28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn qafas sostenibbli għat-tikkettar tal-ikel biex il-konsumaturi jiġu awtonomizzati jagħmlu għażliet sostenibbli tal-ikel”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 75/14)

Relatur:

Andreas THURNER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

5.10.2022

Adozzjoni fil-plenarja

27.10.2022

Sessjoni plenarja Nru

573

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

147/5/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

1.1.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi qafas legali għal sistemi sostenibbli tal-ikel, inklużi regoli dwar it-tikkettar tas-sostenibbiltà tal-ikel. Huwa ċar li hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni u ċertu livell ta’ standardizzazzjoni u armonizzazzjoni biex ikunu żgurati l-kredibilità u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni;

1.2.

jenfasizza li s-sostenibbiltà hija kunċett multidimensjonali, li fih id-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali għandhom dejjem jitqiesu bl-istess mod;

1.3.

jirrimarka li d-drawwiet tal-ikel tan-nies huma differenti ħafna, jiddependu minn fatturi differenti u huma persistenti ħafna. Għalhekk, l-aspettattivi għal skema ta’ tikkettar tas-sostenibbiltà għandhom ikunu realistiċi mill-bidu nett. Madankollu, hemm interess ġenerali fil-bidla għal xejriet ta’ konsum aktar sostenibbli;

1.4.

jirrakkomanda, għalhekk, l-istabbiliment ta’ qafas sostenibbli għat-tikkettar tal-ikel li jkun trasparenti, ibbażat fuq ix-xjenza u sempliċi u prammatiku kemm jista’ jkun, li jgħin lill-operaturi ekonomiċi jivvalutaw u jtejbu s-sostenibbiltà tal-prodotti, u fl-istess ħin jipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni utli biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati;

1.5.

jissuġġerixxi li, fl-interess ta’ aċċess faċli u prammatiku, għandhom jitqiesu wkoll aspetti sekondarji ta’ sostenibbiltà definita u vvalutata b’mod komprensiv, bħat-trattament xieraq tal-annimali jew kriterji soċjali u ambjentali. Madankollu, it-terminu “sostenibbli” m’għandux jintuża f’dan il-każ, peress li dan għandu jkun riżervat għal approċċ komprensiv ta’ klassifikazzjoni;

1.6.

jirrakkomanda, l-ewwel nett, approċċ volontarju, li għandu, madankollu, jimponi kundizzjonijiet obbligatorji jekk jiġi applikat. It-tikketti ta’ sostenibbiltà jew l-indikazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà li mhumiex ibbażati fuq dawn il-kundizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu pprojbiti;

1.7.

huwa tal-fehma li s-sistemi ta’ tikkettar li jużaw skala ta’ klassifikazzjoni (eż. fil-forma ta’ sistema tad-dawl tat-traffiku) jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati. Fl-istess ħin, sistemi ta’ klassifikazzjoni bħal dawn jistgħu jippromovu wkoll it-tmexxija tas-sostenibbiltà u jħeġġu lill-kumpaniji jtejbu l-proċessi tagħhom għal dan l-għan, tul il-katina alimentari;

1.8.

jirrimarka li l-algoritmi ta’ klassifikazzjoni huma kruċjali għal mudell ta’ skalar. Dawn irid ikollhom bażi xjentifika u jkunu trasparenti għall-konsumaturi b’mod xieraq;

1.9.

huwa tal-fehma li l-iskemi ta’ kwalità eżistenti tal-UE, bħall-biedja organika u l-indikazzjonijiet ġeografiċi, diġà jinkludu elementi li jikkontribwixxu għal sostenibbiltà akbar fis-sistema tal-ikel. Dan għalhekk għandu jiġi rikonoxxut. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li r-regoli eżistenti jkunu soġġetti għal kontroll tas-sostenibbiltà u, fejn adatt, jiġu ssupplimentati minn dispożizzjonijiet adegwati dwar is-sostenibbiltà;

1.10.

jenfasizza r-rwol kruċjali li għandha l-edukazzjoni biex tipprovdi fehim bażiku tal-aspetti tas-sostenibbiltà b’rabta mal-ikel. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u miżuri adegwati biex jappoġġjaw l-affordabbiltà ta’ prodotti tal-ikel sostenibbli jistgħu jippromovu wkoll it-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli.

2.   Kuntest tal-opinjoni

2.1.

L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (1) hija element ċentrali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-għan tagħha huwa li tagħmel is-sistemi tal-ikel ġusti, tajbin għas-saħħa u favur l-ambjent. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt jinkludi, fost affarijiet oħra, miżuri li jippromovu l-konsum sostenibbli tal-ikel u jiffaċilitaw il-bidla lejn dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli. Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea diġà bdiet tħejji liġi qafas trasversali biex taċċellera u tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà. Għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-UE jsir dejjem aktar sostenibbli.

