52012PC0650

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' Stati Membri u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit /* COM/2012/0650 final - 2012/0309 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest ġenerali u raġunijiet għall-proposta

Skont l-Artikolu 62 (2) (b) (i) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1] li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jinħtieġu viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni (l-hekk imsejħa ‘lista negattiva’, l-Anness I) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom m'għandhomx bżonn din il-viża (l-hekk imsejħa ‘lista pożittiva’, l-Anness II). L-Artikolu 61 tat-Trattat tal-KE rrefera għal dawk il-listi fost il-miżuri laterali li huma direttament marbuta mal-moviment liberu tal-persuni ġewwa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-bażi legali rilevanti issa huwa l-Artikolu 77 (2) (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Id-determinazzjoni ta' dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa tal-viża, u dawk eżentati minnha, hija rregolata minn kriterji meqjusa, bl-assessjar każ b'każ tal-varjetà tal-kriterji li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, l-immigrazzjoni illegali, il-politika u s-sigurtà pubblika, u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li tingħata wkoll konsiderazzjoni għall-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u r-reċiproċità. B'konsiderazzjoni tal-kriterji ta' ordni pubbliku u immigrazzjoni illegali, attenzjoni partikolari għandha tingħata anke lis-sigurtà ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

Ladaraba l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jistgħu jevolvu maż-żmien b'relazzjoni ma' pajjiżi terzi, għandha ssir reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-lista negattiva u dik pożittiva meta jkun xieraq. Fil-Programm ta' Stokkolma adottat f'Diċembru tal-2009 il-Kunsill Ewropew speċifikament talab lill-Kummissjoni biex iżżomm lista ta' pajjiżi terzi liema ċittadini huma jew mhumiex soġġetti għal ħtieġa ta' viża taħt analiżi regolari skont il-kriterji xierqa relatati mal-immigrazzjoni illegali, mal-politika pubblika u mas-sigurtà, waqt li jiġu kkunsidrati għanijiet ta' politika interna u esterna tal-Unjoni.

B'hekk, ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 kien emendat tmien darbiet[2] minn mindu kien adottat, l-aktar riċenti fl-2010 b'rigward it-trasferiment tat-Tajwan fil-lista pożittiva u kif ukoll ir-riżultat ta' djalogi għal-liberalizzazzjoni tal-viża bit-trasferiment tal-Albanija u l-Bosnja u Ħerżegovina għall-lista pożittiva tal-viża.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jinnegozjaw numru ta' emendi għad-diżposizzjonijiet għall-provvedimenti tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 proposti mill-Kummissjoni[3]. għall-introduzzjoni ta' klawżola ta' salvagwardja għall-viżi li tissospendi l-eżenzjoni tal-viżi għal pajjiż terz mill-lista pożittiva fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza; għat-tisħiħ tal-ċertezza legali bil-provvista ta' regoli għal ċertu sitwazzjonijiet li m'għadhomx koperti mir-Regolament; u għall-aġġustament ta' dispożizzjonijiet fid-dawl tal-bidliet riċenti li nġarrbu mit-Trattat ta' Lisbona u minn leġiżlazzjoni sekondarja, pereżempju l-Kodiċi tal-Viża (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 810/2009)[4].

Il-listi mehmużin mar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jeħtieġu li jiġu vvalutati mill-ġdid b'mod ġenerali fid-dawl tal-kriterji xierqa msemmija hawn fuq definiti fir-Regolament.

B'hekk din l-analiżi tal-listi mehmużin għar-Regolament timmira li tiżgura:

· li l-kompożizzjoni tal-listi tal-pajjiżi terzi tikkonforma mal-kriterji mwaqqfa fil-premessa 5 tar-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali u l-kriterji tal-politika pubblika u t-trasferiment tal-pajjiżi minn anness għall-ieħor kif xieraq;

· li skont l-Artikolu 77 (2) (a) tat-TFUE, ir-Regolament jiddetermina b'mod eżawrjenti jekk ċittadin ta' pajjiż terz għandux ikun suġġett għal jew eżentat mir-rekwiżit tal-viża;

