Keywords
Summary

Keywords

1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Valur taxabbli — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Taxxa dovuta jew imħallsa għall-prodotti u għas-servizzi pprovduti lill-persuna taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 5, 6, 11A(1)(a) u 17(2))

2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Valur taxabbli — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Taxxa dovuta jew imħallsa għall-prodotti u għas-servizzi pprovduti lill-persuna taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 5, 6, 11A(1)(a) u 17(2))

Summary

1. Fil-kuntest ta’ skema ta’ premjijiet għal-lealtà tal-klijenti, fejn l-amministratur tal-iskema jikkonkludi ftehim ma’ fornituri ta’ premjijiet għal-lealtà, li bis-saħħa tagħhom, meta dawn il-fornituri jipprovdu premjijiet għal-lealtà lill-klijenti tal-kummerċjanti, meta jsarrfu l-punti, l-amministratur iħallashom il-valur miftiehem għal dawn il-punti, l-Artikoli 5, 6, 11A(1)(a), kif ukoll l-Artikolu 17(2), fil verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) tas Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħlasijiet magħmula mill-amministratur tal-iskema inkwistjoni lill-fornituri li jipprovdu l-premjijiet għal-lealtà lill-klijenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-korrispettiv, imħallas minn terz, għal provvista ta’ oġġetti lil dawn il-klijenti, jew, skont il-każ, għal provvista ta’ servizzi lil dawn. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu tivverifika jekk dawn il-ħlasijiet jinkludux ukoll il-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi li tikkorrispondi għal provvista distinta.

Fil-fatt, jekk din l-iskema ta’ premjijiet għal-lealtà hija maħsuba sabiex tħajjar il-klijenti jagħmlu x-xirjiet tagħhom mingħand ċerti kummerċjanti u jekk, għal dan il-għan, l-amministratur jipprovdi ċertu numru ta’ servizzi marbuta mal-amministrazzjoni tal imsemmija skema, ir-realtà ekonomika timplika madankollu li, fil-kuntest ta’ din l-iskema, premjijiet għal-lealtà, li jistgħu jikkonsistu kemm f’oġġetti kif ukoll fi provvista ta’ servizzi, huma pprovduti mill-fornituri lill-klijenti. Barra minn hekk, tali tranżazzjoni, li tikkonsisti fil-provvista ta’ premjijiet għal-lealtà, hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud peress li hija magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali. Huwa minnu li l-bejgħ ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi li jwasslu sabiex il-klijenti jingħataw punti, minn naħa, u l-għoti tal-premjijiet għal-lealtà meta jissarrfu dawn il-punti, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġ tranżazzjonijiet distinti. Madankollu, is-Sitt Direttiva ma teħtieġx li, sabiex provvista ta’ oġġetti jew servizzi tkun saret bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha, il-korrispettiv għal din il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jinkiseb direttament mingħand id-destinatarju tagħha. Fil-fatt, l‑Artikolu 11A(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-korrispettiv jista’ jinkiseb mingħand terz. F’dan ir-rigward, peress li l-fatt li l-klijenti jsarrfu l-punti għand il-fornituri jwassal għal għoti ta’ ħlas mill-amministraturi tal-iskema għal-lealtà lil dawn tal-aħħar, u li dan il-ħlas huwa kkalkolat billi jingħaddu flimkien il-kummissjonijiet dovuti mill-amministratur, li jirrappreżentaw ammont fiss għal kull punt imsarraf fil-prezz tal-premju kollu għal-lealtà jew parti minnu, dan il-ħlas jikkorrispondi għall-korrispettiv tal-provvista tal-premjijiet għal-lealtà.

