SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Frar 2009 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Direttiva 2006/24/KE — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Għażla tal-bażi legali”

Fil-Kawża C-301/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2006,

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn E. Fitzsimons, D. Barniville u A. Collins, SC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn J. Čorba, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn H. Duintjer Tebbens, M. Dean u A. Auersperger Matić, u wara minn dawn it-tnejn tal-aħħar u K. Bradley, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-C. Piris u J. Schutte, kif ukoll minn S. Kyriakopoulou, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. A. Sampol Pucurull u J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. ten Dam u C. Wissels, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Docksey u R. Troosters kif ukoll minn C. O’Reilly, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, irrappreżentat minn H. Hijmans, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Klučka, A. Arabadjiev, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, l-Irlanda qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika [netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni] u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, peress li din ma ġietx adottata fuq il-bażi legali xierqa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 95/46/KE

2

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355-374), tistabbilixxi regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni fiżiċi f’dan ir-rigward, filwaqt li tiżgura ċ-ċirkulazzjoni libera ta’ din id-data fil-Komunità Ewropea.

3

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

Id-Direttiva 2002/58/KE

4

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 514-524), ġiet adottata sabiex tikkompleta d-Direttiva 95/46 permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

5

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58:

“Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).”

6

L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Id-Direttiva 2006/24

7

Fi kliem il-premessi 5 sa 11 tad-Direttiva 2006/24:

“(5)

Diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li taħseb għaż-żamma ta’ data mill-fornituri tas-servizzi għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jvarjaw b’mod konsiderevoli.

(6)

Id-differenzi legali u tekniċi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward iż-żamma ta’ data għal skopijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jippreżentaw ostakli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba li l-fornituri tas-servizzi jkollhom ikunu konformi ma’ rekwiżiti differenti rigward it-tipi ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lok li jkollha tinżamm kif ukoll rigward il-kondizzjonijiet u l-perjodi taż-żamma.

(7)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-19 ta’ Diċembru 2002 jissottolinjaw li, minħabba t-tkabbir sostanzjali fil-possibbiltajiet offruti permezz tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, id-data relatata ma’ l-użu ta’ kommunikazzjonijiet elettroniċi hija partikolarment importanti u għalhekk hija għodda siewja għall-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, b’mod partikolari ta’ kriminalità organizzata.

(8)

Id-Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu adottata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu 2004 sejħet lill-Kunsill sabiex jeżamina miżuri sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar iż-żamma, mill-fornituri tas-servizzi, ta’ data dwar it-traffiku fil-komunikazzjonijiet.

(9)

Taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [iktar ’il quddiem il-“KEDB”], kulħadd għandu l-jedd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-korrispondenza tiegħu. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jindaħlu fl-eżerċizzju ta’ dak id-dritt biss b’konformità mal-liġi u fejn ikun neċessarju f’soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, għall-prevenzjoni tad-diżordni jew tal-kriminalità, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tat-terzi. Minħabba li ż-żamma tad-data wriet li hija għodda ta’ investigazzjoni tant neċessarja u effettiva għall-infurzar tal-liġi f’diversi Stati Membri, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ każijiet serji bħal dawk ta’ kriminalità organizzata u ta’ terroriżmu, huwa neċessarju li tkun żgurata għal ċertu perjodu ta’ żmien id-disponibbiltà tad-data miżmuma għall-infurzar tal-liġi skond il-kondizzjonijiet disposti f’din id-Direttiva. L-adozzjoni ta’ strument dwar iż-żamma tad-data li jikkonforma mar-rekwiziti ta’ l-Artikolu 8 ta’ l-ECHR [KEDB] hija għalhekk miżura neċessarja.

(10)

Fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill afferma mill-ġdid, fid-dikjarazzjoni ta’ kundanna kontra l-attakki terroristiċi f’Londra, il-ħtieġa li tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun miżuri komuni dwar iż-żamma ta’ data tat-telekomunikazzjonijiet.

(11)

Minħabba l-importanza tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lok għall-investigazzjoni, għall-iskoperta u għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, kif muri mir-riċerka u mill-esperjenza prattika ta’ diversi Stati Membri, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat fil-livell Ewropew li d-data li tkun ġenerata jew proċessata, fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, mill-fornituri ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjoni, tinżamm għal ċertu perjodu ta’ żmien skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.”

8

Il-premessa 21 tal-istess direttiva tipprovdi:

“Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni ta’ l-obbligi imposti fuq il-fornituri sabiex iżommu ċerta data u sabiex jiżguraw li dik id-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji kif definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE]. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.”

