(SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 1(3)(a) u (ċ) — Kollokament ta’ ħaddiema — Provvista ta’ ħaddiema — Att ta’ adeżjoni tal-2003 — Kapitolu 1, paragrafi 2 u 13 tal-Anness X — Miżuri tranżitorji — Aċċess ta’ ċittadini Ungeriżi għas-suq tax-xogħol ta’ Stati li kienu diġà Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija — Rekwiżit ta’ permess tax-xogħol għall-provvista ta’ ħaddiema — Setturi mhux sensittivi”

Fil-Kawża C‑586/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pesti Központi Kerületi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Martin Meat kft

vs

Géza Simonfay,

Ulrich Salburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Martin Meat kft, minn R. Zuberecz, ügyvéd,

għal Géza Simonfay u Ulrich Salburg, minn V. Nagy, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u A. M. Pálfy, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni dwar il-paragrafi 2 u 13 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”) kif ukoll tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431), moqri fid-dawl tas-sentenza Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Martin Meat kft (iktar ’il quddiem “Martin Meat”) u G. Simonfay u U. Salburg, konsulenti legali, rigward is-suġġett tal-kumpens lil Martin Meat minħabba fil-multa li hija kellha tħallas għall-kollokament tal-ħaddiema Ungeriżi fl-Awstrija mingħajr ma talbet għal permessi tax-xogħol għal dawn tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003

3

L-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprovdi li:

“Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”

4

L-Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: L-Ungerija”. Il-Kapitolu 1 ta’ dan l-Anness, intitolat “Il-libertà tal-moviment tal-persuni” jistipula fil-paragrafi 1, 2, 5 u 13 tiegħu:

“1.   [L-Artikolu 45 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE] japplikaw fl-intier tagħhom biss skont id-disposizzjonijiet tranżitorji stipulati fil-paragrafi 2 sa 14 għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu provduti servizzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispostament temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl-Artikolu 1 [tad-Direttiva Nru 96/71/KE] bejn l-Ungerija fuq naħa waħda, u l-Belġju, r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra.

2.   B’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 [tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)] u sa l-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data ta’ l-adeżjoni, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri nazzjonali, jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali, li jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom minn ċittadini Ungeriżi. L-Istati Membri attwali jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-adeżjoni tal-Ungerija.

[...]

5.   Stat Membru li jżomm fis-seħħ miżuri nazzjonali jew miżuri li joħorġu minn xi ftehim bilaterali fl-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 2 jista, f’każ ta’ taqlib serju jew ta’ theddida ta’ taqlib serju fis-suq tax-xogħol tiegħu u wara li jinnotifika lill-Kummissjoni, ikompli japplika dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ seba’ snin wara d-data ta’ l-adeżjoni. Fin-nuqqas ta’ notifika bħal din, għandhom japplikaw l-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament [Nru 1612/68].

[...]

13.   Sabiex ikun indirizzat taqlib serju jew it-theddida minnu f’setturi speċifiċi ta’ servizzi sensittivi fis-swieq tax-xogħol tagħhom, li jistgħu jinqalgħu f’ċerti reġjuni mill-provvista transnazzjonali ta’ servizzi, kif iddefinita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [96/71], u sakemm ikunu japplikaw, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti iktar ’il fuq, miżuri nazzjonali jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali għall-moviment liberu ta’ ħaddiema Ungeriżi, il-Ġermanja u l-Awstrija jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jidderogaw [mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE] bil-għan li jillimitaw fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn kumpanniji stabbiliti fl-Ungerija, il-moviment temporanju ta’ ħaddiema li d-dritt tagħhom li jaċċettaw xogħol fil-Ġermanja u fl-Awstrija jkun suġġett għal miżuri nazzjonali.