(ara l-punti 41-43, 47, 55-57, 65 u d-dispożittiv)

2. Fil-kuntest ta’ skema ta’ premjijiet għal-lealtà tal-klijenti, fejn l-amministratur tal-iskema, li jakkwista premjijiet għal-lealtà u għaldaqstant huwa l-proprjetarju tagħhom, jikkummerċjalizza l-imsemmija skema u jiddistribwixxi dawn il-premjijiet lill-klijenti ta’ kummerċjanti sponsers meta jsarrfu l-punti għal-lealtà, l-Artikoli 5, 6, 11A(1)(a), kif ukoll l-Artikolu 17(2), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) tas Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħlasijiet magħmula minn sponser lill-amministratur tal-imsemmija skema li jipprovdu l-premjijiet għal-lealtà lill-klijenti għandhom jiġu kkunsidrati, parzjalment, bħala l-korrispettiv, imħallas minn terz, għall-provvista ta’ oġġetti lil dawn il-klijenti u parzjalment bħala l-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi magħmula mill-amministratur ta’ din l-iskema għall-benefiċċju ta’ dan l-isponser.

Fil-fatt, jekk din l-iskema ta’ premjijiet għal-lealtà hija maħsuba sabiex tħajjar il-klijenti jagħmlu x-xirjiet tagħhom mingħand ċerti kummerċjanti u jekk, għal dan il-għan, l-amministratur jipprovdi ċertu numru ta’ servizzi marbuta mal-amministrazzjoni tal-imsemmija skema, ir-realtà ekonomika timplika li, fil-kuntest ta’ din l-iskema, premjijiet għal-lealtà, li jikkonsistu f’oġġetti, huma pprovduti mill-amministratur lill-klijenti. Barra minnhekk, tali tranżazzjoni, li tikkonsisti fil-provvista ta’ premjijiet għal-lealtà, hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, peress li hija magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali. Huwa minnu li l-bejgħ ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi li jwasslu sabiex il-klijenti jingħataw punti, minn naħa, u l-għoti tal-premjijiet għal-lealtà meta jissarfu l-punti, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġ tranżazzjonijiet distinti. Madankollu, is-Sitt Direttiva ma teħtieġx li, sabiex provvista ta’ oġġetti jew servizzi tkun saret bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha, il-korrispettiv għal din il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jinkiseb direttament mingħand id-destinatarju tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 11A(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-korrispettiv jista’ jinkiseb mingħand terz. F’dan ir-rigward, peress li l-premjijiet għal-lealtà huma ffatturati mill-amministratur tal-iskema lill-isponser għall-prezz ta’ bejgħ bl-imnut flimkien mal-ispejjeż tal-kunsinna applikabbli fil-post fejn issir l-ordni, fejn jiġi ttrasferit d-dritt ta’ proprjetà u fejn jissarrfu l-punti, wara li jitnaqqas il-marġni ta’ profitt mill-amministratur li jikkonsisti fid-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal-lealtà u l-prezz tax-xiri li għalih l-amministratur jakkwista dawn il-premjijiet, il-ħlas tal-isponser lill-amministratur jikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista tal-imsemmija premjijiet.

Madankollu, peress li l-ħlasijiet magħmula mill-isponser lill-amministratur jikkorrispondu għall-ammont tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal-lealtà flimkien mal-ispejjeż tal-ippakkjar u tal-kunsinna u, li b’dan il-mod, l-amministratur jikseb marġni ta’ profitt ikkostitwit mid-differenza bejn l-ammont tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-premjijiet għal-lealtà u l-ammont tal-prezz tax-xiri li għalih l-amministratur jakkwista dawn il-premjijiet, il-ħlas jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, li kull waħda minnhom tikkorrispondi għal provvista distinta. Konsegwentement, l-ammont tal-prezz tax-xiri jikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista ta’ premjijiet għal-lealtà lill-klijenti, filwaqt li d-differenza bejn l-ammont tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut, imħallas mill-isponser, u l-ammont tal-prezz tax-xiri mħallas mill-amministratur sabiex jakkwista premjijiet għal-lealtà, jiġifieri l-marġni ta’ profitt, jikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizzi li l-amministratur tal-iskema jipprovdi lill-isponser.

(ara l-punti 22,41-43, 48, 55-56, 58, 61-63, 65 u d-dispożittiv)