9

Il-premessa 25 tal-istess direttiva tipprovdi:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta’ l-Istati Membri li jadottaw miżuri leġiżlattivi dwar id-dritt ta’ aċċess għal, u ta’ użu ta’, data ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, kif nominati minnhom. Il-kwistjonijiet ta’ aċċess għal data miżmuma skond din id-Direttiva mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għal tali attivitajiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE ma jaqawx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Madanakollu, huma jistgħu jkunu suġġetti għal-liġi nazzjonali, jew għall-azzjoni skond it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Tali liġijiet jew azzjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri u kif garantiti mill-ECHR [KEDB].

[…]”

10

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.”

11

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati.”

12

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jispeċifika:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.”

13

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data li ġejjin jinżammu skond din id-Direttiva:

a)

data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni:

[…]

b)

data meħtieġa sabiex tiġi identifikata d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni:

[…]

ċ)

data meħtieġa sabiex jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul ta’ komunikazzjoni:

[…]

d)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tip ta’ komunikazzjoni:

[…]

e)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta’ komunikazzjoni ta’ l-utenti jew dak li jkun maħsub bħala t-tagħmir tagħhom:

[…]

f)

data meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-lok fejn ikun jinsab it-tagħmir ta’ komunikazzjoni mobbli:

[…]

2.   L-ebda data li tiżvela l-kontenut tal-komunikazzjoni ma tista’, taħt din id-Direttiva, tinżamm.”

14

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta’ mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal-komunikazzjoni.”

15

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati skond id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network għall-komunikazzjonijiet pubbliċi jirrispettaw, bħala minimu, il-prinċipji, li ġejjin, ta’ sigurtà tad-data fir-rigward ta’ data miżmuma skond din id-Direttiva:

[…]”

16

Skont l-Artikoli 8 tad-Direttiva 2006/24:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tinżamm skond din id-Direttiva b’tali mod li d-data miżmuma u kull informazzjoni oħra neċessarja relatata ma’ dik id-data jkunu jistgħu jiġu trażmessi, meta mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien żejjed.”

17

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE:

‘1a.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva [2006/24] sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva’.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

18

Fit-28 ta’ April 2004, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ippreżentaw lill-Kunsill abbozz ta’ deċiżjoni qafas fuq il-bażi tal-Artikoli 31(1)(ċ) UE u 34(2)(b) UE. Dan l-abbozz kellu bħala għan iż-żamma ta’ data pproċessata u miżmuma fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ data trażmessa permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi, bil-għan li jkun hemm prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ delitti u ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu (att tal-Kunsill 8958/04).

19

Il-Kummissjoni ddikjarat ruħha favorevoli għall-bażi legali użata f’dan l-abbozz ta’ deċiżjoni qafas fir-rigward ta’ parti minnu. B’mod partikolari, hija indikat li l-Artikolu 47 UE ma jippermettix li att ibbażat fuq it-Trattat UE jaffettwa l-acquis communautaire, f’dan il-każ id-Direttivi 95/46 u 2002/58. Filwaqt li kkunsidrat li d-determinazzjoni tal-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm u tal-perijodu taż-żamma tagħha kienet taqa’ fil-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju, il-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tagħmel proposta għal direttiva.

20

Fil-21 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta’ data pproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku, u li temenda d-Direttiva 2002/58 [COM(2005) 438 finali], proposta li ġiet ibbażata fuq l-Artikolu 95 KE.

21

Fis-sessjoni tiegħu tal-1 u t-2 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill għażel li jadotta direttiva fuq il-bażi legali tat-Trattat KE minflok ma jfittex li jadotta deċiżjoni qafas.

22

Fl-14 ta’ Diċembru 2005, il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE.

23

Il-Kunsill adotta b’maġġoranza kwalifikata d-Direttiva 2006/24 fis-sessjoni tiegħu tal-21 ta’ Frar 2006. L-Irlanda u r-Repubblika Slovakka vvotaw kontra l-adozzjoni ta’ dan it-test.

It-talbiet tal-partijiet

24

L-Irlanda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Direttiva 2006/24 minħabba li din ma ġietx adottata fuq il-bażi legali xierqa, u

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament għall-ispejjeż.

25

Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors bħala infondat, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha marbuta ma’ din il-proċedura;

sussidjarjament, fil-każ li d-Direttiva 2006/24 tiġi annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tiddikjara li l-effetti ta’ din id-direttiva jibqgħu japplikaw sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid.

