16.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 419/17 |
P7_TA(2012)0421
L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni u l-Effett tad-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid (2001/84/KE) (2012/2038(INI))
(2015/C 419/04)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001 fuq id-dritt tal-bejgħ lil ħaddieħor għall-benefiċċju ta' l-awtur tax-xogħol artistiku oriġinali (minn hawn 'l isfel “id-Diretiva”) (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali: Rapport dwar l-Implimentazzjoni u l-Effett tad-Direttiva dwar id-Dritt tal-Bejgħ mill-Ġdid (2001/84/KE) (COM(2011)0878), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0326/2012), |
A. |
billi d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid huwa dritt tal-awtur ikkonsakrat mill-Artikolu 14b tal-Konvenzjoni ta' Bern għall-protezzjoni tax-xogħlijiet litterarji u artistiċi; |
B. |
billi d-direttiva ffavorixxiet l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid sabiex jitneħħew l-ostakli potenzjali għat-twettiq tas-suq intern; |
C. |
billi l-adozzjoni tad-Direttiva kienet importanti għall-artisti, mhux biss fir-rigward tal-inizjattivi tagħhom immirati lejn il-kisba ta' rikonoxximent u trattament ġust bħala persuni kreattivi, iżda wkoll għar-rwol tagħhom bħala kontributuri ta’ valuri kulturali; billi, madanakollu, baqa’ tħassib dwar l-effetti fuq is-swieq tal-arti Ewropej u partikolarment fuq il-ħafna stabbilimenti tal-irkant u kummerċanti żgħar u speċjalizzati fl-UE; |
D. |
billi d-direttiva ġiet biss implimentata bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha fl-1 ta' Jannar 2012; |
E. |
billi s-sehem globali tal-UE mis-suq għal xogħlijiet ta' artisti ħajjin naqas b'mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin; |
F. |
billi l-kreazzjoni artistika tikkontribwixxi għall-iżvilupp kontinwu tal-ħajja u l-wirt kulturali tal-UE; |
G. |
billi s-suq tal-arti u l-antikitajiet jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-ekonomija globali, inkluż in-negozji li dan isostni, b’mod speċjali dawk fl-industriji kreattivi; |
H. |
billi d-direttiva tpoġġi piż amministrattiv fuq l-kummerċjanti u tpoġġi l-kummerċjanti tal-UE fi żvantaġġ kummerċjali b'rabta ma’ dawk f’pajjiżi terzi; |
Tendenzi tas-suq Ewropew u tas-suq dinji tal-arti
1. |
Jinnota li l-2011 kienet sena rekord għas-suq tal-arti u li l-qligħ mill-bejgħ annwali laħaq il-11,57 biljun dollaru, jiġifieri żieda ta' iktar minn 2 biljun dollaru, meta mqabbel mal-2010 (2); jenfasizza li s-suq tal-arti u l-antikitajiet jagħti kontribut sinifikanti għall-ekonomija globali, inklużi n-negozji li jsostni, b’mod speċjali dawk fl-industriji kreattivi; |
2. |
Josserva li fl-2011, kien hemm progress qawwi fis-suq Ewropew tal-arti; ir-Renju Unit żamm parti mis-suq ta' 19,4 % tas-suq dinji, b'żieda ta' 24 % tal-volum ta' bejgħ; Franza kellha 4,5 % mis-suq, għal ċifra ta' negozju li żiedet b'9 %; u l-Ġermanja, b'perċentwal tas-suq ta' 1,8 %, rat żieda fil-bejgħ ta' 23 % (3); |
3. |
Jinnota illi s-suq Ċiniż kellu 41,4 % mis-suq dinji fl-2011, u kellu parti ikbar mill-Istati Uniti, li marru lura bi 3 % fiċ-ċifra tan-negozju u b' 6 % fil-parti tas-suq, u minn 29,5 % fl-2010 laħqu biss it-23,5 % fl-2011 (4); |
4. |
Jenfasizza l-progress impressjonanti taċ-Ċina; jirrimarka madankollu li s-suq tal-arti bħalissa huwa ristrett biss għall-artisti li jiġu minn dawn il-pajjiżi; |
5. |
Josserva li t-tendenza ġenerali ta' ċaqliq taċ-ċentru ta' gravità tas-suq tal-arti lejn il-pajjiżi emerġenti hija marbuta mal-globalizzazzjoni, mas-suċċess tal-Asja u mal-fatt li dehru kollezzjonisti ġodda f'dawn il-pajjiżi; |
6. |
Jinnota b’sodisfazzjon li Stati terzi jqisu l-introduzzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fid-dritt nazzjonali; josserva b’mod partikolari li fl-Istati Uniti, tressqet proposta ta' liġi fit-12 ta' Diċembru 2011, bl-għan li jiġi impost dritt tal-bejgħ ta' 7 % fuq il-bejgħ mill-ġdid tax-xogħlijiet tal-arti kontemporanja; josserva li fiċ-Ċina, l-abbozz ta’ liġi dwar id-drittijiet tal-awtur jipprevedi wkoll l-introduzzjoni ta' dritt tal-bejgħ mill-ġdid (Artikolu 11(13)); |