2. L-elementi tal-proposta

2.1 It-trasferiment ta' pajjiżi terzi mil-lista negattiva (l-Anness I) għal-lista pożittiva (l-Anness II)

Skont l-approċċ li hu segwit f'konformita' mal-bidliet li saru qabel lir-Regolament (KE) Nru 539/2001, minħabba r-reviżjoni perjodika l-Kummissjoni staqsiet lill-Istati Membri sabiex jiċċekkjaw jekk l-annessi għar-Regolament kif huma attwalment jikkorrispondux mal-kriterji determinati mir-Regolament. L-Istati Membri m'għamlu l-ebda suġġeriment sabiex jittrasferixxu lil pajjiżi terzi mil-lista pożittiva għal dik negattiva. Il-Kummissjoni rċeviet suġġerimenti għal trasferimenti mil-lista negattiva għal dik pożittiva b'rigward għan-numru ta' pajjiżi terzi. Xi pajjiżi terzi marru direttament fuq il-Kummissjoni b'talba li jiġu trasferiti għal-lista pożittiva. L-informazzjoni trasmessa mill-Istati Membri (il-Kummissjoni rċeviet 20 tweġiba) ġiet analizzata, flimkien ma' informazzjoni minn sorsi oħrajn, inklużi Delegazzjonijiet tal-UE responsabbli għall-pajjiżi terzi kkonċernati, u statistika pprovduta minn Eurostat fuq flussi ta' immigrazzjoni, asil u miżuri ta' infurzar kontra l-immigrazzjoni irregolari[5]. L-analiżi waslet għall-Kummissjoni biex tasal għall-konklużjoni li, f'dan l-istadju, il-pajjiżi u ċ-ċittadini Brittaniċi mniżżla fis-sottosezzjonijiet hawn taħt għandhom ikunu trasferiti għal-lista pożittiva.

2.1.1 Nazzjonijiet tal-Gżejjer tal-Karibew

Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni disponibbli, inkluż statistiċi, li nġabret dwar kull pajjiż terz propost mill-Istati Membri. Iingħatat attenzjoni partikolari lil-: livell ta' żvilupp ekonomiku u soċjali, ir-riskju li jista' jkollu fuq l-immigrazzjoni rregolari għall-Unjoni Ewropea, il-kwistjonijiet ta' relazzjonijiet esterni u l-koerenza reġjonali.

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm iktar ġustifikazzjoni għall-impożizzjoni ta' rekwiżit għal viża għaċ-ċittadini ta' Dominika, Grenada, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini jew it-Trinidad u t-Tobago. Numru sinifikanti ta' Stati Membri ssuġġerew li dawn il-pajjiżi jitneħħew mil-lista negattiva għal dik pożittiva. Dawn il-ħames pajjiżi ma jirrappreżentaw l-ebda riskju għall-imigrazzjoni irregolari jew l-ordni pubbliku u s-sigurtà lill-Istati Membri tal-Unjoni skont il-kriterji mniżżla fil-premessa 5 tar-Regolament. Barra minn hekk, dawn il-pajjiżi terzi huma demokraziji stabbiliti sew. Għandhom standard tajjeb ta' għajxien u ekonomija stabbli u li qiegħda tikber fir-reġjun. Dawn urew li jistgħu jaffaċċjaw il-kriżi ekonomika globali attwali u jtejbu r-relazzjonijiet li diġà huma tajbin kemm mal-Unjoni u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Ir-reviżjoni tal-2006 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001[6] diġà trasferixxa erba' pajjiżi fl-istess reġjun għal-lista pożittiva u l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' dawk l-erba' pajjiżi ma kellha l-ebda effett negattiv b'rispett għall-immigrazzjoni rregolari jew għas-sigurtà. Hija proposta b'mod xieraq li d-Dominika, Grenada, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini u t-Trinidad u t-Tobago jiġu trasferiti mil-lista negattiva għal-lista pożittiva.

