Brussell, 27.2.2023

COM(2023) 96 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani


1.Introduzzjoni

L-objettiv ewlieni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani hu li jistabbilixxi regoli komuni u standards tal-kwalità għall-istatistika tal-UE li tiġi prodotta regolarment f’dawn it-tliet oqsma.

Skont l-Artikolu 12, il-Kummissjoni trid tissottometti l-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament sat-28 ta’ Frar 2018 u mbagħad kull 5 snin. B’mod partikolari, ir-rapport irid:

(1)jevalwa l-kwalità tad-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani;

(2)jivvaluta l-benefiċċji ta’ dik l-informazzjoni statistika għall-UE, għall-Istati Membri, għall-fornituri u għall-utenti, meta mqabbla mal-kostijiet;

(3)jidentifika oqsma għal titjib u l-emendi meħtieġa skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

Dan ir-rapport jeżamina l-aktar aspetti importanti tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 mill-Istati Membri, u l-miżuri li ħadet il-Kummissjoni biex tiżgura statistika Ewropea ta’ kwalità għolja dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani.

2.Miżuri ta’ implimentazzjoni

Sa mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, il-Kummissjoni adottat l-atti legali li ġejjin:

(1)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 601/2006 2 ;

(2)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 602/2006 3 ;

(3)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1055/2008 4 ;

(4)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 707/2009 5 ;

(5)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012 6 ;

(6)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 7 .

Ir-Regolament (UE) 2016/1013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005, allinja dak ir-Regolament mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, billi jissostitwixxi s-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni minn dak ir-Regolament b’setgħat li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

L-atti legali msemmija hawn fuq jistabbilixxu l-format u l-proċedura meħtieġa għas-sottomissjoni tad-data mill-Istati Membri lill-Eurostat, l-aġġornament tar-rekwiżiti tad-data, u l-iskeda taż-żmien u l-kriterji tal-kwalità tar-rapporti nazzjonali dwar il-kwalità. Barra minn hekk, is-sitt edizzjoni tal-Manwal tal-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Pożizzjoni tal-Investimenti Internazzjonali (BPM6) tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), ippubblikat fl-2009, tipprovdi qafas kunċettwali għall-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti (BOP) u l-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali (IIP) mill-pajjiżi membri tal-FMI. Dan jistabbilixxi definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet uniformi biex tinħoloq bażi komuni għall-ġbir u l-kompilazzjoni tad-data dwar l-iżviluppi esterni u biex tiġi ffaċilitata l-komparabbiltà tad-data fost il-pajjiżi. Fil-livell Ewropew, ir-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati mill-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005.

3.Is-settijiet tad-data ewlenin ikkonċernati

L-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar it-tranżazzjonijiet bejn l-ekonomija rapportatur u l-bqija tad-dinja. Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 jikkonċerna l-ġbir ta’ dawn il-ħames settijiet tad-data:

-statistika ta’ kull xahar dwar il-bilanċ tal-pagamenti;

-statistika trimestrali dwar il-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjonijiet tal-investimenti internazzjonali;

-statistika annwali dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi;

-it-tranżazzjonijiet tal-investiment dirett barrani (inkluż l-introjtu);

-il-pożizzjonijiet tal-investimenti diretti barranin.

Għal kull wieħed minn dawn is-settijiet tad-data, id-data tinġabar mill-Eurostat mingħand l-Istati Membri u tintuża għall-produzzjoni tal-aggregati tal-UE li jiġu ppubblikati flimkien mad-data tal-Istati Membri individwali fil-bażi tad-data ta’ referenza online tal-Eurostat.

