Direttiva 2000/60 tgħid li għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ambjentali b’mod li jiġi żgurat l-istat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ u tal-ilmijiet ta’ taħt l-art fl-Unjoni Ewropea kollha u li tiġi evitata deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet fuq il-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-“Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ”, jirriżulta li l-adozzjoni ta’ tali miżuri mill-Istati Membri hija obbligatorja. F’dan ir-rigward, awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari, bħal dak li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni tal-2007, għandha tinftiehem bħala tali implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 313235).

54

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jistabbilixxix biss, skont formulazzjoni programmatika, sempliċi għanijiet ta’ ppjanar ta’ mmaniġġjar, iżda għandu effetti vinkolanti, ladarba jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura prevista f’din id-direttiva (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 43).

55

F’dan ir-rigward, is-sistema ta’ derogi prevista fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva tikkostitwixxi element li jikkorrobora l-interpretazzjoni fis-sens li l-prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma hija ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 44).

56

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-istruttura tal-kategoriji ta’ deroga previsti f’din id-dispożizzjoni tippermetti li jitqies li l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva ma jinkludix biss obbligi fuq livell ta’ prinċipju iżda jikkonċerna wkoll proġetti partikolari. Fil-fatt, ir-raġunijiet għal deroga japplikaw b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 4 jirriżulta minn bidliet ġodda fil-kwalitajiet fiżiċi tal-korp tal-ilma tal-wiċċ u meta dan jirriżulta f’impatti negattivi jew minn attivitajiet ġodda ta’ żvilupp dewwiemi mill-bniedem. Issa, dan jista’ jirriżulta b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda ta’ proġetti. Fil-fatt, huwa impossibbli li proġett u l-implementazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar jitqiesu b’mod separat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 47).

57

Għaldaqstant, dawn il-proġetti partikolari huma koperti mill-obbligu li tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi tal-ilma, stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60.

58

Dan l-istat huwa ddeterminat skont proporzjonijiet ta’ kwalità ekoloġika mifruxa, għal kull kategorija ta’ ilma tal-wiċċ, f’ħames klassijiet, permezz ta’ valur limitu tal-elementi ta’ kwalità bijoloġika li jindika l-fruntiera bejn dawn id-diversi klassijiet, jiġifieri, “tajjeb ħafna”, “tajjeb”, “moderat”, “fqir” u “ħażin” (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 57).

59

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li għandu jitqies li jkun hemm deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, hekk kif l-istat ta’ minn tal-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva, jonqos bi klassi waħda, anki jekk din id-degradazzjoni ma twassalx għal degradazzjoni fil-klassifikazzjoni, b’mod ġenerali, tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Madankollu, jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens ta’ dan l-anness, ikun diġà jinsab fl-iktar klassi baxxa, kwalunkwe degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 69).

60

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li x-xogħlijiet meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-impjant idroelettriku li huwa s-suġġett tal-proġett ikkontestat ser jaffettwaw ir-rotta tax-xmara Schwarze Sulm fuq tul ta’ 8 km. Sabiex jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku ta’ din ix-xmara, fis-sens tad-Direttiva 2000/60, ir-rapport ta’ perizja stabbilit mill-Institut für Bodenkultur Wien (Istitut tal-agronomija ta’ Vjenna, l-Awstrija) matul is-sena 2006 kkonkluda li l-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tal-imsemmija xmara kien “tajjeb ħafna” u li dan il-proġett, minħabba d-deterjorazzjoni ta’ dan l-istat li kien ser jikkawża, kellu jiġi miċħud. Il-klassifikazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm bħala “tajjeb ħafna” kienet ibbażata fuq ir-riżultat finali ta’ ppjanar mifrux fuq perijodu partikolari li wassal, konformement mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60, għat-tfassil tal-pjan tal-2009.

61

Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħha għall-ewwel ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma kkontestatx il-fatt li l-implementazzjoni tal-proġett ikkontestat kienet ser timplika deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm, iżda invokat id-deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, prevista fl-Artikolu 4(7)(ċ) tad-Direttiva 2000/60, filwaqt li sostniet li interess pubbliku maġġuri kien jeħtieġ li jintużaw iktar is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu bħalma hija l-enerġija idroelettrika.