Implimentazzjoni tad-Direttiva
7. |
Ifakkar li l-qligħ mid-drittijiet ta' riproduzzjoni u ta' rappreżentazzjoni huma relattivament insinifikanti fil-każ tal-arti grafika u figurattiva, li għaliha l-qligħ huwa dovut għall-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid tax-xogħlijiet; |
8. |
Jinsisti dwar il-fatt li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jiggarantixxi kontinwità fir-remunerazzjoni għall-artisti li, spiss ħafna, iċedu x-xogħlijiet tagħhom bi prezz baxx fil-bidu tal-karriera tagħhom; |
9. |
Ifakkar li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-effetti tad-direttiva u l-istatistiċi b'rabta mas-settur ma jissuġġerixxix li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kellu impatt negattiv fuq is-suq tal-arti fl-Ewropa; |
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel valutazzjoni tal-impatt dwar il-funzjonament tas-suq tal-arti b’mod ġenerali, inklużi d-diffikultajiet amministrattivi li jiffaċċjaw l-istabbilimenti tal-irkant u l-kummerċjanti żgħar u speċjalizzati; |
11. |
Ifakkar li bosta dispożizzjonijiet tad-direttiva jiżguraw applikazzjoni ekwilibrata tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, fejn jitqiesu l-interessi tal-partijiet kollha kkonċernati, b'mod partikolari t-tnaqqis fit-taxxi applikabbli, il-limitazzjoni tad-dritt għal EUR 12,500, l-esklużjoni tal-bejgħ żgħir u l-eżonerazzjoni tal-bejgħ mill-ġdid għall-ewwel xerrej; jenfasizza, madankollu, li d-Direttiva tpoġġi piż amministrattiv fuq is-sensara; |
12. |
Jinnota li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ħaj ta’ xogħol tal-arti oriġinali jista’ jkun għodda utli biex jipprevjeni l-artisti jkunu s-suġġett ta’ diskriminazzjoni; |
Konklużjonijiet
13. |
Ifakkar li s-suq tal-arti ġie valutat għal 10 biljun dollaru fl-2010, u għal madwar 12-il biljun dollaru fl-2012, li minnhom id-drittijiet tal-bejgħ mill-ġdid jirrappreżentaw biss 0,03 %; iqis li dan hu suq importanti li l-artisti u min jiwrithom għandhom igawdu rimunerazzjoni ġusta minnu; |
14. |
Jikkonstata li l-istudji u l-istatistiċi tas-suq tal-arti ma jissuġġerixxux li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għandu impatt negattiv fuq il-lokalizzazzjoni tas-suq tal-arti u l-livell taċ-ċifri ta' negozju; |
15. |
Ifakkar li d-direttiva ma ġietx implimentata totalment fl-Istati Membri kollha qabel l-1 ta’ Jannar 2012 filwaqt li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kien diġà magħruf f’diversi Stati Membri għal diversi deċennji; |
16. |
Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ proattiv lill-artisti lokali, inkluż l-iżgħar artisti; |
17. |
Iqis li hu prematur li ssir analiżi ġdida tad-direttiva fl-2014, kif qed tipproponi l-Kummissjoni, u jipproponi li din l-analiżi ssir fl-2015 (jiġifieri 4 snin wara l-evalwazzjoni mwettqa f’Diċembru 2011); |
18. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' teżamina, fir-rapport ta' valutazzjoni tagħha li jmiss, ir-rilevanza tar-rati applikabbli, il-limiti u r-rilevanza tal-kategoriji ta' benefiċjarji kif speċifikati f'din id-Direttiva; |
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mill-qrib mal-partijiet interessati biex issaħħaħ il-pożizzjoni tas-suq Ewropew tal-arti u tirrimedja għal ċerti diffikultajiet, bħall-“effett ta' kaskata” u d-diffikultajiet amministrattivi li jħabbtu wiċċhom magħhom djar tal-irkant kif ukoll sensara li jkun iżgħar u speċjalizzati; |
20. |
Jilqa' l-inizjattivi meħuda minn Stati terzi biex jintroduċu d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha fil-fora multilaterali biex issaħħaħ il-pożizzjoni tas-suq tal-arti Ewropew fid-dinja; |
o
o o
21. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 272, 13.10.2001, p. 32.
(2) Artprice, Art Market Trends 2011,http://imgpublic.artprice.com/pdf/trends2011_en.pdf
(3) Idem.
(4) Idem.