Ta' min jiġi msemmi li erba' Stati Membri huma rrappreżentati fit-Trinidad u Tobago (Franza, Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja). Stat Membru wieħed biss (Franza) għandu konsulat f'Santa Luċija, li hija destinazzjoni populari għat-turisti. Peress li m'hemmx rappreżentazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru fi Grenada, Dominika jew San Vinċenz u l-Grenadini, iċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu jitolbu għal viżas ta' Schengen minn barra, li jinvolvi spejjeż sinifikanti. Kemm Grenada u Santa Luċija għandhom rappreżentazzjoni waħda biss fl-Istati Membri ta' Schengen u Kummissjoni Għolja fir-Renju Unit.

Fi Trinidad u Tobago ċ-ċittadini kollha tal-UE huma attwalment eżenti mill-obbligu tal-viża, minkejja taħt kondizzjonijiet differenti u għal perjodi differenti ta' soġġorn (xahar wieħed biss għal ċittadini mis-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja). Fl-erba' pajjiżi l-oħra tal-Karibew ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma eżenti mill-ħtieġa ta' viża għal perjodi ta' soġġorn ta' iktar minn 180 ġurnata.

B'rigward il-kriterji ta' ordni pubbliku u immigrazzjoni illegali, attenzjoni partikolari għandha tingħata anke lis-sigurtà ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati. Meta r-Regolament kien l-aħħar modifikat, il-Kummissjoni ħabret li trasferimenti fil-futur għal-lista pożittiva jistgħu jiddependu jekk jissodisfawx kondizzjonijiet speċifiċi relatati mas-sigurtà ta' dokumenti tal-ivvjaġġar. Bħala riżultat, il-ħruġ ta' passaporti bijometriċi kien stabbilit bħala kondizzjoni għat-trasferiment ta' pajjiżi mill-Balkan tal-Punent mil-lista negattiva għal dik pożittiva, minħabba d-dgħufija tas-sistema preċedenti għal passaporti fir-reġjun ikkonċernat u l-problemi li jsegwu. Madankollu billi jiġi kkunsidrat il-livell ogħli ta' sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar CARICOM tal-pajjiżi kkonċernati minn din l-emenda, kif ukoll il-koerenza reġjonali ma' sett ieħor ta' pajjiżi trasferiti għal-lista pożittiva minn emenda riċenti tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (ir-Regolament (KE) Nru 1932/2006) fl-istess reġjun, il-ħruġ ta' passaporti bijometriċi m'għandhux ikun rekwiżit għat-trasferiment tad-Dominika, Grenada, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini u t-Trinidad u t-Tobago. Dawn il-pajjiżi terzi għandhom passaporti siguri ħafna tal-CARICOM li jinqraw minn magna u huma intenzjonati li jbiddlu l-passaporti tagħhom għal dawk bijometriċi fil-futur qarib.

Sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-eżenzjonijiet preċedenti tal-viżi għal pajjiżi fl-istess reġjun tal-Karibew, billi jiġi kkunsidrat li dawn l-eżenzjonijiet tal-viżi m'għandhomx konsegwenzi negattivi, u sabiex tkun garantita reċiproċità sħiħa għal soġġorni qosra ta' tliet xhur mingħajr il-ħtieġa ta' viżi f'perjodu ta' sitt xhur f'dawk il-pajjiżi (li mhuwiex il-każ b'mod sħiħ, l-aktar fi Trinidad u Tobago), l-eżenzjoni tal-viżi għal ċittadini ta' dawk il-pajjiżi m'għandhiex tapplika sakemm jiġi konkluż u jidħol fis-seħħ ftehim għall-eżenzjoni tal-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi kkonċernati.

2.1.2. Nazzjonijiet Gżejjer tal-Paċifiku

Wara li ġew eżaminati l-kriterji relatati mal-immigrazzjoni illegali, il-politika pubblika u s-sigurtà u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li Kiribati, il-Gżejjer Marshall, Mikroneżja, Nauru, Palau, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste Tonga, Tuvalu u Vanuatu għandhom ikunu trasferiti fil-lista pożittiva tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Statistika riċenti turi li l-ebda wieħed minn dawk il-pajjiżi huwa sors ta' immigrazzjoni irregolari għall-UE.