Id-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u l-indikaturi tal-previżjoni tal-bilanċ tal-pagamenti trimestrali derivati mill-istimi ta’ kull xahar ikunu disponibbli seba’ (7) ġimgħat wara tmiem il-perjodu ta’ referenza. L-ewwel stimi tal-bilanċ tal-pagamenti/il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali (BOP/IIP) trimestrali jiġu rilaxxati wara 14-il ġimgħa minn tmiem il-perjodu ta’ referenza. Il-bilanċ tal-pagamenti trimestrali jinkorpora sett ta’ informazzjoni ferm aktar estensiv mill-istimi tal-previżjoni ta’ kull xahar, u hu ppreżentat f’aktar dettall. Mil-lat finanzjarju, il-kompilazzjoni simultanja u konsistenti tal-kont finanzjarju tal-BOP, l-introjtu mill-investiment u l-IIP isaħħu l-kwalità tal-istimi trimestrali u jippermettu analiżi aktar sħiħa tar-relazzjonijiet transfruntieri. Il-BOP/IIP trimestrali jinkludi wkoll diżaggregazzjoni ġeografika tas-sħab ekonomiċi ewlenin, b’mod partikolari tal-aktar ekonomiji żviluppati u emerġenti importanti.

Minbarra r-rilaxxi trimestrali, l-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani (FDI) tiġi ppubblikata f’aktar dettall darba fis-sena. Id-data annwali dwar l-FDI tinkludi iżjed informazzjoni mid-data trimestrali dwar l-FDI, minħabba d-disponibbiltà tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-intrapriżi. Bis-saħħa ta’ iżjed informazzjoni u kontrolli tal-kwalità aktar kompluti dwar l-istokkijiet tal-FDI hu possibbli li jiġu kkalkolati l-komponenti differenti tal-varjazzjonijiet u tal-introjtu tal-FDI tagħhom. Titjib importanti hu li l-Eurostat stabbilixxa ġbir tad-data għall-Istati Membri dwar il-pożizzjonijiet tal-investiment dirett attiv skont l-ekonomija tal-investiment aħħarija. Dan il-ġbir volontarju tad-data għandu l-għan li juri l-oriġini “vera” tal-FDI – l-investitur aħħari. Id-data annwali dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi tinqasam skont lista komprensiva ta’ tipi ta’ servizzi b’diżaggregazzjoni ġeografika tal-livell Ġeo 5. Id-data tiġi ppreżentata mill-Istati Membri wara disa’ (9) xhur minn tmiem il-perjodu ta’ referenza u tiġi ppubblikata bejn xahrejn u nofs (2,5) u tliet (3) xhur wara. L-istatistika annwali dwar l-FDI tinkludi data dwar il-flussi u l-istokks skont it-tip ta’ strument, pajjiż sieħeb u attività ekonomika. Barra minn hekk, tintalab statistika separata dwar l-FDI għall-entitajiet bi skop speċjali residenti. Id-data tingħata mill-Istati Membri wara disa’ (9) xhur minn tmiem il-perjodu ta’ referenza u tiġi ppubblikata madwar tliet (3) xhur wara.

4.Il-kwalità tal-istatistika prodotta

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, l-Istati Membri jridu jipprovdu rapport lill-Kummissjoni dwar il-kwalità tad-data sottomessa. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(4), il-kwalità tad-data sottomessa lill-Eurostat trid tiġi vvalutata abbażi tar-rapporti tal-kwalità, bl-assistenza tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (il-Kumitat ESS). L-analiżi li ġejja tirreferi għar-riżultati tal-aħħar rapporti tal-kwalità disponibbli (jiġifieri r-rapporti tal-2022, li jirreferu għad-data ppreżentata mill-Istati Membri fl-2021).

4.1.Is-solidità metodoloġika u l-proċeduri statistiċi

Is-solidità metodoloġika u l-proċeduri statistiċi, il-kunċetti, id-definizzjonijiet u l-prattiki użati għall-kompilazzjoni tal-istatistika dwar l-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi, dwar l-investiment dirett barrani u dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali huma f’konformità wiesgħa mal-prinċipji u l-linji gwida deskritti fil-BPM6, filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet maqbula fil-livell tal-UE għall-kompilazzjoni tal-aggregati taż-żona tal-euro u tal-UE.

4.2.Tempestività u puntwalità

Il-puntwalità tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u trimestrali, dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali trimestrali, dwar il-kummerċ internazzjonali annwali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani marret għall-agħar meta mqabbla mar-rapport tal-kwalità preċedenti tal-2021 li jirreferi għad-data tal-2020, b’erba’ Stati Membri oħra li jipprovdu settijiet tad-data wara l-iskadenza.