62

Fl-aħħar nett, kif tosserva r-Repubblika tal-Awstrija fil-punt 20 tar-risposta tagħha, fil-paġni 192 et seq. tad-deċiżjoni tal-2007, il-Gvernatur ta’ Steiermark stess irrikonoxxa li l-proġett kien jimplika “degradazzjoni minn tal-inqas parzjali tal-ilma tal-wiċċ”, li ż-“żamma ta’ ‘livell tajjeb ħafna’ fis-settur parzjali kkonċernat OK 8026600” kienet ta’ interess pubbliku, u li fil-“korp ta’ ilma ‘superjuri’ OK 8026600, f’settur ta’ madwar 8 km, wieħed mill-istati msemmija fl-Artikolu 30a tal-Liġi dwar id-dritt tal-ilma huwa kkonċernat minn degradazzjoni ta’ grad, jiġifieri minn ‘tajjeb ħafna’ għal ‘tajjeb’”.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-proġett ikkontestat jista’ jikkawża deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm, kif ġie evalwat fid-deċiżjoni tal-2007.

– Fuq id-deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni, prevista fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60

64

Għandu jitfakkar li, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, kwalunkwe deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ għandha tiġi evitata. B’hekk, l-obbligu li tiġi evitata tali deterjorazzjoni jibqa’ vinkolanti f’kull stadju tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/60 u huwa applikabbli għal kull tip kif ukoll għal kull stat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ li fir-rigward tiegħu jkun ġie adottat pjan ta’ mmaniġġjar. Għaldaqstant, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar ikun ta’ natura li jikkawża deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti li jintlaħaq stat tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, sakemm ma jitqiesx li l-imsemmi proġett jaqa’ taħt deroga skont l-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50).

65

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta proġett ikun ta’ natura li jikkawża effetti negattivi għall-ilma, bħalma huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva, dan il-proġett jista’ jiġi awtorizzat, minn tal-inqas, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) ta’ din l-istess direttiva (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punti 6769).

66

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni tal-2007 kinitx adottata b’osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, jeħtieġ li jiġi mistħarreġ, l-ewwel nett, jekk ittieħdux il-miżuri prattiċi kollha sabiex jiġi llimitat l-impatt negattiv tal-proġett ikkontestat fuq l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat, it-tieni nett, jekk ir-raġunijiet wara dan il-proġett ġewx indikati b’mod espliċitu u mmotivati, it-tielet nett, jekk l-imsemmi proġett jissodisfax interess pubbliku maġġuri u/jew jekk il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjetà marbuta mat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva humiex inqas mill-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem, għaż-żamma tas-sigurtà għall-persuni jew għall-iżvilupp sostenibbli li jirriżultaw mill-implementazzjoni ta’ dan l-istess proġett, u, ir-raba’ nett, jekk l-għanijiet ta’ benefiċċju segwiti jistgħux, għal raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika jew ta’ nefqiet sproporzjonati, jintlaħqu permezz ta’ mezzi li kienu jikkostitwixxu alternattiva ambjentali sinjifikattivament aħjar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 67).

67

Sabiex issostni li l-proġett ikkontestat huwa konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-għan tal-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm huwa l-iżvilupp tal-enerġiji li jiġġeddu. Madankollu, il-Kummissjoni essenzjalment tqis li, meta tqajjem tali argument, ir-Repubblika tal-Awstrija qiegħda sempliċement issostni li l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu tissodisfa, b’mod ġenerali, interess pubbliku maġġuri, mingħajr ma tispeċifika jekk il-proġett ikkontestat kellux jibbenefika mid-deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, it-tieni waħda mill-kundizzjonijiet esposti fil-punt 66 ta’ din is-sentenza hija manifestament issodisfatta f’dan il-każ, sa fejn id-deċiżjoni tal-2007 tesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet tal-proġett ikkontestat, l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u l-allegati vantaġġi ta’ dan il-proġett.

69

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku, bħal dak li huwa s-suġġett tal-proġett ikkontestat, tista’ effettivament tkun ta’ interess pubbliku maġġuri.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk proġett partikolari għandux tali interess. Fil-fatt, id-Direttiva 2000/60, li kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE [li sar l-Artikolu 192(1) TFUE], tistabbilixxi prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinazzjoni, l-integrazzjoni kif ukoll, fuq perijodu itwal ta’ żmien, l-iżvilupp ta’ prinċipji ġenerali u ta’ strutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni. Dawn il-prinċipji u dan il-qafas għandhom jiġu żviluppati sussegwentement mill-Istati Membri bl-adozzjoni ta’ miżuri partikolari. F’dan is-sens, l-għan ta’ din id-direttiva ma huwiex armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu,C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 41; tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 50, u tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 34).