Il-lista ta’ setturi tas-servizzi li jistgħu jaqgħu taħt din id-deroga hi kif ġej:

[...]

għall-Awstrija:

[Servizzi relatati mal-kultura (ortikultura), xogħol fil-ġebel, manifattura ta’ strutturi tal-metall, kostruzzjoni u fergħat relatati, attivitajiet ta’ sigurtà, tindif industrijali, xogħol minn infermiera fid-djar u attivitajiet ta’ ħidma soċjali mingħajr akkomodazzjoni]

[...]”

5

L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: Il-Polonja”. Hija tinkludi, għal dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Polonja, id-dispożizzjonijiet li huma sostanzjalment identiċi għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Repubblika tal-Ungerija.

Id-Direttiva 96/71

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[...]

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)

jibagħtu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni;

[...]

jew

ċ)

billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.

[...]”

Id-dritt Awstrijak

7

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema (Arbeitskräfteüberlassungsgesetz, BGBl. 196/1988, iktar ’il quddiem l-“AÜG”), il-provvista ta’ ħaddiema tikkonsisti li ħaddiema jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ terz sabiex iwettqu xogħol.

8

L-Artikolu 4 tal-AÜG huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Sabiex tiġi stabbilita jekk tkunx teżisti provvista ta’ ħaddiema, għandha tiġi evalwata sitwazzjoni partikolari billi titqies in-natura ekonomika ġenwina tagħha u mhux l-apparenza esterna tagħha.

(2)   Teżisti wkoll provvista ta’ ħaddiema b’mod partikolari meta l-imsemmija ħaddiema jwettqu l-provvista ta’ xogħol tagħhom fl-impriża tal-kap tal-proġett b’implementazzjoni tal-kuntratti tal-impriża iżda:

1.

li ma jipproduċux jew ma jikkontribwixxux għall-produzzjoni ta’ ebda xogħol jew servizz imputabbli għall-imprenditur li jkunu differenti u distinti mill-prodotti, servizzi u prodotti li għadhom ma humiex lesti tal-kap tal-proġett

jew

2.

li ma jwettqux ix-xogħol essenzjalment permezz ta’ materjal jew tagħmir tal-imprenditur

jew

3.

li huma, fuq pjan loġistiku, integrati fl-impriża tal-kap tal-proġett u huma suġġetti għall-kontroll ġerarkiku u tekniku tiegħu

jew

4.

li l-imprenditur ma huwiex responsabbli mir-riżultat tax-xogħol jew tal-provvista ta’ servizzi”.

9

L-Artikolu 18(1) sa (11) tal-Liġi dwar l-impjieg ta’ ċittadini barranin (Ausländerbeschäftigungsgesetz, BGBl. 218/1975), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AuslBG”), jipprovdi għall-każijiet fejn ċittadin barrani kellu jikseb permess tax-xogħol jew permess tal-kollokament.

10

L-Artikolu 18(12) tal-AuslBG jipprovdi:

“Għaċ-ċittadini barranin li huma kkollokati fl-Awstrija minn impriża bis-sede prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex iwettqu xogħol ta’ natura temporanja ma għandhomx bżonn la ta’ permess tax-xogħol u lanqas ta’ permess tal-kollokament meta dawn:

1.

għandhom permess regolari, għall-perijodu li jmur lil hinn minn dak tal-kollokament fl-Awstrija, sabiex jeżerċitaw attività fl-Istat tas-sede prinċipali tal-impriża u huma impjegati skont il-liġi fl-impriża li torganizza l-kollokazzjoni tagħhom, u meta

2.

il-kundizzjonijiet tal-paga u tax-xogħol taħt id-dritt Awstrijak, fis-sens tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 7b(1) u tal-Artikolu 2 tal-Liġi li tirrigwarda l-adattament tad-dritt tal-kuntratti ta’ xogħol (Arbeitsvertragsrechts Anpassungsgesetz, BGBl. 459/1993), kif ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli fi kwistjonijiet dwar sigurtà soċjali huma osservati”.

