Keywords
Summary

Keywords

1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Eżenzjoni għall-kura fl-isptar u għall-kura medika kif ukoll għall-attivitajiet relatati mill-viċin

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13A(1)(b))

2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Eżenzjoni għall-kura fl-isptar u għall-kura medika kif ukoll għall-attivitajiet relatati mill-viċin

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/23, Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 13A(1)(b))

Summary

1. Il-kunċett ta’ attivitajiet “relatati mill-viċin” “[ma’ kura fl-i]sptar u ma’ kura medika” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal‑Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal‑liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix attivitajiet li jikkonsistu fit-teħid, fit-trasport, fl-analiżi ta’ demm mill-kurdun taż-żokra kif ukoll fil-ħażna ta’ ċelloli staminali f’dan id-demm, fil-każ fejn il-kura medika pprovduta f’ambjent ta’ sptar, li fir-rigward tagħha dawn l-attivitajiet huma biss possibbilment relatati, la hija eżistenti, la fil-progress u lanqas ippjanata.

Fil-fatt, huwa paċifiku li, indipendentement miċ-ċifri eżatti li jirriżultaw mill-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, fil-każ tal-parti l-kbira tad-destinatarji tal-attivitajiet ikkonċernati, ma hemmx u probabbli qatt ma huwa ser ikun hemm servizz prinċipali li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “[kura fl-isptar jew ta’ kura medika]”, fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva. Huwa biss fil-każ ta’ possibbiltà doppja fejn, l-ewwel nett, l-istat tal-ixjenza medika jippermetti jew jeżiġi l-użu ta’ ċelloli staminali tal-kurdun għat-trattament jew għall-prevenzjoni ta’ marda partikolari u, it-tieni nett, din il-marda sseħħ jew tista’ sseħħ f’każ speċifiku, li teżisti rabta suffiċjentement stretta minn naħa, bejn il-kura fl-isptar u l-kura medika li jikkostitwixxu s-servizz prinċipali u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet imsemmija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi ammess li dawn l-attivitajiet ma jista’ jkollhom ebda għan ieħor għajr dak tal-użu taċ-ċelloli staminali tal-kurdun għaldaqstant maħżuna fil-kuntest tal-kura medika pprovduta f’ambjent ta’ sptar u ma jistgħux jintużaw għal finijiet oħra, ma jistax jitqies li dawn l-attivitajiet huma effettivament ipprovduti bħala servizzi aċċessorji għall-kura fl-isptar tal-benefiċjarji jew għal kura medika rċevuta minn dawn tal-aħħar u li dawn jikkostitwixxu servizz prinċipali.

(ara l-punti 47-49, 52 u d-dispożittiv 1)

2. Meta s-servizzi ta’ banek ta’ ċelloli staminali jiġu pprovduti minn persunal mediku awtorizzat, għalkemm dawn il-banek ta’ ċelloli staminali, minkejja li awtorizzati mill-awtoritajiet sanitarji kompetenti ta’ Stat Membru, fil-kuntest tad-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u sigurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta’ tessuti u ċelloli tal-bniedem, li jużaw tessuti u ċelloli umani, ma jirċevux appoġġ mill-iskema pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa u meta l-ispiża fuq is-servizzi pprovduti minn dawn il-banek ta’ ċelloli staminali ma tkunx koperta minn din l-iskema, l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388 ma jipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li persuni taxxabbli bħal CopyGene ma humiex “stabbilimenti oħrajn ta’ natura simili [għall-sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi] [...] [debitament] rikonoxxuti [...]” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388. Madankollu, din id-dispożizzjoni lanqas ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li teżiġi, bħala tali, li l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw li jqabblu lil bank privat ta’ ċelloli staminali ma’ stabbiliment “[debitament] rikonoxxut [...]” għall-finijiet tal-eżenzjoni inkwistjoni. Hija l-qorti nazzjonali, sa fejn huwa neċessarju, li għandha tivverifika li r-rifjut tar-rikonoxximent għall-finijiet tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388 ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

Fil-fatt, għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli li jipprovdu li r-rikonoxximent ipprovdut fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388 jista’ jingħata lill-istabbilimenti li jitolbuh. Meta persuna taxxabbli titlob l-istatus ta’ stabbiliment debitament irrikonoxxut, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom josservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija minn din l-aħħar dispożizzjoni billi japplikaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jissarraf, fil-qasam tal-VAT, fil-prinċipju tan-newtralità fiskali. F’dan ir-rigward, sabiex jiġu ddeterminati l-istabbilimenti li għandhom jiġu “rikonoxxuti” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu numru ta’ fatturi inkunsiderazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni u taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, fosthom l-interess pubbliku tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli; il-fatt li persuni taxxabbli oħra li jwettqu l-istess attivitajiet jibbenefikaw diġà minn rikonoxximent simili kif ukoll il-fatt li l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni jistgħu jitħallsu minn skemi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa jew minn korpi ta’ sigurtà soċjali oħra.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li s-servizzi li jingħataw lill-persuna taxxabbli huma pprovduti minn professjonisti tas-saħħa kkwalifikati ma jipprekludix, fih inifsu, li l-awtoritajiet nazzjonali jirrifjutaw li jagħtu lil din il-persuna taxxabbli r-rikonoxximent li jippermettiha tibbenefika mill-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva. Sussegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom id-dritt jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet tal-persuna taxxabbli ma jibbenefikaw minn ebda skema pubblika tas-sigurta soċjali u ma humiex koperti minn din l-iskema sabiex jiddeterminaw jekk korp għandux jiġi rrikonoxxut. Madankollu, dan ma jfissirx li l-eżenzjoni kkonċernata għandha sistematikament tiġi eskluża meta l-provvisti ta’ servizzi ma jiġux irrimborsati mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali. Huwa pjuttost fattur li għandu jiġi bbilanċjat u li jista’ jiġi kkumpensat, pereżempju, bil-bżonn li jiġi żgurat trattament ugwali. Fil-fatt, jekk is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli hija paragunabbli ma’ dik ta’ operaturi oħrajn li jipprovdu l-istess servizzi f’sitwazzjonijiet paragunabbli, is-sempliċi fatt li l-ispiża ta’ dawn is-servizzi ma tkunx sostnuta kollha mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ma jiġġustifikax differenza fit-trattament bejn il-fornituri fir-rigward tal-issuġġettar tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fl-aħħar nett, il-fatt li persuna taxxabbli tkun awtorizzata mill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti tuża ċelloli staminali tal-kurdun skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2004/23, jista’ jikkostitwixxi fattur li jimmilita favur il-fatt li l-fornitur ikun, skont il-każ, “[debitament] rikonoxxut” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, bir-riskju li l-awtoritajiet nazzjonali jiċċaħdu mis-setgħa diskrezzjonali li tagħtihom din l-aħħar dispożizzjoni, is-sempliċi fatt li huma awtorizzaw tali attivitajiet, skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kwalità u s-sigurtà pprovduti fil-qasam ikkonċernat, ma jistax, fih innifsu u b’mod awtomatiku, iwassal għal rikonoxximent mill-perspettiva tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, il-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni hija kundizzjoni neċessarja għall-attività ta’ bank privat taċ-ċelloli staminali. Madankollu, il-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni ma huwiex, fih innifsu, sinonimu ta’ rikonoxximent fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva.

(ara l-punti 63-65, 68, 69, 71, 74, 75, 81 u d-dispożittiv 2)