2.2.

Il-KESE diġà żviluppa qafas sod għal azzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ viżjoni strateġika dwar kif għandha tiġi promossa politika komprensiva dwar l-ikel. Il-pedamenti ta’ din il-viżjoni huma stabbiliti f’Opinjonijiet dwar kwistjonijiet bħall-politika komprensiva dwar l-ikel (2), dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli (3), ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra/l-agroekoloġija (4), il-konsum sostenibbli (5) u l-allinjament tal-istrateġiji u l-operazzjonijiet tan-negozju tal-ikel mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għal irkupru sostenibbli wara l-COVID-19 (6).

2.3.

Il-kumpaniji għandhom responsabbiltà kbira li jiddirieġu, minn naħa, lill-konsumaturi lejn għażliet tajbin għas-saħħa u li jħallu inqas impatt fuq l-ambjent u, min-naħa l-oħra, jixprunaw it-trasformazzjoni sostenibbli tas-sistemi tal-ikel permezz tal-adozzjoni ta’ prattiki sostenibbli fir-rigward tal-biedja, l-ipproċessar u l-imballaġġ. Il-kumpaniji għandhom ikunu parti mill-vjaġġ kollu lejn l-iżvilupp ta’ qafas sostenibbli għat-tikkettar tal-ikel.

2.4.

Minbarra l-kumpaniji u l-partijiet interessati fil-qasam tal-produzzjoni tal-ikel, il-konsumaturi għandhom ukoll rwol kruċjali fit-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli. Fil-prinċipju, kwalunkwe deċiżjoni ta’ xiri tiskatta l-ordni ta’ produzzjoni li jmiss. Għalhekk, żieda fid-domanda għal prodotti tal-ikel sostenibbli se twassal ukoll għal aktar sostenibbiltà min-naħa tal-provvista.

2.5.

F’dan l-isfond, l-għan ta’ din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li tesplora l-għażliet possibbli għal qafas sostenibbli għat-tikkettar tal-ikel u li tressaq konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet biex tappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika bħal dan minn stadju bikri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Is-sostenibbiltà hija kunċett multidimensjonali li dejjem għandu jqis id-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali b’mod ugwali. Skont id-definizzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), sistema sostenibbli tal-ikel hija sistema tal-ikel li toffri sigurtà alimentari u nutrizzjoni għal kulħadd b’tali mod li l-bażijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jiġġeneraw is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni għal ġenerazzjonijiet futuri ma jiġux kompromessi (7). Fil-qosor: l-iffukar esklużiv fuq l-aspetti ekoloġiċi tas-sostenibbiltà, kif spiss huwa l-każ illum, jew fuq il-pilastri soċjoekonomiċi tas-sostenibbiltà mhuwiex minnu nnifsu sostenibbli. L-għan għandu jkun li tiġi koperta l-katina tal-valur kollha fit-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà.

3.2.

L-għan ta’ qafas għat-tikkettar ma għandux ikun li jikklassifika l-ikel bħala sostenibbli jew mhux sostenibbli, iżda pjuttost għandu jappoġġja l-iżvilupp lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli. Il-qafas għat-tikkettar huwa mfassal biex jgħin lill-operaturi ekonomiċi jivvalutaw u jtejbu s-sostenibbiltà tal-prodotti (metodoloġiji li jinċentivaw it-titjib, pereżempju sistema ta’ valutazzjoni komparattiva jew sistema ta’ referenza) u biex jipprovdi gwida utli lill-konsumaturi. Dan il-qafas għat-tikkettar għandu jiġi żviluppat b’mod miftuħ u trasparenti bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u għandu jibni fuq metodoloġija ċara u bbażata fuq ix-xjenza. Biex ikunu jistgħu japplikaw skemi ta’ tikkettar, il-kumpaniji għandu jkollhom aċċess għal indikaturi, metodoloġiji u r-riżultati miksuba mill-qafas għat-tikkettar. Fuq kollox, dan il-qafas għandu jkun sempliċi.

3.3.

Hemm bżonn ta’ regoli ċari sabiex titnaqqas il-konfużjoni attwali fis-suq minħabba l-użu abbużiv tat-terminu “sostenibbli” (forma ta’ greenwashing). It-tikketti tas-sostenibbiltà jew l-indikazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà li mhumiex ibbażati fuq skema ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuta b’mod wiesa’ jenħtieġ li jiġu pprojbiti.