26

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-Irlanda, u

tikkundanna lil dan l-Istat Membru għall-ispejjeż.

27

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, intlaqgħet it-talba tar-Repubblika Slovakka sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Irlanda u t-talba tar-Renju ta’ Spanja, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

28

L-Irlanda ssostni li l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tad-Direttiva 2006/24 hija żball fundamentali. La dan l-artikolu u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma jistgħu jipprovdu bażi legali xierqa għal din id-direttiva. Dan l-Istat Membru prinċipalment jasserixxi li l-uniku għan jew, tal-inqas, l-għan prinċipali jew ewlieni ta’ din id-direttiva huwa li tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi dawk fil-kamp tat-terroriżmu. Għaldaqstant, l-unika bażi legali li tista’ korrettament tkun ta’ bażi għal miżuri li jinsabu fid-Direttiva 2006/24 hija t-Titolu VI tat-Trattat UE, b’mod partikolari l-Artikoli 30 UE, 31(1)(ċ) UE, u 34(2)(b) tiegħu.

29

Skont l-Irlanda, eżami b’mod partikolari tal-premessi 7 sa 11 u 21 tad-Direttiva 2006/24, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet fundamentali tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) tagħha, juru li mhuwiex xieraq u ġustifikabbli li l-Artikolu 95 KE jitqies li huwa bażi legali għal din id-direttiva. Din id-direttiva hija b’mod ċar intiża għar-repressjoni ta’ reati kriminali.

30

Għal dan l-Istat Membru, huwa stabbilit li l-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 95 KE għandhom ikollhom bħala “għan ewlieni” tagħhom l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali sabiex ikun hemm titjib fit-tħaddim tas-suq intern (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-317/04 u C-318/04, Ġabra p. I-4721). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24 jikkonċernaw ir-repressjoni ta’ reati kriminali u mhumiex intiżi li jirreparaw in-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fis-suq intern.

31

Fil-każ li, b’mod kuntrarju għall-pretensjoni prinċipali tal-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-Direttiva 2006/24 għandha bħala għan, b’mod partikolari, il-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet jew ostakoli għas-suq intern, dan l-Istat Membru jsostni, sussidjarjament, li dan l-għan għandu jiġi kkunsidrat bħala ta’ natura kompletament sekondarja meta mqabbel mal-għan prinċipali jew ewlieni, jiġifieri r-repressjoni tal-kriminalità.

32

L-Irlanda żżid li d-Direttiva 2002/58 tista’ tiġi emendata permezz ta’ direttiva oħra, iżda l-leġiżlatur Komunitarju mhuwiex awtorizzat jirrikorri għal direttiva emendatorja adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE sabiex jinkorpora fid-Direttiva 2002/58 dispożizzjonijiet li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Komunità taħt l-ewwel kolonna. L-obbligi intiżi li jiggarantixxu li d-data tkun disponibbli għall-finijiet tal-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jaqgħu f’qasam li jista’ jkun biss is-suġġett ta’ strument ibbażat fuq it-Titolu VI tat-Trattat UE. L-adozzjoni ta’ strument leġiżlattiv bħal dan ma taffettwax id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fis-sens tal-Artikolu 47 UE. Sabiex il-verb “taffettwa”, li huwa użat f’dan l-artikolu, jiġi mifhum korrettament, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li atti Komunitarji u atti tal-Unjoni jikkoinċidu sa fejn dan ikun jinvolvi materji sekondarji u mingħajr importanza.

33

Ir-Repubblika Slovakka ssostni l-pożizzjoni tal-Irlanda. Hija tikkunsidra li l-Artikolu 95 KE ma jistax iservi bħala bażi legali għad-Direttiva 2006/24, ladarba l-għan prinċipali ta’ din tal-aħħar mhuwiex l-eliminazzjoni tal-ostakoli u tad-distorsjonijiet fis-suq intern. Din id-direttiva għandha bħala għan l-armonizzazzjoni taż-żamma ta’ data, lil hinn mill-għanijiet kummerċjali, sabiex tiġi ffaċilitata l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tad-dritt kriminali u, għal din ir-raġuni, hija ma tistax tiġi adottata fl-ambitu tas-setgħat tal-Komunità.

