27.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 280/38


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti”

2013/C 280/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa konvint bis-sħiħ li l-produtturi tal-enerġija fuq skala żgħira għandu jkollhom aċċess faċli għan-netwerks tal-enerġija/il-grilji intelliġenti. Għandhom jiġu żviluppati regoli validi dwar kif dawn il-fornituri l-ġodda jidħlu fin-netwerks, regoli li jħeġġu d-djar u l-produtturi ż-żgħar jinvestu fil-produzzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira;

jiddubita kemm il-miżuri proposti mill-KE huma sodisfaċenti biex jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u jiġġieldu l-faqar enerġetiku, u jitlob li titpoġġa enfasi speċjali fuq il-ħarsien tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, wieħed irid joqgħod attent għall-pożizzjoni asimmetrika tal-utenti tal-enerġija vis-à-vis il-kumpaniji enormi;

jappella biex l-awtoritajiet jindirizzaw il-kwistjoni tal-inċentivi għall-investimenti adatti tas-suq fil-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, il-ħżin u l-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda, u jirrakkomanda li minbarra l-programmi eżistenti (il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, il-programm TEN-T, l-Orizzont 2020) jinsabu mezzi oħra għall-finanzjament tal-infrastruttura;

jappoġġja bil-qawwa l-bżonn urġenti li jiġu modernizzati l-grilji eżistenti u jiġu żviluppati grilji intelliġenti, u japprova l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali u l-iżvilupp ta’ standards Ewropej għall-grilji intelliġenti;

jagħmel enfasi fuq it-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-komunitajiet fl-ippjanar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-grilji.

Relatur

Is-Sur DE VEY MESTDAGH (NL/ALDE), Membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Groningen

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti

COM(2012) 663 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.    Niftħu s-swieq u noħolqu kundizzjonijiet ekwi

1.

jistqarr li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jaqdu rwol kruċjali fis-suq tal-enerġija tal-UE, u jagħmel enfasi fuq il-kontribut tagħhom biex jinkiseb is-suq intern tal-enerġija u jonqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-livell ta’ gvern l-aktar qrib taċ-ċittadini u b’hekk il-livell li jipprovdi possibbiltajiet kbar ta’ komunikazzjoni, għandhom esperjenza diretta ta’ ħafna mill-problemi li qed jippersistu fis-swieq tal-enerġija tal-UE b’rabta mal-kompetittività, it-trasparenza u r-regolazzjoni globali tas-settur tal-enerġija;

2.

jappoġġja bis-sħiħ li jitlesta suq intern tal-enerġija fejn ir-reġjuni jkunu jistgħu jiffokaw fuq il-punti qawwijin reġjonali tagħhom, u b’hekk jiżviluppaw settur tal-enerġija deċentralizzat u rinnovabbli speċifiku għar-reġjun li minnu jibbenefikaw l-infrastruttura tal-għarfien, l-ekonomija u s-suq tax-xogħol lokali u reġjonali. Il-KtR jissuġġerixxi li tiġi adottata strateġija biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ clusters (speċjalizzazzjoni) u sħubijiet reġjonali u huwa favur li r-reġjuni li jinsabu minn ta’ quddiem – li għandhom għarfien dwar is-sistemi innovattivi, swieq tal-enerġija rinnovabbli li jaħdmu u sistemi ta’ grilji intelliġenti implimentati, eċċ. – għandhom jitħallew jaqdu rwol ikbar biex jingħelbu d-distakki li jeżistu bħalissa fix-xenarju tal-enerġija tal-Ewropa;

3.

jappella li jiġu żviluppati Pjani tal-Enerġija Reġjonali li jinkludu proġetti għall-ġenerazzjoni, it-trasport, il-ħżin u d-distribuzzjoni tal-enerġija u għall-iżvilupp tal-infrastruttura u l-iskemi reġjonali meħtieġa għat-titjib fl-effiċjenza u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija, kif jgħid fl-Opinjoni tiegħu dwar it-tielet pakkett leġislattiv, CdR 21/2008 fin. Tali pjani tal-enerġija speċifiċi għar-reġjuni, li jistgħu jitfasslu fil-livell tal-awtoritajiet reġjonali jew li jinkludu għadd ta’ reġjuni, anke f’pajjiżi ġirien, għandhom jiġu integrati u koordinati b’mod adegwat sew fil-livell nazzjonali u sew f’dak tal-UE;

4.