3.4.

It-tikkettar tas-sostenibbiltà tal-ikel għandu jkun ibbażat fuq il-proċess kollu tal-produzzjoni u għalissa għandu jkun volontarju. Madankollu, kwalunkwe qafas sostenibbli għat-tikkettar tal-ikel irid ikun ibbażat mill-bidu nett fuq definizzjoni/metodoloġija ċara bbażata fuq it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà (il-pilastru ambjentali, soċjali u ekonomiku). Dan għandu jkopri l-katina tal-valur alimentari kollha mill-produzzjoni sal-konsum. Aktar ’il quddiem, għandu jiġi evalwat jekk jistax ikun meħtieġ obbligu li tiġi ttikkettata s-sostenibbiltà. Il-qafas tal-UE għandu jippermetti marġni adegwat għas-sistemi nazzjonali u reġjonali, iżda d-definizzjonijiet u r-regoli ta’ valutazzjoni għandhom jiġu armonizzati fl-UE kollha.

3.5.

Madankollu, ir-rwol tat-tikkettar m’għandux ikun sopravalutat. Għandu jkun hemm fehim realistiku u prammatiku ta’ dak li t-tikkettar tas-sostenibbiltà jista’ jew ma jistax jikseb. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-konsumaturi għandhom ikunu konxji mit-tikkettar u jirrikonoxxuh, jifhmu xi jfisser u jkunu f’pożizzjoni u interessati li jużawh b’mod korrett sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru l-ikel u jagħmlu għażliet tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa (8). Se jkun importanti li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-iskemi tal-UE dwar is-sostenibbiltà u t-tikkettar tal-kwalità. Dan, flimkien ma’ miżuri ta’ akkwist pubbliku u ta’ edukazzjoni, jista’ jsaħħaħ id-domanda għal prodotti tal-ikel sostenibbli. Dawk li jfasslu l-politika għandhom janalizzaw ukoll miżuri adegwati biex jappoġġjaw l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà tal-ikel sostenibbli.

3.6.

It-tikkettar tas-sostenibbiltà huwa importanti f’każijiet fejn il-manifattur ma jkunx jista’ jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa direttament. Fejn il-manifattur jista’ jipprovdi l-informazzjoni rilevanti direttament lill-konsumatur (eż. f’suq tal-bdiewa lokali jew ħanut tal-bdiewa) ma tkunx meħtieġa skema ta’ tikkettar. Dan huwa importanti wkoll biex jiġi evitat piż burokratiku għall-produtturi ż-żgħar.

3.7.

L-edukazzjoni taqdi rwol kruċjali biex tipprovdi fehim bażiku tal-aspetti tas-sostenibbiltà b’rabta mal-prodotti tal-ikel. Huwa importanti li ninvestu fl-edukazzjoni dwar dieti sostenibbli minn età bikrija, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu japprezzaw il-valur tal-ikel. Barra minn hekk, wieħed jista’ jistenna li, b’riżultat ta’ dan, it-tfal “jedukaw” lill-ġenituri biex jaġixxu b’mod aktar sostenibbli, kif deher, pereżempju, fil-qasam tas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart. Pereżempju, l-iskema tal-iskejjel tal-UE għall-frott, il-ħaxix u l-ħalib għandha tiffoka wkoll fuq kwistjonijiet importanti ta’ sostenibbiltà.

3.8.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li jiġu żviluppati linji gwida ġodda dwar dieta sostenibbli li jqisu d-differenzi kulturali u ġeografiċi bejn, u fi ħdan, l-Istati Membri. Tali linji gwida jgħinu biex il-bdiewa, il-proċessuri, il-bejjiegħa bl-imnut u s-servizzi tal-ikel jingħataw direzzjoni aktar ċara. L-industrija agroalimentari tista’ tibbenefika minn “qafas” ġdid biex tipproduċi, tipproċessa, tqassam u tbigħ ikel aktar tajjeb għas-saħħa u sostenibbli bi prezz aktar ġust (9).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Id-drawwiet tal-ikel tan-nies huma diversi u influwenzati ħafna mill-ambjent personali u kulturali. Barra minn hekk, id-drawwiet tal-ikel huma persistenti ħafna: jekk in-nies iridu jibdlu d-dieti tagħhom, dan se jseħħ biss b’passi żgħar u fuq perjodi itwal ta’ żmien. L-istili ta’ ħajja tan-nies u l-ambjent soċjali huma fatturi rilevanti oħra li jiddeterminaw jekk is-sostenibbiltà għandhiex rwol fix-xejriet tal-konsum. Madankollu, perċentwal kbir u li qed jikber ta’ konsumaturi jgħidu li huma lesti jibdlu d-drawwiet tal-konsum tagħhom għal raġunijiet ta’ sostenibbiltà. Hemm interess fl-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li tippermetti għażliet infurmati.

