Brussell, 26.8.2020

COM(2020) 433 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-Network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017


Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-Network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017

1.Introduzzjoni

It-trasport huwa l-qofol tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u bis-saħħa tiegħu jkun hemm konnettività, konverġenza u koeżjoni fl-Unjoni kollha. Kundizzjoni ewlenija għat-tlestija u għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku Ewropew u biex l-Ewropa tkun konnessa mas-swieq dinjija hija li jkun hemm network Ewropew tat-trasport intelliġenti, sostenibbli u interkonness għalkollox. Għaldaqstant dan jikkontribwixxi għall-aġenda Ewropea għat-tkabbir ekonomiku, għall-impjiegi u għall-kompetittività. Barra minn hekk, permezz tal-iżvilupp ta’ modalitajiet iktar nodfa ta’ trasport bħat-trasport ferrovjarju u l-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll l-isfruttar ta’ fjuwils alternattivi fit-trasport bit-triq u dak marittimu, dan għandu wkoll rwol ċentrali fid-dekarbonizzazzjoni u għalhekk għall-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 .

L-implimentazzjoni tal-objettivi u l-istandards stabbiliti fil-linji gwida għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, minn hawn ’il quddiem ir-Regolament tat-TEN-T 2 ) tal-2013 hija għalhekk kruċjali għal network Ewropew tat-trasport iktar sostenibbli, bla intoppi u iktar intelliġenti. Tabilħaqq, il-linji gwida tat-TEN-T jistabbilixxu network komprensiv u ewlieni bl-għan li minn banda jiġi promoss it-titjib tal-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha għas-swieq Ewropej u globali, u mill-banda l-oħra jkun hemm enfasi qawwija fuq l-infrastruttura ta’ importanza strateġika. Kemm in-networks ewlenin kif ukoll dawk komprensivi jiffokaw fuq l-integrazzjoni modali, l-interoperabbiltà u l-iżvilupp ikkoordinat tal-infrastruttura, b’mod partikolari fis-sezzjonijiet transfruntiera, biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ konnessjonijiet u biex jitneħħew il-konġestjonijiet. Il-politika tat-TEN-T twitti t-triq ukoll għall-futur tas-sistema tat-trasport, b’mod partikolari permezz ta’ faċilitajiet li jistimulaw soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet, kunċetti ta’ servizz tal-ġenerazzjoni l-ġdida u oqsma oħra ta’ innovazzjoni teknoloġika. Għalhekk, ir-Regolament tat-TEN-T jistabbilixxi skadenzi ċari għat-tlestija tan-network ewlieni (sal-2030) u tan-network komprensiv (sal-2050).

L-istrument finanzjarju, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 3 , tappoġġa l-implimentazzjoni tat-TEN-T. Barra minn hekk, isiru investimenti sostanzjali fuq it-TEN-T permezz tal-appoġġ tal-UE mill-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) kif ukoll permezz tad-diversi strumenti finanzjarji li jipprovdi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

Sabiex iċ-ċittadini u l-fassala tal-politika Ewropej jiġu mgħarrfa dwar l-effettività tal-politika tat-TEN-T, jeħtieġ li r-riżultati intermedji jiġu mkejla u rrapportati. Għal dan l-għan, l-Artikolu 49(3) tar-Regolament tat-TEN-T jirrikjedi li kull sentejn, il-Kummissjoni tippubblika rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-network trans-Ewropew tat-trasport u tippreżentah lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-ewwel rapport dwar is-snin ta’ rapportar 2014 u 2015 ġie adottat f’Ġunju 2017 4 . Dan ir-rapport ta’ progress huwa għalhekk it-tieni rapport biannwali bħal dan ippreżentat mill-Kummissjoni lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Dan it-tieni rapport jibni fuq id-data mill-2016 u l-2017 5 . Dan minnu nnifsu jagħti stampa ta’ sitwazzjoni li, speċjalment f’termini ta’ konformità teknika, kompliet tagħmel progress sal-lum. Il-progress diġà viżibbli fl-2016 u fl-2017 jibgħat is-sinjal it-tajjeb u jenfasizza r-rilevanza tal-politika tat-TEN-T, li llum hija saħansitra akbar minn meta ġiet imfassla fl-2013, b’referenza fost l-oħrajn għad-dekarbonizzazzjoni u l-Patt Ekoloġiku Ewropew fejn it-trasport għandu rwol importanti ħafna x’jaqdi.

2.Riżultati ewlenin

Abbażi tas-Sistema ta’ Informazzjoni tat-TENtec, l-istat attwali ta’ implimentazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport tat-TEN-T fil-livell tal-Kurituri tan-Network Ewlieni, f’termini ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tat-TEN-T, jilħaq bejn 81 % u 100 % għall-biċċa l-kbira (għaxra minn 13) tal-indikaturi disponibbli, filwaqt li għat-tliet rekwiżiti li jifdal, ir-rati ta’ konformità jvarjaw minn 11 % sa 67 %.