4.3.Rilevanza

Peress li r-Regolament (KE) Nru 184/2005 kien maħsub biex iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-utenti tad-data, hu importanti li ssir analiżi ta’ kif tintuża din id-data u li jingħarfu l-benefiċċji tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti għall-utenti.

L-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti tintuża b’mod intensiv għal finijiet ta’ tfassil tal-politika mill-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Eurosistema, il-FMI, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-G7 u l-G20, ilkoll jużaw din l-istatistika.

L-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali jintużaw għal skopijiet ta’ politika monetarja. Flimkien ma’ indikaturi oħra, l-istatistika dwar l-iskambju tal-oġġetti u tas-servizzi tintuża biex jiġu vvalutati l-pressjonijiet inflazzjonarji fl-ekonomiji kkawżati mid-domanda esterna u biex jiġi kwantifikat il-kontribut tal-esportazzjonijiet netti għall-prodott domestiku gross. Id-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti u dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali tintuża wkoll biex tiġi vvalutata s-sostenibbiltà tal-bilanċ estern tal-ekonomiji nazzjonali li jkollhom il-munita tagħhom stess jew ta’ unjoni monetarja (eż. iż-żona tal-euro) li tkun tinkludi għadd ta’ ekonomiji nazzjonali, u l-pressjonijiet possibbli fuq ir-rata tal-kambju. Barra minn hekk, id-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti u dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali tintuża b’mod estensiv fil-proċedura tal-iżbilanċ makroekonomiku (MIP).

L-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti tiġi inkluża wkoll fir-rapporti ta’ Konverġenza mħejjija u ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-BĊE dwar Stati Membri individwali li għadhom mhumiex parteċipanti fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM).

L-Artikoli 143 u 144 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirreferu b’mod espliċitu għall-bilanċ tal-pagamenti, u jeżiġu li l-Kummissjoni żżomm lill-Kunsill infurmat regolarment dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fl-Istati Membri li ma jkunux parteipanti fil-UEM.

L-iżviluppi tal-kontijiet kurrenti fi Stati Membri individwali jiġu analizzati fir-rigward tal-kompetittività tagħhom, filwaqt li l-istatistika dwar l-investiment dirett u tal-portafoll tintuża biex tiġi analizzata l-attraenza tal-Istati Membri għall-investituri internazzjonali.

L-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti jenħtieġ li tkun konsistenti mal-istatistika ewlenija l-oħra miġbura f’oqsma statistiċi relatati b’rilevanza għall-UE, bħal:

-il-prodott domestiku gross (li jinkludi t-tranżazzjonijiet transfruntieri tal-oġġetti u tas-servizzi), inkluż stimi rapidi, li għalihom hemm bżonn indikaturi tal-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar;

-l-introjtu nazzjonali gross (li jinkludi t-tranżazzjonijiet transfruntieri tal-oġġetti u tas-servizzi, u l-introjtu);

-il-kontijiet tal-bqija tad-dinja fil-kontijiet settorjali trimestrali fl-UE u fiż-żona tal-euro, inkluż il-kontijiet finanzjarji.

Minbarra l-aggregati ewlenin, il-partiti speċifiċi li ġejjin għandhom rilevanza partikolari għal xi utenti:

-Informazzjoni dettaljata fuq il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi ppubblikata kull sena mill-Eurostat hi importanti għan-negozjati kummerċjali u għad-definizzjoni tal-politiki doganali.

-Id-diżaggregazzjoni ġeografika tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti tgħin fil-monitoraġġ tal-interazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi.

-Il-kompożizzjoni tal-flussi finanzjarji u l-istokks (mil-lat ta’ investiment dirett, portafoll u investiment ieħor) għandha valur għall-evalwazzjoni tal-istabbilità finanzjarja.

-Informazzjoni dettaljata dwar il-flussi tal-investiment dirett barrani hi importanti biex jitkejjel il-grad tal-ftuħ ta’ ċerti swieq, jew biex tiġi vvalutata l-profittabbiltà ġenerali tal-kapital tal-investiment dirett investit, billi tintuża l-istatistika dwar l-introjtu u l-pożizzjonijiet.