4.2.

B’mod aktar ġenerali, it-tikkettar tas-sostenibbiltà ħafna drabi jappella għal dawk li diġà huma interessati fil-kwistjoni. It-tikkettar tas-sostenibbiltà huwa maħsub biex jiffaċilita d-deċiżjonijiet dwar il-konsum sostenibbli għal dan il-grupp ewlieni.

4.3.

Għalhekk, il-kwistjoni hija wkoll jekk għandhomx jintlaħqu dawk li m’għandhomx interess fis-sostenibbiltà, u jekk dan isir, kif. Madankollu, ir-rwol eżemplari tal-gruppi ewlenin fil-mira fir-rigward tas-sostenibbiltà jista’ jwassal għal bidla fl-imġiba permezz tal-imitazzjoni. Jekk gruppi inqas interessati fis-suġġett jagħmlu għażliet sostenibbli dwar l-ikel, tal-inqas okkażjonalment jew f’ċerti aspetti, ikun ukoll pass ’il quddiem. Dawn huma biss ftit kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati sabiex l-aspettattivi dwar it-tikkettar tas-sostenibbiltà jkunu realistiċi mill-bidu nett.

4.4.

Is-sensibilizzazzjoni, l-aċċettazzjoni tal-konsumatur u ċ-ċarezza tal-messaġġ huma prerekwiżiti ewlenin biex it-tikkettar tas-sostenibbiltà tal-ikel ikun suċċess. It-tikkettar innifsu għandu jkun jinftiehem, sempliċi u affidabbli. B’mod parallel, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ akkumpanjament min-naħa tal-konsumatur, li jippromovu l-edukazzjoni u l-informazzjoni dwar dieti sostenibbli, iżidu l-fiduċja u l-aċċettazzjoni f’sistema ta’ tikkettar u jinkoraġġixxu konsum aktar sostenibbli.

4.5.

L-indikazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin: l-affidabbiltà, it-trasparenza, ir-rilevanza, l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza (linji gwida tan-NU għall-għoti ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti (10)). Is-sistema ta’ ċertifikazzjoni għandha tiżgura li l-isfond strutturali jitqies b’mod adegwat sabiex ma jiġux penalizzati strutturi żgħar (bdiewa, SMEs, bejgħ dirett mill-azjenda agrikola, swieq ta’ kull ġimgħa, eċċ.).

4.6.

Tikketti bi skala ta’ klassifikazzjoni (eż. fil-forma ta’ sistema tad-dawl tat-traffiku) jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati. Fl-istess ħin, sistema ta’ klassifikazzjoni bħal din tista’ tippromovi wkoll it-tmexxija tas-sostenibbiltà u tista’ tħeġġeġ lin-negozji jtejbu l-proċessi tagħhom f’dan ir-rigward tul il-katina alimentari. Madankollu, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni, għandu jkun hemm ċertu grad ta’ konsistenza fid-diversi skemi ta’ tikkettar.

4.7.

L-iżvilupp ta’ qafas adegwat għat-tikkettar tas-sostenibbiltà għandu, kemm jista’ jkun, jieħu approċċ olistiku fl-interess ta’ “produzzjoni u konsum sostenibbli” aktar milli sempliċement “ikel sostenibbli”. L-imġiba tal-konsumatur hija element essenzjali fl-istampa ġenerali ta’ sistema tal-ikel sostenibbli. Anke l-imballaġġ u t-trasport (l-oriġini tal-prodott) huma oqsma daqstant rilevanti. Fl-istess ħin, se jkun meħtieġ li jintwera prammatiżmu fid-definizzjoni tal-indikaturi rilevanti tas-sostenibbiltà (eż. liema informazzjoni/data hija disponibbli f’forma affidabbli). Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li jiġi stabbilit malajr kemm jista’ jkun sett armonizzat ta’ regoli dwar it-tikkettar tas-sostenibbiltà. Għadd dejjem jikber ta’ tikketti tas-sostenibbiltà differenti fil-livell nazzjonali u tan-negozju joħloq biss konfużjoni u jwassal għal telf ta’ fiduċja.

4.8.