jappoġġja li t-tielet pakkett dwar l-enerġija jiġi infurzat b’mod aktar attiv u li jinbdew il-proċeduri ta’ ksur, u jenfasizza li hemm bżonn li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu infurzati bil-qawwa sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq, inklużi dawk ġodda. L-Istati Membri li għad għandhom fornitur wieħed biss għandhom jiġu mġiegħla jneħħu l-ostakli għall-fornituri ġodda biex jidħlu fis-suq u jiġu megħjuna jiżviluppaw infrastruttura (transkonfinali) biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu b’mod ħieles il-fornitur tagħhom minn madwar l-UE kollha. Il-liberalizzazzjoni tal-produzzjoni u tal-prezzijiet flimkien mal-koordinazzjoni effettiva fil-livell Ewropew jistgħu jgħinu biex jinħoloq bilanċ ġust tar-riżorsi bejn ir-reġjuni tal-Ewropa, jiġu stabbilizzati u jittejbu l-kundizzjonijiet qafas għas-settur Ewropew tal-enerġija u tiġi promossa provvista tal-enerġija sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-ispejjeż addizzjonali tat-tranżizzjoni tal-enerġija jkunu limitati;

5.

jenfasizza li hu kruċjali li fl-UE kollha jiġu rispettati il-ftehimiet dwar id-diżaggregazzjoni tan-netwerks tat-trażmissjoni u tal-produzzjoni u l-konsenja, fosthom il-ftehimiet dwar il-pożizzjoni indipendenti tar-regolaturi tal-enerġija u r-rekwiżiti dwar il-ħarsien tal-konsumatur. Waħda mill-prijoritajiet għandha tkun li r-rwol tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tal-UE jiġi appoġġjat u jkompli jiġi żviluppat, b’mod partikolari fil-kapaċità tagħha li tifli bir-reqqa d-deċiżjonijiet regolatorji nazzjonali u ssolvi t-tilwim;

6.

jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi sabiex jiġu żviluppati mudelli tas-suq aktar deċentralizzati u kompetittivi għaliex huma joħolqu aktar opportunitajiet għall-produtturi tal-enerġija lokali u jappoġġjaw l-industrija, iżda jenfasizza li biex jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi tinħtieġ infrastruttura tal-grilji li biha r-reġjuni periferali, inklużi l-gżejjer, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet ukoll. Għaldaqstant l-iżvilupp tal-infrastruttura, anke għal reġjuni aktar iżolati, u l-ħtieġa ta’ ħidma reġjonali fuq il-konnessjonijiet internazzjonali, il-konnessjonijiet mal-gżejjer u l-kapaċità tal-ġarr jagħmlu parti kruċjali mit-twettiq tas-suq intern tal-enerġija;

7.

jinnota li l-inkonsistenzi fl-imposti u t-taxxi bejn l-Istati Membri huma ta’ ħsara għall-kompetittività tas-suq tal-elettriku, minbarra li jħallu effetti negattivi ċari fuq partijiet oħra tal-ekonomija. Dan għandu konsegwenzi negattivi kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industriji li jużaw ħafna enerġija, li jesperjenzaw vantaġġi jew żvantaġġi kompetittivi konsiderevoli skont fejn ikunu jinsabu. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni hemm bżonn li s-sussidji diretti u/jew moħbija fir-rigward tal-karburanti fossili u l-enerġija nukleari jitneħħew bil-mod il-mod;

B.    Rwol ċentrali għall-konsumaturi

8.

jenfasizza li l-politika tal-enerġija għandha tiffoka fuq il-konsumatur, kif jgħid il-KtR fl-Opinjoni tiegħu dwar it-tielet pakkett leġislattiv rigward is-swieq Ewropej tal-elettriku u l-gass, CdR 21/2008 fin. Il-konsumatur għandu jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni u fl-aħħar mill-aħħar għandu jkollu – bħala individwu jew meta jopera fi grupp, kooperattiva jew organizzazzjoni – aċċess dirett għas-suq tal-enerġija, jew permezz ta’ firxa ta’ sorsi tal-enerġija minn produtturi differenti jew inkella direttament għas-suq immedjat (spot market);

9.

huwa konvint li sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażla f’termini ta’ sostenibbiltà, valur għall-flus u effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jagħżlu l-aktar fornituri adatti, għandha tingħata prijorità lill-edukazzjoni, l-informazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tal-enerġija, u l-konsumaturi għandhom jingħataw aċċess faċli għall-informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li joffru s-suq intern tal-enerġija u t-tekonoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija. Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom ikunu konxji ta’ kif jistgħu jikkontrollaw il-konsum tal-enerġija, tal-possibbiltajiet biex jiffrankaw l-enerġija u jużawha b’mod aktar effiċjenti, u tal-produzzjoni fuq skala żgħira. Il-KtR, għalhekk, jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jniedu kampanji ta’ informazzjoni adatti għall-konsumaturi li fihom ikunu jistgħu jieħu sehem attiv il-gvernijiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili;

