7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/32


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővarósi Bíróság Gazdasági Kollégiuma (L-Ungerija) fid-29 ta’ Lulju 2009 — RANI Slovakia s.r.o. vs Hankook Tire Magyarország Kft

(Kawża C-298/08)

2009/C 267/58

Lingwa tal-kawża: L-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővarósi Bíróság Gazdasági Kollégiuma (l-Ungerija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RANI Slovakia s.r.o..

Konvenuta: Hankook Tire Magyarország Kft.

Domandi preliminari

1)

Fid-dawl tal-Artikoli 3(ċ) u 59 tat-Trattat ta’ Ruma, huwa possibbli li l-premessa 19 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (1) tiġi interpretata fis-sens li — fir-rigward tal-attività ta’ impriża ta’ impjieg temporanju — Stat Membru jista’ jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu l-kundizzjonijiet li huma imposti fuq min iħaddem (l-impriża) sabiex ikun awtorizzat jeżerċita attività bħal din fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, u f’dan il-kuntest, id-dritt nazzjonali jista’ jillimta l-eżerċizzju tal-attività ta’ impriża ta’ impjieg temporanju lill-kumpanniji stabbiliti fit-territorju nazzjonali?

2)

L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-impriża stabbilita fl-Istat Membru inkwistjoni tista’, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-attività, tgawdi minn trattament iktar vantaġġuz minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 59, 62 u 63 tat-Trattat ta’ Ruma, moqrija flimkien, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjonijiet eżistenti fil-mument tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu applikabbli, u m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala li jmorru kontra d-dritt Komunitarju sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta programm u direttiva sabiex jimplementah, bil-għan li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni tal-kategorija ta’ servizzi inkwistjoni?

4)

Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti hija negattiva, jeżisti interess ġenerali li jippermetti li tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni li tirriżulta mill-fatt li l-attività ta’ impriża ta’ impjieg temporanju tista’ tiġi eżerċitata biss minn kumpannija stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, u b’hekk din ir-restrizzjoni hija kompatibbli mal-Artikoli 59 u 65 tat-Trattat ta’ Ruma?


(1)  ĠU L 18, 21.1.1997.