Il-membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti (il-BOPWG) jagħrfu li l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 wasslet għal għadd ta’ bidliet li tejbu l-kwalità tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti minn diversi aspetti. Fil-valutazzjoni tal-benefiċċji ta’ dan ir-Regolament għall-kumpilaturi u l-utenti nazzjonali tad-data, il-membri tal-BOPWG intalbu jagħtu punteġġi minn 1 (bl-inqas benefiċċji) sa 5 (bl-akbar benefiċċji), u tat dawn ir-riżultati:

-Il-punteġġ medju għad-disponibilità ta’ data aktar dettaljata dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani lill-utenti tad-data hu 3,8.

-Il-punteġġ medju għad-disponibilità ta’ data aktar tempestiva u puntwali dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani lill-utenti tad-data hu 3,9.

-Il-punteġġ medju għal konsistenza aħjar tad-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti mad-data tal-kontijiet nazzjonali hu 4,4.

Il-BOPWG innota wkoll li l-bidliet metodoloġiċi u l-istandards ġodda tal-BPM6, u ż-żieda fl-attenzjoni mogħtija lid-data dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali, introdotti fil-livell tal-UE fl-2014 mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012, kisbu ċ-ċarezza u informazzjoni addizzjonali importanti għall-utenti tad-data statistika involuti fil-politika makroekonomika u fir-riċerka ekonomika. Benefiċċju rikonoxxut ieħor hu li r-Regolament tejjeb il-komparabbiltà u l-konsistenza tad-data madwar l-Istati Membri.

Meta analizza l-kompletezza tad-data, il-BOPWG osserva titjib żgħir meta mqabbel mar-rapport tal-kwalità preċedenti, b’mod partikolari għall-bilanċ tal-pagamenti trimestrali u għall-investiment dirett barrani. Fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u trimestrali u fir-rigward tal-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali trimestrali, is-27 Stat Membru kienu lkoll konformi 100% għax-xhur ta’ referenza fl-2021. Il-kompletezza tad-data relatata mal-kummerċ internazzjonali tas-servizzi kienet 99% bħala medja. Ir-rata medja tal-kompletezza tal-UE kienet stmata għal 98%, kemm għall-flussi tal-investiment dirett barrani u anki għall-istokks tal-investiment dirett barrani.

4.4.Aċċessibbiltà

Id-data tinsab ukoll fuq siti web nazzjonali u magħha tingħata l-informazzjoni rilevanti dwar il-metadata, b’xi limitazzjonijiet minħabba l-politiki nazzjonali tad-disseminazzjoni applikati għad-data nazzjonali u għad-data mibgħuta lill-Eurostat. Il-Eurostat jippubblika din l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u trimestrali, dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali trimestrali u r-rivalwazzjonijiet, dwar il-kummerċ internazzjonali annwali tas-servizzi, u data dwar l-investiment dirett barrani fil-bażi tad-data pubblika tiegħu.

Id-disponibbiltà tad-data għall-utenti finali tjiebet, peress li 23 Stat Membru jidhrilhom li 100% tal-partiti ewlenin għall-bilanċ tal-pagamenti trimestrali jistgħu jiġu ppubblikati, u 24 Stat Membru jidhrilhom li l-partiti ewlenin għall-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali trimestrali jistgħu jiġu ppubblikati. Xi Stati Membri jimmarkaw li d-data nazzjonali tagħhom “ma tistax tiġi ppubblikata” jew li hi “kunfidenzjali”. Din iċ-ċirkostanza tillimita l-valur tal-informazzjoni statistika li tista’ tingħata lill-utenti.

Ġeneralment, id-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani taqdi firxa wiesgħa ta’ utenti. Din tintuża b’mod estensiv fit-tfassil tal-politika tal-UE, fl-analiżi makroekonomika mill-utenti tan-negozju u mill-akkademiċi, u mill-pubbliku ġenerali.