34

Skont dan l-Istat Membru, iż-żamma ta’ data personali kif teżiġi d-Direttiva 2006/24 twassal għal indħil sinjifikattiv fid-dritt tal-individwi għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, previst fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Huwa dubjuż kemm indħil daqshekk sinjifikattiv jista’ jkun iġġustifikat għal raġunijiet ekonomiċi, f’dan il-każ għall-aħjar tħaddim tas-suq intern. L-adozzjoni ta’ att lil hinn mill-kompetenza tal-Komunità, li l-għan prinċipali u ċar tiegħu huwa r-repressjoni tal-kriminalità u t-terroriżmu, tirrappreżenta soluzzjoni iktar xierqa, li toffri ġustifikazzjoni iktar adegwata għall-indħil fid-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata.

35

Il-Parlament isostni li l-Irlanda qed taqra b’mod selettiv id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24. Għalih, il-premessi 5 u 6 tagħha jippreċiżaw li l-għan prinċipali jew ewlieni ta’ din id-direttiva huwa dak li telimina l-ostakoli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-premessa 25 tikkonferma li l-aċċess u l-użu tad-data miżmuma ma jaqgħux fil-kompetenza Komunitarja.

36

Il-Parlament isostni li, wara l-attentati terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 fi New York (l-Istati Uniti), tal-11 ta’ Marzu 2004 f’Madrid (Spanja) u tas-7 ta’ Lulju 2005 f’Londra (ir-Renju Unit), ċerti Stati Membri adottaw regoli differenti fil-qasam taż-żamma tad-data. Skont din l-istituzzjoni, differenzi bħal dawn setgħu jostakolaw il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-Parlament jikkunsidra li ż-żamma ta’ data tikkostitwixxi element kbir ta’ spejjeż għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni (iktar ’il quddiem “fornituri ta’ servizzi”) u l-eżistenza ta’ regoli differenti fil-qasam tista’ taffettwa ħażin il-kompetizzjoni fis-suq intern. Huwa jżid li d-Direttiva 2006/24 għandha bħala għan prinċipali l-armonizzazzjoni tal-obbligi imposti mill-Istati Membri fuq il-fornituri ta’ servizzi fil-qasam taż-żamma ta’ data. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 95 jikkostitwixxi l-bażi legali korretta għal din id-direttiva.

37

Il-Parlament isostni wkoll li l-importanza mogħtija lir-repressjoni tal-kriminalità ma tipprekludix li din id-direttiva tkun ibbażata fuq l-Artikolu 95 KE. Jekk ir-repressjoni tal-kriminalità influwenzat b’mod ċar l-għażliet magħmula f’din id-direttiva, din l-influwenza ma tħassarx l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi, fid-dawl tal-premessa 25 tagħha, li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ pproċessar ta’ data miżmuma għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt Internazzjonali u, b’mod partikolari, tal-KEDB. Dan l-approċċ huwa differenti minn dak tal-miżuri li kienu jifformaw is-suġġett tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kawża li fihom il-kumpanniji tal-ajru ġew obbligati jagħtu aċċess għad-data tal-passiġġieri lill-awtorità tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat terz. Għalhekk l-istess direttiva tirrispetta l-qsim tal-kompetenzi bejn l-ewwel u t-tielet kolonni.

39

Skont il-Parlament, jekk huwa veru li ż-żamma ta’ data personali ta’ individwu tista’ fil-prinċipju tikkostitwixxi indħil fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB, dan l-indħil jista’ jkun iġġustifikat, fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu, billi jsir riferiment għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ reati kriminali. Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ ndħil bħal dan u dik tal-għażla tal-bażi legali korretta fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, żewġ kwistjonijiet li ma għandhom ebda rabta bejniethom.

40

Il-Kunsill isostni li, fis-snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/58, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali saru dejjem iktar imħassba fuq l-isfruttament ta’ innovazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għal finijiet ta’ atti kriminali. Huwa jgħid li dawn il-preokkupazzjonijiet ġodda wasslu lill-Istati Membri jadottaw miżuri sabiex ikun prekluż it-tħassir ta’ data marbuta ma’ dawn il-komunikazzjonijiet u sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Din l-istituzzjoni ssostni li n-natura diverġenti ta’ dawn il-miżuri bdiet taffettwa t-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Il-premessi 5 u 6 tad-Direttiva 2006/24 huma espliċiti f’dan ir-rigward.