11

L-Artikolu 32a(6) tal-AuslBG huwa dispożizzjoni tranżittorja li tirrigwarda l-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Dan huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikolu 18(1) sa (11), japplika għal dak li jirrigwarda l-impjieg ta’ ċittadini tal-[Unjoni] fis-sens tal-paragrafu 1, jew ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, kollokati fl-Awstrija minn persuna li timpjega bis-sede prinċipali tal-impriża tagħha fir-Repubblika Ċeka, fir-Repubblika tal-Estonja, fir-Repubblika tal-Latvja, fir-Repubblika tal-Litwanja, fir-Repubblika tal-Ungerija, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika tas-Slovenja jew fir-Repubblika tas-Slovakkja, sabiex iwettqu provvista ta’ xogħol ta’ natura temporanja u li taqa’ f’settur ta’ servizzi li minħabba fihom restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi previst fl-Artikolu [56 TFUE] jistgħu jiġu stabbiliti skont il-paragrafu 13 tal-kapitolu dwar il-libertà tal-moviment tal-persuni tat-Trattat ta’ Adeżjoni (lista li tidher fl-Annessi V u VI, VIII sa X kif ukoll XII sa XIV, imsemmija fl-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Matul is-sena 2007, Alpenrind GmbH (iktar ’il quddiem “Alpenrind”), kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak speċjalizzata fit-tqattigħ tal-laħam u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam ipproċessat, ikkonkludiet kuntratt ma’ Martin Meat, kumpannija stabbilita fl-Ungerija. Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, Martin Meat kellha tipproċessa 25 nofs karkassa taċ-ċanga kull ġimgħa, u tippakkja dan il-laħam lest għat-tqegħid fis-suq.

13

Ix-xogħol tal-ipproċessar u tal-ippakkjar kien isir fil-bini tal-biċċerija ta’ Alpenrind, li jinsab f’Salzbourg (l-Awstrija). Dan il-bini u l-makkinarju użat għall-bżonnijiet ta’ dan ix-xogħol kien mikri minn Martin Meat li kienet tħallas kera b’rata fissa lil Alpenrind. Din tal-aħħar kienet tħallas l-ispejjeż għall-funzjonament tal-bini. Il-materjal użat fil-kuntest tal-imsemmi xogħol, bħall-iskieken, is-srieraq u l-ħwejjeġ ta’ protezzjoni, kienu jappartjenu lil Martin Meat.

14

Dan ix-xogħol kien jitwettaq minn ħaddiema Ungeriżi ta’ Martin Meat. Il-kap tal-unità ta’ Alpenrind kien jagħti lill-kap tal-unità ta’ Martin Meat ordnijiet rigward il-karkassi li kellhom jiġu pproċessati u kif kellhom jiġu pproċessati. Sussegwentement, il-kap tal-unità ta’ Martin Meat kienet torganizza x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema u kienet ittihom l-ordnijiet. Alpenrind kienet tikkontrolla l-kwalità tax-xogħol li kien jitwettaq.

15

Ir-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti minn Martin Meat kienet tiddependi mill-kwantità ta’ laħam ipproċessat. Din ir-remunerazzjoni kienet tonqos fil-każ li dan il-laħam kien ta’ kwalità insuffiċjenti.

16

Wara talbiet ta’ konferma tal-kollokament ippreżentati minn Martin Meat għand l-awtoritajiet Awstrijaċi, dawn tal-aħħar informawha li huma jqisu li r-relazzjoni kuntrattwali ma’ Alpenrind ma kinitx tikkonsisti f’kollokament ta’ ħaddiema aċċessorju għall-provvista ta’ servizzi, fejn kien ikun biżżejjed konferma ta’ kollokament skont l-Artikolu 18(12) tal-AuslBG, iżda kienet tikkonsisti fi provvista ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 4 tal-AÜG, li kienet tirrikjedi permess ta’ xogħol, konformement għad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kif trasposti fl-Artikolu 32a(6) tal-AuslBG.

17

Għalhekk, multa li tammonta għal iktar minn EUR 700000 ġiet imposta fuq Alpenrind. Skont kuntratt li kien jorbot lil Alpenrind u lil Martin Meat, kienet din tal-aħħar li kellha tħallas din il-multa.

