Keywords
Summary

Keywords

1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 77/388)

2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva

(Direttiva tal-Kunsill 77/388)

Summary

1. Il-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-fatt li impriża tirrikorri għal tranżazzjonijiet ta’ kiri ta’ assi, minflok ix-xiri dirett ta’ dawn l-assi, ma jikkostitwixxix vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet kuntrattwali marbuta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet, partikolarment dawk li jirrigwardaw l-iffissar tal-ammont ta’ kera, jirriflettu kundizzjonijiet normali tas-suq u sakemm l-involviment ta’ kumpannija terza intermedjarja f’dawn it-tranżazzjonijiet ma jkunx ta’ natura li jostakola l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Il-fatt li din l-impriża ma teżerċitax, fl-ambitu tat-tranżazzjonijiet kummerċjali normali tagħha, tranżazzjonijiet ta’ kiri huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva ma tirriżultax min-natura tat-tranżazzjonijiet kummerċjali li l-awtur tat-tranżazzjonijiet normalment jeżerċita, iżda mill-għan, mill-iskop u mill-effetti ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

(ara l-punti 44, 45 u d-dispożittiv 1)

2. Jekk ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ kiri inkwistjoni li għalihom impriża rrikorriet u/jew l-intervent ta’ kumpannija terza intermedjarja f’dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxu prattika abbużiva, l-imsemmija tranżazzjonijiet għandhom jiġu ddefiniti mill-ġdid b’mod li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-elementi abbużivi ta’ dawn il-kundizzjonijiet u/jew tal-intervent ta’ din il-kumpannija. F’dan il-kuntest, id-definizzjoni mill-ġdid użata ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-impożizzjoni eżatta tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tiġi evitata l-frodi.

(ara l-punti 52, 53 u d-dispożittiv 2)