41

Din is-sitwazzjoni obbligat lil-leġiżlatur Komunitajru jiżgura li jiġu imposti regoli uniformi fuq il-fornituri ta’ servizzi f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

42

Huwa għal dawn ir-raġunijiet li, matul is-sena 2006, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li kien meħtieġ li jitneħħa l-obbligu tat-tħassir tad-data impost mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 u li jipprevedi li, fil-futur, id-data prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24 għandha b’mod obbligatorju tinżamm għal ċertu żmien. Din l-emenda tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li din id-data tinżamm għal perijodu minimu ta’ sitt xhur u massimu ta’ sentejn li jiddekorri mid-data tan-notifika. L-għan ta’ din l-emenda kien li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet preċiżi u armonizzati li l-fornituri ta’ servizzi għandhom josservaw fir-rigward tat-tħassir jew le ta’ data personali prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24, bl-istabbiliment għalhekk ta’ regoli komuni fil-Komunità bil-għan li tiġi ggarantita l-uniċità tas-suq intern.

43

Il-Kunsill jikkonkludi li jekk il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż it-terroriżmu, kienet fattur determinanti fid-deċiżjoni li tiġi mmodifikata l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

44

La l-Artikoli 30 UE, 31 UE u 34 UE, u lanqas kwalunkwe artikolu ieħor fit-Trattat UE ma jistgħu jkunu ta’ bażi għal att li jkollu essenzjalment bħala għan it-tibdil tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi jew li jirrendi inapplikabbli għal dawn tal-aħħar ir-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2002/58.

45

Leġiżlazzjoni dwar il-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi u l-perijodu taż-żamma ta’ din id-data li timmodifika l-obbligi imposti fuq dawn tal-aħħar mid-Direttiva 2002/58 ma tistax tkun is-suġġett ta’ att ibbażat fuq it-Titolu VI tat-Trattat UE. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ att bħal dan taffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 47 UE.

46

Skont il-Kunsill, id-drittijiet protetti permezz tal-Artikolu 8 tal-KEDB mhumiex assoluti u jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Skont kif previst mid-Direttiva 2006/24, iż-żamma ta’ data sservi għal interess ġenerali leġittimu, irrikonoxxut mill-Artikolu 8(2) tal-KEDB, u tikkostitwixxi mezz xieraq għall-protezzjoni ta’ dan l-interess.

47

Ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2, 5 u 6 tad-Direttiva 2006/24, din għandha bħala għan prinċipali t-tneħħija tal-ostakoli għas-suq intern ikkawżati mid-disparitajiet leġiżlattivi u tekniċi li hemm bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Huma jgħidu li din id-direttiva tirregola ż-żamma tad-data bil-għan li telimina dan it-tip ta’ ostakoli, minn naħa, billi tarmonizza l-obbligu taż-żamma tad-data u, min-naħa l-oħra, billi tispeċifika l-elementi li fuqhom dan l-obbligu japplika, bħall-kategoriji tad-data li għandha tinżamm u l-perijodu taż-żamma tad-data.

48

Il-fatt li, fi kliem l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2006/24 tipprevedi din l-armonizzazzjoni “sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu” huwa kwistjoni oħra. Din id-direttiva ma tirregolax l-ipproċessar ta’ data mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju, l-armonizzazzjoni tikkonċerna biss l-aspetti taż-żamma ta’ data li jaffettwaw direttament l-attivitajiet kummerċjali tal-fornituri ta’ servizzi.

49

Sa fejn din id-direttiva timmodifika d-Direttiva 2002/58 u toħloq rabta mad-Direttiva 95/46, it-tibdil li din tinvolvi jista’ biss isir korrettament permezz ta’ att Komunitarju u mhux permezz ta’ att li jaqa’ taħt it-Trattat UE.

50

Il-Kummissjoni tfakkar li, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, diversi Stati Membri ħadu miżuri nazzjonali dwar iż-żamma ta’ data. Hija tenfasizza d-diverġenzi sinjifikattivi li kienu jeżistu bejn dawn il-miżuri. Pereżempju, il-perijodi taż-żamma kienu jvarjaw minn tliet xhur fil-Pajjiżi l-Baxxi għal erba’ snin fl-Irlanda. Hija tgħid li l-obbligi dwar iż-żamma ta’ data għandhom implikazzjonijiet ekonomiċi kbar għall-fornituri ta’ servizzi. Diverġenza f’dawn l-obbligi tista’ tinvolvi distorsjonijiet tas-suq intern. F’dan il-kuntest, kien leġittimu li tiġi adottata d-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

51

Barra minn hekk, din id-direttiva tal-aħħar tillimita, b’mod armonizzat fil-livell Komunitarju, l-obbligi msemmija fid-Direttiva 2002/58. Ladarba din tal-aħħar hija bbażata fuq l-Artikolu 95 KE, il-bażi legali tad-Direttiva 2006/24 ma tistax tkun differenti.