10.

jemmen li minbarra l-kampanji ta’ informazzjoni proposti dwar il-fornituri u l-prezzijiet tal-enerġija, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ arloġġi intelliġenti f’ħin reali għall-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija u ta’ netwerks tad-distribuzzjoni b’bażi teknika valida hi kruċjali biex il-konsumaturi jirċievu informazzjoni li jużawha biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom u jsiru aktar konxji tal-prezzijiet tal-enerġija, il-konsum tal-enerġija (mudelli) u r-relazzjoni bejn il-konsum u l-prezz tal-enerġija, u b’hekk jibdew jużaw l-enerġija b’mod aktar maħsub u sostenibbli, jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ tagħmir elettriku (domestiku) intelliġenti u tiġi ffrankata l-enerġija. Il-KtR jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tkompli bil-politika tagħha li tinkoraġġixxi l-arloġġi intelliġenti kif stabbilit f’komunikazzjonijiet preċedenti. Din il-politika għandha tippromovi l-introduzzjoni ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni intelliġenti li jintegraw il-ġestjoni tal-konsum u tal-kapaċitajiet ta’ ħżin, ta’ produzzjoni u ta’ konsum flessibbli, kif ukoll il-komunikazzjoni bejn dawn kollha filwaqt li tikkunsidra l-aspetti tal-eżattezza, il-kunfidenzjalità, il-privatezza u l-frodi u fl-istess ħin taħdem biex tiżviluppa l-istandards neċessarji;

11.

jiddubita kemm il-miżuri proposti mill-KE huma sodisfaċenti biex jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u jiġġieldu l-faqar enerġetiku, u jitlob li titpoġġa enfasi speċjali fuq il-ħarsien tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, wieħed irid joqgħod attent għall-pożizzjoni asimmetrika tal-utenti tal-enerġija vis-à-vis il-kumpaniji enormi, inkella s-suq jibqa’ interfaċċja mingħajr reazzjoni li tibblokka l-feedback bejn l-utenti u dawk li jfasslu l-politiki/ir-regolaturi. L-aħjar prattiki fil-livell lokali u reġjonali dwar kwistjonijiet importanti relatati mal-konsumatur, bħall-aċċess għall-informazzjoni, il-possibbiltajiet ta’ tqabbil tal-prezzijiet u l-informazzjoni dwar il-kontijiet kif ukoll il-pożizzjoni speċifika tal-konsumaturi vulnerabbli, għandhom jiġu skambjati bil-għajnuna tal-Kunsill tal-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER – Council of European Energy Regulators);

12.

jitlob li l-inċentivi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiġu żviluppati aktar milli huma llum u li jiġu appoġġjati l-mezzi teknoloġiċi klassiċi u moderni u s-servizzi tal-enerġija li jippromovu l-iffrankar tal-enerġija. Sabiex tiġi miġġielda l-prekarjetà tal-enerġija, għall-gruppi vulnerabbli u sensittivi għandhom jinħolqu mekkaniżmi ta’ tariffi mnaqqsa tal-enerġija elettrika, jew tnaqqis tat-tariffi mħabbra minn kull fornitur (tariffa soċjali għad-djar). Fl-istess ħin, fil-livell reġjonali u dak lokali għandu jiġi żgurat b’mod partikolari li l-familji li jagħmlu parti minn dawn il-gruppi jkunu jistgħu jiġu integrati fil-programmi ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija mfassla speċifikament għalihom. Għall-konsumaturi l-oħra għandha tapplika tariffa unika u għandha tiġi evitata t-tariffa progressiva għax meta din issir ir-regola ħafna drabi tista’ tfixkel l-użu ta’ miżuri pożittivi oħra, bħall-użu tal-pompi tas-sħana bħala mezz ta’ tisħin alternattiv, pereżempju. Fl-aħħar nett, fil-livell reġjonali u lokali għandha titnieda kampanja ta’ informazzjoni dwar il-metodi li jistgħu jintużaw biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dwar il-vantaġġi oġġettivi u komparattivi li jinħolqu minn dan l-użu. Dan jista’ jiġi appoġġjat ukoll permezz ta’ programmi speċifiċi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

C.    L-importanza tal-ġenerazzjoni fuq skala żgħira

13.