71

Issa, fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija setgħet ġustament tqis li l-proġett ikkontestat, li huwa intiż li jippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu permezz tal-enerġija idroelettrika, għandu interess pubbliku maġġuri.

72

Fil-fatt, l-Artikolu 194(1) TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jitħares u jittejjeb l-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha tkun intiża, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni, li tippromwovi l-effikaċja enerġetika u l-ekonomiji tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp tal-enerġiji ġodda u li jiġġeddu, u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑490/10, EU:C:2012:525, punt 65).

73

Barra minn hekk, il-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, li tinsab fl-ewwel livell tal-prijoritajiet tal-Unjoni, hija ġġustifikata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-isfruttament ta’ dawn is-sorsi ta’ enerġiji jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-iżvilupp sostenibbli u tal-fatt li dan l-isfruttament jista’ jikkontribwixxi għas-sigurtà kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġiji u jista’ jħaffef il-proċess sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-protokoll ta’ Kyoto, anness mal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla klimatika (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 56).

74

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali bbilanċjaw il-benefiċċji mistennija tal-proġett ikkontestat mad-deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm li kienet ser tirriżulta minn dan il-proġett. Fuq il-bażi ta’ dan l-ibbilanċjar, huma setgħu jqisu li dan il-proġett ser jikkawża benefiċċju għall-iżvilupp sostenibbli, li l-miżuri prattiċi kollha kienu ttieħdu sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-imsemmi proġett fuq l-istat ta’ dan il-korp tal-ilma tal-wiċċ u li l-għanijiet segwiti minn dan l-istess proġett ma setgħux, minħabba raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika jew minħabba nefqiet sproporzjonati, jintlaħqu permezz ta’ mezzi li kienu jikkostitwixxu alternattiva ambjentali sinjifikattivament aħjar.

75

F’dan ir-rigward, kif intqal fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex adotta d-deċiżjoni tal-2007, il-Gvernatur ta’ Steiermark ibbaża ruħu b’mod partikolari fuq studju stabbilit mill-Istitut għall-immaniġġjar tal-elettriku u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, li kien ikkomunikat lilu mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni tal-impjant idroelettriku.

76

Huwa minnu li l-awturi ta’ dan l-istudju fakkru li l-awtorità kompetenti kellha twettaq ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, b’mod partikolari bejn il-benefiċċji mistennija mill-proġett ikkontestat u l-impatti tiegħu fuq l-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm.

77

Madankollu, wara li fakkar li l-imsemmi studju kien “jistabbilixxi b’mod komprensiv u konvinċenti li l-enerġija idroelettrika b’mod ġenerali u l-[proġett ikkontestat] b’mod partikolari [kienu] jissodisfaw interess pubbliku maġġuri u [kienu] ta’ importanza kbira għall-iżvilupp sostenibbli (tar-reġjun)”, il-Gvernatur ta’ Steiermark stess enfasizza li l-awturi ta’ dan l-istudju kienu qegħdin “jippreżentaw fid-dettall il-bilanċ enerġetiku korrett tal-proġett, minħabba l-għoli kbir tal-kaskata tal-ilma fuq distanza relattivament qasira, kif ukoll l-aspetti ekonomiċi tal-proġett għall-ekonomija lokali”, “li l-kontribuzzjoni pożittiva tal-proġett għat-tnaqqis tar-ritmu tat-tisħin klimatiku billi jieħu post il-produzzjoni tal-elettriku minn kombustibbli magħmula mill-fossili b’emissjonijiet ta’ CO2 [kienet] ukoll ippreżentata b’mod konvinċenti” u li l-istudju “[kien] jenfasizza wkoll li l-għanijiet utli [tal-proġett] ma [setgħux] jintlaħqu preċiżament permezz ta’ mezzi oħra li jikkostitwixxu alternattiva ambjentali aħjar”. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li kienu previsti miżuri prattiċi sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-proġett ikkontestat fuq l-istat tal-korp ta’ ilma kkonċernat, b’mod partikolari sabiex jiġi llimitat l-ostakolu kkawżat minn dan il-proġett għall-migrazzjonijiet ta’ ħut bl-istabbiliment ta’ għajnuna għal dawn il-migrazzjonijiet.