52

Ir-riferiment għall-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, li jinsab fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24, jaqa’ fi ħdan id-dritt Komunitarju peress li dan jindika l-għan leġittimu ta’ restrizzjonijiet magħmula minn din id-direttiva għad-drittijiet tal-individwi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Tali indikazzjoni hija neċessarja kemm sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttivi 95/46 u 2002/58 kif ukoll għall-finijiet ta’ konformità mal-Artikolu 8 tal-KEDB.

53

Il-Kontrollur Ewropew isostni illi l-għan tad-Direttiva 2006/24 jaqa’ taħt l-Artikolu 95 KE peress li, minn naħa, din id-direttiva għandha effett dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-fornituri ta’ servizzi u għalhekk tista’ tikkontribwixxi għall-istabbiliment u għat-tħaddim tas-suq intern u peress li, min-naħa l-oħra, mingħajr l-intervent tal-leġiżlatur Komunitarju setgħet tinħoloq distorsjoni fis-suq intern. L-għan ta’ repressjoni ta’ reati kriminali la huwa l-għan uniku u lanqas ma huwa l-għan ewlieni tal-imsemmija direttiva. Għall-kuntrarju, din tfittex fl-ewwel lok li tikkontribwixxi għall-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern, kif ukoll li tneħħi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Din id-direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żamma ta’ ċerta data minn impriżi privati, fil-kuntest tal-attività ekonomika normali tagħhom.

54

Barra minn hekk, id-Direttiva 2006/24 temenda d-Direttiva 2002/58, li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, u għalhekk għandha tiġi adottata fuq l-istess bażi legali. Skont l-Artikolu 47 UE, huwa biss il-leġiżlatur Komunitarju li huwa kompetenti li jimmodifika l-obbligi maħluqa minn direttiva bbażata fuq it-Trattat KE.

55

Skont il-Kontrollur Ewropew, jekk it-Trattat KE ma jistax iservi ta’ bażi għad-Direttiva 2006/24, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tad-data ma jipproteġux liċ-ċittadini fil-każ fejn l-ipproċessar tad-data personali tagħhom jiffaċilita r-repressjoni tal-kriminalità. F’din l-ipoteżi, is-sistema ġenerali tal-protezzjoni tad-data skont id-dritt Komunitarju tapplika għall-ipproċessar ta’ data għal finijiet kummerċjali iżda mhux għall-ipproċessar tal-istess data għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Minn dan jirriżultaw distinzjonijiet diffiċli għall-fornituri ta’ servizzi u tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni għall-persuna kkonċernata. Huwa opportun li sitwazzjoni bħal din tiġi evitata. Din il-ħtieġa ta’ koerenza tiġġustifika l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tat-Trattat KE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ kompetenzi tal-Unjoni Ewropea tippreżenta ruħha b’mod differenti skont jekk il-kompetenza inkwistjoni tkunx diġà ġiet irrikonoxxuta lill-Unjoni Ewropea f’sens wiesa’ jew tkunx għadha ma ġietx irrikonoxxuta lilha. Fl-ewwel każ previst, dan jinvolvi deċiżjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk għandhiex tittieħed azzjoni permezz ta’ direttiva fuq il-bażi tat-Trattat KE jew permezz ta’ deċiżjoni qafas fuq il-bażi tat-Trattat UE. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ previst, dan jinvolvi deċiżjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u, b’mod iktar partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni tkunx daħlet fuq il-kompetenzi ta’ dawn tal-aħħar. Din il-kawża taqa’ taħt l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet previsti.

57

Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li r-rikors tal-Irlanda jinvolvi biss l-għażla tal-bażi legali u mhux il-ksur li possibbilment jista’ jkun hemm tad-drittijiet fundamentali bħala riżultat tal-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li d-Direttiva 2006/24 tinvolvi.

58

L-Irlanda, sostnuta mir-Repubblika Slovakka, issostni li d-Direttiva 2006/24 ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 95 KE ladarba l-“għan ewlieni” tagħha ma jinvolvix it-tħaddim tas-suq intern. Din id-direttiva għandha bħala għan uniku, jew tal-inqas bħala għan prinċipali, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

59

Din il-pożizzjoni ma tistax tiġi milqugħa.

60

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-440/05, Ġabra p. I-9097, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Id-Direttiva 2006/24 ġiet adottata fuq il-bażi tat-Trattat KE u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 95 tiegħu.