jenfasizza l-importanza kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-gvernijiet lokali u reġjonali li jiffaċilitaw is-soluzzjonijiet tal-enerġija lokali (pereżempju fil-forma ta’ kooperattivi) permezz tal-produzzjoni fuq skala żgħira, l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u l-parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda, għaliex dawn l-inizjattivi qed isiru pilastru dejjem aktar importanti għat-tiġdid tas-swieq tal-enerġija tal-UE. Il-KtR hu favur approċċ integrali li mhux biss jiffaċilita konsum aktar konxju iżda wkoll li jinċentiva l-produzzjoni fuq skala żgħira, l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u r-reazzjoni soda għad-domanda fin-netwerks tad-distribuzzjoni;

14.

jirrikonoxxi li għadd dejjem akbar ta’ konsumaturi futuri ser jippreferu jinvestu fil-produzzjoni tagħhom stess milli jiddependu mill-oħrajn (“prosumaturi”, jiġifieri konsumaturi tal-enerġija li jipproduċu wkoll l-enerġija għall-bżonnijiet tagħhom jew tal-ġirien tagħhom) u dan hu żvilupp pożittiv mil-lat tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u s-sostenibbiltà. L-inizjattivi u l-kumpaniji fuq skala żgħira (djar, komunitajiet lokali, distretti lokali, kooperattivi reġjonali) ser jaqdu rwol dejjem akbar fil-provvista tal-enerġija lokali/reġjonali u dan ser joħloq effetti pożittivi fuq is-suq tax-xogħol u l-ekonomija lokali/reġjonali. Għalhekk il-produtturi tal-enerġija fuq skala żgħira għandu jkollhom aċċess faċli għan-netwerks tal-enerġija/il-grilji intelliġenti. Għandhom jiġu żviluppati regoli validi dwar kif dawn il-fornituri l-ġodda jidħlu fin-netwerks, regoli li jħeġġu d-djar u l-produtturi ż-żgħar jinvestu fil-produzzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira. Il-KtR jappella lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċifika lill-importanza dejjem akbar tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira u l-kwistjonijiet speċifiċi li tqajjem, u biex tistimola l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell lokali u reġjonali sabiex tiffaċilita dan l-iżvilupp;

15.

jenfasizza li l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u l-importanza dejjem akbar tal-ġenerazzjoni fuq skala żgħira ma jeħtiġux biss il-promozzjoni tas-sistemi ta’ arloġġi intelliġenti iżda wkoll l-aġġornament tal-kunċett ta’ grilji intelliġenti tal-UE. Filwaqt li l-KE qed tistenna li n-netwerk tal-grilji intelliġenti li jopera mingħajr intoppi jikkontribwixxi għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-enerġija, l-importanza dejjem akbar tal-produzzjoni fuq skala żgħira u r-rwol potenzjali tal-konsumaturi tal-enerġija bħala produtturi u mħażen żgħar ma jissemmew imkien. Għalhekk, il-KtR jemmen li l-kunċett ta’ grilji intelliġenti tal-KE għandu jiġi aġġornat u għandhom jiġu skambjati l-għarfien u l-innovazzjoni sabiex tiġi appoġġjata b’mod effettiv il-produzzjoni fuq skala żgħira;

D.    Swieq bl-ingrossa kompetittivi u trasparenza fis-swieq

16.

jinnota li s-swieq bl-ingrossa tal-enerġija jipprovdu s-sinjali tal-prezzijiet li jaffettwaw l-għażliet tal-produtturi u l-konsumaturi kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ investiment fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u l-infrastruttura tat-trażmissjoni. Dawn is-sinjali għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet reali tal-provvista u d-domanda tal-enerġija. Jekk tiżdied it-trasparenza fis-swieq bl-ingrossa tal-enerġija, jonqos ir-riskju li s-swieq jiġu manipulati u s-sinjali tal-prezzijiet mgħawġin. Għaldaqstant, il-KtR jisħaq li l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija (Regolament REMIT) hi miżura ewlenija biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq tal-enerġija f’qafas tal-UE kollha;

17.

jemmen li sabiex is-swieq tal-enerġija Ewropej joperaw b’mod effettiv, huwa kruċjali li jiġu żviluppati kodiċijiet tan-netwerks, jiġu indirizzati l-kwistjonijiet regolatorji pendenti fir-rigward tal-kodiċi tan-netwerk tas-suq tal-ibbilanċjar Ewropew, u tinħoloq inizjattiva ta’ koordinazzjoni li tindirizza l-kwistjonijiet regolatorji u tekniċi li jinqalgħu. Il-KtR jappoġġja dawn il-miżuri bħala mod kif jinħoloq u jissaħħaħ suq tal-enerġija flessibbli u sikur fl-Ewropa u jemmen li l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerks Ewropej, li għandha tqis id-differenzi reġjonali f’dak li hu żvilupp, għandha tiġi monitorjata b’mod kontinwu mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu żgurati sew implimentazzjoni rapida u effettiva u sew il-funzjonalità tal-kodiċijiet u l-effettività tagħhom fis-suq;