Il-passaporti maħruġa minn dawn il-pajjiżi jistgħu jinqraw minn magna[7] u għandhom numru suffiċjenti ta' karatteristiċi tas-sigurtà. Kif spjegat hawn fuq għan-Nazzjonijiet tal-Gżejjer tal-Karibew, il-ħruġ ta' passaporti bijometriċi minn Nazzjonijiet Gżejjer tal-Paċifiku m'għandux ikun pre-kundizzjoni għal eżenzjoni taċ-ċittadini tagħhom mill-obbligu tal-viża.

Żewġ Stati Membri biss huma preżenti f'kwalunkwe wieħed minn dawn il-pajjiżi. Il-Portugall f'Timor-Leste u Franza f'Vanuatu. Il-preżenza limitata ta' Stati Membri fir-reġjun jista' jfisser spejjeż sinifikanti għal applicanti għal viża Schengen.

Il-Fiji jagħmel parti minn dan ir-reġjun imma fid-dawl tas-sitwazzjoni politika attwali tal-pajjiż u n-nuqqas ta' progress fil-konformità tal-elementi essenzjali tal-Ftehim Cotonou, mhuwiex kunsidrat xieraq li jiġi propost it-trasferiment tiegħu għal-lista pożittiva.

Il-Papwa Ginea Ġdida tinsab f'dan ir-reġjun, imma hija differenti ħafna f'termini ta' daqs tal-popolażżjoni u ż-żona tagħha. Barra dan, attwalment qiegħda tesperjenza kondizzjonijiet politiċi diffiċli, li twaqqafha milli tkun inkluża fil-lista ta' bla viża f'dan l-istadju.

Il-biċċa l-kbira tan-Nazzjonijiet Gżejjer tal-Paċifiku ineħħu l-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, biex tiġi żgurata konsistenza mal-eżenzjonijiet preċedenti ta' viżi u tiġi garantita reċiproċità sħiħa fil-futur ma' dawn in-Nazzjonijiet Gżejjer tal-Paċifiku għal soġġorni qosra ta' tliet xhur f'perjodu ta' sitt xhur, l-eżenzjoni tal-viża għal ċittadini ta' dawn il-pajjiżi ma tapplikax sakemm jiġi konkluż u jidħol fis-seħħ ftehim għall-eżenzjoni tal-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Maldivi.

2.1.3. Kategoriji speċifiċi għal ċittadini Brittaniċi

Ir-reviżjoni tal-2006 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001[8] ippruvat tikkjarifika s-sitwazzjoni ta' ċittadini Brittaniċi li mhumiex ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tat-Tramuntana tal-Irlanda għar-raġunijiet tal-liġi tal-Unjoni. Xi wħud minnhom (il-grupp ta' ċittadini Brittaniċi (barra mill-pajjiż)) kienu mniżżla taħt sezzjoni ġdida tal-Anness II, waqt li l-bqija (ċittadini Brittaniċi tat-Territorji Barra l-Pajjiż li m'għandhomx id-dritt ta' residenza fir-Renju Unit u persuni Brittaniċi mħarsa) kienu mniżżla taħt sezzjoni ġdida tal-Anness I. Din id-divrenzjar kien iġġudikat bħala neċessarju f'dak iż-żmien minħabba, fost raġunijiet oħrajn, kien maħsub li kien hemm riskju għall-immigrazzjoni irregolari.