62

L-Artikolu 95(1) KE jipprevedi li l-Kunsill jadotta l-miżuri relattivi għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva tal-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern.

63

Il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jirrikorri għall-Artikolu 95 KE b’mod partikolari meta jkun hemm disparitajiet bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali meta dawn id-disparitajiet ikunu ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u b’dan il-mod ikollhom effett dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-380/03, Ġabra p. I-11573, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Barra minn hekk, sabiex l-użu tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali jkun possibbli għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-ostakoli futuri għall-kummerċ minħabba l-iżvilupp mingħajr uniformità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, jeħtieġ li l-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli jkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandha jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 tissodisfax il-kundizzjonijiet deskritti fiż-żewġ punti preċedenti.

66

Hekk kif jirriżulta mill-premessi 5 u 6 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju beda mill-konstatazzjoni tal-fatt li kien hemm disparitajiet leġiżlattivi u tekniċi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar iż-żamma ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi.

67

F’dan ir-rigward, l-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li, wara l-attentati terroristiċi msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, diversi Stati Membri, filwaqt li nnotaw li d-data relattiva għall-komunikazzjonijiet elettroniċi hija mezz effikaċi għas-sejbien u r-repressjoni tar-reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, adottaw miżuri b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 sabiex jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi obbligi dwar iż-żamma ta’ din id-data.

68

Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-obbligi dwar iż-żamma ta’ data għandhom implikazzjonijiet ekonomiċi sostanzjali għall-fornituri ta’ servizzi, peress li dawn jistgħu jinvolvu investimenti u spejjeż operattivi kbar.

69

Barra minn hekk, l-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-miżuri nazzjonali adottati sal-2005 b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kellhom disparitajiet kbar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-natura tad-data miżmuma u l-perijodu taż-żamma tagħha.

70

Fl-aħħar nett, kien prevedibbli ħafna li l-Istati Membri, li kien għad ma għandhomx leġiżlazzjoni fil-qasam taż-żamma tad-data, kienu ser jintroduċu regoli fil-qasam li jistgħu jkomplu jkabbru d-disparitajiet bejn il-varji miżuri nazzjonali eżistenti.

71

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jidher li l-diverġenzi bejn id-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam taż-żamma tad-data relattiva għall-komunikazzjonijiet elettroniċi kienu ta’ natura li jkollhom effett dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern u li kien prevedibbli li dan l-effett kellu jaggrava.

72

Sitwazzjoni bħal din kienet tiġġustifika li l-leġiżlatur Komunitarju jfittex l-għan li jipproteġi t-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jadotta regoli armonizzati.

73

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta d-Direttiva 2006/2004 pprovdiet għal livell armonizzat taż-żamma tad-data relattiva għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, hija emendat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58.

74

Din id-direttiva tal-aħħar hija bbażata fuq l-Artikolu 95 KE.

75

Skont l-Artikolu 47 UE, ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tista’ tiġi affettwata minn dispożizzjoni tat-Trattat UE. Dan ir-rekwiżit jidher fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 UE, li jintroduċi t-Titolu VI ta’ dan l-aħħar Trattat, li jipprovdi dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

76

Meta jipprovdi li ebda dispożizzjoni tat-Trattat UE ma taffettwa t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew it-Trattati u l-Atti sussegwenti li jimmodifikawhom jew jissupplimentawhom, l-Artikolu 47 UE qed jipprevedi, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2 UE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 UE, iż-żamma u l-iżvilupp tal-acquis communautaire (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-91/05, Ġabra p. I-3651, punt 59).

77

Huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li l-atti, li parti tallega li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE u li, minħabba n-natura tagħhom, jistgħu jipproduċu effetti legali ma jfixklux il-kompetenzi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jagħtu lill-Komunità (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Peress li l-emenda għad-Direttiva 2002/58, magħmula permezz tad-Direttiva 2006/24, taqa’ fil-kompetenzi Komunitarji, din ma setgħetx tkun ibbażata fuq dispożizzjoni tat-Trattat UE mingħajr ma tikser l-Artikolu 47 ta’ dan l-istess trattat.

79

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatur għażilx il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, għandu wkoll, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, jiġi eżaminat il-kontenut materjali tad-dispożizzjonijiet tagħha.

80

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma essenzjalment limitati għall-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi u ma jirregolawx l-aċċess għad-data u lanqas l-użu tagħhom mill-awtoritajiet tal-pulizija jew ġudizzjarji tal-Istati Membri.