18.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-potenzjal ta’ sistema armonizzata fl-Ewropa kollha. Waqt li kien qed jiġi żviluppat il-kodiċi, ħareġ fid-dieher b’mod ċar li hemm bżonn ta’ rabta aktar qawwija bejn ir-regolamenti li nħolqu b’mod parallel fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-KtR jaqbel mal-ACER li l-enfasi tal-kodiċijiet tan-netwerks għandha tibqa’ li tittejjeb l-interkonnessjoni bejn in-netwerks tal-enerġija nazzjonali;

19.

huwa konvint mill-potenzjal tal-gass, b’mod speċjali bħala element ta’ bilanċjar u kapaċità ta’ riserva, iżda bħall-Kummissjoni jinsab imħasseb fir-rigward tad-differenzi fid-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-gass naturali bejn ir-reġjuni fl-Ewropa. Jekk l-infrastruttura tat-trasport u tal-ħżin tal-gass (likwidu) tinfirex fir-reġjuni kollha tal-Ewropa u jiġu integrati l-grilji tal-gass u l-elettriku, ikun aktar faċli biex jitwettaq is-suq intern tal-enerġija. Għalhekk, il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni u l-ACER li l-inizjattivi reġjonali għandhom jgħinu biex jiġu stabbiliti ċentri tal-gass (gas hubs) reġjonali u skambji tal-enerġija addizzjonali bil-għan li jinkiseb akkoppjament sħiħ tas-swieq tal-elettriku fl-UE kollha. Għaldaqstant hemm bżonn li jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-elettriku u tal-gass mar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer. Fil-livell lokali/reġjonali għandhom jiġu żviluppati proġetti pilota mmirati lejn il-kunċetti “enerġija għall-gass” u “gass għall-enerġija”, u l-konklużjonijiet tagħhom għandhom jiġu ppubblikati;

E.    Enerġija rinnovabbli

20.

huwa konvint li l-isforzi favur l-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli ser jikkontribwixxu biex jitlesta s-suq intern tal-elettriku imma jagħraf li l-liberalizzazzjoni bbażata biss fuq il-prezzijiet mhux bilfors twassal għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE. Madankollu, suq intern tal-elettriku integrat jimplika inqas volatilità tal-prezzijiet f’ċerti swieq reġjonali speċifiċi, u dan joħloq aktar effiċjenza fl-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u fl-integrazzjoni tal-grilji tal-enerġija rinnovabbli. Idealment l-investiment fis-settur tal-enerġija għandu jagħti prijorità lis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Peress li s’issa, madankollu, għadu jeżisti nuqqas ta’ konsistenza bejn id-deċiżjonijiet dwar l-enerġija rinnovabbli tal-Istati Membri individwali, il-KtR jappella għal strateġija Ewropea komuni li tiżviluppa kemm mekkaniżmi bbażati fuq is-suq kif ukoll mekkaniżmi regolatorji, kif jingħad fil-pożizzjoni tal-KtR fl-Opinjoni tiegħu dwar l-enerġija rinnovabbli, CdR 2182/2012 fin;

21.

jipproponi li sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tas-sehem dejjem akbar ta’ enerġija mir-riħ u mix-xemx u jiġi garantit bilanċ stabbli fil-provvista u d-domanda, jinħtieġ qafas regolatorju ċar li jiddefinixxi r-rwol tal-atturi differenti u jiftaħ it-tfittxija ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq li jwasslu għal sinjali tajbin tal-prezzijiet fis-suq tal-enerġija. Min-naħa tad-domanda, is-sinjali ċari tal-prezzijiet iwasslu għall-iffrankar tal-enerġija; min-naħa tal-provvista huma jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa. Dan jinkludi sistema effettiva għan-negozjar tal-emissjonijiet li tipprovdi inċentivi adegwati għall-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u l-flessibbiltà. Il-KtR jappella li sabiex jiġi żgurat li l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet tipprovdi inċentivi suffiċjenti għall-investimenti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’emissjoni baxxa ta’ karbonju, tinħtieġ soluzzjoni strutturali għall-problema urġenti tal-kwoti żejda tal-emissjonijiet;