18

Martin Meat iddeċidiet li tibda azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà kontra l-konsulenti legali tagħha, G. Simonfay u U. Salburg, quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn tal-aħħar kienu tal-opinjoni, qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, li l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, li kien jipprevedi l-impjieg ta’ ħaddiema Ungeriżi f’biċċerija Awstrijaka, ma kinitx tirrikjedi l-kisba ta’ permessi tax-xogħol. Huma kienu wkoll ikkunsidraw li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ taħt is-setturi tas-servizzi kklassifikati bħala sensittivi mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u li r-relazzjoni kuntrattwali fil-każ ineżami ma kinitx timplika l-provvista ta’ ħaddiema.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il- Pesti Központi Kerületi Bíróság (qorti distrettwali ċentrali ta’ Pest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Huwa każ ta’ ‘provvista ta’ ħaddiema’, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-definizzjoni tas-sentenza Vicoplus et (C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64), meta l-prestatarju [fornitur] jimpenja ruħu li jipproċessa karkassi taċ-ċanga permezz tal-ħaddiema tiegħu stess fil-biċċerija tal-klijent, fejn huwa jipproċessa n-nofs karkassi taċ-ċanga fil-bini li dan qiegħed jikrilu, u jippakkjahom f’pakketti ta’ laħam lesti għat-tqegħid fis-suq, u li huwa mħallas skont il-kilogrammi ta’ laħam ipproċessat, fejn huwa stabbilit li r-remunerazzjoni miftiehma titnaqqas f’każ ta’ kwalità insuffiċjenti, fid-dawl tal-fatt ukoll li l-prestatarju [fornitur] jipprovdi dan is-servizz, fl-Istat [Membru] ospitanti, għall-uniku u l-istess klijent u li dan tal-aħħar iwettaq ukoll il-kontroll tal-kwalità tax-xogħol ta’ pproċessar tal-laħam?

2)

Il-prinċipju fundamentali stabbilit fis-sentenza Vicoplus et (C-307/09 sa C-309/09, EU:C:2011:64), li permezz tiegħu l-provvista ta’ ħaddiema tista’ tiġi suġġetta għal restrizzjonijiet matul it-tul ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema previsti mill-[Att ta’ Adeżjoni tal-2003], huwa wkoll applikabbli għall-kollokament ta’ ħaddiema lejn l-Awstrija, fil-kuntest ta’ provvista ta’ ħaddiema, minn impriża bl-uffiċċju rreġistrat [bis-sede prinċipali tal-impriża] tagħha fi Stat Membru li aderixxa mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, meta dan il-kollokament ma jseħħx f’settur protett fis-sens tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

20

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li huwa xieraq li tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-paragrafi 2 u 13 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija għandha d-dritt li tillimita l-provvista ta’ ħaddiema fit-territorju tagħha, konformement mal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-anness, anki meta din il-provvista ma tirrigwardax settur sensittiv, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-Kapitolu 1 tal-imsemmi anness.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jidderoga mill-moviment liberu tal-ħaddiema billi jelimina, b’mod tranżitorju, l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 għaċ-ċittadini Ungeriżi. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, għal perijodu ta’ sentejn mill-1 ta’ Mejju 2004, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-miżuri nazzjonali jew il-miżuri li jirriżultaw minn ftehim bilaterali li jirregolaw l-aċċess taċ-ċittadini Ungeriżi għas-suq tax-xogħol tagħhom. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa tmiem il-perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-adeżjoni mal-Unjoni tar-Repubblika tal-Ungerija.

22

Il-paragrafu 13 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X tal-imsemmi att, jidderoga mill-moviment liberu tal-provvista ta’ servizzi meta dan jimplika moviment temporanju tal-ħaddiema. Tali dispożizzjoni tapplika biss għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għar-Repubblika tal-Awstrija u hija r-riżultat ta’ negozjati mibdija minn dawn l-Istati Membri sabiex tiġi stabbilita sistema tranżitorja għall-provvisti kollha tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71 (ara, b’analoġija, is-sentenza Vicoplus et, C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 40). Hija telenka s-setturi sensittivi li minħabba fihom dawn iż-żewġ Stati Membri għandhom id-dritt li jillimitaw il-moviment liberu tal-provvista ta’ servizzi li jimplika moviment temporanju tal-ħaddiema. Il-provvista ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71, tikkostitwixxi tali provvista ta’ servizzi.