Il-bejjiegħa tal-ikel bl-imnut Ewropej diġà qed jiksbu l-ewwel esperjenza tagħhom permezz ta’ proġetti pilota dwar it-tikkettar tas-sostenibbiltà tal-ikel. Is-sejbiet preliminari jinkludu: il-perċezzjoni tal-prodotti ttikkettati għandha t-tendenza li tkun aktar pożittiva milli għal prodotti mhux ittikkettati bi ftit influwenza fuq id-deċiżjoni tax-xiri; feedback pożittiv li jiġi prinċipalment minn persuni iżgħar fl-età; xi drabi l-użu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni jwassal għal konfużjoni mas-sistema Nutriscore; fl-aħħar nett, il-konsumaturi jridu li l-informazzjoni tintwera fuq l-imballaġġ (u mhux biss fuq it-tikketta tal-prezz). Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu l-kredibbiltà tas-sistema ta’ klassifikazzjoni (indipendenti, ibbażata fuq ix-xjenza), iċ-ċarezza tal-informazzjoni (komprensibbiltà), l-użu ta’ approċċ armonizzat kemm jista’ jkun fis-settur kollu u t-trasparenza (“kjarifika” aktar milli “semplifikazzjoni”, pereżempju permezz ta’ barcode li jaħżen informazzjoni rilevanti).

4.9.

Il-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni soċjali u soċjoekonomika hija kruċjali, għalkemm l-indikaturi għal dan mhux neċessarjament ikunu ovvji. Fil-qasam soċjali b’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom dispożizzjonijiet legali differenti (kundizzjonijiet tax-xogħol, paga minima), li x’aktarx jikkumplikaw l-isforzi biex jiġi żviluppat approċċ armonizzat fl-UE kollha. Minkejja dan, huwa importanti li tiġi inkluża d-dimensjoni soċjoekonomika fit-tikkettar tas-sostenibbiltà.

4.10.

Bħala parti minn approċċ prammatiku, jidher loġiku li jiġu rikonoxxuti l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti tal-UE bħall-biedja organika, l-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) jew l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STG) biex tiġi promossa s-sostenibbiltà fis-sistema tal-ikel. Filwaqt li dawn l-iskemi jistgħu ma jkoprux bis-sħiħ il-kwistjoni tas-sostenibbiltà, dawn jinkludu elementi li jikkontribwixxu għal sostenibbiltà akbar fis-sistema tal-ikel. Ir-regoli eżistenti għandhom ikunu soġġetti għal kontroll tas-sostenibbiltà u, jekk ikun meħtieġ, ikkomplementati minn dispożizzjonijiet adegwati dwar is-sostenibbiltà.

4.11.

Il-prodotti reġjonali/lokali u l-ktajjen tal-provvista qosra jista’ jkollhom rwol biex is-sistemi tal-ikel isiru aktar sostenibbli. Il-produtturi reġjonali ħafna drabi jipproduċu fil-viċinanza immedjata tal-popolazzjoni lokali u għalhekk huma soġġetti għal ċertu “kontroll soċjali”, li għandu t-tendenza li jippromovi metodi ta’ produzzjoni sostenibbli.

4.12.

Il-kwistjoni ta’ “staġjonalità” għandha impatt fuq il-livell ta’ sostenibbiltà, speċjalment fil-każ tal-frott u l-ħaxix. L-informazzjoni u l-edukazzjoni jistgħu jissensibilizzaw lill-pubbliku biex ma jkunx hemm ħela fil-konsum ta’ din il-kategorija tal-ikel li jeħżien malajr u li għandu kontenut għoli ta’ ilma.

4.13.

Ir-riforma reċenti tal-PAK u l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (l-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt) fl-agrikoltura Ewropea se jiżguraw li l-produzzjoni agrikola fl-Ewropa ssir saħansitra aktar sostenibbli. Għalhekk, it-tikkettar tal-oriġini tal-materja prima agrikola jagħmilha possibbli wkoll li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-livell ta’ sostenibbiltà tagħhom.

Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://food.ec.europa.eu/horizontal-topics/farm-fork-strategy_mt

(2)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18).

(3)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9).

(4)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra u alternattivi fl-UE: ir-rwol tal-agroekoloġija (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 65).

(5)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Lejn strateġija tal-UE dwar il-konsum sostenibbli (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 51).

(6)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-allinjament tal-istrateġiji u l-operazzjonijiet tan-negozju tal-ikel mal-SDGs għal irkupru sostenibbli wara l-COVID-19 (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 63).

(7)  https://www.fao.org/in-action/territorios-inteligentes/componentes/produccion-agricola/contexto-general/en/

(8)  https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/336988/WHO-EURO-2020-1569-41320-56234-eng.pdf?sequence=1&isAllowed=y

(9)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9).

(10)  https://www.oneplanetnetwork.org/knowledge-centre/resources/guidelines-providing-product-sustainability-information