22.

jiddispjaċih li minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE u peress li jeżistu skemi ta’ appoġġ nazzjonali u mekkaniżmi għar-remunerazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni differenti u ta’ sikwit inkompatibbli ma’ xulxin, “ix-xiri regolatorju” qed isir fattur prinċipali fid-deċiżjonijiet dwar l-investimenti fl-impjanti tal-enerġija fl-Ewropa. Il-KtR jenfasizza li l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli ma jistax jitqies b’mod iżolat u m’għandux ixekkel l-operat tas-suq tal-enerġija. L-iskemi pubbliċi ta’ appoġġ fl-Istati Membri għandhom ikunu mmirati b’mod ċar, prevedibbli, b’kamp ta’ applikazzjoni adattat għall-objettivi mixtieqa, proporzjonati u b’dispożizzjonijiet ta’ eliminazzjoni gradwali (phase-out) sabiex jiġu riflessi l-bidliet fil-vijabilità kummerċjali tat-tip ta’ produzzjoni appoġġjata. Kwalunkwe miżura ta’ appoġġ għandha tiġi implimentata f’konformità mar-regoli tas-suq intern u r-regoli rilevanti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntiera, għandhom iqisu bis-sħiħ kif is-sistema tal-elettriku fir-reġjuni/pajjiżi ġirien ser tiġi affettwata mid-deċiżjonijiet previsti qabel ma jiġu implimentati miżuri ġodda ta’ stimolazzjoni. Il-KtR jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika gwida dwar l-aħjar prattiki fil-mekkaniżmi ta’ appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

23.

japprova l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tippromovi tassazzjoni tal-enerġija uniformi u aktar intelliġenti fl-Ewropa, peress li bħalissa t-tassazzjoni tal-enerġija fil-livell lokali u nazzjonali tvarja ħafna fl-UE. Qafas tat-taxxa aktar armonizzat, li jorganizza l-piż tat-taxxa fuq l-enerġija rinnovabbli u fossili b’mod oġġettiv u jikkunsidra l-kontenut tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ kull prodott, jgħin biex jinkisbu l-miri 20/20/20 u biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050. F’dan il-kuntest għandu jintlaħaq ukoll qbil dwar metodoloġija ekwa għall-allokazzjoni tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-ġenerazzjoni u l-konsum tal-enerġija fuq livell transreġjonali u transnazzjonali f’sistema pan-Ewropea liberalizzata ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni tal-enerġija;

24.

jenfasizza li minbarra li tintuża l-enerġija rinnovabbli, huwa importanti li l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti u li tiġi ffrankata l-enerġija. L-ippjanar urban u tat-territorju fil-livell lokali/reġjonali kif ukoll il-miżuri għall-użu effiċjenti tal-enerġija u t-tħeġġiġ tad-djar u l-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija mill-awtoritajiet lokali u reġjonali ser jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija u ser iħeġġu s-soluzzjonijiet tal-enerġija lokali, fosthom il-koġenerazzjoni. Il-KtR jirrakkomanda li tingħata attenzjoni kontinwa għal din il-politika u jissuġġerixxi li l-aħjar prattiki tal-livell lokali u reġjonali jintużaw biex jissaħħu l-politiki Ewropej u nazzjonali f’dan ir-rigward;

F.    Mekkaniżmi ta’ kapaċità, reazzjoni għad-domanda u sigurtà tal-provvista tal-enerġija

25.

jenfasizza li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità introdotti b’mod prematur u ddisinjati ħażin jistgħu jwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq intern u jxekklu l-investimenti. Il-KtR għandu dubju dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità ta’ għadd ta’ Stati Membri, li huma ddisinjati biex jappoġġjaw lill-produtturi tal-elettriku talli jipprovdu l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tagħhom biex jiġi żgurat li jkun hemm kapaċità biżżejjed anke meta s-sorsi varjabbli tal-elettriku, bħall-enerġija mir-riħ u mix-xemx, ma jkunux qed jipproduċu. Mill-banda l-oħra, l-enerġija żejda (pereżempju mill-enerġija mir-riħ) m’għandhiex titwassal permezz tal-grilji tal-pajjiżi ġirien mingħajr ma jiġu kkoordinati minn qabel tali miżuri peress li dan jista’ jgħawweġ is-suq tal-enerġija f’dawn il-pajjiżi (loop flows). F’każijiet oħra, is-surplus f’żona waħda jista’ fil-fatt jgħin biex jissolva nuqqas f’żona oħra. Il-KtR japprova l-politika tal-Kummissjoni li tfittex soluzzjonijiet transkonfinali. Qabel ma tiġi stabbilita kwalunkwe miżura reġjonali jew nazzjonali, għandha ssir analiżi adegwata biex jiġi kkonfermat li m’hemm l-ebda problema ta’ kapaċità u li ma teżisti l-ebda soluzzjoni alternattiva, u biex jiġi vverifikat li l-miżuri proposti jikkunsidraw l-effetti transkonfinali. Huwa essenzjali li jiġi adottat approċċ koordinat għas-sigurtà tal-provvista;