23

Fis-sentenza Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-miżuri li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien adotta rigward il-ħaddiema Pollakki, li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-provvista ta’ ħaddiema barranin għall-għoti ta’ permessi tax-xogħol għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija miżura li tirregola l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-istess Stat Membru, fis-sens tal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, dispożizzjoni li, għal dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Polonja, hija essenzjalment identika, għall-Kapitolu 1(2) tal-Anness X ta’ dan l-att, applikabbli f’din il-kawża.

24

Minn tali konstatazzjoni kien jirriżulta li d-dritt li tiġi ristretta l-provvista ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71, ma kienx irriżervat għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għar-Repubblika tal-Awstrija, li kienu nnegozjaw deroga speċifika f’dan ir-rigward, iżda kien jestendi wkoll għall-Istati kollha l-oħra diġà membri tal-Unjoni fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vicoplus et., C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 40).

25

Peress li l-paragrafi 2 u 13 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huma essenzjalment identiċi, għall-paragrafu 2 u 13 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X ta’ dan l-att, l-iżviluppi li jirrigwardaw ir-Repubblika tal-Polonja, li jissemmew fis-sentenza Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64), japplikaw b’analoġija għar-Repubblika tal-Ungerija.

26

Minn dan isegwi li l-Istati li kienu diġà membri tal-Unjoni fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija għandhom id-dritt li jillimitaw il-provvista ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71, skont il-Kapitolu 1(2) tal-Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

27

Iċ-ċirkustanza li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija kienu nnegozjaw deroga speċifika, imsemmija fil-Kapitolu 1(13) tal-Anness X ta’ dan l-att, rigward ċertu setturi sensittivi li minħabba fihom dawn iż-żewġ Stati Membri għandhom id-dritt li jillimitaw il-moviment liberu tal-provvista ta’ servizzi li jimplika moviment ta’ ħaddiema, ma tistax madankollu ċċaħħad lil dawn il-pajjiżi mid-dritt li jillimitaw il-provvista ta’ ħaddiema konformement mal-Kapitolu 1(2) tal-Anness X tal-imsemmi att, li, għal kuntrarju tal-Kapitolu 1(13) tal-Anness X tal-istess att, ma huwiex limitat għal ċerti setturi sensittivi biss.

28

Tali konklużjoni hija konformi mal-finalità tal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X, li għandu bħala għan li jevita li, wara l-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istati l-Membri l-ġodda, jkun hemm taqlib fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri li kienu diġà membri, minħabba fil-wasla immedjata ta’ numru għoli ta’ ħaddiema ċittadini ta’ dawn l-Istati l-ġodda (ara, b’analoġija, is-sentenza Vicoplus et., C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 34).

29

Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-deroga nnegozjata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Repubblika tal-Awstrija, li kienu fost l-ewwel Stati Membri sostenituri ta’ miżuri tranżitorji sabiex jipproteġu s-swieq tax-xogħol mill-influss mistenni ta’ ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda wara l-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-Unjoni, tħallihom igawdu minn inqas marġni ta’ manuvrar milli dik li għandhom l-Istati Membri li ma kinux innegozjaw tali deroga sabiex jirregolaw l-influss ta’ ħaddiema Ungeriżi lejn it-territorju tagħhom.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-paragrafi 2 u 13 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija għandha d-dritt li tillimita l-provvista ta’ ħaddiema fit-territorju tagħha, konformement mal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-anness, anki meta din il-provvista ma tirrigwardax settur sensittiv, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-Kapitolu 1 tal-imsemmi anness.

