15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-19 ta' Ġunju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State van België, il-Belġju) — Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers VZW, Andibel VZW vs l-Istat tal-Belġju

(Kawża C-219/07) (1)

(Artikolu 30 KE - Regolament (KE) Nru 338/97 - Protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi - Projbizzjoni ta' żamma tal-mammiferi ta' ċerti speċi msemmijin minn dan ir-regolament jew li mhumiex koperti minnu - Żamma awtorizzata fi Stati Membri oħrajn)

(2008/C 209/15)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State van België

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers VZW, Andibel VZW

Konvenut: l-Istat tal-Belġju

Suġġett

Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 30 KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, tad-9 ta' Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun irregolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, p. 1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi lista ta' l-ispeċi li jistgħu jiġu miżmuma fl-Istat Membru kkonċernat, bl-effett li teskludi d-detenzjoni ta' l-ispeċi msemmija fl-Annessi B, Ċ jew D tar-Regolament kif ukoll dawk li mhumiex koperti mir-Regolament — Detenzjoni awtorizzata fi Stati Membri oħrajn li għandhom leġiżlazzjoni li hija konformi mar-Regolament.

Dispożittiv

L-Artikoli 28 KE u 30 KE, meqjusin waħedhom jew flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li skondha l-projbizzjoni ta' importazzjoni, ta' żamma u ta' kummerċjalizzazzjoni tal-mammiferi ta' speċi oħrajn minbarra dawk li huma msemmija espliċitament f'dan ir-regolament, tapplika għal speċi ta' mammiferi li mhumiex imsemmijin fl-anness A ta' dan ir-regolament, jekk il-protezzjoni jew ir-rispett ta' l-interessi u ta' l-eżiġenzi msemmijin fil-punti 27 u 29 tas-sentenza preżenti ma jistgħux jinkisbu b'mod daqstant effikaċi permezz ta' miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ Komunitarju.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika:

jekk l-istabbiliment u l-emendi ulterjuri tal-lista nazzjonali ta' l-ispeċi ta' mammiferi li jistgħu jiġu miżmuma humiex ibbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatroji;

jekk hijiex prevista proċedura li tippermetti lil dawk interessati sabiex jiksbu l-inklużjoni ta' speċi ta' mammiferi f'din il-lista, jekk hijiex faċilment aċċessibli, jekk tistax tiġi kkompletata fi żmien raġonevoli u jekk, f'każ ta' rifjut ta' inklużjoni, li għandu jkun immotivat, dan jistax ikun is-suġġett ta' rikors ġudizzjarju;

jekk l-applikazzjonijiet intiżi għall-inklużjoni ta' speċi ta' mammiferi fl-imsemmija lista jew għall-benefiċċju ta' deroga individwali għaż-żamma ta' kampjuni ta' speċi mhux imsemmija fiha, jistgħux jiġu rifjutati mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti biss jekk iż-żamma tal-kampjuni ta' l-ispeċi kkonċernati tippreżenta riskju reali għall-protezzjoni ta' l-interessi u ta' l-eżiġenzi msemmija iktar 'il fuq, u

jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma ta' kampjun ta' speċi ta' mammiferi mhux imsemmijin f'din l-istess lista, bħal dawk li huma msemmijin fil-punti 3(b) u 6 ta' l-Artikolu 3a(2), tal-liġi dwar il-benesseri ta' l-annimali, hekk kif emendata bil-liġi ta' l-4 ta' Mejju 1995, humiex iġġustifikati oġġettivament u jekk imorrux lill hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-liġi nazzjonali fl-assjem tagħha.


(1)  ĠU C 155, 7.7.2007.