26.

jemmen li s-suq tal-enerġija Ewropew tal-ġejjieni m’għandux jibqa’ jiġi determinat biss mill-provvista iżda wkoll mill-kontroll tad-domanda, b’mod partikolari f’perjodi ta’ livell għoli ta’ konsum. L-atturi għandhom jimmiraw lejn tnaqqis fil-konsum industrijali u domestiku filwaqt li joħolqu l-kundizzjonijiet adatti biex ikunu jistgħu jiġu sfruttati l-funzjonalitajiet ġodda tal-grilji intelliġenti u l-arloġġi intelliġenti. Il-KtR, għalhekk, hu favur li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ kapaċità koordinati fil-livell Ewropew, li jkunu kapaċi jillivellaw il-konsum tal-enerġija f’perjodi ta’ domanda kbira, jiżguraw l-operat tas-sistemi tal-elettriku Ewropej (b’mod partikolari fil-perjodi ta’ domanda kbira) u jħeġġu t-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku;

27.

huwa konvint li l-iżvilupp tal-infrastruttura għall-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni (DSOs – distribution system operators) għandu jiġi kkunsidrat bl-istess mod bħal dak tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (TSOs – transmission system operators) meta tkun qed titfassal il-viżjoni globali għall-infrastruttura Ewropea. L-iżvilupp tal-infrastuttura għad-distribuzzjoni intelliġenti hu essenzjali sabiex jinkisbu l-miri 2020, u hu meħtieġ b’mod urġenti biex is-sorsi rinnovabbli jiġu konnessi man-netwerks u biex il-prodotti tal-enerġija deċentralizzati jiġu integrati fis-sistema. Dan l-isforz ma jistax jirnexxi jekk l-ippjanar tal-infrastruttura jieqaf fil-livell tat-trażmissjoni;

G.    Netwerks infrastruttrali

28.

jagħraf il-fatt li billi s-suq tal-enerġija qed isir dejjem aktar internazzjonali, l-interkonnessjonijiet u l-infrastruttura u l-faċilitajiet ta’ riserva u ħżin huma essenzjali sabiex jitwettaq is-suq intern tal-enerġija. Għalhekk il-KtR jappoġġja l-ftehim dwar il-Pakkett tal-Infrastruttura tal-Ewropa li ntlaħaq fis-27 ta’ Novembru 2012, iżda jħeġġeġ li minbarra l-investimenti (internazzjonali) fuq skala kbira jsiru wkoll investimenti f’netwerks reġjonali jew saħansitra lokali u fl-interkonnessjonijiet mas-sistemi insulari jew semiinsulari peress li l-enerġija qed tiġi ġenerata dejjem aktar fil-livell lokali/reġjonali;

29.

jappella biex l-awtoritajiet jindirizzaw il-kwistjoni tal-inċentivi għall-investimenti adatti tas-suq fil-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, il-ħżin u l-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda, u jirrakkomanda li minbarra l-programmi eżistenti (il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, il-programm TEN-T, l-Orizzont 2020) għandhom jinsabu mezzi oħra għall-finanzjament tal-infrastruttura. Is-sħubijiet pubbliċi-privati, il-mobilizzazzjoni tal-fondi privati, il-ftehimiet ta’ finanzjament innovattivi u l-miżuri fiskali lkoll jistgħu jkunu modi kif jinkisbu fondi addizzjonali. Sabiex jiġu stimolati l-investimenti privati, hemm bżonn ta’ aktar ċertezza dwar liema investimenti jħallu l-frott fit-tul. Għalhekk il-KtR jenfassizza kemm hu importanti li jkun hemm aġenda tal-investimenti fl-enerġija fl-Ewropa (fit-tul). Jeħtieġ li jkompli jiġi ssemplifikat l-aċċess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex iwettqu proġetti tal-enerġija sostenibbli. Barra minn hekk, ir-regolaturi għandhom ikunu jistgħu jinkludu t-titjib fl-infrastruttura u l-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ riserva u ħżin fit-tariffi tal-enerġija;