Għalkemm wieħed jista’ għalhekk josserva titjib fir-rati ta’ konformità mal-istandards tat-TEN-T fl-2017 meta mqabbla mas-snin preċedenti, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dawn ir-rati ta’ konformità mhux dejjem jirriflettu bis-sħiħ ir-realtà f’termini ta’ kwalità jew funzjonalità operattiva tan-network tat-trasport. Tabilħaqq, din l-analiżi jeħtieġ li titqiegħed fil-kuntest ta’ standards tekniċi tat-TEN-T parzjalment limitati meta mqabbla mal-ħtiġijiet reali fuq il-post. Għalhekk, jaf ikun jeħtieġ li dawn l-istandards jiġu speċifikati u żviluppati iktar fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament tat-TEN-T sabiex il-potenzjali u l-limitazzjonijiet reali tan-network jintlaħqu aħjar.

Biex nagħtu eżempju konkret: għan-network tal-infrastruttura ferrovjarja, il-konformità diġà ntlaħqet fil-biċċa l-kbira f’termini ta’ elettrifikazzjoni (89 %), gauge tal-binarji (86 %), veloċità tal-linji tal-merkanzija (86 %) u tagħbija tal-merkanzija fuq il-fus (81 %), filwaqt li t-tul tal-ferroviji tal-merkanzija (43 %) u speċjalment l-użu tal-ERTMS (11 %) għadhom lura. Madankollu, linja tista’ tkun adatta għal tul tal-ferrovija ta’ 740 m iżda ma għandhiex biżżejjed sidings biex tiżgura interoperabbiltà sħiħa fil-prattika.

Fir-rigward tat-toroq, il-konformità mal-kriterji ta’ toroq espress/awtostradi ntlaħqet kompletament (100 %). Madankollu, kif intqal hawn fuq, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li d-definizzjonijiet tal-kategoriji tat-toroq fir-Regolament tat-TEN-T huma differenti minn dawk tal-UNECE/EUROSTAT/ITF, u dan jaħbi l-fatt li t-toroq jistgħu jkunu ta’ kwalità insuffiċjenti ’l hawn u ’l hinn. Barra minn hekk, partijiet min-network jistgħu ma jkunux inżammu kif suppost għal ċertu perjodu, u b’hekk triq li tkun konformi nominalment ma tilħaqx l-istandards operazzjonali u dawk tas-sikurezza.

Il-passaġġi fuq l-ilma interni huma kważi kompletament konformi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-RIS (98 %) u r-rekwiżit tas-CEMT tal-klassi IV jew ogħla (97 %). Kemm il-pixka permissibbli ta’ 2,5 m jew iktar kif ukoll l-għoli permissibbli taħt il-pontijiet ta’ 5,25 m jew aktar jinsabu diġà f’livell għoli ta’ 85 %. Madankollu, dan jenħtieġ li ma jaħbix il-fatt li fejn il-konformità tinkiseb nominalment, hemm eżenzjonijiet fuq distanzi qosra b’impatti xorta waħda serji fuq in-navigabbiltà ta’ sezzjoni usa’. Is-sitwazzjoni tad-Danubju, pereżempju, hija wieħed minn dawn il-każijiet.

Fl-aħħar nett, 89 % tal-portijiet marittimi huma konnessi mal-ferroviji, filwaqt li l-konnessjoni ferrovjarja tal-ajruporti għadha ftit lura b’67 %. Għal darb’oħra, id-data t-tajba xi kultant tista’ taħbi sitwazzjoni inqas pożittiva għal xi wħud minn dawn in-nodi, speċjalment għall-portijiet: f’għadd ta’ każijiet, il-konnessjoni ferrovjarja eżistenti mhijiex biżżejjed f’termini ta’ kapaċità jew ta’ kwalità jew sempliċement ma tmurx għaċ-ċirkwit tad-distribuzzjoni (last/first mile).

Flimkien mal-istat tal-implimentazzjoni teknika tat-TEN-T, dan ir-rapport janalizza wkoll l-isforzi li saru f’termini ta’ investimenti finanzjarji fit-TEN-T kollu. Matul l-2016 u l-2017, l-investiment totali li sar fuq in-network tat-TEN-T ammonta għal aktar minn EUR 91 biljun. Il-maġġoranza tal-investimenti saru minn riżorsi nazzjonali (73 %). Mill-EUR 91 biljun, EUR 11,5-il biljun ġew iffinanzjati permezz tas-self mill-BEI, EUR 9,8 biljun ġew kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FEŻR u FK) u EUR 3,1 biljun mill-FNE.

Fir-rigward tal-ishma modali, l-ogħla sehem ta’ investimenti totali (EUR 80 biljun) irrapportat mill-Istati Membri (li jinkludi l-parti ta’ kofinanzjament tal-UE kull fejn rilevanti) ġie investit fuq in-network ewlieni (71 %). Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-fondi ġew attribwiti għall-ferroviji tat-TEN-T (inkluż l-ERTMS) (45 %).

3.Kamp ta’ applikazzjoni u metodoloġija

L-Artikolu (49)3 tar-Regolament tat-TEN-T jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ rapportar tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport abbażi tal-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-proġett, b’mod partikolari permezz tas-sistema ġeografika, teknika u interattiva għan-network trans-Ewropew tat-trasport (TENtec). Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija meħtieġa tagħmel disponibbli l-informazzjoni dwar l-użu ta’ diversi forom ta’ assistenza finanzjarja għal kull modalità ta’ trasport kif ukoll dwar elementi oħra tan-network ewlieni u tan-network komprensiv f’kull Stat Membru. Jenħtieġ li r-rapport jiddeskrivi wkoll l-koordinazzjoni tal-Kummissjoni fil-konfront tal-forom kollha ta’ assistenza finanzjarja bl-għan li tappoġġa applikazzjoni koerenti tar-Regolament tat-TEN-T skont l-objettivi u l-prijoritajiet tiegħu.

