Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2012 — Il-Kummissjoni vs Spanja

(Kawża C-403/11)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2000/60/KE — Pjanijiet għall-immaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara — Pubblikazzjoni u notifika lill-Kummissjoni — Informazzjoni u konsultazzjoni pubblika — Assenza”

1.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Preżentazzjoni ta’ elementi li juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Konfutazzjoni li għandha ssir mill-Istat Membru konvenut (Artikolu 258 TFUE) (ara l-punt 20)

2.                     Ambjent — Politika Komunitarja fil-qasam tal-ilma — Direttiva 2000/60 — Obbligu tal-Istati Membri li jippubblikaw il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara — Obbligu ta’ konsultazzjoni pubblika u ta’ notifika ta’ kopji ta’ dawn il-pjanijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikoli 13(1) sa (3) u (6), 14(1)(ċ) u 15(1)) (ara l-punti 21-23)

3.                     Stati Membri — Obbligi — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern — Inammissibbiltà (Artikolu 258 TFUE) (ara l-punt 25)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikoli 13(1), (2), (3) u (6), 14(1)(ċ), u 15(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275) — Pjanijiet għall-immaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara — Informazzjoni u konsultazzjoni pubblika — Notifika ta’ dawn il-pjanijiet ta’ immaniġġjar.

Dispożittiv

1)

Ir-Renju ta’ Spanja:

–        meta ma adottax, fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-pjanijiet ta’ immaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara, ħlief fil-każ tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña, u meta ma nnotifikax lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati, sat-22 ta’ Marzu 2010, kopja ta’ dawn il-pjanijiet, skont l-Artikoli 13(1) sa (3) u (6), kif ukoll 15(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, kif emendata bid-Direttiva 2008/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008, u

–        meta ma bediex, sat-22 ta’ Diċembru 2008 l-iktar tard, ħlief rigward id-distretti tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña, tal-Islas Baleares, ta’ Tenerife, ta’ Guadiana, ta’ Guadalquivir, tal-baċir Mediterranju tal-Andalucía; ta’ Tinto-Odiel-Piedras; ta’ Guadalete-Barbate; tal-kosta ta’ Galicia; ta’ Miño-Sil; ta’ Duero; ta’ Cantábrico tal-Punent u ta’ Cantábrico tal-Lvant, il-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ immaniġġjar tad-distretti tal-baċin tax-xmara, skont l-Artikolu 14(1)(ċ) ta’ din id-direttiva,

naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.