Madankollu, statistika għall-aħħar tliet snin turi rifjuti fuq fruntieri u qbid ta' immigranti illegali li juru li ċittadini Brittaniċi taħt l-obbligu tal-viża mhumiex ta' riskju f'termini ta' immigrazzjoni illegali għaż-żona Schengen, minħabba li l-figuri huma negliġibbli. Xi ftit minnhom ikollhom id-dritt ta' residenza fir-Renju Unit. Barra dan, il-biċċa l-kbira minnhom jgħixu fi gżejjer tar-reġjun tal-Karibew (Bermuda, Turks u Caicos, Monsterrat, eċċ.), b'similaritajiet b'saħħithom ma' pajjiżi tal-istess reġjun li gradwalment qed jiġu trasferiti għall-Anness II (ara 2.1.1. hawn fuq). B'hekk koerenza reġjonali titlob lil dawn il-persuni biex jiġu trattati b'mod simili. In-numru ta' persuni inklużi fi ħdan l-erba' gruppi ta' ċittadini Brittaniċi attwalment imsemmija fl-Anness I huwa stmat li huwa inqas minn 300 000.

Is-sigurtà tad-dokumenti ta' ivvjaġġar ta' ċittadini Brittaniċi huwa żgurat, minħabba li dokumenti bħal dawn jsiru fir-Renju Unit skont rekwiżiti tekniċi stretti. Jistgħu jinqraw minn magna u għandhom numru ta' karatteristiċi ta' sigurtà.

2.2. Tiġdid tal-lista negattiva (l-Anness I) : l-inklużjoni tan-Nofsinhar tas-Sudan

Fid-9 ta' Lulju 2011 in-Nofsinhar tas-Sudan iddikjara l-indipendenza formali mis-Sudan, li huwa inkluż fil-lista negattiva. Fl-14 ta' Lulju 2011 sar membru tan-Nazzjonijiet Uniti. B'hekk l-Anness I għandu jiġi emendat biex jinkludi referenza għan-Nofsinhar tas-Sudan.

3. L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

L-Istati Membri ġew ikkonsultati.

4. Il-valutazzjoni tal-impatt

Mhux neċessarja.

5. Il-bażi legali

Ir-Regolament (KE) 539/2001 kien oriġinarjament ibbażat fuq l-Artikolu 62(2)(b)(i) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. Issa, madankollu, abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tal-politika komuni dwar il-viża skont l-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE.

6. Il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' sussidjarjetà:

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni (il-lista negattiva) u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (il-lista pożittiva).

Kwalunkwe deċiżjoni biex tbiddel il-listi, biex titrasferixxi pajjiżi mil-lista negattiva għal-lista pożittiva jew viċi versa, taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE.

7. L-għażla tal-istrumenti

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu jiġi emendat b’Regolament.

8. Implikazzjonijiet baġitarji

L-emenda proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Unjoni.

2012/0309 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' Stati Membri u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Huma u jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001[9] għandu jkun, u għandu jibqa’, konsistenti mal-kriterji imniżżla fil-premessa 5 tiegħu.Referenzi għal pajjiżi terzi li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom jkunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

(2)       L-impożizzjoni tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta' Dominika, Grenada, Kiribati, Gżejjer Marshall, Mikroneżja, Nauru, Palau, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Samoa, Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu u Vanuatu mhijiex iktar ġustifikata. Dawn il-pajjiżi ma jippreżentawx kwalunkwe riskju għall-immirgazzjoni illegali jew theddida għall-politika pubblika tal-Unjoni skont il-kriterji stabbiliti fil-premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. B'konsegwenza, ċittadini ta' dawk il-pajjiżi għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni ta' mhux iktar minn tliet xhur b'kollox u referenzi għal dawk il-pajjiżi għandhom jiġu trasferiti għall-Anness II.

(3)       Eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għal ċittadini ta' Dominika, Grenada, Kiribati, Gżejjer Marshall, Mikroneżja, Nauru, Palau, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Samoa, Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu u Vanuatu m'għandhiex tidħol fis-seħħ sakemm jiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ ftehimiet bilaterali fuq l-eżenzjoni tal-viża bejn l-Unjoni u l-pajjiżi kkonċernati sabiex tiġi żgurata reċiproċità sħiħa.