Fuq l-ewwel domanda

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-portata tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni sabiex tippermettilha twettaq applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli għall-fatti mressqa quddiemha u mhux sabiex tipproċedi hija stess għal tali evalwazzjoni, u dan speċjalment meta l-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward (sentenza Omni Metal Service, C‑259/05, EU:C:2007:363, punt 15).

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għandha tinftiehem b’dan il-mod li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, liema huma, f’każ ta’ relazzjoni kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-relazzjoni kuntrattwali għandhiex tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71.

33

F’dan ir-rigward, jirriżulta mis-sentenza Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 51) li teżisti provvista ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71, meta jiġu ssodisfatti tliet kriterji. L-ewwel nett, il-provvista ta’ ħaddiema hija provvista ta’ servizzi pprovduta b’remunerazzjoni li permezz tagħha l-ħaddiem jibqa’ jaħdem għall-impriża fornitriċi, mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol mal-impriża utenti. It-tieni nett, din il-provvista hija kkaratterizzata miċ-ċirkustanza li ċ-ċaqliq tal-ħaddiem fi Stat Membru ospitanti jikkostitwixxi l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi li jitwettqu mill-impriża fornitriċi. It-tielet kriterju, fil-kuntest ta’ tali provvista, il-ħaddiem iwettaq xogħlu taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti.

34

Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tieni kriterju, li jimplika analiżi tal-għan stess tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-impriża fornitriċi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jindikaw li ċ-ċaqliq tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi jew ma jikkostitwixxix l-għan tal-imsemmija provvista ta’ servizzi.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fornitur ta’ servizzi għandu, prinċipalment, jipprovdi provvista konformement għal dak li kien previst fil-kuntratt, hekk li dan il-fornitur għandu jbati l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni ta’ provvista li ma hijiex konformi għal dan il-kuntratt. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi stabbilit jekk l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi huwiex il-kollokament tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-elementi xierqa kollha li jindikaw li l-fornitur ta’ servizzi ma għandux ibati l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni li ma hijiex konformi tal-provvista stabbilita fil-kuntratt.

36

Għalhekk, fil-każ li jirriżulta mill-obbligi ta’ dan il-kuntratt li l-fornitur tas-servizzi huwa obbligat għall-eżekuzzjoni tajba tal-provvista stabbilita fl-imsemmi kuntratt, huwa, prinċipalment, inqas probabbli li dan jirrigwarda provvista ta’ ħaddiema milli kieku ma huwiex obbligat li jbati l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni li ma hijiex konformi tal-imsemmija provvista.

37

F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-portata tal-obbligi rispettivi tal-partijiet fil-kuntratt sabiex tidentifika l-parti li għandha tbati l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni li ma hijiex konformi ta’ din il-provvista, dment li ċ-ċirkustanza, li r-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tvarja skont mhux biss il-kwantità tal-laħam ipproċessat iżda wkoll skont il-kwalità ta’ dan il-laħam, ġeneralment turi li dan il-fornitur huwa obbligat għall-eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija provvista.

38

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi li l-fornitur tas-servizzi jkun liberu li jistabbilixxi n-numru ta’ ħaddiema li huwa jqis utli li jibgħat fl-Istat Membru ospitanti, kif jidher huwa l-każ fil-kawża prinċipali, abbażi ta’ dak li ntqal mill-konvenuti waqt is-seduta ta’ din il-kawża, hija ta’ natura li tindika li l-għan tal-provvista kkunsidrata ma huwiex iċ-ċaqliq tal-ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti, iżda li dan iċ-ċaqliq huwa aċċessorju għat-twettiq tal-provvista stabbilita fil-kuntratt inkwistjoni u li dan huwa każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71.