81

B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24 jfittxu l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-obbligu li tinżamm id-data (Artikolu 3), il-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm (Artikolu 5), il-perijodi ta’ żamma tad-data (Artikolu 6), il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data (Artikolu 7) kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-ħażna tagħha (Artikolu 8).

82

Min-naħa l-oħra, il-miżuri previsti mid-Direttiva 2006/24 ma jimplikawx, fihom infishom, intervent repressiv mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Kif joħroġ b’mod partikolari mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, huwa previst illi l-fornituri ta’ servizzi għandhom iżommu biss id-data ġġenerata jew ipproċessata meta jiġu pprovduti s-servizzi ta’ komunikazzjoni kkonċernati. Din id-data hija biss dik marbuta mill-qrib mal-eżerċizzju tal-attività kummerċjali ta’ dawn il-fornituri.

83

Għalhekk id-Direttiva 2006/24 tirregola operazzjonijiet li huma indipendenti mill-implementazzjoni ta’ kull azzjoni ta’ kooperazzjoni mill-pulizija jew ġudizzjarja f’materji kriminali li jista’ jkun hemm. Din la tarmonizza l-kwistjoni tal-aċċess għad-data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u lanqas dik tal-użu u l-iskambju ta’ din id-data bejn dawn l-awtoritajiet. Dawn il-kwistjonijiet, li bħala regola ġenerali jaqgħu fil-qasam kopert mit-Titolu VI tat-Trattat UE, ġew esklużi mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, kif indikat b’mod partikolari fil-premessa 25 u mill-Artikolu 4 tagħha.

84

Minn dan jirriżulta li l-kontenut materjali tad-Direttiva 2006/24 jipprevedi essenzjalment l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi fis-settur ikkonċernat tas-suq intern, bl-esklużjoni tal-attivitajiet statali li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE.

85

Fid-dawl ta’ dan il-kontenut materjali, għandu jiġi konkluż li d-Direttiva 2006/24 tikkonċerna b’mod prinċipali t-tħaddim tas-suq intern.

86

Kontra din il-konklużjoni, l-Irlanda ssostni li, permezz tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE, tas-17 ta’ Mejju 2004, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data PNR minn Trasportaturi tal-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti (ĠU L 142M p. 49, u — rettifika — ĠU 2005, L 255, p. 168).

87

Fil-punt 68 tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmi ftehim kien jipprevedi l-istess trasferiment ta’ data previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE, tal-14 ta’ Mejju 2004, dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali tal-passiġġieri tal-ajru miżmuma fil-Passenger Name Record u trasferiti lill-United States’ Bureau of Customs and Border Protection (ĠU L 267M p. 18-29).

88

Din l-aħħar deċiżjoni kkonċernat it-trasferiment ta’ data ta’ passiġġieri mis-sistemi ta’ riżerva tat-trasportaturi tal-ajru li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri lill-Bureau of Customs and Border Protection tad-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-deċiżjoni kellha bħala għan l-ipproċessar ta’ data li ma kienx meħtieġ għall-prestazzjoni ta’ servizzi mit-trasportaturi tal-ajru, iżda kien ikkunsidrat meħtieġ għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u għal skopijiet repressivi. Fil-punti 57 sa 59 tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ipproċessar ta’ data bħal dan kien jaqa’ taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax, b’mod partikolari, għall-ipproċessar ta’ data personali li jkollu bħala għan is-sigurtà pubblika u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tad-dritt kriminali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Deċiżjoni 2004/535 ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

89

Peress li l-ftehim, suġġett tad-Deċiżjoni 2004/496, kien jipprevedi, bħad-Deċiżjoni 2004/535, ipproċċessar ta’ data li kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Deċiżjoni 2004/496 ma setgħetx tkun validament adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 68 u 69).

90

Kunsiderazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu applikati għad-Direttiva 2006/24.

91

Fil-fatt, b’differenza mid-Deċiżjoni 2004/496, li kienet tikkonċerna trasferiment ta’ data personali li jidħol f’qafas stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika, id-Direttiva 2006/24 tipprevedi l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi fis-suq intern u ma tinvolvi ebda regolazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi għal skopijiet repressivi.

92

Minn dan jirriżulta li l-argumenti mqajma mill-Irlanda dwar l-annullament tad-Deċiżjoni 2004/496 mis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistgħux jintlaqgħu.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE kienet neċessarja.

94

Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

95

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tal-Irlanda għall-ispejjeż u peress li l-Irlanda tilfet il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, l-intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.