4.5.Eżattezza u affidabbiltà

Fil-kontijiet tal-introjtu tal-oġġetti, is-servizzi u sekondarji ġew irregistrati reviżjonijiet relativament żgħar għall-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u trimestrali. Il-kont tal-introjtu primarju kien affettwat aktar mir-reviżjonijiet, speċjalment minħabba l-introjtu mill-investiment dirett. Waħda mir-raġunijet għal dan hi għax l-informazzjoni dwar l-investiment dirett barrani u l-komponenti tal-introjtu tiegħu hi aktar kompluta fuq bażi annwali meta jsiru disponibbli d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-kumpaniji. Il-valuri medji tar-reviżjonijiet kienu ġeneralment akbar għall-partiti tal-kont finanzjarju milli għall-partiti tal-kont kurrenti, filwaqt li d-daqs tar-reviżjonijiet għall-partiti ewlenin tal-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali kienu ferm inqas sinifikanti minn dawk fil-bilanċ tal-pagamenti.

4.6.Koerenza u komparabbiltà

4.6.1.Konsistenza interna

Il-konsistenza ġenerali mar-regoli tal-integrità hi sodisfaċenti. Ma hemm kważi l-ebda diskrepanza fid-data annwali u trimestrali dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani. Saru sforzi sinifikanti mill-Istati Membri biex jonqos id-daqs tal-erruri u l-ommissjonijiet, kif muri b’rabta mal-kont kurrenti u l-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali. Iżda xi drabi, id-daqs tagħhom għadu sostanzjali 9 .

4.6.2.Konsistenza esterna

Is-sitwazzjoni ġenerali tal-UE fejn tidħol il-konsistenza bejn l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija (ITGS) tibqa’ tajba, b’diskrepanzi normalment spjegati minn differenzi metodoloġiċi kkawżati miż-żewġ standards ta’ reġistrazzjoni differenti (BPM6 u IMTS 2010). F’għadd ta’ Stati Membri tista’ tiġi osservata konsistenza sħiħa jew tajba ħafna bejn il-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti u l-kontijiet nazzjonali, filwaqt li xi Stati Membri oħra għandhom differenzi, kultant sostanzjali. Il-Eurostat u l-Istati Membri identifikaw diversi raġunijiet għall-inkonsistenzi, eż. prattiki ta’ kompilazzjoni differenti, sorsi tad-data differenti, effetti ta’ vintage u ta’ reviżjoni, u interpretazzjoni differenti tal-manwali u tal-gwidi statistiċi. Fis-sessjonijiet futuri tal-kompilazzjoni 10 , l-isforzi konġunti mill-Istati Membri, mill-BĊE u mill-Eurostat jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-inkonsistenzi.

4.6.3.Assimetriji

L-assimetriji intra-UE għadhom problematiċi. L-assimetriji relattivi fil-kummerċ tas-servizzi kellhom medjan ta’ 10% għas-servizzi totali tal-Istati Membri. Il-medjan kien l-akbar għas-servizzi finanzjarji b’24%, u warajh medjan ta’ 22% għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tal-kompjuter u tal-informazzjoni. Għall-komponenti tal-kont kurrenti, dawn baqgħu pjuttost stabbli maż-żmien u żdiedu wkoll bi ftit għall-flussi tal-investiment dirett. L-assimetriji bilaterali persistenti u l-assimetriji fil-livell tal-aggregati intra-UE – id-differenzi fl-istatistika rrapportata mill-Istati Membri u dik irrapportata mill-Istati Membri sħab – wasslu għal mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tal-istatistika mill-utenti tad-data. L-assimetriji bilaterali, l-assimetriji intra-UE u l-assimetriji estra-UE, iħallu implikazzjonijiet negattivi fuq il-komparabbiltà bejn il-pajjiżi u ż-żoni ekonomiċi u fuq il-kwalità ġenerali tad-data. Jekk jonqsu dawn l-assimetriji jkun pass kbir biex tiżdied il-fiduċja fl-istatistika uffiċjali.

4.7.Produzzjoni u disseminazzjoni tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti waqt il-lockdown tal-COVID-19