L-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni għas-snin ta’ rapportar 2014-2015 ġie adottat f’Ġunju 2017. Madankollu, l-ewwel rapport xorta waħda kellu varjetà ta’ diffikultajiet, f’termini ta’ disponibbiltà tad-data, limitazzjonijiet metodoloġiċi, eċċ. Għalhekk, il-metodoloġija applikata għar-riċerka tad-data għal dan ir-rapport ġiet modifikata. Konsegwentement, id-data tar-rapport tal-2014-2015 ma tistax, fil-partijiet u fl-aspetti kollha, titqabbel direttament mal-analiżi ta’ dan ir-rapport.

Dan ir-rapport tal-2016-2017 jirrappreżenta analiżi tal-implimentazzjoni tal-parametri tekniċi tat-TEN-T. Din l-analiżi saret permezz tad-data mtella’ fis-sistema ta’ informazzjoni tat-TENtec b’sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) li ġew definiti abbażi tar-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport previsti fir-Regolament tat-TEN-T. Is-sett ta’ data għall-2016 u għall-2017 huwa madankollu limitat għan-network tal-kurituri tan-network ewlieni. Madankollu, id-data għall-kurituri tan-network ewlieni diġà tagħti indikazzjoni importanti tal-progress li sar fuq it-TEN-T minħabba li l-investimenti (kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri) kienu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ikkonċentrati xorta waħda fuq il-kurituri tan-network ewlieni f’dawn l-ewwel snin minn meta l-iskadenza għat-tlestija tagħhom kienet l-2030 u mhux l-2050, kif kien għan-network komprensiv.

Barra minn hekk, u kif imsemmi hawn fuq, dan ir-rapport jirrifletti l-istampa f’termini ta’ konformità pura tal-infrastruttura mal-istandards tat-TEN-T kif definiti fir-Regolament tat-TEN-T. Konformità sħiħa jaf mhux bilfors tiggarantixxi li ma jkunx hemm nuqqasijiet operattivi jew konġestjonijiet għall-kapaċità fuq il-post. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea twettaq studji dettaljati għad-disa’ kurituri tan-network ewlieni kollha kif ukoll għaż-żewġ prijoritajiet orizzontali, li janalizzaw l-infrastruttura f’ħafna iktar dettall, jiġifieri mhux biss f’termini ta’ konformità statistika iżda wkoll abbażi ta’ valutazzjonijiet kwalitattivi f’perspettiva usa’ tan-network. Abbażi ta’ dik l-analiżi, in-nuqqasijiet u l-konġestjonijiet huma riflessi fil-Pjanijiet ta’ Ħidma tal-Kurituri korrispondenti kif ukoll fil-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni tal-ERTMS u tal-Awtostradi tal-Baħar tal-Koordinaturi Ewropej.

Finalment, dan ir-rapport jippreżenta indikazzjoni tal-baġits nazzjonali u tal-kofinanzjament u l-finanzjament minn diversi sorsi tal-UE għall-investimenti li saru fuq l-infrastruttura tan-network tat-TEN-T matul il-perjodu tal-2016 u tal-2017, prinċipalment il-FEŻR, il-FK, il-FNE u s-self mill-BEI. Billi r-rapport għall-2014 u għall-2015 għadu ma ta l-ebda indikazzjoni tal-baġit tal-Istati Membri investit fit-TEN-T minħabba diffikultajiet marbuta mal-bażi analitika u metodoloġika, dan ir-rapport jippreżenta għall-ewwel darba l-investimenti tagħhom li saru 6 . Din id-data ġiet irrapportata direttament mill-Istati Membri permezz ta’ eżerċizzju unifikat ta’ stħarriġ.

Fir-rigward tal-kofinanzjament mill-UE, id-data nġabret mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Networks (INEA), mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).



4.Status tal-implimentazzjoni tat-TEN-T: Progress tekniku li sar fuq in-network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017

Ir-Regolament tat-TEN-T jistabbilixxi n-networks komprensivi u ewlenin abbażi ta’ metodoloġija li tiddependi fuq kriterji oġġettivi u limiti kwantitattivi u li ntużat mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-proċedura leġiżlattiva 7 . In-networks ewlenin kif ukoll dawk komprensivi huma assoċjati ma’ rekwiżiti tekniċi definiti u ma’ miri ta’ prijorità.

Il-progress li sar fir-rigward tat-twettiq tat-TEN-T jeħtieġ li jiġi referenzjat ma’ dawn l-istandards tekniċi bl-għajnuna ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. L-aġġornament regolari tad-definizzjoni tan-network tat-TEN-T u l-monitoraġġ tal-limiti kwantitattivi li jridu jiġu ssodisfati huma wkoll parti integrali tar-rapportar dwar il-progress.