(4)       Dejta statistika turi li l-gruppi ta' Ċittadini Brittaniċi attwalment imniżżla fil-punt 3 tal-Anness I mhumiex ta' riksju f'termini ta' immigrazzjoni irregolari għaż-Żona Schengen u li l-biċċa l-kbira minnhom jgħixu f'gżejjer tar-reġjun tal-Karibew li għandhom rabtiet b'saħħithom u similaritajiet ma' pajjiżi ġirien li huma eżenti mill-obbligu tal-viża. B'hekk dawn il-gruppi ta' Ċittadini Brittaniċi għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni ta' mhux iktar minn tliet xhur b'kollox u referenzi għal dawk il-pajjiżi għandhom jiġu trasferiti għall-Anness II.

(5)       Żviluppi fil-liġi internazzjonali li jġibu magħhom bidliet fl-istatus jew deskrizzjoni ta' ċerti Stati jew entitajiet għandhom jidhru fl-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Għandha tiġi miżjuda referenza għan-Nofsinhar tas-Sudan fl-Anness I għal dak ir-Regolament, hekk kif il-pajjiż iddikjara l-indipendenza tiegħu fid-9 ta' Lulju 2011 u ngħata sħubija tan-Nazzjonijiet Uniti fl-14 ta' Lulju 2011.

(6)       Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[10], li jaqa' fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[11].

(7)       Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[12], li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1(B) u (Ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[13].

(8)       Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE[14].

(9)       Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen[15]. B'hekk, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(10)     Dan ir-Regolament jikostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[16]. B'hekk, l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)     Fir-rigward ta' Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(12)     Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

1. L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)          fil-punt 1, ir-referenzi għal Dominika, Grenada, Kiribati, Gżejjer Marshall, Mikroneżja, Nauru, Palau, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Samoa, Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu u Vanuatu huma mħassra u ddaħlet referenza għan-Nofsinhar tas-Sudan;

(b)          il-punt 3 tħassar;

2. L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)          fil-punt 1, jiddaħħlu r-referenzi li ġejjin:

"Dominika*",

"Grenada*",

"Kiribati*"

"Il-Gżejjer Marshall*",

"Il-Mikroneżja*",

"Nauru*",

"Palau*"

"Santa Luċija*",

"San Vinċenz u l-Grenadini*",

"Samoa*",

"Il-Gżejjer Solomon*",

"Timor-Leste*",

"Tonga*",

"Trinidad and Tobago*",

"Tuvalu*"u

"Vanuatu*".

_________________

* "L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea".

(b)          il-punt 3 jinbidel b’dan li ġej

"3. Ċittadini Brittanniċi li mhumiex ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għall-finijiet tal-liġi tal-Unjoni

         Ċittadini Britanniċi (barra mill-pajjiż)

         Ċittadini Brittaniċi tat-territorji barra l-pajjiż (BOTC)

         Ċittadini Britanniċi barra l-pajjiż (BOC)

         Persuni Britanniċi protetti (BPP)

         Soġġetti Brittaniċi (BS)"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill                                                 Għall-Parlament Ewropew

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 81, 21.3.2001, p.1

[2]               Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2414/2001 tas-7 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 327, 12.12.2001, p. 1), (KE) Nru 453/2003 tas-6 ta’ Marzu 2003 (ĠU L 69, 13.3.2003, p. 10), (KE) Nru 851/2005 tat-2 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3), (KE) Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1), (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23), (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 (ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1), (UE) Nru 1091/2010 tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 329, 14.12.2010, p. 1) u (UE) Nru 1211/2010 tal-15 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 339, 22.12.2010, p. 9)

[3]               COM(2011) 290 finali

[4]               ĠU L 243 15.9.2009, p. 1.

[5]               Skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) 862/2007 tal-11 ta' Lulju 2007 (ĠU, L 199 31.07.2007, p.23

[6]               Ir-Regolament (KE) Nru 1932/2006 tat-21 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 405 tat-30.12.2006, p. 23)).

[7]               Il-Kiribati huwa fil-proċess li jġedded il-passaporti għal dawk li jinqraw minn magna, bl-appoġġ tad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni Awstraljana.

[8]               Ir-Regolament (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 405 tat-30.12.2006, p. 23).

[9]               ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[10]             ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[11]             ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

[12]             ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[13]             ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

[14]             ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

[15]             ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[16]             ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.