L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-istatistika uffiċjali kien partikolarment rilevanti għall-banek ċentrali u għall-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika. Il-kumpilaturi tal-istatistika affaċċjaw lakuni fis-sors tad-data li saru problema minħabba l-pandemija, u involvew ruħhom f’interventi metodoloġiċi biex jindirizzaw l-isfidi relatati. L-istatistika tal-BOP/IIP saret aktar diffiċli biex tinġabar minħabba l-impatt tal-COVID-19 fuq ir-rispondenti. Għalhekk, id-data saret inqas komparabbli tul il-perjodu taż-żmien u/jew inqas rappreżentattiva. L-imputazzjoni għall-valuri neqsin kienet ibbażata fuq sorsi tad-data addizzjonali, aġġustamenti fil-metodoloġija tal-kampjun jew tekniki statistiċi. Fost l-isfidi għall-kumpilaturi u għall-utenti statistiċi kien hemm l-eżattezza tal-aggregati tal-UE, id-dewmien fid-disponibbiltà ta’ sorsi għal statistika uffiċjali, u aktar inċertezza u reviżjonijiet tad-data 11 . L-eżattezza u l-affidabbiltà ġew affettwati l-aktar fil-bidu tal-pandemija, meta l-miżuri tal-mitigazzjoni kien għadhom mhumiex stabbiliti sew.

5.Kostijiet u piż tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti

Għall-kumpilazzjoni tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani, il-kumpilaturi nazzjonali indikaw li huma jużaw data mill-istatistika primarja, b’referenza pereżempju għad-data doganali, data mill-istħarriġ dwar il-kummerċ intra-Komunitarju tal-merkanzija, data minn reġistri kummerċjali, amministrazzjoni tat-taxxa, data dwar il-proprjetà immobbli jew statistika turistika. Hu diffiċli li l-Istati Membri jifirdu l-kostijiet speċifiċi tal-ġbir u l-produzzjoni tad-data mitluba skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 mill-kostijiet totali mġarrba għad-data miġbura għal skopijiet oħra.

Il-membri tal-BOPWG jistmaw li l-input tax-xogħol dirett meħtieġ għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti fl-UE hu madwar 557 ekwivalenti full-time (skont informazzjoni minn 19-il Stat Membru). Meta r-rispons jinqasam mis-subkomponent tal-BOP, is-sett tad-data li jassorbi l-aktar input hu l-bilanċ tal-pagamenti trimestrali, li jeħtieġ 60,2% tar-riżorsi, u mbagħad l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar (19,7%), dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi (11,9%) u dwar l-investiment dirett barrani (8,1%).

Ir-rispons tal-Istati Membri jindika li, jekk ma jkun hemm l-ebda sottomissjoni tad-data lill-Eurostat minħabba r-Regolament (KE) Nru 184/2005, l-iffrankar possibbli jammonta għal 13,2% tal-ekwivalenti full-time. Id-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti hi meħtieġa wkoll għal skopijiet nazzjonali u diġà kienet qed tinġabar mill-Istati Membri qabel daħal fis-seħħ ir-Regolament. Għalhekk, hemm bżonn biss ta’ ftit riżorsi addizzjonali biex l-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti tiegħu. Jenħtieġ li jingħaraf ukoll li r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 jirfsu ferm fuq it-talbiet għad-data ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali (OI) oħra, b’mod partikolari tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-FMI. Id-data prodotta mill-Istati Membri speċifikament għar-Regolament (KE) Nru 184/2005 ma tingħarafx minn data oħra prodotta għall-konformità ma’ rekwiżiti oħra tad-data.

Għal “kostijiet oħra”, l-Istati Membri ntalbu jivvalutaw l-implikazzjonijiet ta’ stħarriġiet ad hoc.

Dwar il-piż fuq ir-rispondenti li jixħet il-ġbir tad-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar il-postijiet tal-investiment dirett barrani, ftit mill-Istati Membri indikaw li huma jivvalutaw li l-kost għar-rispondenti biex iwieġbu l-istħarriġ ilaħħaq għal bejn EUR 1,4 miljun (stħarriġ tal-IT) u EUR 22,8 miljun (kopertura sħiħa tas-subkomponenti tal-BOP). L-Istati Membri indikaw ukoll li l-istħarriġ involva ammont akbar ta’ xogħol għall-intrapriżi żgħar u medji, li jaf huma soġġetti għal diversi obbligi tar-rapportar.

Mill-aħħar rapport dwar l-implimentazzjoni ppubblikat fis-26 ta’ Jannar 2018, il-Eurostat appoġġa lill-Istati Membri b’EUR 1,7 miljun fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ kunċetti u metodi tal-istatistika makroekonomika, inkluż l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti.