5.Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni tat-TENtec

Sa issa, it-TENtec jikkollega l-informazzjoni ġeografika u d-data tal-parametri tekniċi tal-infrastruttura tat-TEN-T u jippermetti lill-utent jiġbor l-informazzjoni faċilment u joħloq rapporti u mapep, li jkopru n-networks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T u saffi oħra ta’ data tematika. Dawn il-bażijiet tad-data jinkorporaw id-data li tinġabar mill-Istati Membri, mill-istudji tal-kurituri u minn attivitajiet oħra tal-ġbir tad-data u bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni jkollha l-mezzi biex tidentifika l-problemi kritiċi bħall-konġestjonijiet u l-kwistjonijiet marbuta mal-interoperabbiltà bejn il-fruntieri.

Meta mqabbel mar-rapport biennali preċedenti, il-kwantità tad-data, ir-rata tal-mili u l-kwalità tjiebu b’mod sinifikanti fil-livell tal-Kurituri tan-Network Ewlieni, u dan ippermetta l-preżentazzjoni ta’ mapep ta’ konformità dettaljati għall-parametri tekniċi ewlenin.

6.Implimentazzjoni teknika tan-network tat-TEN-T permezz tal-KPI

Abbażi tas-Sistema ta’ Informazzjoni tat-TENtec attwali, l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport tat-TEN-T f’termini ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tat-TEN-T fil-livell tal-Kuritur tan-Network Ewlieni jilħaq bejn 81 % u 100 % għall-biċċa l-kbira (10 minn 13) tal-indikaturi disponibbli. Madankollu, anke f’każijiet fejn is-sitwazzjoni tjiebet iktar mill-2017, perċentwal għoli ta’ konformità jista’ jaħbi sitwazzjoni inqas pożittiva fuq il-post minħabba li l-kriterji tar-Regolament tat-TEN-T mhumiex żviluppati u speċifikati biżżejjed (ara t-taqsima 1.1 hawn fuq).

Illustrazzjoni 1: Konformità f’% għan-Network tal-Kuritur tan-Network Ewlieni (CNC)

Sors: TENtec

Ferroviji

Il-konformità tal-elettrifikazzjoni ferrovjarja diġà tinsab f’livell għoli ta’ 89 % skont id-data tal-2017. Ċerti networks iżolati prinċipalment fl-Irlanda, fir-Renju Unit, fl-Istati Baltiċi, fi Spanja u fil-Portugall huma eżentati 8 . Il-gauge tal-binarji ferrovjarji diġà huwa konformi b’livell għoli ta’ 86 % skont id-data tal-2017. It-tliet eċċezzjonijiet notevoli huma l-gauge Iberiku li għadu predominanti fil-Peniżola Iberika, il-gauge Irlandiż li għadu l-uniku gauge fl-Irlanda u l-gauge wiesa’ li għadu kważi l-uniku gauge fl-Istati Baltiċi u fil-Finlandja. Is-sitwazzjoni tjiebet mid-data tal-2017 u l-iżviluppi fil-materjal fuq ir-roti b’gauge varjabbli naqqsu kemxejn l-importanza ta’ dan il-parametru għall-interoperabbiltà ferrovjarja. Dan jaf ikun jeħtieġ li jiġi indirizzat ukoll fir-reviżjoni tar-Regolament tat-TEN-T. L-implimentazzjoni tal-ERTMS (maġenb il-binarji) tinsab f’livell baxx ta’ 11 % skont id-data tal-2017. L-implimentazzjoni tal-ERTMS hija l-akbar sfida f’termini tal-parametri tat-TEN-T bi progress iktar bil-mod milli antiċipat u mixtieq. Hemm pjanijiet fis-seħħ biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni. L-ERTMS diġà qiegħda tintuża prinċipalment fuq partijiet tan-networks Spanjoli, Franċiżi, Belġjani, Lussemburgiżi, Netherlandiżi, Sloveni u Pollakki. Għal darb’oħra, is-sitwazzjoni tjiebet mid-data tal-2017, li se tkun riflessa fir-rapport li jmiss, u l-Ġermanja pereżempju dan l-aħħar ħabbret investimenti ambizzjużi fl-ERTMS, filwaqt li Stati Membri oħra qegħdin iżidu l-isforzi tagħhom b’mod pjuttost sinifikanti. Għall-veloċità tal-linji tal-merkanzija, il-konformità fil-konfront tal-parametru ta’ 100 km/h jew iktar diġà tinsab f’livell għoli ta’ 86 % skont id-data tal-2017. Il-qtugħ huwa prinċipalment fl-Istati Baltiċi, fil-Polonja u fil-Bulgarija. Għat-tagħbija tal-merkanzija fuq il-fus, il-konformità fil-konfront tal-parametru ta’ 22,5 tunnellata jew iktar għal kull fus diġà tinsab f’livell għoli ta’ 81 % skont id-data tal-2017. Il-qtugħ huwa prinċipalment fir-Rumanija, fl-Ungerija, fil-Polonja u fl-Irlanda. Finalment, għat-tul tal-ferroviji tal-merkanzija, il-konformità fil-konfront tal-parametru ta’ 740 m jew ta’ sidings itwal għall-ferroviji tinsab f’livell medju ta’ 43 % skont id-data tal-2017. Prinċipalment, il-parametru diġà ntlaħaq fi Franza, fil-Benelux, fil-Ġermanja u fid-Danimarka. Madankollu, dan irid jitqies mat-twissijiet diġà msemmija li s-sitwazzjoni kompliet titjieb mill-2017 u li hemm differenzi ’l hawn u ’l hinn bejn il-konformità nominali u l-possibbiltajiet operattivi reali. Pereżempju, linja tista’ tkun adatta għal ferroviji ta’ 740 m filwaqt li ma jkollhiex biżżejjed sidings biex din il-possibbiltà ssir realtà.