39

Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, la ċ-ċirkustanza li l-fornitur tas-servizzi għandu klijent wieħed biss fl-Istat Membru ospitanti u lanqas il-fatt li dan il-fornitur jikri bini fejn jitwettqu l-provvisti tas-servizzi kif ukoll il-makkinarju ma jipprovdu indikazzjoni utli sabiex jagħtu risposta għall-kwistjoni dwar jekk l-għan reali tal-provvista tas-servizzi rilevanti huwiex iċ-ċaqliq tal-ħaddiema f’dan l-Istat Membru.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tielet kriterju msemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 51), għandu jiġi speċifikat, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, li għandha ssir distinzjoni bejn il-kontroll u d-direzzjoni eżerċitati fuq il-ħaddiema nfushom u l-verifika, minn klijent, li kuntratt li jirrigwarda provvista ta’ servizz ikun twettaq sewwa. Fil-fatt, huwa normali, fil-kuntest ta’ provvista tas-servizzi, għal klijent li jivverifika li s-servizz ipprovdut ikun konformi mal-kuntratt. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi, klijent jista’ jagħti ċerti istruzzjonijiet ġenerali lill-ħaddiema tal-fornitur ta’ servizzi mingħajr ma dan ikun jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ direzzjoni u ta’ kontroll fuq dawn il-ħaddiema, fis-sens tat-tielet kriterju stabbilit fis-sentenza Vicoplus et. (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 51), bil-patt u l-kundizzjoni li l-fornitur tas-servizzi jagħtihom istruzzjonijiet speċifiċi u individwali li huwa jikkunsidra neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-provvista tas-servizzi kkunsidrati.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, fil-preżenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq, sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-relazzjoni kuntrattwali għandhiex tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jindikaw jekk iċ-ċaqliq tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti huwiex jew ma huwiex l-għan stess tal-provvista tas-servizzi li hija s-suġġett tal-imsemmija relazzjoni kuntrattwali. Jikkostitwixxu, prinċipalment, indizji li tali ċaqliq ma huwiex l-għan stess tal-provvista tas-servizzi inkwistjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-fornitur tas-servizzi jbati l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni ta’ provvista li ma hijiex konformi għal dan il-kuntratt kif ukoll iċ-ċirkustanza li dan il-fornitur jista’ jistabbilixxi n-numru tal-ħaddiema li huwa jqis utli li jibgħat fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-impriża li tibbenefika minn din il-provvista tikkontrolla l-konformità mal-imsemmi kuntratt tal-imsemmija provvista jew li hija tista’ tagħti istruzzjonijiet ġenerali lill-ħaddiema impjegati mill-imsemmi fornitur ma tippermettix, bħala tali, li jiġi konkluż li teżisti provvista ta’ ħaddiema.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-paragrafi 2 u 13 tal-Kapitolu 1 tal-Anness X tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-Repubblika tal-Awstrija għandha d-dritt li tillimita l-provvista ta’ ħaddiema fit-territorju tagħha, konformement mal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-anness, anki meta din il-provvista ta’ ħaddiema ma tirrigwardax settur sensittiv, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-Kapitolu 1 tal-imsemmi anness.

 

2)

Fil-preżenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq, sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-relazzjoni kuntrattwali għandhiex tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(ċ) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jindikaw jekk iċ-ċaqliq tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti huwiex jew ma huwiex l-għan stess tal-provvista tas-servizzi li hija s-suġġett tal-imsemmija relazzjoni kuntrattwali. Jikkostitwixxu, prinċipalment, indizji li tali ċaqliq ma huwiex l-għan stess tal-provvista tas-servizzi inkwistjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-fornitur tas-servizzi jbati l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni ta’ provvista li ma hijiex konformi għal dan il-kuntratt kif ukoll iċ-ċirkustanza li dan il-fornitur jista’ jistabbilixxi n-numru tal-ħaddiema li huwa jqis utli li jibgħat fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-impriża li tibbenefika minn din il-provvista tikkontrolla l-konformità mal-imsemmi kuntratt tal-imsemmija provvista jew li hija tista’ tagħti istruzzjonijiet ġenerali lill-ħaddiema impjegati mill-imsemmi fornitur ma tippermettix, bħala tali, li jiġi konkluż li teżisti provvista ta’ ħaddiema.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.