Brussell, 10.9.2020

COM(2020) 490 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali ta’ servizzi u investiment dirett barrani


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali ta’ servizzi u investiment dirett barrani

1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 allinja, inter alia, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 184/2005 2 mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005, kif emendat, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għall-iskopijiet li ġejjin:

Øbiex taġġorna l-livelli tad-diżaggregazzjoni ġeografika, il-livelli tad-diżaggregazzjoni tas-settur istituzzjonali u l-livelli tad-diżaggregazzjoni tal-attività ekonomika stabbiliti fit-Tabelli 6, 7 u 8 tal-Anness I tiegħu biex jirriflettu l-bidliet ekonomiċi jew tekniċi (l-Artikolu 2(3));

Øbiex tneħħi jew tnaqqas ċerti rekwiżiti ta’ flussi ta’ data fl-Anness I tiegħu, dment li tali tneħħija jew tnaqqis ma jnaqqsux il-kwalità tal-istatistika prodotta f’konformità ma’ dak ir-Regolament (l-Artikolu 2(3)); kif ukoll

Øbiex testendi l-iskadenza tar-rapport skont l-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tas-sejbiet tal-istudji pilota dwar l-istatistika dwar l-investiment dirett barrani (FDI) imsejsa fuq il-kunċett ta’ sjieda effettiva u fuq l-istatistika tal-FDI li tiddistingwi tranżazzjonijiet tal-FDI f’żona ġdida minn take-overs (l-Artikolu 5(6)).

Meta teżerċita dawk is-setgħat, il-Kummissjoni jenħtieġ tiżgura li l-atti delegati adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet la jimponu piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq l-unitajiet rispondenti, li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, u lanqas ma jimmodifikaw il-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli. L-Artikolu 10(4) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi konsultazzjonijiet sistematiċi mal-esperti tal-Istati Membri mill-Kummissjoni waqt il-ħidma ta’ tħejjija fuq l-atti delegati, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 3 . L-Artikolu 10(5) ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malli tadotta att delegat.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-19 ta’ Lulju 2016. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ ħames snin, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax din l-estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

Il-Kummissjoni hija obbligata tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames snin.

Dan ir-rapport jissodisfa dan l-obbligu.

3.L-EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA TAL-KUMMISSJONI

Mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2016/1013, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed – ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 4 . Imsejjes fuq l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, dan ir-Regolament Delegat aġġorna l-livelli tad-diżaggregazzjoni ġeografika stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, sabiex ikunu jirriflettu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi.

Il-Kummissjoni qieset meħtieġ li teżerċita s-setgħa mogħtija lilha bir-Regolament (KE) Nru 184/2005 bħala tħejjija meħtieġa għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Wara n-notifika tar-Renju Unit (fid-29 ta’ Marzu 2017) bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-TUE, il-Kummissjoni stabbiliet diversi miżuri ta’ tħejjija 5 , inkluż l-aġġornament tal-kompożizzjoni tal-aggregati tal-UE fl-istatistika tal-UE dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta’ servizzi u l-investiment dirett barrani. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 kien parti mill-pakkett ta’ miżuri adottati mill-Kummissjoni f’Diċembru 2018 bħala reazzjoni għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 aġġorna t-Tabella 6 “Livelli ta’ tqassim ġeografiku” tal-Anness I tar-Regolament (KE) 184/2005 kif ġej:

1)Ir-Renju Unit kien inkluż bħala pajjiż kontroparti separat fil-kolonna GEO 4 6 biex tiġi żgurata l-kontinwità tat-trażmissjoni tad-data tal-Istati Membri lill-Eurostat mal-kontroparti tar-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-UE.

2)Ir-Renju Unit tpoġġa taħt l-aggregat ġeografiku “Pajjiżi Ewropej oħra” fil-kolonni GEO 5 u GEO 6 7 . L-aggregat “Pajjiżi Ewropej Oħra” jinkludi l-pajjiżi Ewropej kollha li la huma Stati Membri tal-UE u lanqas Stati Membri tal-EFTA. Billi r-Renju Unit mistenni jsir pajjiż terz wara l-ħruġ tiegħu mill-UE, il-pożizzjonament tiegħu fil-GEO 5 u fil-GEO 6 kellu jinbidel skont dan.

Dan l-aġġornament la jaffettwa l-piż tar-rappurtar u lanqas ma jimmodifika l-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli.

Tul il-ħidma ta’ tħejjija għal dan ir-Regolament Delegat, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-partijiet ikkonsultati kienu jinkludu l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Grupp ta’ Esperti “Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika”. Huma ġew ikkonsultati permezz ta’ proċedura bil-miktub f’Ottubru u f’Novembru 2018. L-abbozz tal-att delegat intlaqa’ b’mod favorevoli miż-żewġ gruppi.

Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill tgħarrfu kif xieraq u rċevew id-dokumenti rilevanti kollha minnufih.

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat fid-19 ta’ Diċembru 2018 u għarrfet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma ħarġu xi oġġezzjoni għall-att delegat fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur permess mill-Artikolu 10(6) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005. Mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Marzu 2019. Dan daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 2019.

4.KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni eżerċitat sew is-setgħat delegati lilha u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni temmen li jenħtieġ jibqa’ jkollha dawn is-setgħat, peress li fil-ġejjieni jaf tkun teħtieġ tadotta atti delegati skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, meta jkun hemm bżonn jiġu aġġornati l-livelli tad-diżaggregazzjoni ġeografika, il-livelli tad-diżaggregazzjoni tas-settur istituzzjonali u l-livelli tad-diżaggregazzjoni tal-attività ekonomika stipulata f’dan l-Anness, minħabba bidliet ekonomiċi jew tekniċi.

(1)

  Ir-Regolament (UE) 2016/1013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali ta’ servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 144).

(2)

  Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23).

(3)

  Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (ĠU L 123/1).

(4)

  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/505 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-livelli ta’ tqassim ġeografiku (ĠU L 85, 27.3.2019, p. 1).

(5)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” (COM(2018) 880 final, 13.11.2018)

(6)

Il-kolonna GEO 4 tistabbilixxi l-livell ta’ tqassim ġeografiku meħtieġ għal ċerti entrati tad-data trimestrali tal-Istati Membri dwar il-bilanċ ta’ pagamenti u l-qagħda internazzjonali tal-investiment u t-tqassim tal-attività tat-tranżazzjonijiet annwali tal-investiment dirett u tal-pożizzjonijiet annwali tal-investiment dirett. Bħalissa, il-GEO 4 jinkludi ż-żoni kontroparti li ġejjin: l-Istati Membri tal-Unjoni li mhumiex fiż-żona tal-euro; l-Iżvizzera; ir-Russja; ir-Renju Unit; il-Kanada; l-Istati Uniti; il-Brażil; iċ-Ċina; Hong Kong; l-Indja; il-Ġappun; l-Intra-Unjoni; l-Extra-Unjoni; iż-żona intra-euro; iż-żona barra mill-euro; l-Istituzzjoni tal-Unjoni (għajr il-Bank Ċentrali Ewropew); il-Bank Ewropew tal-Investiment; iċ-ċentri finanzjarji offshore; l-organizzazzjonijiet internazzjonali (għajr l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea) u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

(7)

Il-kolonni GEO 5 u GEO 6, li jistabbilixxu t-tqassim ġeografiku fil-livell meħtieġ għal ċerti entrati tad-data annwali tal-Istati Membri dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ servizzi, it-tranżazzjonijiet annwali ta’ investiment dirett (inkluż l-introjtu) u l-pożizzjonijiet annwali ta’ investiment dirett imressqa lill-Eurostat.