Toroq

Għat-toroq, l-indikatur ewlieni li ġie kkalkolat huwa l-għadd totali ta’ kilometri li huma konformi mat-tipi ta’ awtostradi/toroq espress. Ir-riżultati juru li l-konformità ntlaħqet b’100 %. Bħalissa ma hemm l-ebda informazzjoni kompluta dwar id-disponibbiltà ta’ fjuwils nodfa disponibbli fit-TENtec. Huwa mistenni li tiġi ppreżentata informazzjoni iktar dettaljata fit-tielet rapport ta’ progress għas-snin ta’ rapportar 2018-2019.

Portijiet

Il-konformità tal-konnessjoni tal-portijiet marittimi mat-trasport ferrovjarju diġà hija ta’ 89 % skont id-data tal-2017. Il-qtugħ jikkonċerna biss 14-il port, b’iktar minn nofshom fl-Istati Membri tan-Nofsinhar, inkluż fl-Italja u fil-Greċja. Madankollu, jeħtieġ li jiġi enfasizzat għal darb’oħra li l-istandard tat-TEN-T jirreferi biss għal konnessjoni permezz tat-trasport ferrovjarju u ma jsemmi xejn dwar il-kwalità ta’ din il-konnessjoni ferrovjarja. Għalhekk, jista’ jkun li għad hemm limitazzjonijiet, eż. fir-rigward tal-konnessjoni maċ-ċirkwit lokali ta’ port, anke jekk formalment dak il-port huwa konformi mal-istandard tat-TEN-T.

Passaġġi fuq l-Ilma Interni

F’termini ta’ implimentazzjoni tal-RIS, il-konformità diġà tinsab f’livell għoli ħafna ta’ 98 % skont id-data tal-2017. L-aħħar qtugħ huwa fi Franza u fl-Italja. Il-konformità fil-konfront tal-parametru tal-klassi IV tas-CEMT jew ogħla tinsab ukoll f’livell għoli ħafna ta’ 97 % skont id-data tal-2017. Il-qtugħ ewlieni huwa fil-Kroazja fuq ix-Xmara Sava. Il-konformità ta’ minimu ta’ 5,25 metri ta’ għoli permissibbli taħt il-pontijiet tinsab f’livell għoli ta’ 85 % skont id-data tal-2017. Il-qtugħ huwa prinċipalment fil-Ġermanja. Il-konformità ta’ minimu ta’ 2,5 metri ta’ pixka permissibbli tinsab ukoll f’livell għoli ta’ 85 % skont id-data tal-2017. Il-qtugħ huwa prinċipalment fil-Ġermanja, fir-Repubblika Ċeka u fil-Kroazja.

Ajruporti

Fir-rigward tal-ajruporti, ir-Regolament tat-TEN-T jiddefinixxi li l-ajruporti ewlenin biss li huma mmarkati b’asterisk fl-Anness 2 tar-Regolament (jiġifieri 38) jaqgħu taħt l-obbligu tal-Artikolu 41(3), jiġifieri li jridu jiġu konnessi mal-infrastruttura tat-trasport stradali-ferrovjarju tan-network trans-Ewropew tat-trasport sal-2050 (għajr meta din il-konnessjoni ma tkunx tista’ ssir minħabba diffikultajiet fiżiċi) u li jridu jiġu integrati fin-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja kull meta dan ikun possibbli, filwaqt li jitqies it-traffiku potenzjali. F’dan ir-rigward, ir-rata ta’ konformità tinsab f’livell inkoraġġanti ta’ 67 % skont id-data tal-2017. L-ajruporti li għadhom mhumiex konformi huma mifruxin madwar l-UE, u dan jindika ħtieġa komuni li tinkiseb konnettività sħiħa mal-ajruporti.

7.Status tal-implimentazzjoni tat-TEN-T: Progress fl-investimenti finanzjarji li sar fuq in-network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017

Matul l-2016 u l-2017, l-investiment totali li sar fuq in-network tat-TEN-T kien ftit iktar minn EUR 91 biljun. Mill-EUR 91 biljun, EUR 11,5 biljun ġew investiti permezz ta’ self mill-BEI, EUR 9,8 biljun ġew kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE, b’mod partikolari il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK)) u EUR 3,1 biljun mill-FNE. Meta jkun hemm involut il-kofinanzjament tal-UE, ir-rata ta’ kofinanzjament tvarja bejn 20 % u 85 %. Il-bilanċ u l-parti l-kbira kienu mobilizzati mir-riżorsi nazzjonali.