6.Oqsma għal titjib u emendi potenzjali

B’mod ġenerali, l-Istati Membri enfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali. Hu apprezzat ir-rwol tal-Eurostat li jipprovdi l-BOPWG bħala forum għal skambju strutturat tal-fehmiet u l-kondiviżjoni ta’ esperjenzi u prattiki tajbin dwar kwistjonijiet relatati mar-Regolament (KE) Nru 184/2005. B’mod ġenerali, ir-rispons li wasal iħeġġeġ lill-Eurostat biex jibqa’ jikkoopera mal-OIs sħab tiegħu ħalli jiġu armonizzati r-rekwiżiti tar-rapportar tad-data u l-kunċetti u l-metodoloġija fid-diversi oqsma tal-istatistika. Xi Stati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa għal gwida dwar l-interpretazzjoni tal-manwali u l-linji gwida statistiċi, u dan juri l-importanza tal-parir metodoloġiku tal-Eurostat dwar l-interpretazzjoni tal-ESA 2010 u tal-BPM6 b’kooperazzjoni mal-BĊE.

Barra minn hekk, l-Istati Membri ppreferew li l-linji gwida internazzjonali jippermettu lir-rispondenti jużaw id-data tal-kontabbiltà tan-negozju tagħhom bħala sors tad-data. F’dan ir-rigward, il-Eurostat żviluppa gwida dwar kif għandhom jitħejjew l-istimi statistiċi skont l-istandards kontabilistiċi tal-IFRS 16, u żgura li l-istimi jimxu mat-termini skont l-ESA 2010 u l-BPM6. L-Istati Membri jappellaw għal simplifikazzjoni tal-kunċetti statistiċi biex jonqsu l-kostijiet u l-piż amministrattiv. Tul il-proċess ta’ aġġornament tal-BPM6, il-Eurostat qed jinforma lill-Istati Membri b’mod regolari dwar il-bidliet rilevanti kollha u jħeġġiġhom jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet globali.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jaqblu mal-promozzjoni u l-kondiviżjoni tad-data ta’ dawk l-entitajiet li qed jiżviluppaw negozji ġodda f’diversi pajjiżi. Min-naħa tagħha, il-ħidma fuq il-kriptoassi, il-fintech, is-sensara online jew is-servizzi tal-prenotazzjoni online għall-akkomodazzjoni ixxejjen il-lakuni possibbli fid-data.

Diversi Stati Membri enfasizzaw l-importanza ta’ użu u skambju usa’ tad-data mikro u makro fil-livell nazzjonali u internazzjonali. F’dan ir-rigward qed jitqies ta’ benefiċċju li fil-futur jitfassal att leġiżlattiv biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkondividu d-data mal-pajjiżi li mhumiex membri. Pereżempju bħalissa d-data meħtieġa għall-kompilazzjoni tal-FDI jkopruha l-oqfsa nazzjonali għall-ġbir tal-istatistika, li għandhom forom differenti skont l-approċċ nazzjonali. L-FDI jitqies li jikkwalifika għal sistema tal-kondiviżjoni tad-data fuq skala kbira u għal sistema ċentralizzata tar-rapportar għall-intrapriżi multinazzjonali. Jenħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-qafas tar-rapportar integrat għall-industrija bankarja (IReF) jistabbilixxix soluzzjoni standardizzata għall-iskema tar-rapportar fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro.

Xi Stati Membri jidhrilhom li jaqbel nistħarrġu l-possibbiltà li jiżdied l-użu tad-data amministrattiva fil-livell Ewropew. Il-Eurostat, pereżempju, kien qed jiddiskuti mal-BOPWG dwar il-possibbiltà li s-settur tas-servizzi juża d-data tas-sistema tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-VAT (VIES) biex jaġġusta s-servizzi totali intra-UE, u li japplika d-data tal-VAT f’punt uniku tas-servizz żgħir (MOSS) / punt uniku tas-servizz (OSS) għall-kategoriji tas-settur tas-servizzi għall-finijiet tal-bilanċ tal-pagamenti.

