23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 449/530


P8_TA(2019)0099

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: livelli ta 'tqassim ġeografiku

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli ta' tqassim ġeografiku (C(2018)08872 – 2018/3002(DEA))

(2020/C 449/52)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2018)08872),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 28 ta' Jannar 2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 2(3) u 10(6) tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi t-Trattati mhumiex se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, jiġifieri t-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu;

B.

billi r-Regolament (KE) Nru 184/2005 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani;

C.

billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni se jkollu l-konsegwenza li r-Renju Unit isir pajjiż terz, u għalhekk, l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani għandha tqis lir-Renju Unit bħala pajjiż terz, aktar milli Stat Membru;

D.

billi l-uniċi modifiki li jipprevedi r-Regolament Delegat C(2018)08872 huma li r-Renju Unit jiġi kklassifikat bħala pajjiż terz għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005;

E.

billi l-pubblikazzjoni rapida tar-Regolament Delegat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tippermetti għal aktar ċertezza legali u żmien xieraq għall-implimentazzjoni qabel it-30 ta' Marzu 2019;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għall-abbozz ta' Regolament Delegat C(2018)08872;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23.