Ta’ min jinnota wkoll li l-ammont kumplessiv għall-investimenti rrapportat mill-Istati Membri (jiġifieri EUR 80 biljun) jinkludi biss investimenti relatati ma’ xogħlijiet jew assi oħra u/jew proġetti mħallta (iżda l-ebda studju waħdu) fuq in-network ewlieni jew komprensiv tat-TEN-T. Taħt ix-xogħlijiet, ġew irrapportati l-proġetti kollha li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Artikolu 4 tar-Regolament tat-TEN-T (jiġifieri l-Koeżjoni, l-Effiċjenza, is-Sostenibbiltà, iż-Żieda fil-benefiċċji għall-utenti tiegħu). Barra minn hekk, jingħaddu biss dawk ix-xogħlijiet li jwasslu għal żviluppi ġodda fl-infrastruttura jew li huma relatati mal-aġġornament/mar-riabilitazzjoni tal-infrastruttura eżistenti. Il-kostijiet attwali tal-manutenzjoni ġew esklużi. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, dan jinkludi l-proġetti kollha ta’ iktar minn EUR 1 miljun li operaw fl-2016 u fl-2017 irrispettivament mid-data tal-bidu tagħhom.

Mit-EUR 80 biljun ta’ investimenti totali rrapportati mill-Istati Membri (li jinkludi l-parti ta’ kofinanzjament tal-UE kull fejn rilevanti), il-maġġoranza ġiet investita fuq in-network ewlieni (71 %). Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-fondi ġew attribwiti għall-ferroviji tat-TEN-T (inkluż l-ERTMS) (45 %).

Tabella 1: Nefqa tat-TEN-T 2016+2017 f’MEUR

EU28

Nefqa tat-TEN-T 2016+2017 f’MEUR

Network Komprensiv

Network  
Ewlieni

Total  
tan-Network tat-TEN-T

Ferroviji tat-TEN-T  
(inkluż l-ERTMS)

7 546

28 632

36 178

Toroq tat-TEN-T  
(inkluż l-ITS)

14 410

16 644

31 054

Passaġġi fuq l-Ilma Interni tat-TEN-T (inkluż l-RIS)

(NA)

2 374

2 374

Portijiet tat-TEN-T  
(inkluż il-VTMIS)

870

3 876

4 746

Ajruporti tat-TEN-T  
(inkluż l-ATM)

790

5 041

5 831

Total f’MEUR

23 616

56 567

80 183

Sors: Stħarriġ tal-Istati Membri 2019

FNE (Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa)

Fir-rigward tan-nefqa mill-FNE attwali għat-Trasport, l-għotjiet li ntefqu fuq in-network tat-TEN-T fl-2016 u l-2017 jammontaw għal madwar EUR 3,14 biljun għal 793 proġett li jirrappreżentaw żieda ġusta meta mqabbla mal-2014 u l-2015 (EUR 2,1 biljun). Il-parti l-kbira tal-finanzjament mill-FNE (madwar 77 %) ġiet investita fi proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport sostenibbli. Fil-fatt, madwar 65 % ġew investiti fi proġetti ta’ infrastruttura ferrovjarja u madwar 12 % għall-passaġġi fuq l-ilma interni u l-infrastruttura tat-trasport marittimu.

Tabella 2: Finanzjament mill-FNE għat-Trasport 2016+2017 f’MEUR

Finanzjament mill-FNE għat-Trasport 2016+2017

Għadd ta’ proġetti

għal kull modalità ta’ trasport

f’MEUR

Bl-ajru

502

74

Passaġġi fuq l-Ilma Interni

156

64

Marittimu

235

147

Ferrovjarju

2 031

323

Oħrajn*

-

3

Bit-triq

217

182

Total f’MEUR

3 141

793

Sors: INEA. Inkluż biss proġetti b’benefiċjarji mis-27 Stat Membru u mir-Renju Unit.

*Id-diġitalizzazzjoni tat-Trasport Multimodali

FSIE (Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej)

EUR 9,85 biljun (nefqiet iddikjarati) ġew investiti fuq it-TEN-T fl-2016 u fl-2017 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), li flimkien huma responsabbli għal madwar 40 % tal-investimenti kollha fit-TEN-T appoġġati mill-UE (inkluż is-self mill-BEI). Għandu jiġi nnotat li s-sehem irrapportat tal-Fond ta’ Koeżjoni ma jqisx il-parti tal-allokazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni li ġiet ittrasferita biex tappoġġa l-proġetti tat-trasport fin-network ewlieni taħt il-FNE 9 . Ta’ min jinnota wkoll li l-appoġġ għall-politika ta’ koeżjoni mhuwiex allokat fuq bażi annwali iżda pprogrammat għal perjodu ta’ seba’ snin. L-ammonti rrapportati għall-2016-2017 huma nefqa mġarrba mill-benefiċjarji, iċċertifikata u ddikjarata lill-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ rapportar.

Tabella 3: FEŻR+FK (nefqa ddikjarata) 2016+2017 f’MEUR

FEŻR + FK (nefqa ddikjarata*) 2016+2017

għal kull modalità ta’ trasport

f’MEUR

Bl-ajru

79

Passaġġi fuq l-Ilma Interni + Portijiet Interni

10

Portijiet

25

Ferrovjarju

2 003

Bit-triq

7 709

Multimodali

19

Total f’MEUR

9 845

Sors: DĠ REGIO, https://cohesiondata.ec.europa.eu/d/3kkx-ekfq

*Nefqa mġarrba mill-benefiċjarji, iċċertifikata u ddikjarata lill-Kummissjoni.   
Iċ-ċifri huma kumulattivi. 

BEI (Bank Ewropew għall-Investiment)

Fl-2016 u fl-2017, il-BEI ffinanzja investimenti fis-settur tal-infrastruttura tat-trasport għal EUR 13-il biljun għal 74 operazzjoni tat-trasport flimkien (TEN-T u mhux TEN-T, esklużi l-assi mobbli), u dan immobilizza EUR 51 biljun ta’ investiment. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport (89 %) saret fuq it-TEN-T, li tirrappreżenta 51 operazzjoni b’self mill-BEI ta’ EUR 11,5 biljun iffirmat fl-2016 u fl-2017.

Minn dawn l-74 operazzjoni tat-trasport li ġew iffinanzjati fl-2016-2017, 18-il operazzjoni ġew iffirmati taħt il-FEIS. Dan jirrappreżenta volum ta’ self mill-BEI, appoġġat minn garanziji tal-FEIS, ta’ madwar EUR 2,5 biljun, bl-ingranaġġ ta’ investimenti totali ta’ EUR 10,2 biljun fis-settur tat-trasport (infrastruttura, eskluż l-assi mobbli). Fl-istess perjodu, ġew iffirmati ħames operazzjonijiet taħt l-Istrument ta’ Dejn tal-FNE. Dan jikkorrispondi għall-volum ta’ self mill-BEI, appoġġat mill-Istrument ta’ Dejn tal-FNE, ta’ madwar EUR 338 miljun, bl-ingranaġġ ta’ investimenti totali ta’ EUR 1,9 biljun għat-toroq, għall-portijiet u għall-bastimenti ekoloġiċi tat-TEN-T 10 .

Tabella 4: In-nefqa tat-TEN-T għal kull sors ta’ finanzjament minn kull Stat Membru fl-2016+2017 f’MEUR

Nefqa tat-TEN-T għal kull sors ta’ finanzjament minn kull Stat Membru fl-2016+2017 f’MEUR*

Stati Membri

Baġits nazzjonali inkluż il-fondi tal-UE riċevuti (2016+2017)

 

 

Self mill-BEI (2016+2017)

Total f’MEUR

Finanzjament mill-FNE

FEŻR+FK nefqiet iddikjarati

AT (l-Awstrija)

3 931

174,2

 

1 200

5 131

BE (il-Belġju)

1 707

124,5

 

 

1 707

BG (il-Bulgarija)

196

8,6

168

 

196

CY (Ċipru)

32

1,6

14

 

32

CZ (ir-Repubblika Ċeka)

1 274

66,8

529

 

1 274

DE (il-Ġermanja)

22 429

777,1

 

1 263

23 692

DK (id-Danimarka)

1 015

37,8

 

168

1 183

EE (l-Estonja)

303

18,4

276

30

333

EL (il-Greċja)

1 157

211,1

271

617

1 775

ES (Spanja)

5 978

188,3

146

1 261

7 239

FI (il-Finlandja)

1 304

61,1

 

230

1 534

FR (Franza)

8 315

315,0

 

740

9 055

HR (il-Kroazja)

319

16,7

48

15

334

HU (l-Ungerija)

1 169

99,1

655

40

1 209

IE (l-Irlanda)

794

20,5

 

48

842

IT (l-Italja)

12 490

273,8

45

1 926

14 416

LT (il-Litwanja)

226

26,7

484

 

226

LU (il-Lussemburgu)

584

4,0

 

 

584

LV (il-Latvja)

315

4,8

259

 

315

MT (Malta)

61

2,9

20

 

61

NL (in-Netherlands)

4 075

93,2

0

254

4 329

PL (il-Polonja)

7 018

307,3

5 542

2 040

9 058

PT (il-Portugall)

233

31,5

23

 

233

Reġjonali – Pajjiżi tal-UE

 

 

 

71

71

RO (ir-Rumanija)

1 116

12,3

603

790

1 906

SE (l-Iżvezja)

2 972

63,3

 

 

2 972

SI (is-Slovenja)

279

33,2

77

 

279

SK (is-Slovakkja)

892

18,2

681

427

1 319

TC**

 

 

2

2

UK (ir-Renju Unit)

mhux rapportati

148,6

4

351

504

Total f’MEUR

80 184

3 140.5

9 846

11 471

91 810

Sors: Stħarriġ tal-Istati Membri 2019, DĠ REGIO, INEA, BEI

8.Konklużjoni

Sar progress sinifikanti fl-iżvilupp tan-network tat-TEN-T matul is-snin 2016 u 2017, kemm fir-rigward tal-konformità teknika kif ukoll f’dak tal-investimenti finanzjarji li saru fuq in-network.