Rigward ir-rekwiżiti eżistenti tad-data, l-Istati Membri jaqblu li għall-immedjat u għaż-żmien medju jinżammu l-obbligi attwali u tkun evitata emenda għar-Regolament (KE) Nru 184/2005. Il-ġbir tad-data ta’ kull xahar attwali tqies peżanti u ġie ssuġġerit li jitnaqqas id-dettall tiegħu. Bl-istess mod, billi l-introduzzjoni ta’ diżaggregazzjoni aktar dettaljata toħloq kostijiet ferm akbar, ġie ssuġġerit ukoll li din titħalla barra f’dan l-istadju. Diżaggregazzjoni aktar dettaljata tista’ timplika wkoll li aktar data tiġi mmarkata bħala kunfidenzjali minn Stati Membri iżgħar.

Xi Stati Membri esprimew preferenza għal sottomissjoni unika tad-data possibbli biex jiġu ffrankati l-kostijiet. Għalhekk, il-Eurostat jirċievi data mingħand l-Istati Membri, u jibgħat id-data lill-OIs sħab.

7.Konklużjonijiet

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 għen biex tkompli tiġi armonizzata l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani madwar l-UE, biex tiżdied it-tempestività tad-data u biex l-utenti jingħataw iżjed dettall tad-data.

L-Istati Membri enfasizzaw li l-ġbir tad-data ta’ kull xahar hu peżanti, u varjabbli ġodda joħolqu kostijiet akbar għall-kumpilaturi tal-istatistika u għall-aġenti tar-rapportar. Tqajjem xi tħassib li l-kwalità għall-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar ma kinitx se titjieb. L-approċċ li ppreferew l-Istati Membri hu li fl-immedjat u fiż-żmien medju, ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 ma jiġix emendat.

B’mod ġenerali, ir-riżultati huma pjuttost konsistenti fl-Istati Membri fejn tidħol l-importanza tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, il-Eurostat u l-organizzazzjonijiet internazzjonali sħab. B’mod partikolari, il-Eurostat jipprovdi forum lill-BOPWG tiegħu biex jippromwovi mal-Istati Membri t-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza, u jrawwem l-iżvilupp makroekonomiku bil-forniment ta’ data soda dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u dwar l-investiment dirett barrani.

(1)    ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23.
(2)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 601/2006 tat-18 ta’ April 2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-format u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-data (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 7).
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 602/2006 tat-18 ta’ April 2006 li jadatta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tal-aġġornament tar-rekwiżiti tad-data (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 10).
(4)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1055/2008 tas-27 ta’ Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ kriterji tal-kwalità u rappurtar tal-kwalità għall-istatistiċi ta’ bilanċ tal-pagamenti (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 3).
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 707/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani, fir-rigward tal-aġġornament tar-rekwiżiti tad-data (ĠU L 204, 6.8.2009, p. 3).
(6)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012 tat-22 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani, fir-rigward tal-aġġornament tar-rekwiżiti tad-data u d-definizzjonijiet (ĠU L 166, 27.6.2012, p. 22).
(7)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-livelli ta’ tqassim ġeografiku (ĠU L 85, 27.3.2019, p. 1).
(8)    Ir-Regolament (UE) 2016/1013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali ta’ servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 144).
(9)

      Rapport tal-kwalità tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti (BOP), dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali (IIP), dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi (ITS) u dwar l-investiment dirett barrani (FDI) — l-edizzjoni tal-2022 .

(10)      F’Jannar 2022, il-BĊE u l-Eurostat ippreżentaw għall-ewwel darba Rapport Konġunt BĊE-Eurostat dwar l-inkonsistenzi fl-NA-BOP dwar il-kontijiet finanzjarji u nonfinanzjarji trimestrali lis-CMFB. Din il-ħidma jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-isforzi tal-kumpilaturi nazzjonali li saru f’dan il-kuntest.
(11)

   Il-Eurostat u l-BĊE ppubblikaw Nota Metodoloġika għall-Istati Membri dwar kif għandhom jingħelbu l-isfidi: “Guidance on the compilation of balance of payments statistics in the context of the COVID-19 crisis”, il-Eurostat, id-Direttorat C, l-Unità C5 (Kontijiet globali integrati u bilanċ tal-pagamenti) u l-Bank Ċentrali Ewropew, id-Diviżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Istatistika (Statistika esterna u kontijiet settorjali), l-1 ta’ Lulju 2020.