78

B’hekk, fid-dawl ta’ dan l-istudju, id-deċiżjoni tal-2007 kkonkludiet li:

“Il-vantaġġi reġjonali u transreġjonali tal-[proġett ikkontestat] għall-ambjent, għall-klima u għall-ekonomija, li ġew esposti b’mod konvinċenti f’rapport, jinsabu f’kuntrast ma’ dan l-effett negattiv [ta’ dan il]-proġett (li huwa pjuttost limitat meta mqabbel ma’ effetti negattivi possibbli oħra) fuq l-istati msemmija fl-Artikolu 30a tal-[WRG]. Peress li, permezz [tal-imsemmi] proġett, enerġija mingħajr tniġġis ser tkun disponibbli fi kwantità kbira, l-awtorità li tiddeċiedi għandha tqis li din il-miżura għandha interess pubbliku maġġuri għall-iżvilupp tal-enerġija sostenibbli.

Wara li bbilanċjat iċ-ċirkustanzi preżenti tal-każ li dwaru għandha tiddeċiedi, l-awtorità tasal għall-konklużjoni li l-interessi pubbliċi fil-kostruzzjoni tal-impjant idroelettriku ‘Schwarze Sulm’ huma nettament superjuri għall-preġudizzju kkonstatat fir-rigward tal-għanijiet ambjentali elenkati fl-Artikoli 30 et seq. kif ukoll fl-Artikoli 104 u 104a tal-[WRG].”

79

Sussegwentement, il-pjan tal-2009 integra, konformement mal-Artikolu 4(7)(b) tad-Direttiva 2000/60, analiżi tal-benefiċċji mistennija tal-proġett ikkontestat, jiġifieri produzzjoni tal-enerġija idroelettrika li tirrappreżenta 2 partijiet minn elf tal-produzzjoni reġjonali u 0.4 partijiet minn elf tal-produzzjoni nazzjonali.

80

B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Gvernatur ta’ Steiermark analizza l-proġett ikkontestat fl-intier tiegħu, inkluż l-impatt dirett u indirett tiegħu fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 u bbilanċja l-vantaġġi ta’ dan il-proġett mal-impatti negattivi tiegħu fuq l-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li din ix-xmara kellha kwalità ekoloġika għolja ħafna, iżda qies li, fid-dawl tad-diversi vantaġġi mistennija tal-imsemmi proġett, l-interessi pubbliċi marbuta miegħu kienu nettament superjuri għall-preġudizzju kkawżat għall-għan li tiġi evitata deterjorazzjoni segwit minn din id-direttiva. Għaldaqstant, huwa ma invokax sempliċement b’mod astratt l-interess pubbliku maġġuri li tikkostitwixxi l-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, iżda bbaża ruħu fuq analiżi xjentifika ddettaljata u speċifika għal dan l-istess proġett, qabel ma kkonkluda li l-kundizzjonijiet ta’ deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni kienu ssodisfatti.

81

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Gvernatur ta’ Steiermark, li ddeċieda fuq il-bażi ta’ studju tal-Institut li kien ta’ natura li jagħtih informazzjoni rilevanti dwar il-konsegwenzi tal-proġett ikkontestat, ħa inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 u seta’ ġustament iqis li dawn kienu ssodisfatti.

82

Sabiex tikkontesta, fil-mertu, l-evalwazzjoni magħmula mill-Gvernatur ta’ Steiermark, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-enerġija idroelettrika hija biss sors wieħed ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu, fost sorsi oħra, u li l-enerġija prodotta mill-impjant idroelettriku li huwa s-suġġett tal-proġett ikkontestat kien ser ikollha biss impatt marġinali fuq il-provvista tal-elettriku kemm fuq il-livell reġjonali kif ukoll fuq il-livell nazzjonali. Madankollu, fl-assenza ta’ lmenti speċifiċi tal-Kummissjoni li jippermettu, pereżempju, li jiġi stabbilit b’liema mod l-istudju msemmi fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li l-konklużjonijiet tiegħu kienu ġew inkorporati fid-deċiżjoni tal-2007, huwa inkomplet jew żbaljat, minħabba analiżi insuffiċjenti tal-impatt ekoloġiku ta’ dan il-proġett fuq l-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ tax-xmara Schwarze Sulm, jew minħabba l-assenza ta’ affidabbiltà fir-rigward tal-previżjonijiet ta’ produzzjoni idroelettrika, jew inkella minħabba l-assenza ta’ elementi ta’ paragun li jippermettu li l-produzzjoni elettrika ppjanata tiġi kklassifikata bħala waħda baxxa meta mqabbla mad-daqs tal-imsemmi proġett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx in-nuqqas invokat.

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ispejjeż

84

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha, kif mitlub mir-Repubblika tal-Awstrija.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.