Tabilħaqq, f’termini ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tat-TEN-T, in-network tal-Kurituri tan-Network Ewlieni jilħaq bejn 81 % u 100 % għall-biċċa l-kbira (għaxra minn 13) tal-indikaturi disponibbli. Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li d-definizzjoni attwali tal-parametri tal-konformità xi kultant ma tkunx żviluppata u speċifikata biżżejjed biex tqis sew il-possibbiltajiet operattivi reali tan-network. Minkejja dan, id-data ta’ konformità pjuttost tajba timxi id f’id mal-fatt li l-ogħla sehem ta’ investimenti totali (EUR 80 biljun) irrapportat mill-Istati Membri (li jinkludi l-parti ta’ kofinanzjament tal-UE kull fejn rilevanti) ġie investit fuq in-network ewlieni (71 %). Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-fondi ġew attribwiti għall-ferroviji tat-TEN-T (inkluż l-ERTMS) (45 %) sabiex ilaħħqu mad-diskrepanzi fil-konformità.

Barra minn hekk, dan wera wkoll biċ-ċar li l-isfidi ewlenin tan-network tal-infrastruttura tat-TEN-T jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ taħlita għaqlija ta’ finanzjament u ta’ strumenti finanzjarji. Is-snin ta’ rapportar 2016 u 2017 kienu ta’ suċċess f’dak ir-rigward, billi wrew żieda fil-finanzjament b’mod partikolari min-naħa tal-FNE, u użu mifrux tad-diversi mezzi l-oħra (b’mod partikolari l-FEŻR, il-FK u s-self mill-BEI).

Bla dubju, huwa mistenni li jsir iktar progress matul is-snin li ġejjin kif toqrob l-iskadenza tal-2030 u tal-2050 u tiżdied il-maturità tar-riżerva ta’ proġetti. Għal dan l-għan, il-Koordinaturi Ewropej tat-TEN-T jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw riżerva ta’ proġetti tat-TEN-T soda, matura u viżibbli li llum diġà għandha aktar minn 2 500 investiment ta’ proġetti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni flimkien mal-koleġiżlaturi jaħdmu fuq diversi inizjattivi biex jissimplifikaw il-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u tal-akkwist sabiex jitħaffef il-progress tal-implimentazzjoni tat-TEN-T.

Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tirrieżamina r-Regolament tat-TEN-T bil-ħsieb li żżid l-effiċjenza tan-network b’mod partikolari permezz ta’ integrazzjoni modali aħjar u permezz tad-diġitalizzazzjoni, u dan jippermetti trasport nadif u jsaħħaħ il-kwalità u r-reżiljenza tal-infrastruttura. L-iżvilupp u l-ispeċifikazzjoni aħjar tar-rekwiżiti tekniċi tan-network huma wkoll fuq l-aġenda ta’ dan il-proċess ta’ rieżami. Proposta possibbli għar-rieżami tiegħu għandha tasal sal-2021.



9.Annessi

-Mappa ta’ Konformità: Ferroviji – Elettrifikazzjoni – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Ferroviji – Gauge tal-Binarji (1435 mm) – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Ferroviji (linji tat-tagħbija tal-merkanzija u linji mħallta) – Veloċità tal-Linji – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Ferroviji – Implimentazzjoni tal-ERTMS (maġenb il-binarji) – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Ferroviji (linji tat-tagħbija tal-merkanzija u linji mħallta) – Tagħbija massima fuq il-fus – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Ferroviji (linji tat-tagħbija tal-merkanzija u linji mħallta) – Tul massimu tal-ferroviji – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Passaġġi fuq l-Ilma Interni – Klassi tas-CEMT – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Passaġġi fuq l-Ilma Interni – Pixka permissibbli – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Passaġġi fuq l-Ilma Interni – Għoli permissibbli taħt il-pontijiet – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Passaġġi fuq l-Ilma Interni – Implimentazzjoni tal-RIS – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Ajruporti – Konnessjoni mal-ferroviji – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Portijiet – Konnessjoni mal-Ferroviji – Status fl-2017

-Mappa ta’ Konformità: Toroq – Toroq Espress / Awtostradi - Status fl-2017

(1)

COM(2019) 640 final

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE, (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1)

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010, (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(4)

 COM(2017) 327 final

(5)

Id-data sħiħa għall-2017 kienet disponibbli biss f’nofs l-2019

(6)

Ġew irrapportati biss il-proġetti ta’ xogħlijiet, kemm jekk kofinanzjati mill-UE kif ukoll jekk le, u iktar minn MEUR wieħed.

(7)

The planning methodology for the trans-European transport network (TEN-T), SWD(2013) 542 final.

(8)

Eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti għal networks iżolati skont l-Artikolu (39)(2)(a), (i) sa (iii), tar-Regolament 1315/2013.

(9)

Parti mill-allokazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni (EUR 11 305 500 000) ġiet ittrasferita għall-finanzjament ta’ proġetti tat-trasport fin-network ewlieni tat-trasport jew ta’ proġetti tat-trasport marbuta ma’ prijoritajiet orizzontali fl-Istati Membri li huma eliġibbli għal finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni taħt il-FNE.

(10)

Sors tad-data: Ir-rapportar operattiv tal-BEI lill-Kummissjoni Ewropea


Brussell, 26.8.2020

COM(2020) 433 final

ANNESS

tar-

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-Network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017



Brussell, 26.8.2020

COM(2020) 433 final

ANNESS

tar-

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-Network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017



Brussell, 26.8.2020

COM(2020) 433 final

ANNESS

tar-

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-Network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017




Brussell, 26.8.2020

COM(2020) 433 final

ANNESS

tar-

Report from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tan-Network tat-TEN-T fl-2016 u fl-2017