30.

jissuġġerixxi li l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fl-UE u t-titjib tal-allokazzjoni għall-proġetti transkonfinali ser jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ netwerks infrastrutturali u jiftħu t-triq għall-investimenti. Barra minn hekk, dan jista’ jwassal biex tiżdied is-sigurtà tal-provvist fl-UE u għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli billi jitjiebu l-possibbiltajiet ta’ trasport tal-enerġija. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward billi jissemplifikaw il-proċeduri tal-ippjanar u jintegraw l-infrastruttura tal-enerġija fl-iskemi tal-ippjanar lokali u reġjonali tagħhom;

31.

il-KtR huwa tal-fehma li n-nefqa fuq in-netwerk tal-enerġija u l-espansjoni tiegħu, li qed issir fl-interess kemm tal-ambjent kif ukoll tal-konsumatur fl-UE kollha, għandha tinqasam b’mod solidali u mhux tintrefa’ b’mod esklużiv mill-pajjiż fejn in-netwerk ikun qed jespandi. Il-KtR għalhekk jappoġġja l-iżvilupp addizzjonali u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi sodi ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż fir-Regolament tal-Pakkett tal-Infrastruttura tal-Enerġija, u l-ħidma li qed issir bħalissa mill-awtoritajiet ta’ monitoraġġ, ACER u ENTSOG, biex tkompli tiġi żviluppata din il-politika;

H.    Grilji intelliġenti

32.

jappoġġja bil-qawwa l-bżonn urġenti li jiġu modernizzati l-grilji eżistenti u jiġu żviluppati grilji intelliġenti, u japprova l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali u l-iżvilupp ta’ standards Ewropej għall-grilji intelliġenti. Il-pjani attwali għandhom jiġu kkomplementati permezz ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali u reġjonali għall-modernizzazzjoni tan-netwerks. Il-programmi ta’ riċerka u żvilupp (Programm Qafas, Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa) għandhom jgħinu lill-industrija f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, il-proġetti pilota fil-livell lokali u/jew reġjonali jistgħu juru l-possibbiltajiet għall-grilji intelliġenti u jgħinu fl-iżvilupp tal-grilji madwar l-Ewropa kollha. Il-KtR, għalhekk, jappella lill-Kummissjoni biex tikkollabora mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni għall-introduzzjoni tal-grilji intelliġenti;

33.

jenfasizza li sabiex in-netwerk jinbidel fi grilji intelliġenti, jinħtieġu l-fondi minbarra l-investimenti għall-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida. Għandu jiġi eżaminat jekk ir-regolaturi għandhomx iħallu lill-operaturi jinkludu dan l-obbligu finanzjarju fl-istruttura tat-tariffi tagħhom, li bħalissa mhux possibbli. Barra minn hekk, il-KtR jappella biex il-metodoloġiji ta’ benchmarking tat-tariffi u tal-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerks biex isiru t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, stabbiliti mir-regolaturi, jinkludu sew l-aspetti kwantitattivi (spejjeż) u sew l-aspetti kwalitattivi (eż. kriterji ta’ affidabilità tal-kwalità tan-netwerks) sabiex jinżamm il-livell attwali ta’ kwalità tan-netwerks;

34.

jisħaq li biex il-grilji jsiru intelliġenti u jiġu modernizzati malajr, hu assolutament kruċjali li l-qafas regolatorju jinkoraġġixxi l-investimenti neċessarji permezz ta’ ritorn ġust u jiċċara r-rwoli u r-responsabbiltajiet mingħajr dewmien. Hemm bżonn ta’ viżjoni fit-tul għaliex il-kumpaniji tan-netwerks jeħtieġu qafas regolatorju stabbli, prevedibbli u fit-tul li jappoġġjahom filwaqt li jinċentiva u jiffaċilita l-innovazzjonijiet meħtieġa;

35.

jenfasizza li t-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-komunitajiet fl-ippjanar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-grilji huma kundizzjonijiet kritiċi għall-aċċettazzjoni tal-pubbliku. Il-proċess tal-ippjanar tal-grilji għandu jitfassal mill-ġdid biex jiġi adattat għall-era l-ġdida ta’ effiċjenza tal-enerġija, enerġiji rinnovabbli u ġestjoni tad-domanda u biex jiġu żgurati flessibiltà u reżiljenza massimi fi ħdan is-sistema. Jaqbel li l-proċess tal-ippjanar tal-grilji għandu jkun inklużiv, trasparenti u demokratiku.

Brussell, 4 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO