20.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/18


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ April 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Karlsruhe — Il-Ġermanja) — proċeduri kriminali kontra Rafet Kqiku

(Kawża C-139/08) (1)

(Viżi, ażil, immigrazzjoni - Ċittadin ta’ Stat terz li għandu permess ta’ residenza Żvizzeru - Dħul u residenza fit-territorju ta’ Stat għal skopijiet li mhumiex ta’ tranżitu - Nuqqas ta’ viża)

2009/C 141/29

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Karlsruhe

Parti fil-proċeduri kriminali prinċipali

Rafet Kqiku

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberlandesgericht Karlsruhe — Interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, li tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein għal skopijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (ĠU L 167, p. 8) — Possibbilta’ għal ċittadin tal-ex Komunità ta’ Stati tas-Serbja u tal-Montengro, residenti fl-Iżvizzera u li għandu permess ta’ residenza permanenti Żvizzeru tat-tip C, li jidħol fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal skopijiet mhux ta’ tranżitu u li jirrisjedi hemmhekk għal perijodu ta’ jumejn mingħajr ma jkun fil-pussess ta’ viża

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, li tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein għal skopijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li permessi ta’ residenza elenkati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, maħruġa mill-Konfederazzjoni Żvizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għall-obbligu ta’ viża, huma kkunsidrati bħala ekwivalenti għal viża esklużivament ta’ tranżitu. Huwa biżżejjed, għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri għal skopijiet ta’ tranżitu, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1(1) u 2 tar Regolament tal Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom [tagħhom] għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, li l-persuna indikata mill-imsemmija deċiżjoni jkollha fil-pussess tagħha permess ta’ residenza maħruġ mill-Konfederazzjoni Żvizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein u msemmi fl-anness tal-istess deċiżjoni.


(1)  ĠU C 183, 19.07.2008.